|
14.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 45/3 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/322 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-18 ta’ Ottubru 2022
li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0236/2022), |
|
A. |
billi, skont l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha fit-Trattati u f’konformità mal-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-objettivi stabbiliti fihom, u billi l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw kooperazzjoni reċiproka sinċiera; |
|
B. |
billi, skont l-Artikolu 317(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit tal-Unjoni fuq ir-responsabbiltà tagħha stess, wara li tqis il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u billi, skont il-qafas fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni s-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit relatati magħhom; |
|
C. |
billi, skont l-Artikolu 319(1) tat-TFUE, il-Parlament huwa l-unika istituzzjoni responsabbli mill-għoti tal-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, u billi l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni; |
|
D. |
billi, skont l-Artikoli 235(4) u 240(2) tat-TFUE, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (il-“Kunsill”) huma megħjuna mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u billi s-Segretarju Ġenerali huwa kompletament responsabbli mill-ġestjoni tajba tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-Taqsima II tal-baġit tal-Unjoni; |
|
E. |
billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni u bħala benefiċjarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandhom ikunu trasparenti u responsabbli b’mod demokratiku lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u soġġetti għal skrutinju demokratiku tal-infiq tal-fondi pubbliċi; |
|
F. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, il-Parlament bħala l-awtorità tal-kwittanza jixtieq jisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà li għalihom il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani huma komponenti ewlenin; |
|
G. |
billi l-Parlament ilu kważi għoxrin sena jimplimenta l-prattika stabbilita sew u rispettata tal-għoti tal-kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni għan-nefqa amministrattiva tagħhom, u billi l-Kummissjoni tappoġġja li din il-prattika għandha tkompli tiġi segwita; |
|
H. |
billi l-Ombudsman Ewropew (l-“Ombudsman”) fid-deċiżjoni tagħhafl-investigazzjoni strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill sabet li l-prattika tal-Kunsill fil-proċess leġiżlattiv kienet tikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina u għandha tiġi indirizzata sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni; |
|
I. |
billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonferma d-dritt tal-kontribwenti u tal-pubbliku li jinżammu infurmati dwar l-użu tad-dħul pubbliku; |
|
J. |
billi n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Kunsill fil-proċedura ta’ kwittanza żamm lill-Parlament milli jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza għal aktar minn għaxar snin issa; |
|
1. |
Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill għadu qed jirrifjuta li jikkoopera fir-rigward tal-proċedura ta’ kwittanza, u jġiegħel lill-Parlament jiċħad il-kwittanza; |
|
2. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill ma nqasamx f’żewġ baġits separati, kif irrakkomandat mill-Parlament f’riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti, sabiex jitjiebu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effiċjenza għal kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet; |
|
3. |
Ifakkar li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni huma għodda rikonoxxuta b’mod wiesa’ biex jitkejlu l-kisbiet tal-objettivi stabbiliti; jistieden lill-Kunsill biex, fir-rapporti dwar il-ġestjoni tiegħu, jipprovdi sommarji tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu u r-riżultati relatati; |
|
4. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u dwar il-miżuri meħuda biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità impjegati mill-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jipprovdi informazzjoni lill-awtorità baġitarja dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri, id-distribuzzjoni ġeografika u d-diżabilità tal-membri tal-persunal tiegħu u dwar il-politiki interni relatati; |
|
5. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill sa issa injora r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta’ konfigurazzjoni ddedikata tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (1) u jinsisti li forum istituzzjonali ddedikat jiżgura integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-istrateġiji tal-Unjoni kif ukoll koordinazzjoni u progress essenzjali fil-fajls ewlenin relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
6. |
Ifakkar li skont l-Artikolu 286(2) tat-TFUE, il-Kunsill jaħtar il-membri tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) wara konsultazzjoni mal-Parlament u jifhem id-diffikultajiet biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri minħabba l-proċedura attwali ta’ nomina; jirrimarka l-iżbilanċ serju bejn il-ġeneri fil-Qorti, fejn fl-2020 kien hemm biss 8 membri nisa meta mqabbla ma’ 18-il membru raġel; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jikkunsidra mill-ġdid il-proċedura ta’ nomina bil-għan li din il-problema tiġi indirizzata b’azzjonijiet konkreti, bħal pereżempju jkun obbligatorju għall-Istati Membri li jippreżentaw kandidat wieħed ta’ kull ġeneru; |
|
7. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kunsill jeżerċita l-prerogattiva tiegħu fil-proċeduri ta’ nomina u ta’ ħatra għal ħafna istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni mingħajr ma jqis il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati; jesprimi dispjaċir b’mod partikolari għall-fatt li l-Kunsill ripetutament naqas milli jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-rwol konsultattiv tiegħu rigward il-ħatra tal-membri tal-Qorti; jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ rieżami tal-prerogattiva tal-Kunsill bil-ħsieb li tiġi ggarantita u msaħħa l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji kkonċernati; |
|
8. |
Ifakkar u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kunsill għadu ’l bogħod milli jkun kompletament trasparenti li jaffettwa l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni bħala entità trasparenti u b’hekk jipperikola r-reputazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien żejjed; |
|
9. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rwol dejjem akbar tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-fajls leġiżlattivi minkejja li dik l-istituzzjoni la għandha funzjoni leġiżlattiva u lanqas funzjoni eżekuttiva u ma tapplikax l-istess standards ta’ trasparenza bħall-Kunsill, li jfisser li mhix qed tinżamm responsabbli; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-parteċipazzjoni tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri fir-Reġistru tat-Trasparenza hija kompletament volontarja u jinsisti li r-Rappreżentanzi Permanenti kollha għandhom jieħdu sehem attiv fir-Reġistru tat-Trasparenza qabel, matul u wara l-presidenza tal-Kunsill tal-Istat Membru tagħhom; jemmen li r-regoli etiċi eżistenti dwar il-kunflitti ta’ interess, ir-revolving doors u t-trasparenza tal-lobbjar għandhom jissaħħu u jiġu armonizzati; iħeġġeġ lill-Kunsill juża bis-sħiħ l-iskema tar-Reġistru tat-Trasparenza lil hinn mil-limitazzjonijiet attwali tiegħu u jistieden lill-Kunsill jirrifjuta li jiltaqa’ ma’ lobbisti mhux irreġistrati; |
|
10. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, minkejja diversi talbiet mill-Parlament, il-kodiċi ta’ kondotta għall-President tal-Kunsill Ewropew ma ġiex allinjat ma’ dawk tal-Parlament u tal-Kummissjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ attivitajiet li għandhom jiġu approvati wara li l-President titlaq mill-kariga; |
|
11. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma rċeviex informazzjoni dwar il-kodiċi ta’ kondotta applikabbli għall-membri kollha tal-persunal tal-Kunsill; itenni li l-imġiba etika tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja tajba u żżid il-fiduċja tal-pubbliku li, kif enfasizzat mill-Qorti fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2019: L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: marġini għal titjib, hija indispensabbli għas-suċċess tal-politiki pubbliċi u, b’mod partikolari, li kull imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u tal-membri tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni tattira livelli għoljin ta’ interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-Unjoni; |
|
12. |
Itenni t-tħassib kbir tiegħu f’dak li jikkonċerna l-kunflitti ta’ interess ikkonfermati ta’ rappreżentanti ta’ Stati Membri involuti fi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-politika u l-baġit; jemmen li r-rappreżentanti tal-Istati Membri li jibbenefikaw direttament minn sussidji tal-Unjoni permezz tan-negozji li huma proprjetarji tagħhom ma għandhomx jipparteċipaw f’diskussjonijiet u votazzjonijiet politiċi jew baġitarji relatati ma’ dawk is-sussidji; |
|
13. |
Itenni t-talba tiegħu lill-presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill biex jirrifjutaw kwalunkwe sponsorizzar korporattiv biex ikopru xi wħud mill-ispejjeż tagħhom; jifhem li r-riżorsi finanzjarji mill-baġits nazzjonali jvarjaw b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri u li kull Stat Membru, irrispettivament mid-daqs u l-baġit disponibbli tiegħu, għandu jkollu opportunitajiet indaqs biex jorganizza presidenza tal-Kunsill li tirnexxi, iżda jemmen li l-aċċettazzjoni ta’ sponsorizzar korporattiv tikkawża danni għar-reputazzjoni minħabba li tirriskja li toħloq kunflitti ta’ interess; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jibbaġitja lill-presidenza tal-Kunsill biex jiġu żgurati standards adegwati u uniformi ta’ effiċjenza u effikaċja tal-proċess ta’ ħidma; |
|
14. |
Ifakkar li skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, il-Parlament jeżerċita l-prerogattivi tiegħu fil-proċeduri ta’ kwittanza u huwa l-unika istituzzjoni responsabbli mill-għoti tal-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, u li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni; |
|
15. |
Ifakkar li skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, “l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom”, u li, għaldaqstant, filwaqt li jitqies ukoll l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet għandhom is-setgħa meħtieġa u huma responsabbli b’mod individwali għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġits li jikkonċernawhom; |
|
16. |
Jinnota li, skont l-Artikolu 100 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, “id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti ta’ kwittanza lill-Kummissjoni […] dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta’ għoti ta’ kwittanza […] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta’ istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill”; |
|
17. |
Jenfasizza li matul kważi 20 sena, il-Parlament ilu jimplimenta l-prattika stabbilita sew u rispettata tal-għoti tal-kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni għan-nefqa amministrattiva tagħhom; jisħaq fuq il-fehma mtennija tal-Kummissjoni li prattika bħal din għandha tkompli tiġi segwita mill-Parlament; |
|
18. |
Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill, għal aktar minn għaxar snin, wera li ma għandu l-ebda rieda li jikkollabora mal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, li jagħmilha impossibbli għall-Parlament li jieħu deċiżjoni ta’ kwittanza infurmata; iqis li dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni juri nuqqas totali ta’ rispett għar-rwol tal-Parlament u jikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, li jirriżulta fl-effetti negattivi ħafna ta’ trasparenza skreditata u l-iskrutinju demokratiku tal-baġit tal-Unjoni, kif ukoll li jnaqqas il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni; jitlob rispett sħiħ għall-prerogattiva u r-rwol tal-Parlament f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tenfasizza d-dritt tal-kontribwenti u tal-pubbliku li jinżammu infurmati dwar l-użu tad-dħul pubbliku u jissottolinja li dak id-dritt huwa marbut mar-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta’ kwittanza bħala l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni; |
|
19. |
Jibqa’ konvint li ftehim dwar din il-kwistjoni huwa possibbli jekk il-Kunsill juri xi tip ta’ rieda politika li jikkollabora; itenni r-rieda tal-Parlament li jidħol fi djalogu kostruttiv u jistieden, għalhekk, lill-Kunsill jerġa’ jibda n-negozjati mal-Parlament mingħajr dewmien żejjed sabiex tinstab soluzzjoni fil-qafas attwali tal-proċedura ta’ kwittanza; |
|
20. |
Jirrimarka li, kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 dwar is-segwitu tal-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2), il-konklużjonijiet ta’ dik il-Konferenza jirrikjedu bidliet fit-Trattati, fost l-oħrajn, fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-arkitettura istituzzjonali tal-Unjoni, aktar trasparenza u responsabbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u riflessjoni ġdida dwar il-kompetenzi tal-Unjoni; jemmen li l-aspettattivi taċ-ċittadini jikkostitwixxu mandat inekwivoku għat-titjib tat-trasparenza u r-responsabbiltà, b’mod partikolari tal-baġit tal-Unjoni u b’hekk tal-proċedura ta’ kwittanza; |
|
21. |
Itenni li r-reviżjoni eventwali tat-Trattati tista’ tagħmel il-proċedura ta’ kwittanza aktar ċara u aktar trasparenti, b’mod partikolari billi tagħti lill-Parlament il-kompetenza espliċita li jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni b’mod individwali, iżda jsostni li t-tnedija mill-ġdid tan-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-proċedura ta’ kwittanza, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni permezz ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar fi ħdan il-qafas attwali stabbilit mit-Trattati, tirrappreżenta l-ewwel pass biex jingħeleb l-istaġnar attwali. |
(1) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 150.
(2) Test adottat, P9_TA(2022)0141.