|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/2101 |
26.3.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali”
(COM(2023) 533 final — 2023/0323 (COD))
(C/2024/2101)
|
Relaturi: |
Panagiotis GKOFAS Alena MASTANTUONO Angelo PAGLIARA |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6.10.2023 Parlament Ewropew, 2.10.2023 |
|
Bażi legali |
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
20.12.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
17.1.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
584 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
215/14/8 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs. Huwa jilqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tiġġieled il-ħlasijiet tard. Il-ħlas fil-ħin jikkontribwixxi għal ambjent ekonomiku iktar b’saħħtu u jaqdi l-għan strateġiku tal-approfondiment tas-suq uniku. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa mħasseb li t-trasformazzjoni tad-Direttiva attwali f’Regolament tista’ tillimita l-flessibbiltà tal-Istati Membri u tal-ambjent tan-negozju fi żmien ta’ sfidi multipli madwar l-UE, u jsejjaħ għal valutazzjoni ulterjuri tal-miżuri proposti kif ukoll għal approċċ proporzjonali u speċifiku għall-implimentazzjoni. |
|
1.2. |
Il-KESE jinnota li l-kultura tal-ħlasijiet tard tvarja b’mod konsiderevoli bejn is-setturi u bejn l-Istati Membri. Huwa jidentifika wkoll żewġ problemi ġenerali kbar marbuta mal-ħlasijiet tard: l-ewwel, l-infurzar tar-regoli attwali; u t-tieni, il-ħlasijiet tard mill-awtoritajiet pubbliċi, minkejja l-limitu massimu ta’ 60 jum stipulat mid-Direttiva kurrenti. Il-ħlas attwali medju mis-settur pubbliku huwa 13-il jum itwal minn dak tan-negozji, li ma għandhom l-ebda limitu fuq it-termini għall-ħlas. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappella lill-awtoritajiet pubbliċi biex imexxu bl-eżempju u jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ. |
|
1.3. |
In-natura twila u għalja tal-proċedimenti tal-qorti f’xi Stati Membri tal-UE kif ukoll il-biża’ li jintlaqtu r-relazzjonijiet kummerċjali jiskoraġġixxu lill-kredituri milli jirkupraw l-ammont dovut permezz tal-qrati. Huwa meħtieġ li jsir użu aħjar mill-għodod diġitali u li jiġu promossi l-litteriżmu finanzjarju u mezzi oħra ta’ garanziji (jiġifieri garanziji bankarji, il-ħlas tal-prezz tax-xiri bħala rahan jew id-dritt ta’ żamma) kif ukoll modi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. |
|
1.4. |
Il-KESE jara l-benefiċċju potenzjali li jiġu introdotti korpi nazzjonali tal-infurzar. Madankollu, huwa jenfasizza li tali awtoritajiet ser ikollhom joperaw b’mod oġġettiv u jiggarantixxu kunfidenzjalità massima meta jittrattaw l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva kemm tal-impriżi kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi, mingħajr ma jimponu iktar obbligi fuq ir-rapportar. |
|
1.5. |
Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ programmi ta’ litteriżmu finanzjarju pprovduti f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, is-settur bankarju, l-aġenziji/istituzzjonijiet Ewropej (eż. ESBA/BĊE) kif ukoll l-organizzazzjonijiet tan-negozju. Minbarra l-imsieħba soċjali u l-kmamar tal-kummerċ, is-servizzi pubbliċi jew l-aġenziji jistgħu jipprovdu litteriżmu finanzjarju u servizzi ta’ konsulenza dwar ħlas tard mingħajr ma jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
1.6. |
Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ħlasijiet tard li jikkonċernaw tranżazzjonijiet kummerċjali bejn negozji Ewropej u entitajiet ta’ pajjiżi terzi. |
|
1.7. |
Ir-rapport li jevalwa kif kien implimentat ir-Regolament għandu jqis il-valutazzjonijiet u r-rapporti mill-KESE, l-imsieħba soċjali u l-kmamar tal-kummerċ, f’kollaborazzjoni mal-koleġiżlaturi l-oħra. |
2. Sfond
|
2.1. |
F’Settembru 2023, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs, inkluża Proposta għal Regolament dwar il-Ħlas Tard, Proposta għal Direttiva dwar is-semplifikazzjoni tat-taxxa għall-SMEs, u sett ta’ miżuri li jtejbu l-prestazzjoni tal-SMEs, b’enfasi fuq it-titjib tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-aċċess miżjud għall-finanzi, it-titjib fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol u mekkaniżmi oħra ta’ appoġġ. |
|
2.2. |
Il-Pakkett jinkludi wkoll ir-reviżjoni tal-qafas legali dwar id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni preżenti tal-UE. B’mod iktar speċifiku, l-azzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq in-nuqqas ta’ miżuri preventivi, l-infurzar effettiv tal-mekkaniżmu tal-ħlas tard, in-nuqqas ta’ perjodu massimu tal-ħlas u l-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-SMEs għal mekkaniżmi ta’ rimedju. |
|
2.3. |
Skont ir-rapport tal-2023 dwar il-ħlas imfassal minn Intrum, il-perjodu medju ta’ ħlas fir-relazzjonijiet B2B huwa ta’ 41 jum, bi ħlas attwali medju jieħu 56 jum. Il-perjodi medji tal-ħlasijiet offruti mis-settur pubbliku huma ta’ 52 jum, bi ħlas attwali medju jieħu 69 jum. |
|
2.4. |
Waqt li l-aċċess għall-finanzi jvarja fost l-Istati Membri (1), huwa jibqa’ piż sinifikanti fuq l-ekonomiji u n-negozji li jesperjenzaw nuqqasijiet strutturali jew/u huma iktar esposti għal kriżijiet ekonomiċi. |
|
2.5. |
Iż-żieda globali fir-rati tal-imgħax fis-settur bankarju kellha effett spirali fuq ir-restrizzjonijiet fil-likwidità tan-negozji u l-SMEs, speċjalment dawk li jimplimentaw skema ta’ investiment. Barra minn hekk, mhumiex biss iż-żidiet fir-rati tal-imgħax nominali, iżda wkoll id-differenzi fir-rati tal-imgħax li jfixklu l-prestazzjoni tan-negozju, speċjalment għall-SMEs. |
3. Kummenti ġenerali dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard
|
3.1. |
L-effett aggravat tal-kostijiet għoljin tal-enerġija u tal-materja prima u l-ħlas lura tas-self meħtieġ biex jiġu sostnuti l-attivitajiet ekonomiċi matul il-pandemija tal-COVID-19 biddlu radikalment l-importanza tal-ħlasijiet fil-ħin, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej. Waqt li l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji l-kbar jistgħu jiddivrenzjaw il-portafoll tagħhom ta’ klijenti u fornituri, l-SMEs jiddependu minn numru limitat ta’ klijenti, volumi finanzjarji u riżervi u joperaw l-iktar fil-livelli reġjonali u lokali. Madankollu, id-differenza fis-setgħa tan-negozjar fost il-partijiet hija biss waħda mir-raġunijiet għal ħlasijiet tard: l-eżegwibilità ineffiċjenti tar-regoli eżistenti tirrappreżenta ostakolu kbir għall-kredituri li għandhom it-tendenza li ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom biex jippreservaw ir-relazzjoni tan-negozju tagħhom mad-debitur. |
|
3.2. |
Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba l-inflazzjoni eċċezzjonalment għolja u ż-żidiet konsegwenti fir-rati tal-imgħax, xi ħaġa li timmina l-investimenti. It-termini tal-ħlas jiddeterjoraw matul perjodi ta’ taqlib ekonomiku minħabba l-ħtieġa li l-kumpaniji jassiguraw il-fluss tal-flus u r-riżervi tagħhom. Għall-kuntrarju tan-negozji l-kbar, l-SMEs għandhom aċċess limitat għal kreditu bankarju (2) u għalhekk għal xi wħud il-ħlasijiet tard jirrappreżentaw sors temporanju ta’ finanzjament u jgħinuhom ilaħħqu man-nuqqas ta’ likwidità. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel il-flussi tal-flus iktar prevedibbli iżda jqajjem tħassib dwar is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni. |
|
3.3. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-effett kollaterali tad-dewmien fil-ħlasijiet ma jaffettwax biss it-tħaddim tajjeb tal-operazzjonijiet ta’ kuljum għan-negozji. Il-kultura ta’ ħlas tard, li tvarja madwar l-UE u s-setturi, ixxekkel ukoll l-ippjanar tal-investiment fit-tul tal-kumpaniji. |
|
3.4. |
Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-impossibbiltà li tikkwantifika l-implikazzjonijiet soċjali ta’ ħlasijiet tard (3). Madankollu, prattika bħal din hija detrimentali għas-sidien ta’ negozji żgħar, il-familji tagħhom u l-impjegati tagħhom b’konsegwenzi serji fuq il-ħlasijiet tal-utilitajiet, kera u self, kif ukoll għall-moral u l-produttività tagħhom. Barra minn hekk, fl-2022 48 % tal-kumpaniji mistħarrġa minn Intrum ddikjaraw li ħlas aktar mgħaġġel ser jgħinhom iħaddmu aktar impjegati (4). |
|
3.5. |
Wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (id-Direttiva 2000/35/KE) fl-2000 u l-ewwel reviżjoni tagħha bid-Direttiva 2011/7/UE, l-evidenza ta’ prattiki tal-ħlas inġusti fost l-atturi kollha kkonċernati (awtoritajiet pubbliċi, kumpaniji kbar u SMEs) saret iktar evidenti speċjalment fil-każ ta’ ħlasijiet mill-awtoritajiet pubbliċi lill-kumpaniji (5). |
|
3.6. |
Il-KESE jirrikonoxxi li d-Direttiva 2011/7/UE attwali b’mod ġenerali wriet li hija effiċjenti matul is-snin. Hija kkontribwixxiet b’mod sħiħ biex jittejjeb l-ambjent tal-ħlasijiet, ikun hemm aktar għarfien dwar il-kwistjoni, u ggarantixxiet ambjent tan-negozju iktar ġust. Madankollu, il-ħlasijiet tard għadhom jeżistu sal-lum u l-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni effiċjenti. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa adegwat li jiġu esplorati għażliet sabiex jittejbu l-infurzar u l-kultura tal-pagamenti. Madankollu, bħal kull bidla regolatorja oħra, din għandha tiġi avviċinata b’mod ġudizzjuż, speċjalment fir-rigward tar-regoli tad-dritt privat. |
|
3.7. |
Din is-sena, it-terminu medju ta’ pagament offrut fil-B2B huwa ta’ 41 jum u ta’ 52 jum fis-settur pubbliku. It-terminu attwali tal-ħlas f’B2B huwa ta’ 56 jum, 3 ijiem iktar mis-sena li għaddiet, iżda xorta ferm inqas mit-terminu attwali tal-ħlas tas-settur pubbliku, li jħallas f’69 jum. Dan huwa indikatur ċar li hemm problema biex jiġu rrispettati t-termini ta’ pagament miftiehma aktar milli bit-tul tat-termini ta’ pagament infushom. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni, bil-Proposta tagħha, qed tipprova tindirizza l-kwistjoni ta’ ħlasijiet twal minflok ħlasijiet tard billi tintroduċi miżuri eċċessivament restrittivi, minflok ittejjeb il-qafas ta’ infurzar attwali b’regoli iktar effettivi. |
|
3.8. |
Il-KESE jenfasizza li r-rilevanza tal-ħlas tard tvarja ħafna fost l-Istati Membri (6) kif ukoll is-setturi. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tevalwa iktar il-possibbiltà li temenda d-Direttiva eżistenti u — f’każ ta’ bidliet sinifikanti — kellha minflok tagħżel Direttiva riveduta (l-hekk imsejħa riformulazzjoni). Din tipprevjeni lill-entitajiet kollha, irrispettivament mid-daqs u l-bilanċ tal-poter, milli jiġu affettwati. L-SMEs huma fil-bżonn tal-għajnuna u r-regoli l-ġodda għandu jkollhom l-għan li jipprovdulhom ambjent iktar ġust. Madankollu, fil-prattika, is-sett ta’ regoli proposti ser iċaħħad lill-SMEs mill-flessibbiltà li jeħtieġu mill-imsieħba tan-negozju tagħhom u jimponi fuqhom kundizzjonijiet sodi bla bżonn. |
|
3.9. |
L-azzjoni tal-Kummissjoni biex tikseb ħlasijiet f’waqthom m’għandhiex tikkomprometti l-possibbiltà li l-partijiet involuti fin-negozjati tal-kuntratti jaqblu dwar termini ta’ ħlas itwal. Għalhekk, il-KESE jissottolinja l-importanza ta’ negozjati flessibbli meta jiġu stabbiliti t-termini ta’ ħlas u jenfasizza tħassib kbir dwar il-Proposta tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-limitu massimu propost ta’ 30 jum jelimina l-libertà kuntrattwali bejn il-kumpaniji. Minkejja l-flessibbiltà li għandhom il-kumpaniji llum — il-libertà li jinnegozjaw it-terminu ta’ ħlas — huma jħallsu ħafna iktar kmieni mis-settur pubbliku, li għandu limitu massimu ta’ 60 jum. L-interferenza fil-libertà kuntrattwali hawnhekk ma tidhirx ġustifikata u tkun sproporzjonata fir-rigward tal-benefiċċji mistennija realistikament. |
|
3.10. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa mwettqa mill-Kummissjoni (7), li tikkonkludi b’mod ċar li ż-żamma tar-regoli attwali dwar it-termini tal-ħlas hija l-għażla ppreferuta fost ir-rispondenti (29 % tar-rispondenti). Barra minn hekk, diversi partijiet ikkonċernati speċifikaw li huma kienu kontra l-limitazzjoni tal-libertà kuntrattwali, billi indikaw “Għażliet oħra” minn fost dawk disponibbli. Fl-aħħar nett, huwa u jikkummenta dwar in-natura kruċjali tal-punt imqajjem, il-KESE jirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-Unjoni tal-SMEs ppubblikata f’Lulju 2023, li tenfasizza l-importanza li “jiġi indirizzat id-dewmien fil-pagamenti […] filwaqt li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat li jippreserva l-libertà tal-kuntratti” (8). |
|
3.11. |
Il-KESE jaqbel li l-proċedura għall-verifika jew l-aċċettazzjoni ta’ oġġetti jew servizzi m’għandhiex taqbeż it-30 jum mid-data tal-wasla tal-oġġetti jew tas-servizzi. Madankollu, huwa jenfasizza li dan ser joħloq problema għal xi imprendituri minħabba l-aspetti tekniċi tal-prodotti tagħhom. Hemm bżonn li l-approċċ settorjali jiġi mmonitorjat bir-reqqa waqt li jitqies l-esponiment asimmetriku ta’ xi setturi ekonomiċi. |
|
3.12. |
Il-KESE jirrikonoxxi li waħda min-nuqqasijiet ewlenin tad-Direttiva attwali hija n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ “inġust għall-aħħar” u l-ħtieġa li l-qrati jinterpretaw tali definizzjoni. Id-dispożizzjoni ambigwa matul is-snin qajmet tħassib peress li ħalliet lill-kumpaniji spazju biex jiddevjaw mir-“referenza” ta’ 30 jum li tista’ tiġi estiża għal perjodi ta’ ħlas itwal minn 60 jum kalendarju f’B2B. F’dan ir-rigward, il-KESE jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissostitwixxi dan il-kunċett b’lista ta’ prattiki nulli u bla effett skont l-Artikolu 9 tar-Regolament propost. |
|
3.13. |
Madankollu, minn perspettiva legali, l-Artikolu 9 huwa impossibbli li jiġi infurzat. Ir-raġuni hija li huwa impossibbli li l-prattiki jiġu ddikjarati nulli u bla effett — kif iddikjarat fl-Artikolu 9(1)(d) — billi jkun hemm “id-dewmien jew il-prevenzjoni intenzjonali tal-mument meta tintbagħat il-fattura”. Barra minn hekk, f’konformità mal-punt 3.9, il-KESE jemmen li r-referenzi għall-perjodi ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet B2B għandhom jitneħħew mill-Artikolu 9(1)(a), peress li din hija xi ħaġa li għandha tiġi miftiehma esklużivament mill-partijiet kuntrattwali. |
|
3.14. |
Waqt li l-KESE jara l-benefiċċju tal-introduzzjoni ta’ korpi nazzjonali tal-infurzar, huwa kruċjali li jiġi garantit li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett u effiċjenti. Għalhekk, tali awtoritajiet ser ikollhom joperaw b’mod oġġettiv u indipendenti kif ukoll jiggarantixxu kunfidenzjalità massima meta jittrattaw l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva kemm tal-impriżi kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi. Sa issa, l-awtoritajiet nazzjonali naqsu milli jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ infurzar jaħdmu kif suppost — speċjalment fi tranżazzjonijiet G2B (bejn gvern u negozju). B’evidenza ta’ ħlasijiet kroniċi tard mis-settur pubbliku lin-negozji, il-KESE jenfasizza tħassib dwar il-kapaċità tal-infurzar tal-awtoritajiet pubbliċi fuq awtoritajiet pubbliċi oħra li jappartjenu għall-istess struttura ta’ governanza. |
|
3.15. |
Ħafna intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma fost l-operaturi ekonomiċi li jbatu b’mod sinifikanti minn dewmien fil-ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-kwistjoni tkun iktar rilevanti meta tqis li — f’ħafna każijiet — tali intrapriżi għandhom is-settur pubbliku bħala l-uniku klijent tagħhom biex jipprovdi servizzi ta’ assistenza soċjali, edukazzjoni u taħriġ. Meta tqis li m’hemm l-ebda suq privat għal kumpaniji bħal dawn, huma partikolarment esposti peress li m’għandhom l-ebda alternattiva għall-akkwist pubbliku. |
|
3.16. |
B’riżultat ta’ dan, il-ħlasijiet tard huma fost il-fatturi li jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku. L-evidenza ppreżentata mill-Kummissjoni tindika n-nuqqas ta’ ħlasijiet f’waqthom fost l-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, il-KESE jilqa’ t-terminu ta’ ħlas propost stabbilit għal 30 jum għat-tranżazzjonijiet tal-G2B. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom imexxu bl-eżempju peress li jirrappreżentaw imsieħeb essenzjali għan-negozji. Ir-Regolament il-ġdid jissuġġerixxi protezzjoni aħjar tas-sottokuntratturi f’xogħlijiet pubbliċi ta’ kostruzzjoni billi jitlob li l-kuntratturi jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet (jew entitajiet) kontraenti li huma ħallsu lis-sottokuntratturi diretti tagħhom. Dan ser ikollu impatt enormi fuq il-fornituri li jużaw ħlas mill-awtorità kontraenti biex iħallsu lis-sottokuntratturi. |
|
3.17. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jqisu modi alternattivi biex jiżguraw pagamenti f’waqthom lis-sottokuntratturi meta jassenjaw kuntratti pubbliċi minbarra dak indikat fl-Artikolu 4. Ir-rekwiżit li l-kuntrattur iħallas lis-sottokuntratturi diretti tiegħu qabel jew fil-mument meta tkun saret it-talba għall-ħlas imur kontra l-objettiv li jiġi żgurat li kulħadd fil-katina tal-valur jitħallas f’perjodu ta’ żmien li jippermetti fluss tal-flus b’saħħtu. Kif miktub fil-Proposta tal-Kummissjoni, hemm riskju ċar li l-kuntrattur ikun responsabbli biex jiffinanzja x-xogħol minn qabel. Sabiex jiġi garantit il-ħlas tas-sottokuntratturi mingħajr dewmien, il-KESE jirrakkomanda li l-kuntrattur ewlieni joħroġ dikjarazzjoni fi żmien xahar li jibda biss mill-mument li fih jirċievi l-ħlas mill-awtorità pubblika. Tali dikjarazzjoni għandha tiċċertifika l-ħlas tas-sottokuntratturi fi żmien 30 jum wara li jiġi riċevut il-ħlas mill-awtorità pubblika. |
|
3.18. |
Id-dispożizzjonijiet il-ġodda inklużi fl-Artikoli 5 u 6 — u bbażati fuq l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva attwali — huma pass lejn l-objettiv ta’ kultura ta’ ħlasijiet fil-pront. Il-prattiki tal-ħlas inġusti spiss jinkludu t-telf inġust tal-imgħax sakemm l-ammont sottostanti jitħallas. Billi jagħmlu l-ħlas tal-imgħax għal ħlasijiet tard dovuti awtomatikament, id-debituri ser jitħeġġu biex jirrispettaw l-iskadenzi stabbiliti fil-kuntratt. L-Artikolu 5(3) jgħid li “ma għandux ikun possibbli li l-kreditur jirrinunzja d-dritt tiegħu li jikseb l-imgħax għall-ħlasijiet tard”. Għalkemm il-KESE jifhem l-objettiv li l-SMEs jitħeġġu jitolbu li jitħallas l-imgħax, hemm ukoll tħassib li jekk tiġi miċħuda l-possibbiltà li jiġi rinunzjat tali dritt, din tista’ twassal għal diffikultajiet għall-SMEs bħala debituri. |
|
3.19. |
Il-KESE jemmen li s-somma fissa l-ġdida proposta ta’ EUR 50 għandha tqis il-proporzjonalità mal-ammont tat-tranżazzjoni. |
|
3.20. |
Il-KESE jaqbel mal-istedina tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-SMEs jużaw għodod diġitali biex jiffaċilitaw il-ħlasijiet f’waqthom u jaċċessaw it-taħriġ fil-ġestjoni tal-kreditu. Peress li l-SMEs spiss ikunu neqsin mil-litteriżmu finanzjarju u diġitali, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali, kif ukoll mal-kmamar tal-kummerċ u l-industrija, biex jiġbru l-aħjar prattiki u jħarrġu lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tagħhom dwar din il-kwistjoni. Meta jitqiesu r-riżorsi finanzjarji limitati li għandhom jiġu allokati għal tali taħriġ, l-organizzazzjonijiet tan-negozju għandhom jingħataw appoġġ u mezzi biex iħarrġu lill-kumpaniji dwar din il-kwistjoni. Dan m’għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat. |
|
3.21. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-Artikolu 16 u jissottolinja l-importanza li jiġu minimizzati l-ostakoli eżistenti bħall-kumplessità tal-bidu ta’ proċedimenti ġudizzjarji kontra d-debituri. Fid-dawl ta’ tali proċedimenti twal u għaljin fil-qorti, il-medjazzjoni volontarja kif ukoll forom oħra volontarji ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim għandhom jitħeġġu mill-Istati Membri biex isolvu malajr it-tilwim dwar il-ħlasijiet. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li l-objettiv tal-Kummissjoni għandu jipprevedi l-implimentazzjoni sistematika ta’ proċessi volontarji għall-fatturazzjoni elettronika u t-trasferimenti biex tiġi ggarantita iktar ċertezza legali permezz ta’ evidenza elettronika. Madankollu, meta jitqies il-qafas ekonomiku prekarju li l-SMEs qed jiffaċċjaw bħalissa, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ ħlas diġitali. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tiegħu jeħtieġ li tkun aċċessibbli għan-negozji kollha. Il-KESE jirrakkomanda introduzzjoni gradwali biex jiġi żgurat li l-SMEs ikollhom żmien biex jiksbu l-għarfien u l-mezzi finanzjarji biex jaċċessaw dawn l-għodod. |
|
4.2. |
Il-KESE jilqa’ t-tentattiv tal-Kummissjoni li tindirizza n-nuqqas ta’ data uffiċjali dwar il-ħlasijiet tard fl-Ewropa u jirrimarka dwar il-ħtieġa li jiġu skambjati l-prattiki tajba fil-livell Ewropew billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Osservatorju tal-UE tal-ħlasijiet tard. Il-KESE jemmen ukoll li l-Osservatorju jrid jiġbor informazzjoni u data perjodikament prodotta mill-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-korpi nazzjonali tal-infurzar (jew awtoritajiet kompetenti oħra) kif ukoll ċentri indipendenti ta’ riċerka privati biex tiġi evalwata l-effettività tar-Regolament. F’kull każ, dan m’għandux iwassal għal xi obbligu ta’ rapportar addizzjonali għall-kumpaniji. |
|
4.3. |
Il-KESE jenfasizza d-dimensjoni esterna tal-Proposta. Il-kundizzjonijiet stretti dwar it-termini ta’ ħlas, potenzjalment jista’ jkollhom impatt fuq it-tranżazzjonijiet kummerċjali fi ħdan is-suq uniku u jimbuttaw l-operazzjonijiet tan-negozju barra mill-UE. Ikun iktar faċli li jkun hemm involviment ma’ fornituri minn pajjiżi terzi li jitħallew jaċċettaw kundizzjonijiet ta’ ħlas itwal. Dan jista’ jkun theddida potenzjali għall-kompetittività tal-Ewropa u għandu jiġi evitat. |
|
4.4. |
Il-KESE jaqbel li t-tranżazzjonijiet kummerċjali li għandhom jitħallsu wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tiegħu. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tkun applikabbli biss jekk il-kuntratt rilevanti jkun ġie ffirmat wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu. Il-KESE jikkunsidra li dan huwa meħtieġ biex tiġi pprovduta tranżizzjoni stabbli kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi mill-qafas legali attwali għal dak propost fir-Regolament. |
|
4.5. |
Il-prestazzjoni tal-ħlasijiet tas-settur pubbliku lill-kuntratturi tas-settur privat għandha tiġi mmonitorjata, analizzata, u rieżaminata perjodikament, mhux biss abbażi ta’ programmi u riformi nazzjonali, iżda wkoll permezz tal-parteċipazzjoni usa’ tal-imsieħba soċjali u l-kmamar tar-rappreżentanti tal-kummerċ fil-valutazzjoni tal-impatt u l-proċess ta’ evalwazzjoni upstream u downstream. |
|
4.6. |
Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u l-kmamar tal-kummerċ fl-iżvilupp tal-għodod adegwati għat-taħriġ u l-edukazzjoni tas-soċjetà usa’ dwar kwistjonijiet finanzjarji, strumenti u proċeduri oħra li ser jgħinu fil-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju jista’ jkun sinifikanti, peress li huma iktar familjari mal-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet tas-setturi tagħhom stess. |
Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Il-Bank Ċentrali Ewropew Survey on the Access to Finance of Enterprises in the euro area — October 2022 to March 2023 (Stħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzjament tal-Intrapriżi fiż-żona tal-euro — Ottubru 2022 sa Marzu 2023) (mhux disponibbli bil-Malti)
(2) “Delay now, pay later — why SMEs must not put off investing in innovation and greening”, (Iddewwem issa, ħallas iktar tard — għaliex l-SMEs m’għandhomx iwarrbu l-investiment fl-innovazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni) (mhux disponibbli bil-Malti) oecdcogito.blog
(3) SWD(2023) 314 final, punt 227, paġna 58 tal-Valutazzjoni tal-impatt (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) Intrum 2022 — Rapport Annwali u ta’ Sostenibbiltà 2022 — Ġestjoni tal-kreditu fit-tul għal ekonomija soda.
(5) Kif irrappurtat mill-Kummissjoni Ewropea, f’xi Stati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu medja ta’ 100 jum biex iħallsu l-fatturi tagħhom, b’limiti massimi li jistgħu jeċċedu din iċ-ċifra b’mod konsiderevoli: Dewmien fil-ħlas: Il-Kummissjoni tirreferi lill-Italja lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ħlasijiet tard tagħha lill-fornituri tagħha.
(6) Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs jenfasizza l-eżistenza ta’ diskrepanzi serji fl-implimentazzjoni tar-regoli attwali tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fost l-Istati Membri, u fl-istess ħin jenfasizza li l-ħlasijiet tard qed isiru forma ta’ finanzjament mingħajr spejjeż. Id-dokument huwa disponibbli hawnhekk: Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej għall-2022/2023 (mhux disponibbli bil-Malti).
(7) Il-pagamenti tard — aġġornament tar-regoli tal-UE
(8) TA(2023)0294.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2101/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)