3.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/26


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA Nru 47/20/COL

tal-25 ta’ Mejju 2020

li tawtorizza lin-Norveġja li tidderoga minn ċerti regoli komuni ta’ sikurezza tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 [2020/1248]

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 66n tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), kif emendat (“l-Att”), kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu, u mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 163/2011 u b’mod partikolari l-punt 3 (e) tal-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni.

Wara li kkunsidrat b’mod partikolari l-Artikoli 14(6) u 14(7) tal-Att,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA mogħtija fis-6 ta’ Mejju 2020 fil-forma ta’ approvazzjoni taċita, id-data tal-bidu għall-opinjoni kienet soġġetta għal estensjoni ta’ xahar fuq bażi eċċezzjonali b’riżultat tal-kriżi tal-coronavirus,

Billi:

In-Norveġja nnotifikat lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) bl-intenzjoni tagħha li tidderoga mir-rekwiżiti tal-FCL.905.SFI tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) billi tagħti lil Għalliema tat-Titjir Sintetiku (“SFIs” - Synthetic Flight Instructors) il-privileġġ li jipprovdu struzzjonijiet għall-applikanti għal ċertifikat tal-SFI mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżit li jkollhom mill-anqas 3 snin esperjenza bħala Għalliem ta’ Kwalifika ta’ Tip (TRI - Type Rating Instructor).

L-Artikolu 14(6) tal-Att jiddikjara li fejn livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament jista’ jinkiseb b’mezzi oħrajn, l-Istati Membri jistgħu, mingħajr diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, jagħtu approvazzjoni li tidderoga minn dawk ir-regoli ta’ implimentazzjoni.

Skont l-Artikolu 14(7), l-Awtorità evalwat il-ħtieġa għad-deroga mitluba, u l-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta minnha, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Aġenzija, maħruġa fid-29 ta’ Ottubru 2019 (Dok Nru 1094402) u kkoreġuta fis-6 ta’ Novembru 2019 (Dok Nru 1095781). L-Awtorità ħadet ukoll nota ta’ deroga simili li ġiet ivvalutata b’mod pożittiv mill-Kummissjoni Ewropea fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/69/UE (3) u tikkonkludi li l-varjazzjoni se tipprovdi livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tar-regoli komuni ta’ sikurezza tal-avjazzjoni, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

F’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 163/2011 u l-adattament (a) stabbilit fil-punt 3 tal-Anness tagħha, it-terminu “Stat(i) Membru/i” għandu jinftiehem li qed jinkludi, b’żieda mat-tifsira tiegħu fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA.

Skont l-Artikolu 14(7) tal-Att, deroga mogħtija lil Stat wieħed tal-EFTA għandha tkun notifikata lill-Istati kollha tal-EFTA, li għandhom ikunu intitolati wkoll li japplikaw dik id-deroga. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi indirizzata lill-Istati kollha tal-EFTA. Id-deskrizzjoni ta’ kull deroga, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħha, jenħtieġ li jkunu ta’ tip li jippermettu lil Stati oħra tal-EFTA li japplikaw dik il-miżura meta jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni ulterjuri mill-Awtorità. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati tal-EFTA jinnotifikaw l-applikazzjoni tad-derogi peress li jista’ jkollhom effetti barra dak l-Istat tal-EFTA.

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport tal-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

In-Norveġja tista’ tidderoga mir-rekwiżiti fil-punt FCL.905.SFI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 4 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.

L-Istati kollha tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li japplikaw l-istess miżura kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. L-Istati tal-EFTA għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità, lill-Aġenzija, u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni tagħhom.

3.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati tal-EFTA. Hija awtentika fil-lingwa Ingliża.

4.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lin-Norveġja, lill-Iżlanda, u lil-Liechtenstein.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi taħt id-Deċiżjoni Delegata Nru 103/13/COL

Högni KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Carsten ZATSCHLER

Kontrofirmatarju bħala Direttur,

Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)   ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1), kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/69/UE tas-6 ta’ Frar 2014 li tawtorizza lill-Isvezja u lir-Renju Unit li jidderogaw minn ċerti regoli komuni ta’ sikurezza tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 39, 8.2.2014, p. 60).


ANNESS

Deroga tal-Istati tal-EFTA mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-privileġġi u l-kundizzjonijiet għall-Għalliema tat-Titjir Sintetiku

1.   Deskrizzjoni tat-talba

Id-dispożizzjoni FCL.905.SFI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 tistabbilixxi l-privileġġi tal-Għalliem tat-Titjir Sintetiku (SFI) u ma tippermettix lill-SFI jipprovdi struzzjoni lill-applikanti għaċ-ċertifikat tal-SFI. Il-Parti-FCL tagħti l-privileġġ li tiġi pprovduta din l-istruzzjoni biss lid-detenturi ta’ ċertifikat ta’ Għalliem ta’ Kwalifika ta’ Tip (TRI), sakemm dawn ikollhom mill-anqas tliet snin ta’ esperjenza bħala TRI.

Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Lulju 2019 (Dok Nru 1080642), il-Gvern Norveġiż innotifika lill-Awtorità bl-intenzjoni tiegħu li jidderoga mir-rekwiżiti tal-FCL.905.SFI tal-Anness I. Il-Gvern Norveġiż innotifika lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Awwissu 2019 (Dok Nru 1084282).

In-Norveġja pproponiet li l-SFIs jingħataw il-privileġġ li jipprovdu struzzjonijiet għall-applikanti għal ċertifikat tal-SFI mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżit li jkollhom mill-anqas tliet snin esperjenza bħala TRI.

2.   Valutazzjoni tat-talba

2.1.   Ħtieġa

Skont in-Norveġja, id-dispożizzjoni attwali tal-FCL.905.SFI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 ma tippermettix lil SFI jipprovdi struzzjoni lill-applikanti għaċ-ċertifikat tal-SFI. Il-Parti-FCL tagħti l-privileġġ li tiġi pprovduta din l-istruzzjoni lid-detenturi ta’ ċertifikat tat-TRI, sakemm dawn ikollhom mill-anqas tliet snin ta’ esperjenza bħala TRI. Ħafna SFIs li jaħdmu bħala tuturi f’korsijiet tal-SFI fin-Norveġja ma jistgħux jikkonformaw mar-rekwiżit li jsiru TRI bi tliet snin esperjenza. Dawn l-SFIs mhux se jkunu jistgħu jkompli jaġixxu ta’ tuturi f’korsijiet tal-SFI. Barra minn hekk ħafna SFIs attwali mhux se jkunu kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-TRI għal raġunijiet mediċi.

Abbażi tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali, magħmula min-Norveġja, hemm numru insuffiċjenti ta’ TRIs biex jgħallmu numru suffiċjenti ta’ applikanti għal ċertifikat tal-SFI u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-industrija. B’riżultat ta’ dan, se jkun hemm nuqqas ta’ għalliema kwalifikati li jipprovdu dan it-taħriġ li jista’ jikkawża tfixkil fit-taħriġ tal-bdoti, b’mod partikolari fil-qasam tal-inġenji tal-ajru tan-negozju/korporattivi sakemm ma tingħatax deroga.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

In-Norveġja pproponiet li SFIs li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jkollhom mill-anqas tliet snin esperjenza bħala TRI jkunu jistgħu jipprovdu struzzjoni għall-applikanti tal-SFI. Dawn l-SFIs għandhom jkollhom minimu ta’ tliet snin esperjenza ta’ struzzjoni bħala SFI, għandhom ilestu kors speċifiku ta’ jumejn għat-tuturi tal-SFI pprovdut minn tutur tal-SFI u għandhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-kompetenza. Barra minn hekk, in-Norveġja pproponiet li titlob lil dawn l-SFIs jgħaddu minn valutazzjoni tal-kompetenza matul kors ta’ taħriġ tal-SFI sabiex tinżamm il-validità tal-privileġġ ta’ tutur tal-SFI tagħhom.

L-Aġenzija qablet mal-evalwazzjoni tan-Norveġja li l-livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tar-regoli komuni tas-sikurezza tal-avjazzjoni jinkiseb permezz tad-deroga intenzjonata, speċifikament permezz tar-rekwiżiti tat-taħriġ addizzjonali u tal-kontroll issuġġeriti.

3.   Deskrizzjoni tad-deroga

In-Norveġja tista’, b’deroga mill-FCL.905.SFI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 tagħti l-privileġġ lil SFIs li ma jissodisfawx ir-rekwiżit li jkollhom mill-anqas tliet snin esperjenza bħala TRI, biex jipprovdu struzzjoni għall-applikanti tal-SFI.

4.   Kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni tad-deroga

Dawn l-SFIs għandhom jkollhom mill-anqas tliet snin ta’ esperjenza ta’ struzzjoni bħala SFI, għandhom ilestu kors speċifiku ta’ jumejn għat-tuturi tal-SFI pprovdut minn tutur tal-SFI u għandhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-kompetenza.

5.   Applikabbiltà ġenerali tad-deroga

L-Istati kollha tal-EFTA jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 4.