|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2505 |
10.11.2023 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2505
tas-26 ta’ Lulju 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini fir-rigward tal-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2)u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(2) |
Il-Ftehim jinkludi proċedura ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ ċaħda tat-trattament tariffarju preferenzjali fl-Artikolu 63(3). Skont l-Artikolu 121(2), punt (d), tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini (“il-Kumitat”) stabbilit mill-Artikolu 8(1), punt (c), tal-Ftehim jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar il-proċeduri għall-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat huma vinkolanti fuq il-Partijiet għall-Ftehim. |
|
(3) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat, peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar ir-regoli tal-konsultazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim ser ikollhom effetti legali. |
|
(4) |
L-istabbiliment ta’ regoli għall-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim jenħtieġ li jġib ċarezza u jiżgura t-trasparenza f’każ li l-Parti importatriċi tiddeċiedi li tiċħad it-trattament tariffarju preferenzjali lil prodott tal-parti esportatriċi kontra l-opinjoni pożittiva tal-Parti esportatriċi li tikkonferma l-istatus oriġinarju. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini (il-‘Kumitat’) stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru ... TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ BEJN L-UE U R-RENJU UNIT
dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini
ta’ ...
dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ ċaħda tat-trattament tariffarju preferenzjali skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tiegħu dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ ċaħda tat-trattament tariffarju preferenzjali,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(2) |
L-Artikolu 121(2), punt (d), tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kkooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini (il-“Kumitat”) jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar il-proċedura għall-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim. |
|
(3) |
L-Artikolu 63(3) tal-Ftehim jipprevedi li meta l-awtorità doganali tal-Parti importatriċi tinnotifika lill-awtorità doganali tal-Parti esportatriċi bl-intenzjoni tagħha li tiċħad it-trattament tariffarju preferenzjali wara l-wasla tal-opinjoni tal-Parti esportatriċi li tikkonferma l-oriġini tal-prodott, iridu jitwettqu konsultazzjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet fi żmien tliet xhur wara d-data ta’ dik in-notifika, u jistgħu jsiru f’konformità mal-proċedura stabbilita mill-Kumitat. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 63(3) tal-Ftehim, proċedura għal konsultazzjonijiet trid tiġi stabbilita biex jiġi ffaċilitat ftehim bejn il-Partijiet fil-każ ta’ ċaħda tat-trattament tariffarju preferenzjali kontra l-opinjoni tal-Parti esportatriċi li tikkonferma l-oriġini tal-prodott, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, għandha ssir f’konformità mal-proċedura għal konsultazzjonijiet stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-istess jum.
Magħmul fi…
Għall-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ
Il-Kopresident tal-UE u l-Kopresident tar-Renju Unit
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit talGran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).
ANNESS
PROĊEDURA GĦAL KONSULTAZZJONIJIETF’ KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 63(3), IT-TIENI SUBPARAGRAFU, TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI LI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA
Regola 1
1. Wara li l-awtorità doganali tal-Parti importatriċi tkun innotifikat l-awtorità doganali tal-Parti esportatriċi bl-intenzjoni tagħha li tiċħad it-trattament tariffarju preferenzjali, Parti tista’ tissottometti talba għall-konsultazzjonijiet lill-Parti l-oħra skont l-Artikolu 63(3), it-tieni subparagrafu, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”).
2. It-talba għandha ssir mill-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini (il-‘Kumitat;) tal-Parti rikjedenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra permezz ta’ email jew, fejn xieraq, bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni li jipprovdi prova li din tkun intbagħtet. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, tali rikjesta għandha titqies li tkun waslet fl-istess jum li tkun intbagħtet.
Regola 2
1. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitlaqqgħu u jintemmu fi żmien tliet xhur wara d-data tan-notifika tal-intenzjoni msemmija fir-Regola 1, dment li l-Partijiet ma jkunux qablu li jestendu l-perjodu għall-konsultazzjonijiet. Matul dak il-perjodu, il-Partijiet jistgħu jiltaqgħu darba jew diversi drabi.
2. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru wiċċ imb wiċċ jew inkella bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni miftiehem mill-Partijiet. Jekk isiru wiċċ imb wiċċ, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fit-territorju tal-Parti li fiha l-konsultazzjonijiet mitluba huma indirizzati, dment li l-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.
Regola 3
15-il jum kalendarju qabel kull sessjoni ta’ konsultazzjoni, kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra, permezz tas-Segretarjat, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tagħha u għandha tispeċifika l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tiegħu.
Regola 4
1. Il-konsultazzjonijiet għandhom issiru bl-Ingliż.
2. Id-dokumenti bil-miktub rilevanti għall-konsultazzjonijiet għandhom jiġu ċċirkolati, permezz tas-Segretarjat, lill-Parti l-oħra. Jistgħu jkunu fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
Regola 5
1. L-abbozz tal-minuti ta’ kull sessjoni ta’ konsultazzjoni għandu jitfassal mill-uffiċjal li jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat tal-Parti rispondenti li tkun qed tospita l-laqgħa fi żmien tmint ijiem kalendarji. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi trażmess għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra, li jista’ jissottometti il-kummenti fi żmien tmint ijiem kalendarji.
2. Il-minuti għandhom jiġbru fil-qosor is-sessjonijiet tal-konsultazzjoni, filwaqt li fejn applikabbli, jispeċifikaw:
|
(a) |
id-dokumenti sottomessi; |
|
(b) |
kwalunkwe dikjarazzjoni li Partitkun talbet li tiddaħħal fil-minuti; u |
|
(c) |
il-konklużjonijiet li ntlaħqu, li jistgħu jinkludu l-estensjoni tad-durata tal-konsultazzjonijiet. |
3. Il-minuti għandhom jinkludu bħala anness lista ta’ parteċipanti li għal kull delegazzjoni telenka l-ismijiet u l-funzjonijiet tal-individwi kollha li jkunu attendew għal-laqgħa.
4. Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti abbażi tal-kummenti riċevuti. L-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 28 jum kalendarju mid-data tas-sessjoni, jew sa kwalunkwe data oħra miftiehma mill-Partijiet. Mal-approvazzjoni tal-minuti, kwalunkwe ftehim milħuq għandu jsir effettiv bejn il-Partijiet fis-sessjoni tal-konsultazzjonijiet meta tiġi adottata dik il-konklużjoni.
5. Jekk il-konsultazzjonijiet isiru bil-miktub, ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet bil-miktub għandu jitniżżel fil-minuti tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat. Kwalunkwe ftehim milħuq matul il-konsultazzjonijiet bil-miktub għandu jsir effettiv bejn il-Partijiet fis-sessjoni tal-konsultazzjonijiet meta dik il-konklużjoni tkun ġiet adottata.
Regola 6
1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull tentattiv biex jaslu għal riżoluzzjoni sodisfaċenti b’mod konġunt tal-kwistjoni fil-perjodu tal-konsultazzjoni msemmi fir-Regola 2. Jekk il-Partijiet jilħqu ftehim, dan għandu jkun vinkolanti għall-Partijiet.
2. Għall-finijiet tal-Artikolu 63(3), it-tielet subparagrafu, tal-Ftehim, il-perjodu tal-konsultazzjoni msemmi fir-Regola 2 għandu jitqies li jkun skada meta jasal għat-terminu tiegħu u l-Partijiet ma jaqblux li jestenduh, sakemm il-konsultazzjoni ma tkunx saret għal raġunijiet attribwibbli għall-Parti importatriċi.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2505/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)