SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
3 ta’ April 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Nuqqas ta’ osservanza sistematiku tal-obbligi tat-taxxa – Tħassir tal-persuna taxxabbli mir-reġistru għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑164/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2024, fil-proċedura
“Cityland” EOOD
vs
Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u B. Smulders, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “Cityland” EOOD, minn B. Velev, advokat, |
|
– |
għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo, minn B. M. Nikolov, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u D. Drambozova, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 213 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal‑5 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 348, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Cityland” EOOD u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u Prassi fil-Qasam Fiskali u tas-Sigurtà Soċjali” ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direktor”) dwar it-tħassir ta’ Cityland mir-reġistru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi t-tranżazzjonijiet li huma suġġetti għall-VAT. |
|
4 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 213(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.” |
|
5 |
L-Artikolu 214(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali: […]” |
|
6 |
L-Artikolu 273 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri. L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.” |
|
7 |
It-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT jinkludi fih il-Kapitolu 6, li, min-naħa tiegħu, jinkludi t-Taqsima 2, intitolata “Skema speċjali għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità [Ewropea]”, li l-Artikoli 362 u 363 ta’ din id-direttiva jagħmlu parti minnha. |
|
8 |
L-Artikolu 362 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jalloka lill-persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali u għandu jinnotifikaha b’dak in-numru permezz ta’ mezzi elettroniċi. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 363 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi lill-persuna taxxabbli li mhix stabbilita [fil-Komunità] mir-reġistru ta’ identifikazzjoni fil-każijiet li ġejjin: […]
|
|
10 |
Dan il-Kapitolu 6 jinkludi t-Taqsima 4, intitolata “Skema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi”, li l-Artikoli 369q u 369r tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmlu parti minnha. |
|
11 |
L-Artikolu 369q ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jalloka lill-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali u għandu jinnotifikaha b’dak in-numru permezz ta’ mezzi elettroniċi. […] 4. In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat taħt il-paragrafi 1, 2 u 2a għandu jintuża biss għall-finijiet ta’ din l-iskema speċjali.” |
|
12 |
L-Artikolu 369r tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħassar lill-persuna taxxabbli li ma tużax intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni fil-każijiet li ġejjin: […]
|
Id-dritt Bulgaru
|
13 |
Skont l-Artikolu 106 taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, DV Nru 63 tal‑4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”): “(1) Il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni (tħassir mir-reġistru) fis-sens ta’ din il-liġi hija proċedura li permezz tagħha, b’effett mit-tħassir ta’ persuna mir-reġistru, din tal-aħħar ma tibqax intitolata li tiffattura l-VAT u li tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti f’din il-liġi. (2) Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi kkanċellata:
|
|
14 |
L-Artikolu 176 taż-ZDDS jipprevedi: “Id-Dipartiment tad-Dħul kompetenti jista’ jirrifjuta li jirreġistra persuna jew jikkanċella r-reġistrazzjoni tagħha jekk din il-persuna: […]
[…]” |
|
15 |
Il-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taż-ZZDS jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
Cityland hija kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru li, sal‑2019, kienet topera fil-qasam tal-kostruzzjoni. |
|
17 |
Fl‑2022, din il-kumpannija kienet is-suġġett ta’ kontroll fiskali li warajh l-organ po prihodite pri Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite Veliko Tarnovo (id-Dipartiment tad-Dħul tad-Direttorat Territorjali ta’ Veliko Tarnovo tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) ħassar, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2022, din il-kumpannija mir-reġistru tal-VAT, u dan skont il-punt 3 tal-Artikolu 176 taż-ZDDS. |
|
18 |
Fil-fatt, dan id-dipartiment ikkonkluda li l-imsemmija kumpannija ma osservatx b’mod sistematiku l-obbligi tagħha taħt iż-ZDDS, billi naqset milli tħallas il-VAT iddikjarata u dovuta, għal total ta’ ħames perijodi taxxabbli, inkluż bejn l‑1 ta’ Settembru 2013 u t‑30 ta’ Ġunju 2018. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2022, id-Direktor ikkonferma id‑deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2022. |
|
20 |
Fid-deċiżjoni tiegħu, huwa kkonstata li d-djun tal-VAT mhux imħallsa minn Cityland kienu jammontaw għal BGN 4 144.59 għall-perijodu taxxabbli tax-xahar ta’ Settembru 2013, għal BGN 0.46 għall-perijodu taxxabbli tax-xahar ta’ Mejju 2017, għal BGN 365.50 għall-perijodu taxxabbli tax-xahar ta’ Marzu 2018, għal BGN 49.66 għall-perijodu taxxabbli tax-xahar ta’ April 2018, u għal BGN 27 506.73 għall-perijodu taxxabbli tax-xahar ta’ Ġunju 2018. |
|
21 |
Matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, Cityland sostniet li l-VAT inkwistjoni, li kienet ġiet iddikjarata iżda li ma kinitx tħallset, kienet relatata ma’ fatturi indirizzati lil “Terem Ivaylo” EOOD, liema fatturi kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji minħabba li din tal-aħħar naqset milli tħallas il-VAT inkluża fihom. Wara li Cityland ikkontestat il-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtorità fiskali tal-ewwel istanza, id-Direktor ikkonkluda li l-VAT inkwistjoni dovuta kienet tħallset fis‑27 ta’ Ottubru 2022, u kienu biss l-interessi fl-ammont ta’ BGN 6 264.02 li kienu għadhom iridu jitħallsu. |
|
22 |
L-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’rikors ippreżentat minn Cityland kontra d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2022. Dik il-qorti għandha dubju dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tipprevedi l-possibbiltà li kumpannija titħassar mir-reġistru tal-VAT, inkwantu d-Direttiva dwar il-VAT, fil-fehma tagħha, ma tipprevedix il-possibbiltà li persuna taxxabbli tiġi eskluża mis-sistema tal-VAT. |
|
23 |
Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tistabbilixxi ebda obbligu, fir-rigward tal-awtoritajiet fiskali kompetenti, li jiġi eżaminat b’mod sħiħ l-aġir ta’ persuna taxxabbli sabiex jiġi konkluż li hemm riskju li d-dħul fiskali jitqiegħed f’perikolu u li hemm probabbiltà ta’ frodi fiskali. Għall-kuntrarju, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ tliet reati formali tar-regoli tal-VAT, b’mod partikolari dewmien fil-preżentata ta’ dikjarazzjoni fiskali, dewmien fil-ħlas tal-VAT jew dewmien fit-tfassil ta’ fattura tal-VAT, hija biżżejjed sabiex tali persuna taxxabbli tiġi eskluża mis-sistema tal-VAT. |
|
24 |
F’dan il-każ, l-awtoritajiet fiskali kompetenti kkonstataw in-natura sistematika tal-ksur imwettaq minn Cityland, billi ħadu inkunsiderazzjoni perijodu kontinwu ta’ kważi għaxar snin kif ukoll nuqqasijiet li jirrigwardaw ammonti żgħar ta’ VAT mhux imħallsa bħal, fir-rigward tas-sena 2017, ammont ta’ BGN 0.46. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
26 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 213(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, kif interpretata mill-awtoritajiet fiskali u mill-qrati nazzjonali, tkun tipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità fiskali kompetenti, li tħassar mir-reġistru tal-VAT persuna taxxabbli minħabba li din tal-aħħar tkun naqset mill-obbligi tal-VAT tagħha mingħajr ma jiġi analizzati n-natura tar-reati mwettqa u l-aġir tal-persuna taxxabbli inkwistjoni. |
|
27 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 213(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, kull persuna taxxabbli hija obbligata tiddikjara meta l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli tibda, tinbidel jew tieqaf. L-Artikolu 214(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-persuni taxxabbli jkunu identifikati permezz ta’ numru individwali. |
|
28 |
L-għan essenzjali tal-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli, prevista fl-Artikolu 214 tal-imsemmija direttiva, huwa li jiġi żgurat li s-sistema tal-VAT tiffunzjona tajjeb. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għoti ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jagħti l-prova tal-istatus fiskali tal-persuna taxxabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-VAT u jissimplifika l-kontroll tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-ġbir korrett tat-taxxa (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio,C‑527/11, EU:C:2013:168, punti 18 u 19, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jikkostitwixxi prova importanti tat-tranżazzjonijiet li jkunu saru. Fil-fatt, id-Direttiva dwar il-VAT teżiġi, f’diversi dispożizzjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-fatturazzjoni, id-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni rikapitolattiva li dan in-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli, tax-xerrej ta’ oġġetti jew tad-destinatarju ta’ servizzi jkun debitament inkluż f’dawn id-dokumenti (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio,C‑527/11, EU:C:2013:168, punt 20). |
|
30 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minn naħa, mill-Artikoli 213 u 214 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni huma u jadottaw miżuri sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT u, min-naħa l-oħra, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni ma jistax ikun bla limitu. Fil-fatt, minkejja li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jagħti lil persuna taxxabbli numru individwali, tali setgħa ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr ebda raġuni leġittima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio,C‑527/11, EU:C:2013:168, punti 22 u 23, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2021, Promexor Trade,C‑358/20, EU:C:2021:936, punt 41). |
|
31 |
Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jħassru n-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT li jkunu ngħataw preċedentement, għandu jiġi ppreċiżat li d-Direttiva dwar il-VAT ma tinkludix dispożizzjonijiet li jawtorizzaw b’mod ġenerali lill-Istati Membri jipprevedu, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, it-tħassir mir-reġistru tal-VAT. |
|
32 |
Huwa minnu li l-Artikoli 363 u 369r ta’ din id-direttiva jipprevedu l-każijiet li fihom l-Istat Membru jista’ jħassar persuna taxxabbli mir-reġistru ta’ identifikazzjoni previst fil-kuntest tal-iskema speċjali applikabbli għas-servizzi pprovduti mill-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni, jew minn dak previst fil-kuntest tal-iskema speċjali applikabbli għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew minn pajjiżi terzi. Dan it-tħassir iseħħ, b’mod partikolari, meta l-persuna taxxabbli ma tkunx tikkonforma ruħha b’mod sistematiku mar-regoli dwar l-iskema speċjali inkwistjoni. Madankollu, tali tħassir ma jirrigwardax in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħti skont l-Artikolu 214 tal-imsemmija direttiva, iżda jirrigwarda biss in-numru ta’ identifikazzjoni mogħti lill-persuna taxxabbli għall-finijiet ta’ dawn l-iskemi speċjali, kif jirriżulta mill-Artikolu 362 u mill-Artikolu 369q tal-istess direttiva. |
|
33 |
Fid-dawl ta’ dan, minn naħa, l-Artikolu 17(1)(c) u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas‑7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2010, L 268, p. 1), jirreferu għan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħtija li ma jkunux għadhom validi u, b’mod partikolari, għal numri mħassra fil-każ fejn il-persuni jkunu kkomunikaw data falza sabiex jiksbu identifikazzjoni tal-VAT jew fil-każ fejn ma jkunux indikaw il-bidliet fid-data tagħhom. |
|
34 |
Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jkunu xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorji rispettivi tagħhom u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone,C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 26, u tas‑17 ta’ Mejju 2023, Cezam,C‑418/22, EU:C:2023:418, punt 26). |
|
35 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstantieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u l-ġlieda kontra l-frodi, kontra l-evażjoni fiskali u kontra l-possibbiltà ta’ kwalunkwe abbuż huwa għan li d-Direttiva dwar il-VAT tirrikonoxxi u tippromwovi (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio,C‑527/11, EU:C:2013:168, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 sa 35 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-Istati Membri, huma u jeżerċitaw il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri intiżi li jiżguraw il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, jistgħu, jekk ikun il-każ, jipprevedu t-tħassir ta’ persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT. |
|
37 |
Sa fejn mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tħassir ta’ persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT, hija maħsuba bħala sanzjoni imposta fuq din il-persuna taxxabbli għall-ksur ripetut tal-obbligi tagħha tal-VAT, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn skema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li jkun jidhrilhom li jkunu xierqa (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, Cezam,C‑418/22, EU:C:2023:418, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità fiskali (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, Cezam,C‑418/22, EU:C:2023:418, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jiġi evalwat jekk sanzjoni tkunx konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tippenalizza, kif ukoll il-metodi għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din tal-aħħar (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Legafact,C‑122/23, EU:C:2024:293, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri, huma u jeżerċitaw dawn il-kompetenzi, għandhom jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, liema dritt jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li japplika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Slovenské Energetické Strojárne,C‑746/22, EU:C:2024:403, punt 50). |
|
40 |
Għandu jitfakkar ukoll li, fl-għażla tas-sanzjonijiet, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ effettività, liema prinċipju jeżiġi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għall-ġlieda kontra l-ksur tar-regoli armonizzati fil-qasam tal-VAT u għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Legafact,C‑122/23, EU:C:2024:293, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Issa, it-tħassir mir-reġistru tal-VAT previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jonqsu mill-obbligi tagħhom tal-VAT, mingħajr ma tiġi analizzata n-natura tal-ksur imwettaq, ma jistax jitqies li huwa sanzjoni li tosserva l-prinċipji u r-rekwiżiti msemmija fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza. |
|
42 |
Fil-fatt, fid-dawl tar-rwol importanti, imfakkar fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, li għandu n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT f’dak li għandu x’jaqsam mal-prova tal-istatus fiskali tal-persuna taxxabbli u ma’ dik li t-tranżazzjonijiet imwettqa jkunu tassew twettqu, ix-xerrejja ta’ oġġetti u d-destinatarji ta’ servizzi kkunsinnati jew pprovduti minn persuna taxxabbli li tkun tħassret mir-reġistru tal-VAT, u li għalhekk ma jkollhiex numru ta’ identifikazzjoni validu għall-finijiet tal-VAT, ma jkollhomx, b’mod partikolari, iċ-ċertezza li jkunu jistgħu juru li għandhom id-dritt inaqqsu l-VAT tal-input imħallsa waqt din il-kunsinna ta’ oġġetti jew din il-provvista ta’ servizzi. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali xerrejja potenzjali ta’ oġġetti u destinatarji potenzjali ta’ servizzi jistgħu jiġu skuraġġuti milli jikkonkludu tranżazzjonijiet ma’ persuna taxxabbli li tkun tħassret mir-reġistru tal-VAT. |
|
44 |
Din il-konsegwenza negattiva prattika tat-tħassir mir-reġistru tal-VAT tfisser li l-persuna taxxabbli tista’ tkun imġiegħla ttemm l-attività tagħha u tixbah għalhekk projbizzjoni temporanja jew permanenti tal-eżerċizzju ta’ din l-attività. Dan ifisser li għalkemm it-tħassir mir-reġistru tal-VAT kien maħsub bħala sanzjoni għall-ksur ripetut mill-persuna taxxabbli tal-obbligi tagħha tal-VAT, din hija sanzjoni partikolarment severa. |
|
45 |
Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, sanzjoni bħal din ma tistax titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu din tiġi imposta mingħajr eżami tan-natura u tal-gravità tal-ksur imwettaq mill-persuna taxxabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk sanzjoni daqstant severa tkunx iġġustifikata jew jekk sanzjoni oħra, inqas severa, tkunx biżżejjed fiċ-ċirkustanzi li jkunu wasslu għall-adozzjoni ta’ tali sanzjoni. |
|
46 |
Fil-fatt, leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet fiskali jħassru persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT mingħajr ma tipprevedi obbligu, fir-rigward ta’ dawn l-awtoritajiet, li jiġi eżaminat b’mod sħiħ l-aġir ta’ din il-persuna taxxabbli sabiex jiġi evalwat jekk ikunx hemm riskju li d-dħul fiskali jitqiegħed f’perikolu u jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ frodi tal-VAT tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha u sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. |
|
47 |
Mingħajr tali eżami sħiħ tal-aġir tal-persuna taxxabbli inkwistjoni, ikun impossibbli li wieħed ikun jaf b’ċertezza n-natura u l-portata ta’ kwalunkwe frodi fiskali mwettaq minnha u, konsegwentement, li jiġi evalwat jekk it-tħassir ta’ din il-persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT ikunx jikkostitwixxi sanzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha u sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. |
|
48 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità amministrattiva, bħalma hija l-awtorità fiskali nazzjonali, għandha tagħmel, fil-kuntest tal-obbligi ta’ verifika tagħha, eżami diliġenti u imparzjali tal-aspetti rilevanti kollha b’mod li tiżgura ruħha li hija jkollha, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-iktar informazzjoni sħiħa u ta’ min joqgħod fuqha sabiex tagħmel dan (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Slovenské Energetické Strojárne,C‑746/22, EU:C:2024:403, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, fid-dawl tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha fil-konfront tal-amministrazzjoni fiskali, ma tistax tiġi kkontestata b’mod indefinit (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2024, Modexel,C‑680/23, EU:C:2024:1000, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Issa, mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li sanzjoni li tikkonsisti fit-tħassir ta’ persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT, mingħajr ebda projbizzjoni formali tal-eżerċizzju, minn din il-persuna taxxabbli, tal-attività, suġġetta għall-VAT, li għaliha din il-persuna taxxabbli tkun tniżżlet f’dan ir-reġistru, tista’ twassal sabiex is-sitwazzjoni fiskali kemm tal-imsemmija persuna taxxabbli stess kif ukoll tax-xerrejja ta’ oġġetti u tad-destinatarji ta’ servizzi li hija tikkunsinna jew tipprovdi tibqa’ tiġi kkontestata ripetutament. Għaldaqstant, tali sanzjoni lanqas ma tista’ titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 213(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, kif interpretata mill-awtoritajiet fiskali u mill-qrati nazzjonali, tkun tipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità fiskali kompetenti, li tħassar persuna taxxabbli mir-reġistru tal-VAT minħabba li din tal-aħħar tkun naqset mill-obbligi tagħha tal-VAT mingħajr ma jiġu analizzati n-natura tal-ksur imwettaq u l-aġir tal-persuna taxxabbli inkwistjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 213(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal‑5 ta’ Diċembru 2017, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, kif interpretata mill-awtoritajiet fiskali u mill-qrati nazzjonali, tkun tipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità fiskali kompetenti, li tħassar persuna taxxabbli mir-reġistru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minħabba li din tal-aħħar tkun naqset mill-obbligi tagħha tal-VAT mingħajr ma jiġu analizzati n-natura tal-ksur imwettaq u l-aġir tal-persuna taxxabbli inkwistjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.