13.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1465

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Settembru 2018, abbażi ta’ talba mill-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNVIM), il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1249 (1) dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-UNVIM. L-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1249 ġiet fdata f’idejn l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-NU (UNOPS) bil-ħsieb li l-UNVIM ikun jista’ jkompli jwettaq il-kompiti tiegħu li jirrigwardaw il-monitoraġġ u l-ispezzjoni f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 2216 (2015).

(2)

Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-partijiet għall-konflitt fil-Jemen iffirmaw il-Ftehim ta’ Stokkolma, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew approvati mill-UNSCRs 2451 (2018) u 2452 (2019). L-UNVIM ingħata rwol ewlieni fl-appoġġ għall-Korporazzjoni tal-Portijiet tal-Baħar tal-Jemen fil-ġestjoni tal-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa u fir-rigward tal-ispezzjonijiet fihom.

(3)

Fit-18 ta’ Frar 2019, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fejn laqa’ l-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Stokkolma kif ukoll l-adozzjoni unanima tal-UNSCRs 2451 (2018) u 2452 (2019). Il-Kunsill tenna l-appell tiegħu biex il-partijiet kollha jiffaċilitaw il-forniment ta’ provvisti kummerċjali, inkluż il-fjuwil, u fakkar li l-funzjonament tal-port ta’ Hodeidah kif ukoll il-portijiet ta’ Saleef u Ras Issa huma ta’ importanza kbira għas-sopravivenza ta’ miljuni ta’ Jemeniti. Il-Kunsill tenna l-appoġġ tiegħu lill-UNVIM bil-ħsieb li jiġi żgurat li jinżamm il-fluss ta’ oġġetti kummerċjali deħlin fil-Jemen f’konformità sħiħa mal-UNSCR rilevanti kollha.

(4)

Abbażi ta’ talba mill-UNVIM, fl-4 ta’ Ottubru 2019 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1672 (2) ġedded l-appoġġ tal-Unjoni għall- UNVIM.

(5)

Il-UNSCRs 2505 (2020) u 2534 (2020) estendew il-mandat tal-Missjoni tan-NU biex tappoġġa l-Ftehim ta’ Hodeidah (UNMHA) sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-belt ta’ Hodeidah u l-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Stokkolma.

(6)

Fil-15 ta’ Lulju 2020, il-UNVIM talab aktar appoġġ mill-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-Unjoni ġġedded l-appoġġ tagħha lill-UNVIM għall-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha ġġedded l-appoġġ tagħha lill-UNVIM biex jimplimenta l-mandat tiegħu kif stipulat fil-UNSCRs rilevanti, b’mod partikolari UNSCRs 2216 (2015) u 2451 (2018). Dak l-appoġġ għandu jkollu l-objettivi ġenerali li jikkontribwixxi biex jerġa’ jinkiseb il-fluss liberu bla xkiel ta’ oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen permezz tal-provvista ta’ proċess ta’ awtorizzazzjoni trasparenti u effettiv għall-vjeġġi kummerċjali destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen, u li ssaħħaħ ir-rwol tal-UNVIM fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Stokkolma.

2.   L-objettivi speċifiċi ta’ dan il-proġett huma:

—

li jiżdied il-fluss ta’ merkanzija kummerċjali lejn il-Jemen billi jiġi aċċellerat aktar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-vjeġġi kummerċjali u billi tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja tal-kumpanniji tat-trasport marittimu fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa għat-trasport marittimu kummerċjali,

—

li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UNVIM li jiskjera fil-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa kif stipulat fil-Ftehim ta’ Stokkolma u l-UNSCRs rilevanti.

3.   L-Unjoni għandha tappoġġa permezz ta’ din id-Deċiżjoni l-Uffiċċju tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen u l-UNMHA fir-rigward tal-iskjerament tal-UNVIM fil-portijiet ta’ Hodeidah, Saleef u Ras Issa. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż assoċjati mat-tisħiħ tal-UNVIM, u b’hekk tgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni Jemenita bħala parti minn strateġija umanitarja usa’.

Id-deskrizzjoni tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata f’idejn l-UNOPS. Dan għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-fini, ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa mal-UNOPS.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 2 059 838.

2.   In-nefqa ffinanzjata bl-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi ġestit f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata bl-ammont stabbilit fil-paragrafu 1. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNOPS. Dak il-ftehim ta’ kontribuzzjoni għandu jistipula li l-UNOPS jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim ta’ kontribuzzjoni.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-UNVIM, inkluż rapporti dwar il-laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-UNVIM. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2020.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 12-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni u l-UNOPS imsemmi fl-Artikolu 3(3).

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1249 tat-18 ta’ Settembru 2018 dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen (ĠU L 235, 19.9.2018, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1672 tal-4 ta’ Ottubru 2019 dwar Azzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Mekkaniżmu ta’ Verifika u Spezzjoni tan- Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen (ĠU L 256, 7.10.2019, p. 10).


ANNESS

L-appoġġ tal-Unjoni għandu l-għan li jappoġġa lill-UNVIM billi jiffinanzja l-persunal tiegħu kif ġej:

—

persunal li għandu jiġi skjerat f’Hodeidah: uffiċjal ta’ koordinazzjoni wieħed, konsulent dwar is-sigurtà fuq il-post wieħed, żewġ superviżuri, żewġ uffiċjali ta’ kollegament, assistent protokollari u tal-operazzjonijiet wieħed, assistent tas-sigurtà lokali wieħed u assistent amministrattiv wieħed;

—

superviżur wieħed li għandu jiġi skjerat f’Saleef u wieħed f’Ras Issa;

—

operatur tal-iscanner wieħed.

Barra minn hekk, għandu jiġi ffinanzjat ukoll il-persunal ta’ appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-UNVIM (uffiċjal finanzjarju wieħed, uffiċjal tal-akkwist wieħed u uffiċjal wieħed tar-riżorsi umani).

Il-UNOPS għandu jirrekluta l-persunal imsemmi f’dan l-Anness skont ir-regoli u l-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-UNOPS. Il-UNOPS għandu jinforma lis-SEAE minn qabel dwar kwalunkwe ftuħ ta’ pożizzjoni.