20.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 84/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/426

tad-19 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/402 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/402 (2), il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir ta’ protezzjoni personali soġġett għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, minħabba d-domanda dejjem tikber għal prodotti bħal dawn fl-Unjoni Ewropea, u n-nuqqas sussegwenti f’ċerti Stati Membri. Din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tikkonċerna l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi kollha.

(2)

Is-suq uniku għat-tagħmir protettiv mediku u personali huwa strettament integrat mill-qrib lilinn mill-konfini tal-Unjoni, u dan jgħodd ukoll għall-ktajjen tal-valur tal-produzzjoni u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tiegħu. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ erba’ Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles. Konsegwentement, il-fatt li l-esportazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir ta’ protezzjoni personali lejn dawn il-pajjiżi jiġu soġġetti għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni jkun kontroproduttiv, minħabba l-integrazzjoni mill-qrib tal-katini ta’ valur ta’ produzzjoni u n-netwerks ta’ distribuzzjoni, meta tali tagħmir huwa prodott essenzjali li huwa neċessarju biex jiġi evitat it-tixrid ulterjuri tal-marda u tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-persunal mediku li jikkura pazjenti infettati. Huwa għalhekk xieraq li tali pajjiżi jiġu esklużi mill-ambitu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/402.

(3)

Bl-istess mod, huwa xieraq li jiġu esklużi mill-ambitu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/402 il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-Trattat, kif ukoll il-Gżejjer Faeroe, Andorra, San Marino, u l-Belt tal-Vatikan, peress li għandhom dipendenza partikolari fuq il-ktajjen ta’ provvista metropolitani tal-Istati Membri li huma marbuta magħhom jew fuq il-ktajjen tal-provvista ta’ Stati Membri ġirien, rispettivament.

(4)

L-awtoritajiet tal-pajjiżi u t-territorji esklużi jenħtieġ li joffru garanziji adegwati li huma se jikkontrollaw l-esportazzjonijiet tagħhom stess tal-prodotti kkonċernati, sabiex jevitaw li jimminaw l-objettiv imfittex mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/402. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib dan l-aspett.

(5)

L-esportazzjoni ta’ ċerti kwantitajiet ta’ prodotti speċifiċi tista’ tiġi awtorizzata taħt ċirkostanzi speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-provvista ta’ tagħmir għall-operazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ organizzazzjonijiet umanitarji f’pajjiżi terzi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/402 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-esportazzjonijiet lejn in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-Trattat u l-Gżejjer Faeroe, Andorra, San Marino u l-Belt tal-Vatikan ma għandhomx ikunu soġġetti għall-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.”

(2)

Fl-Artikolu 2(3), it-tielet inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“ —

biex twieġeb għat-talbiet ta’ assistenza indirizzati u ġestiti mill-UPCM (Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili), minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali u biex ikunu jistgħu jiġu pprovduti provvisti ta’ emerġenza fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 27.3.2015, p.34.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/402 tal-14 ta’ Marzu 2020 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 77I, 15.3.2020, p. 1).