14.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/93


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/951

tal-11 ta’ Ġunju 2021

li jiffissa r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2021

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 trid tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lis-settur agrikolu fil-każ ta’ kriżijiet kbar li jolqtu lill-produzzjoni jew lid-distribuzzjoni agrikola billi, fil-bidu ta’ kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li, biex ikun żgurat li jiġu rispettati l-limiti massimi annwali imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, trid tiġi ddeterminata rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikolari jindikaw li jkunu se jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.

(3)

L-ammont tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, inkluż fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2022, jammonta għal EUR 497,3 miljun fi prezzijiet attwali. Biex ikun kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta’ appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tas-sena kalendarja 2021.

(4)

Il-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq iddeterminati fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2022 jindikaw li ma hemmx bżonn iktar dixxiplina finanzjarja.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament tiġi ffissata sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja li għaliha tapplika r-rata ta’ aġġustament.

(6)

Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu fi żmien perjodu fiss tal-pagamenti tul is-sena finanzjarja (N+1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sa ċerti limiti, iħallsu l-pagamenti lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti. Dawn il-pagamenti tard jistgħu jsiru f’sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament ma tiġix applikata għall-pagamenti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna fi snin kalendarji li ma jkunux is-sena kalendarja li tapplika għaliha d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex ikun żgurat trattament ugwali fost il-bdiewa, jixraq jiġi stipulat li r-rata ta’ aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-għajnuna fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(7)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li r-rata ta’ aġġustament applikata għall-pagamenti diretti ddeterminata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 trid tapplika biss għall-pagamenti diretti li jkunu ta’ iktar minn EUR 2 000 u li jridu jingħataw lill-bdiewa għas-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta’ aġġustament trid tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta’ Jannar 2022 biss. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament li trid tiġi ddeterminata minn dan ir-Regolament ma tkunx tapplika għall-pagamenti lill-bdiewa f’dak l-Istat Membru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Biex tiġi ffissata r-rata ta’ aġġustament f’konformità mal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta’ appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li huma aktar minn EUR 2 000 u li jridu jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2021 għandhom jitnaqqsu b’rata ta’ aġġustament ta’ 1,658907 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-Kroazja.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).