SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)

13 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea ‘RUSSIAN WARSHIP, GO F**K YOURSELF’ – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Slogan politiku – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑82/24,

Administration of the State Border Guard Service of Ukraine, stabbilita fi Kiev (l-Ukraina), irrappreżentata minn P. Holý, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla),

Komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn P. Škvařilová-Pelzl, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta, I. Nõmm u G. Steinfatt (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Administration of the State Border Guard Service of Ukraine, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑1 ta’ Diċembru 2023 (Każ R 438/2023‑1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fis‑16 ta’ Marzu 2022, il-predeċessur legali tar-rikorrenti ppreżenta quddiem il-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għas-sinjal figurattiv li ġej:

Image

3

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tindika l-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 9, 14, 16, 18, 25, 28 u 41, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–

klassi 9: “Tagħmir għan-navigazzjoni, l-gwida, l-intraċċar, l-mira u biex isiru l-mapep; tagħmir għall-kejl, l-osservazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll; kalamati u oġġetti biex tneħħi il-kalamiti; tagħmir ottiku, biex itejjeb u jikkoreġi; kontenut irreġistrat; tagħmir għas-sigurtà, l-protezzjoni u s-sinjalar; software użat bħala portafoll għal fajls multimedia li jistgħu jitniżżlu li fihom xogħlijiet tal-arti, test, kontenut awdjo u kontenut video relatati mal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukraina awtentikati minn tokens mhux funġibbli (NFT)”;

–

klassi 14: “Ġojjelli; ħaġar prezzjuż, perli u metalli prezzjużi, u l-imitazzjonijiet tagħhom; ħoloq taċ-ċwievet u katini taċ-ċwievet, u amuleti għalihom; strumenti tal-ħin; strumenti kronometriċi; diski taċ-ċeramika għall-użu bħala simboli ta’ valur; muniti; muniti għall-kollezzjoni; muniti kommemorattivi; tarki kommemorattivi; tazzi kommemorattivi statwarji magħmulin minn metall prezzjuż; oġġetti dekorattivi [ornamenti jew ġojjellerija] għall-użu personali; ħoloq taċ-ċwievet ornamentali ta’ metall prezzjuż; brazzuletti tal-identifikazzjoni [ġojjellerija]; pjanċi tal-identità ta’ metall prezzjuż; settijiet tal-muniti monetarji bl-iskop ta’ ġbir; muniti mhux monetarji; opri tal-arti ta’ metall prezzjuż”;

–

klassi 16: “Basktijiet u oġġetti tal-karti, kartunċin jew plastiks għall-ippakkjar, tgeżwir u ħażna; marterjal għad-dekorazzjoni u għall-arti u għas-sostenn; gabarrè żgħar tal-karti; qiegħ ta’ karafu tal-kartun; banners tal-karti; bavalori tal-karti; mats tal-pranzu tal-kartun; srievet li jintremew wara l-użu; srievet tal-idejn, tal-karta; rollijiet tal-kċina (tal-karta); tvalji tal-mejda magħmula mill-karti; srievet tal-karti għal fuq il-mejda; karti u kartunċin; materjal stampat, u kartolerija u provvisti edukattivi; materjal stampat, u kartolerija u provvisti edukattivi”;

–

klassi 18: “Bagalji, basktijiet, kartieri u oġġetti oħra li ġġor fihom; umbrelel u parasoli; tikketti adeżivi tal-ġilda għal mal-basktijiet; kartieri tal-kards magħmula minn imitazzjoni tal-ġilda; kartieri tal-ġilda għall-kards; kontenituri tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġild oħxon; tikketti tal-ġilda; ġilda u imitazzjoni tal-ġilda”;

–

klassi 25: “Ilbies; xedd is-saqajn; xedd ir-ras; partijiet minn ħwejjeġ, xedd is-saqajn u xedd ir-ras”;

–

klassi 28: “tagħmir għall-isports u għall-eżerċizzju fiżiku; ġugarelli, logħob, oġġetti tal-logħob”;

–

klassi 41: “Il-pubblikazzjoni, ir-rapportaġġ u l-kitba ta’ testi; edukazzjoni, rikreazzjoni u sport”.

4

Fit‑13 ta’ Settembru 2022, it-trasferiment tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni lir-rikorrenti ġie rreġistrat fir-reġistru.

5

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2022, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fl-intier tagħha abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

6

Fil‑21 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7

Fit‑13 ta’ Ġunju 2023, il-President u Relatur tal-Ewwel Bord tal-Appell bagħat komunikazzjoni lir-rikorrenti, fejn informaha li, wara eżami preliminari tal-każ u bla ħsara għall-applikabbiltà jew le tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, is-sinjal inkwistjoni kien jidher nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit‑13 ta’ Lulju 2023.

8

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni u għalhekk kellha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

It‑talbiet tal‑partijiet

9

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

10

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tinżamm seduta.

Id‑dritt

11

Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, it-tieni, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba u, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001

12

Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li applika l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 b’mod żbaljat, meta kkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx ta’ karattru distintiv għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni kollha.

13

Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. Skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, l-Artikolu 7(1) huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti mill-Unjoni Ewropea.

14

Il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġi identifikat il‑prodott jew is-servizz li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari u għalhekk jippermetti li dan il-prodott jew dan is-servizz jiġu distinti minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2011, Paroc vs UASI (INSULATE FOR LIFE),T‑157/08, EU:T:2011:33, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall‑prodotti jew għas‑servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħha (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Giorgis vs UASI – Comigel (Forma ta’ żewġ tazzi tax-xorb ippakkjati), T‑474/12, EU:T:2014:813, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Is-sinjali li ma humiex ta’ karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 huma meqjusa inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert minnha, sabiex b’hekk il-konsumatur li jakkwista dan il-prodott jew dan is-servizz ikun jista’, f’akkwist sussegwenti, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk din tirriżulta negattiva (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL),T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 37; ara, ukoll, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2009, Wella vs UASI (TAME IT),T‑471/07, EU:T:2009:328, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Marzu 2024, Quality First vs EUIPO (MORE-BIOTIC), T‑243/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:162, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il‑pubbliku rilevanti

17

Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu essenzjalment komposti minn prodotti u minn servizzi ta’ konsum ta’ kuljum li kienu indirizzati prinċipalment għall-pubbliku inġenerali, minkejja li wħud minn dawn il-prodotti u minn dawn is-servizzi jistgħu wkoll ikunu intiżi għal professjonisti. Skont il-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jvarja bejn baxx u għoli.

18

Ma hemmx lok li jiġu kkontestati dawn l-evalwazzjonijiet, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

Fuq il‑karattru distintiv tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni

19

Fil-punti 27 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-frażi li kienet is-suġġett tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet waħda mis-simboli tal-ġlieda tal-Ukraina kontra l-okkupazzjoni Russa. Skont il-Bord tal-Appell, din hija assoċjata ma’ suldat tal-armata Ukraina u mal-pajjiż kif ukoll mal-avveniment storiku li fil-kuntest tiegħu kienet ġiet iddikjarata. B’hekk, il-pubbliku rilevanti jara biss il-messaġġ politiku mogħti minn din il-frażi u la jipperċepixxi u lanqas jimmemorizza s-sinjal bħala trade mark, jiġifieri bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi li huwa jindika. Għall-kuntrarju, is-sinjal inkwistjoni jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala promozzjonali, fis-sens li jippromwovi l-qlubija f’kuntest ta’ avversità estrema, u mhux bħala li l-promozzjoni ta’ entità kummerċjali jew tan-negozju. Għaldaqstant, dan huwa slogan politiku li ma huwiex ta’ karattru distintiv. F’dan ir-rigward, l-identità tar-rikorrenti hija irrilevanti. Skont il-Bord tal-Appell, il-messaġġ espress bir-Russu u bl-Ingliż jinftiehem mill-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem bir-Russu. Il-frażi bl-Ingliż tinkludi kliem Ingliż bażiku li jinftiehem faċilment minn kull persuna li titkellem bir-Russu li jkollha għarfien elementari tal-Ingliż.

20

Skont ir-rikorrenti, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, ikklassifika b’mod żbaljat it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala “slogan politiku”. Din it-trade mark hija għajta ta’ gwerra magħmula mill-gwardja tal-fruntiera Ukraina fuq il-Gżira tas-Sriep fl‑24 ta’ Frar 2022, l-ewwel jum tal-invażjoni Russa fuq skala kbira tal-Ukraina. B’hekk, din hija pjuttost frażi oriġinali li tista’ tintrabat ma’ sors wieħed u f’mument iddefinit fiż-żmien. It-tieni nett, anki jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni sussegwentement intużat sabiex tiġbor appoġġ għall-Ukraina, peress li hija marbuta b’mod tant uniku mat-tweġiba Ukraina għall-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, ma jkunx xieraq li għal tali sinjal jiġu applikati, għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tiegħu, kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal tipi oħra ta’ sinjali. Il-fatt li sinjal jitqies bħala li huwa slogan politiku ma jċaħħadx awtomatikament lil dan minn kull karattru distintiv fir-rigward ta’ kull prodott jew servizz. Il-pubbliku rilevanti tal-Unjoni huwa mdorri jassoċja slogans politiċi mal-oriġini ta’ prodotti jew ta’ servizzi, mingħajr ma dawn is-slogans ikunu kisbu karattru distintiv permezz tal-użu.

21

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv intrinsiku fir-rigward ta’ kull kategorija ta’ oġġetti u ta’ servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, peress li konsumatur medju tal-Unjoni ma għandux għarfien, f’lingwa barranija, dwar xi jfisser is-sinjal u ftit minn dawn il-konsumaturi kienu fehmu din l-espressjoni qabel il-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tliet ġimgħat li kienu għaddew bejn l-avveniment li kien ta lok għall-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark għalhekk ma kinux biżżejjed sabiex is-sinjal jintuża ħafna jew li jiġi pperċepit bħala li ma huwiex ta’ karattru distintiv fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Billi naqas milli jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi speċifiċi koperti minnha, il-Bord tal-Appell kien wasal għal konklużjoni żbaljata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar is-slogans ta’ reklamar f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar is-slogans ta’ reklamar, minkejja li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex funzjoni pubbliċitarja intrinsika u għalhekk ma hijiex formola promozzjonali. Għaldaqstant, huwa ma evalwax il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

22

Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet direttament u mingħajr ambigwità assoċjata mal-gwardja tal-fruntiera Ukraina li kienet l-awtriċi tal-frażi riprodotta f’din it-trade mark kif ukoll mar-rikorrenti. Il-prassi tal-EUIPO turi li, fil-każ ta’ trade marks komposti minn slogans politiċi, l-identità tal-applikant għat-trade mark tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ dawn it-trade marks, sabiex jiġi evitat li impriżi oħra jqarrqu bil-pubbliku. Meta qies, f’dan il-każ, li l-identità tal-applikant għat-trade mark ma kellha ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell kien naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni waħda miċ-ċirkustanzi kruċjali tal-każ inkwistjoni.

23

Ir-rikorrenti ssostni li, meta sinjal ikun tant strettament u mingħajr ambigwità assoċjat ma’ persuna speċifika jew ma’ entità ġuridika li jkunu jinsabu wara l-ħolqien tal-imsemmi sinjal jew fl-oriġini tal-ħolqien tiegħu, il-pubbliku rilevanti jikkunsidra lil dawn il-persuni bħala li huma fl-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi li għandhom dan is-sinjal u jassoċja lil dan tal-aħħar ma’ dawn il-persuni. Minħabba s-simboliżmu tagħha, il-konsumaturi tal-Unjoni ma jistgħux loġikament jassoċjaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ xi sors ieħor għajr l-Istat Ukrain u d-difensuri tiegħu. Għalhekk, meta konsumatur medju jixtri prodott ikkummerċjalizzat taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huwa jistabbilixxi rabta mentali bejn il-prodott u l-awtur tal-frażi u jemmen li, billi jixtri tali prodott, huwa jappoġġja l-Ukraina. Dan huwa mod abitwali ta’ kif il-konsumaturi rilevanti jaħsbu, peress li huma kienu ġew esposti għal prattiki simili min-naħa ta’ diversi organizzazzjonijiet matul is-snin.

24

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

25

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni għalxejn li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kklassifika t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala “slogan politiku”.

26

Fil-fatt, kif il-Bord tal-Appell spjega fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienet intużat b’mod wiesa’, immedjatament wara l-ewwel użu tagħha, sabiex tiġbor appoġġ għall-Ukraina u għalhekk kienet saret, malajr ħafna, simbolu tal-ġlieda tal-Ukraina kontra l-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa. Għalhekk, din il-frażi ntużat f’kuntest politiku, b’mod repetittiv u bl-għan li jiġi espress u promoss appoġġ għall-Ukraina. Tali sitwazzjoni tikkorrispondi perfettament mad-definizzjoni tal-espressjoni “slogan politiku”, imressqa mir-rikorrenti stess fil-punt 22 tar-rikors, jiġifieri espressjoni, użata f’kuntest politiku jew soċjali, repetittiva ta’ idea jew ta’ għan, bl-iskop li tipperswadi lill-pubbliku jew grupp fil-mira fi ħdanu.

27

Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex slogan politiku peress li hija, għall-kuntrarju, reazzjoni espressiva għal theddida imminenti ta’ perikolu mortali, xorta jibqa’ l-fatt li, direttament wara l-avveniment li qajjem din ir-reazzjoni, din il-frażi saret slogan politiku fis-sens indikat fil-punt 26 iktar ’il fuq.

28

Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li kkunsidra li slogan politiku kien neċessarjament u awtomatikament mingħajr kwalunkwe karattru distintiv. Il-Bord tal-Appell ċertament ikkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li mill-fatt li l-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet saret immedjatament slogan politiku kien jirriżulta li s-sinjal kellu jitqies bħala li huwa marbut mal-avveniment storiku li fil-kuntest tiegħu din il-frażi kienet ġiet iddikjarata. Madankollu, huwa spjega sussegwentement, billi rrefera għall-partikolaritajiet tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li l-konsumaturi jaraw biss il-messaġġ politiku li jirriżulta b’mod ċar mis-sinjal, b’tali mod li din it-trade mark ma tiġix ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi li hija tindika. Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell la applika raġunament awtomatiku, fis-sens li kull slogan politiku huwa neċessarjament nieqes minn karattru distintiv, u lanqas ma applika kriterji iktar stretti milli għal sinjali li ma humiex komposti minn slogans politiċi.

29

Fit-tieni lok, l-ewwel nett u kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tifsira tas-sentenza bir-Russu li tidher fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinftiehem mill-parti tal-pubbliku rilevanti li għandha għarfien tar-Russu. Barra minn hekk, is-sinjal jinkludi sentenza komposta minn kliem Ingliż bażiku li jinftiehem faċilment mill-parti mill-pubbliku rilevanti li titkellem bl-Ingliż, jiġifieri, b’mod partikolari, il-pubbliku rilevanti tal-Irlanda u ta’ Malta, kif ukoll mill-parti tal-pubbliku rilevanti li għandha għarfien bażiku tal-Ingliż.

30

Il-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet użata b’mod intensiv ħafna f’kuntest mhux kummerċjali u ser tiġi bilfors assoċjata mill-qrib ħafna f’dan il-kuntest mill-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, hekk kif irrileva, ġustament, il-Bord tal-Appell, il-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni saret malajr ħafna wieħed mis-simboli tal-ġlieda tal-Ukraina kontra l-aggressjoni Russa, assoċjat ma’ suldat tal-armata Ukraina u, għalhekk, mal-Ukraina. Fid-dawl tal-portata tal-kopertura medjatika ta’ dan l-avveniment, din il-frażi ser tiġi assoċjata ma’ dan il-mument storiku reċenti, magħruf sew mill-konsumatur medju tal-Unjoni.

31

Fir-rigward tal-kritika li l-Bord tal-Appell wettaq, mingħajr ma sostnihom permezz ta’ provi, ċerti affermazzjonijiet, għandu jitfakkar li xejn ma jipprojbixxi lill-EUIPO milli jieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tiegħu tal-fatti magħrufa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2011, Smart Technologies vs UASI (WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH), T‑523/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:175, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet, immedjatament wara l-avveniment tal‑24 ta’ Frar 2022, imxandra b’mod wiesa’ fil-media, b’tali mod li kienet malajr saret is-simbolu tal-ġlieda tal-Ukraina kontra l-aggressjoni Russa. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement affermat li tliet ġimgħat ma kinux suffiċjenti sabiex is-sinjal inkwistjoni jintuża b’mod wiesa’ u li xejn ma kien jipprova li dan kien intuża b’mod intensiv, fl-Unjoni, matul tliet ġimgħat wara l-invażjoni Russa fl-Ukraina, filwaqt li ammettiet li l-aħbar ta’ din l-invażjoni kienet għalhekk suġġett kbir fil-media. Barra minn hekk, il-predeċessur legali tar-rikorrenti stess sostna, fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata fis‑16 ta’ Marzu 2022, jiġifieri d-data li, konformement mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Bateaux mouches vs UASI (BATEAUX-MOUCHES), T‑553/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:264, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għal rifjut, li l-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet frażi emblematika li kienet saret magħrufa fil-pajjiżi kollha tad-dinja matul it-tliet ġimgħat wara l-bidu tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina.

32

It-tieni nett, lanqas ma tista’ tiġi aċċettata l-kritika tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar is-slogans ta’ reklamar, minkejja li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex funzjoni ta’ reklamar intrinsika u għalhekk ma hijiex formola promozzjonali, peress li din il-kritika tirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

33

Fil-fatt, fil-punti 22 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar il-ġurisprudenza dwar is-slogans ta’ reklamar. Madankollu, huwa bl-ebda mod ma applika direttament din il-ġurisprudenza għal dan il-każ. Huwa pjuttost ħareġ minn din il-ġurisprudenza l-prinċipju li l-pubbliku rilevanti kien ftit attent fir-rigward ta’ sinjal li ma kienx jagħtih mill-ewwel indikazzjoni dwar l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ dak li xtaq jixtri, peress li huwa ma jipperċepixxihx u lanqas ma jimmemorizzah bħala trade mark, u ttraspona dan il-prinċipju għal dan il-każ. Huwa ppreċiża wkoll, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet waħda mis-simboli tal-ġlieda tal-Ukraina għal-libertà u kontra l-okkupazzjoni Russa u, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumaturi kienu jaraw biss il-messaġġ politiku li jirriżulta b’mod ċar mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Huwa ppreċiża wkoll, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix ipperċepita bħala li tippromwovi entità kummerċjali jew tan-negozju, iżda l-iktar l-iktar bħala li tippromwovi l-qlubija f’kuntest ta’ avversità estrema.

34

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala slogan ta’ reklamar.

35

Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta qies li l-prinċipju ġenerali li l-pubbliku rilevanti kien ftit attent fir-rigward ta’ sinjal li ma kienx jagħtih mal-ewwel indikazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, peress li la jipperċepixxih u lanqas jimmemorizzah bħala trade mark, japplika wkoll għal sinjali li l-messaġġ prinċipali tagħhom kien ta’ natura politika.

36

Issa, fid-dawl tal-funzjoni essenzjali ta’ trade mark, kif imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, sinjal ma jkunx kapaċi jissodisfa din il-funzjoni jekk il-konsumatur medju ma jipperċepixxix, fil-preżenza tiegħu, l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda biss messaġġ politiku.

37

It-tielet nett, meta l-istess raġuni għal rifjut hija mogħtija għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-awtorità kompetenti tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2014, FTI Touristik vs UASI (BigXtra), T‑81/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:140, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm huwa minnu li l-ġurisprudenza ppreċiżat li tali fakultà kienet testendi biss għal prodotti u għal servizzi li għandhom, bejniethom, rabta suffiċjentement diretta u konkreta, sal-punt li kienu jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġeneità suffiċjenti, hija madankollu indikat li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi evalwat jekk il-prodotti u s-servizzi kellhomx, bejniethom, rabta suffiċjentement diretta u konkreta u setgħu jitqassmu f’kategoriji jew f’gruppi ta’ omoġeneità suffiċjenti, l-għan ta’ dan l-eżerċizzju intiż sabiex jippermetti u jiffaċilita l-evalwazzjoni in concreto tal-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkonċernata mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, Koenig & Bauer vs EUIPO (we’re on it), T‑156/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:200, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, it-tqassim tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni f’wieħed jew f’diversi gruppi jew kategoriji għandu jsir, b’mod partikolari, abbażi tal-karatteristiċi li huma komuni għalihom u li għandhom rilevanza għall-analiżi tal-oppożizzjoni, jew le, għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-imsemmija prodotti u servizzi, minħabba raġuni assoluta għal rifjut speċifika (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, we’re on it, T‑156/19, mhux ippubblika, EU:T:2020:200, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li tali evalwazzjoni għandha ssir in concreto għall-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, fejn ikun il-każ, għal kull waħda mid-diversi raġunijiet assoluti għal rifjut eventwalment applikabbli (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2017, EUIPO vs Deluxe Entertainment Services Group,C‑437/15 P, EU:C:2017:380, punt 33).

38

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 34 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix ipperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala li tindika oriġini kummerċjali. Barra minn hekk, huwa ppreċiża, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-frażi riprodotta fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija, qabel kollox, interpretata bħala messaġġ politiku u li din il-perċezzjoni hija identika għall-prodotti jew għas-servizzi kollha koperti minn din it-trade mark.

39

Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell qies li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu jifformaw grupp suffiċjentement omoġenju, fid-dawl tar-raġuni assoluta għal rifjut li, fil-fehma tiegħu, ma kinitx tippermetti r-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark.

40

Peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, ġustament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix ipperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali, iżda bħala messaġġ politiku li jippromwovi l-appoġġ għall-ġlieda tal-Ukraina kontra l-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, huwa seta’ validament jiġbor il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f’kategorija waħda, minkejja li kienu jippreżentaw karatteristiċi inerenti differenti.

41

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ispeċifiċità tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u tal-perċezzjoni identika tagħha mill-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-imsemmija prodotti u servizzi kienu jagħmlu parti minn grupp wieħed li għalih kienet tapplika, bl-istess mod, ir-raġuni għal rifjut li huwa kien adotta.

42

Fit-tielet lok, skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001 għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI,C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

L-argument tar-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija direttament u mingħajr ambigwità assoċjata mal-gwardja tal-fruntiera Ukraina li hija l-awtriċi tal-frażi riprodotta f’din it-trade mark u li għalhekk ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala sinjal distintiv li jippermetti li jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi koperti minnha bħala li joriġinaw mir-rikorrenti jaqa’, tal-inqas, taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, u mhux taħt l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, peress li l-analiżi tiegħu jimplika li jiġu evalwati l-kwalitajiet li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tikseb permezz tal-użu tagħha mingħand il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li dan jidentifika l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni bħala li joriġinaw mir-rikorrenti. Tali argument għalhekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv intrinsiku tal-imsemmija trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Crédit Mutuel Arkéa vs EUIPO – Confédération nationale du Crédit mutuel (Crédit Mutuel), T‑13/18, EU:T:2019:673, punt 62). Issa, ir-rikorrenti ma invokatx l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001, u lanqas ma sostniet li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet kisbet karattru distintiv permezz tal-użu li kien sar minnha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

45

Isegwi li hemm lok li jiġi miċħud, bħala infondat, l-ewwel motiv tar-rikorrenti.

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza fit‑trattament u ta’ amministrazzjoni tajba

46

Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba billi applika kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni differenti minn dawk applikati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjali simili, b’mod partikolari ta’ slogans politiċi, fil-passat.

47

Peress li l-Bord tal-Appell sostna li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet saret mhux distintiva għal kwalunkwe prodott jew servizz minħabba l-fatt li kienet intużat b’mod intensiv f’kuntest mhux kummerċjali, it-trade marks simili, komposti minn slogans politiċi, jew sinjali oħra li huma s-suġġett ta’ użu intensiv f’kuntest mhux kummerċjali, politiku jew storiku, ma kellhomx jiġu rreġistrati għal kwalunkwe prodott jew servizz li jkun.

48

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

49

L-EUIPO huwa obbligat jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI,C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 73, u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI, C‑70/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:875, punt 41; ara, ukoll, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Deluxe Entertainment Services Group vs EUIPO (deluxe), T‑222/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:402, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għalkemm, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq applikazzjonijiet simili u jikkunsidra b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiġi deċiż fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha madankollu tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, b’tali mod li ma jistax ikun hemm ugwaljanza fl-illegalità u li l-persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal inkwantu trade mark ma tistax tinvoka għall-vantaġġ tagħha illegalità possibbli mwettqa favur tagħha jew għall-benefiċċju ta’ oħrajn sabiex tinkiseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet, bl-għan li jiġi evitat li trade marks ma jkunux irreġistrati b’mod illeġittimu. Huwa għalhekk li għandu jsir tali eżami f’kull każ konkret, peress li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami u maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI,C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Frar 2019, Bayer Intellectual Property vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ qalb),T‑123/18, EU:T:2019:95, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi anki jekk is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa kompost b’mod identiku għal trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha kienet diġà ġiet aċċettata u li tirreferi għal prodotti jew għal servizzi identiċi jew simili għal dawk li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal inkwistjoni (digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI, C‑70/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:875, punt 45).

52

Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali, għandha tiġi evalwata unikament abbażi tar-Regolament 2017/1001, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO, li ma tistax, fi kwalunkwe każ, torbot lill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI,C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Agencja Wydawnicza Technopol vs EUIPO (200 PANORAMICZNYCH et), T‑117/18 sa T‑121/18, EU:T:2019:447, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod korrett, abbażi ta’ eżami komplet u konkret u billi ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet taqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli, sabiex tikkontesta din il-konklużjoni, deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO jew prassi deċiżjonali tal-EUIPO li l-Bord tal-Appell ma kienx segwa.

54

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001

55

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001, billi rrifjuta li jeżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tal-imsemmi regolament, li fuqha l-eżaminatur kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ ċaħda tat‑22 ta’ Diċembru 2022.

56

Ir-rikorrenti ma tikkontestax id-dritt tal-Bord tal-Appell li jinvoka raġuni ġdida għal rifjut. Madankollu, hija tqis li għandha d-dritt li tikseb deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-fondatezza tal-motivi mogħtija mill-eżaminatur, peress li hija investiet żmien u sforzi sabiex tippreżenta l-appell u ħallset it-tariffi uffiċjali sabiex din id-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-ġdid. L-eżistenza ta’ tali dritt hija kkorroborata mill-premessa 30 tar-Regolament 2017/1001.

57

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

58

Skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001, wara l-eżami tal-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u jista’, meta jagħmel dan, jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni kkontestata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, permezz tal-effett tal-appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut mill-eżaminatur għar-reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell jista’ jagħmel eżami ġdid u komplet tal-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019, Nemius Group vs UASI (DENTALDISK), T‑278/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:86, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Bord tal-Appell għandu kompetenza sabiex jerġa’ jeżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fid-dawl tar-raġunijiet assoluti għal rifjut kollha stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001, mingħajr ma jkun limitat mir-raġunament tal-eżaminatur, u dan mingħajr ma jkollu jippreżenta raġunijiet speċifiċi f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2017, Netguru vs EUIPO (NETGURU), T‑54/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:9, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, waqt l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, l-eżaminaturi tal-EUIPO u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO għandhom jeżaminaw il-fatti rilevanti fuq l-inizjattiva tagħhom stess sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 tal-istess regolament. Minn dan isegwi li l-korpi kompetenti tal-EUIPO jkunu meħtieġa jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti li ma jkunux ġew invokati mill-applikant (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI,C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punt 50, u tal‑21 ta’ April 2015, Louis Vuitton Malletier vs UASI – Nanu-Nana (Rappreżentazzjoni ta’ disinn griż bil-kaxxi), T‑360/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:214, punt 59), bil-kundizzjoni li d-dritt għal smigħ tal-applikant jiġi rrispettat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019, DENTALDISK, T‑278/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:86, punt 31). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 70(2) tar-Regolament 2017/1001 jippermetti lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO jistieden lill-partijiet “kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess”.

60

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ġiet informata, permezz tal-komunikazzjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2023 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), li s-sinjal kien jidher ukoll li ma huwiex ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Il-Bord tal-Appell ħa debitament inkunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, kif dan jirriżulta, pereżempju, mill-punt 32 tagħha. Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti kien ġie rrispettat f’dan il-każ.

61

Wara eżami komplet u speċifiku tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ċaħad, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-appell tar-rikorrenti li jikkontesta ċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni mill-eżaminatur abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u qies li għalhekk ma kienx iktar neċessarju li jiġi eżaminat jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellhiex ukoll tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(f) ta’ dan l-istess regolament.

62

B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa rrikonoxxuta lilu mill-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 u eżerċita l-kompetenzi tal-eżaminatur sabiex iwettaq eżami komplet ġdid tal-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt.

63

Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati f’din id-dispożizzjoni tapplika sabiex is-sinjal inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2022, Pluscard Service vs EUIPO (PLUSCARD), T‑669/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:106, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Peress li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet taqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, huwa seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, iqis li ma kienx iktar neċessarju li jeżamina jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellhiex ukoll tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(f) tal-imsemmi regolament.

65

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

66

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

67

Peress li l-EUIPO talab il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż biss fil-każ li ssir seduta, fl-assenza ta’ seduta, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Administration of the State Border Guard Service of Ukraine u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Novembru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.