Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 18.Protokoll dwar l-applikazzjoni ta' ċerti aspetti ta' l-Artikolu III-130 tal-Kostituzzjonigħar-Renju Unit u għall-Irlanda
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0351 - 0352
18. PROTOKOLL DWAR L-APPLIKAZZJONI TA' ĊERTI ASPETTI TA' L-ARTIKOLU III-130 TAL-KOSTITUZZJONI GĦAR-RENJU UNIT U GĦALL-IRLANDA IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, BIX-XEWQA li jirregolaw ċerti kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-Renju Unit u l-Irlanda; FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-eżistenza għal ħafna snin ta' arranġamenti speċjali ta' l-ivvjaġġar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda, FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Artikolu 1 Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, minkejja l-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni, kull disposizzjoni oħra tagħha, kull miżura adottata taħtha, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma' xi Stat terz wieħed jew iżjed, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma' Stati Membri oħrajn dawk il-kontrolli fuq persuni li jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit li huwa jikkunsidra meħtieġa għall-iskop: a) li jivverifika d-dritt tad-dħul fir-Renju Unit ta' ċittadini ta' Stati Membri u tad-dipendenti tagħhom li jkunu qegħdin jeżerċitaw drittijiet mogħtija mid-dritt ta' l-Unjoni, kif ukoll ta' ċittadini ta' Stati oħrajn li kienu mogħtija dawn id-drittijiet permezz ta' ftehim li jorbot ir-Renju Unit; u b) li jiddetermina hu jekk jagħtix jew le lil persuni oħrajn il-permess li jidħlu fir-Renju Unit. Xejn fl-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni jew f'kull disposizzjoni oħra ta' dik il-Kostituzzjoni jew f'kull miżura adottata taħtha m'għandu jippreġudika d-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f'dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-responsabbiltà għar-relazzjonijiet esterni tagħhom hija tar-Renju Unit. Artikolu 2 Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jkomplu jagħmlu arranġamenti bejniethom rigward il-moviment ta' persuni bejn it-territorji tagħhom (il-"Common Travel Area"), fil-waqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ta' persuni previsti fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, l-punt (a). Konsegwentement, sakemm huma jżommu dawn l-arranġamenti, d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 għandhom japplikaw għall-Irlanda bl-istess modalitajiet u kondizzjonijiet applikabbli għar-Renju Unit. Xejn fl-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni, f'kull disposizzjoni oħra tagħha jew f'kull miżura adottata taħtha ma għandu jolqot dawn l-arranġamenti. Artikolu 3 L-Istati Membri l-oħrajn għandhom ikunu intitolati li jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom jew fuq kull post ta' dħul fit-territorju tagħhom dawn il-kontrolli fuq persuni li jfittxu jidħlu fit-territorju tagħhom mir-Renju Unit jew minn kull territorju li r-responsabbiltà għar-relazzjonijiet esterni tiegħu hija tar-Renju Unit għall-istess għanijiet previsti fl-Artikolu 1 ta' dan il-Protokoll, jew mill-Irlanda sakemm id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 japplikaw għal dak l-Istat. Xejn fl-Artikoli III-130 u III-265 tal-Kostituzzjoni jew f'kull disposizzjoni oħra tagħha jew f'kull miżura adottata taħtha m'għandu jippreġudika d-dritt ta' Stati Membri oħrajn li jadottaw jew jeżerċitaw xi wħud inn dawn il-kontrolli. Artikolu 4 Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal atti li jibqgħu fis-seħħ permezz ta' l-Artikolu IV-438 tal-Kostituzzjoni. --------------------------------------------------