IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.2.2021
COM(2021) 47 final
2021/0026(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-tressiq, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta li l-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Konvenzjoni) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004. Din ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2006/507/KE) u daħlet fis-seħħ għall-Komunità Ewropea fl-14 ta’ Frar 2005. Din il-Konvenzjoni għandha l-għan li tħares saħħet il-bniedem u l-ambjent minn pollutanti organiċi persistenti (persistent organic pollutants/POPs). Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas, ibbażat fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni, biex jiġu eliminati l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ POPs, biex dawn jiġu ġestiti, mormija u eliminati b’mod sikur jew biex jonqos ir-rilaxx ta’ ċerti tipi ta’ POPs ġejjin minn produzzjoni mhux intenzjonata.
Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni u fil-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Protokoll), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE.
L-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni jistipula li kwalunkwe Parti tista’ tressaq proposta lis-Segretarjat għall-inklużjoni ta’ sustanza kimika fl-Annessi A, B u/jew C tal-Konvenzjoni, li mbagħad tiġi eżaminata mill-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (Persistent Organic Pollutants Review Committee/POPRC) skont l-Artikolu 8(3) u (4). Il-proposta għandu jkun fiha l-informazzjoni speċifikata fl-Anness D. Abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-POPRC, il-Konferenza tal-Partijiet tiddeċiedi jekk għandhiex tiġi elenkata sustanza fl-Anness A (eliminazzjoni), fl-Anness B (restrizzjoni) u/jew fl-Anness C (produzzjoni mhux intenzjonata). Il-proċedura għall-adozzjoni tal-emendi tal-Annessi hija rregolata mill-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.
L-użu tal-klorpirifos fl-Unjoni Ewropea bħala sustanza attiva f’prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u f’prodotti bijoċidali huwa pprojbit skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rispettivament. Barra minn hekk, il-klorpirifos mhuwiex irreġistrat għal xi użu ieħor f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, konsegwentement, mhuwiex permess li jiġi mmanifatturat jew imqiegħed fis-suq fl-Unjoni għal tali użu ieħor fi kwantitajiet ta’ tunnellata waħda jew aktar fis-sena għal kull manifattur jew importatur.
Skont l-informazzjoni u d-data disponibbli dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tal-klorpirifos, li kienu vvalutati bi tqabbil mal-kriterji tal-Anness D tal-Konvenzjoni, jista’ jiġi konkluż li s-sustanza klorpirifos hija persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT). Barra minn hekk, il-klorpirifos huwa soġġett ukoll għat-trasport fl-ambjent fuq distanzi twal (LRT) u nstab f’żoni remoti bħall-Artiku. Minħabba l-informazzjoni dwar il-kwalitajiet PBT u LRT tal-klorpirifos, qed jiġi propost li l-klorpirifos jissodisfa l-kriterji tal-Anness D tal-Konvenzjoni u għaldaqstant irid jitqies bħala POP. Id-dettalji tal-valutazzjoni huma disponibbli fid-dossier xjentifiku li se jakkumpanja l-proposta li l-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.
Peress li l-klorpirifos kien ipprojbit reċentement biss milli jintuża bħala sustanza attiva f’prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-klorpirifos għadu jiġi prodott għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, jidher li l-klorpirifos għadu jiġi prodott, użat u emess f’pajjiżi oħra. Minħabba l-potenzjal ta’ din is-sustanza kimika għat-trasport fl-ambjent fuq distanzi twal, il-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni mhumiex biżżejjed biex jitħares il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ saħħet il-bniedem u għalhekk hija meħtieġa azzjoni internazzjonali fuq firxa aktar wiesgħa.
Fil-kuntest tal-laqgħa li jmiss tal-POPRC li għandha ssir f’Settembru tal-2021, jixraq li l-Kummissjoni tressaq proposta, f’isem l-Unjoni, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma biex il-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A. Dik il-proposta se tiġi eżaminata f’konformità mal-kriterji u l-proċeduri fil-qafas tal-Konvenzjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-elenkar mill-Konferenza tal-Partijiet.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta tikkomplementa u hija koerenti mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2019/1021, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fl-Unjoni. Hija kompletament konformi mal-għan li s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jiġu protetti minn pollutanti organiċi persistenti.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija koerenti mal-approċċ ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fir-rigward tas-sustanzi PBT peress li t-tnejn jipprevedu kriterji li ma jippermettux, fil-prinċipju, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi li huma PBT. Sabiex tkun żgurata l-koerenza, Dokument ta’ Fehim Komuni jeżamina r-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, ir-Regolament (UE) Nru 2019/1021 u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fir-rigward tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, li huwa l-bażi xierqa għal att li jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ ftehim internazzjonali, f’dan il-każ il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.
Il-bażi ġuridika sostantiva hi l-paragrafu 1 tal-Artikolu 192 tat-TFUE minħabba li l-miżuri miftiehma fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma primarjament isegwu objettiv ambjentali (jiġifieri l-eliminazzjoni ta’ pollutanti organiċi persistenti).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-pollutanti organiċi persistenti huma ta’ tħassib globali u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma hija implimentata fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 2019/1021. Peress li l-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni, jixraq li n-nomina ta’ sustanza kimika ġdida ssir mill-Unjoni.
•Proporzjonalità
Il-pollutanti organiċi persistenti huma ta’ tħassib globali u l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma għandha l-għan li telimina l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk is-sustanzi kimiċi. Għalhekk, huwa proporzjonat li dik is-sustanza kimika tiġi proposta lill-Konvenzjoni biex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni xierqa fil-livell globali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta ġiet diskussa mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra fit-22 laqgħa tal-Awtoritajiet Kompetenti għar-Regolament (UE) Nru 2019/1021 kif ukoll waqt laqgħa tal-grupp ta’ esperti dwar il-PBT tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-kummenti li waslu ġew indirizzati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Twettqet valutazzjoni tal-impatt. In-nomina tas-sustanza kimika lill-Konvenzjoni mhu se jkollha l-ebda impatt minħabba li ma jidhirx li din qed tintuża fl-UE. F’każ li l-POPRC jikkonkludi li s-sustanza kimika hija pollutant organiku persistenti, se titwettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ miżuri ta’ ġestjoni potenzjali mill-POPRC filwaqt li titqies l-informazzjoni soċjoekonomika.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq l-attività kummerċjali billi s-sustanza kimika mhijiex fl-użu kummerċjali fl-Unjoni, u għalhekk ma teżentax lill-mikrointrapriżi u ma tinkludix regoli speċjali għall-SMEs. Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-kompetittività settorjali tal-UE jew fuq il-kummerċ billi mhijiex negozjata bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Pjan ta’ implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar mhumiex meqjusa meħtieġa.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tagħti l-mandat lill-Kummissjoni li tinnomina l-klorpirifos lill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma f’isem l-Unjoni Ewropea.
2021/0026 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-tressiq, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta li l-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fl-14 ta’ Ottubru 2004, il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-“Konvenzjoni”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE.
(2)Bħala Parti għall-Konvenzjoni, l-Unjoni tista’ tressaq proposti biex jiġu emendati l-Annessi tal-Konvenzjoni. L-Anness A għall-Konvenzjoni jagħti lista ta’ materjali organiċi persistenti li jniġġsu li għandhom jiġu eliminati.
(3)Skont it-tagħrif xjentifiku u skont ir-rapporti ta’ analiżi disponibbli, u fid-dawl tal-kriterji tal-iskrinjar stipulati fl-Anness D tal-Konvenzjoni, il-klorpirifos juri xi karatteristiċi ta’ pollutant organiku persistenti.
(4)Il-klorpirifos mhuwiex approvat bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għalhekk mhuwiex permess li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża fl-Unjoni f’prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-klorpirifos mhuwiex approvat ukoll bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għalhekk mhuwiex permess li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża fl-Unjoni f’prodotti bijoċidali. Barra minn hekk, il-klorpirifos mhuwiex irreġistrat għal xi użu ieħor f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, konsegwentement, mhuwiex permess li jiġi mmanifatturat jew imqiegħed fis-suq fl-Unjoni għal tali użu ieħor fi kwantitajiet ta’ tunnellata waħda jew aktar fis-sena għal kull manifattur jew importatur.
(5)Għalkemm il-klorpirifos ġie eliminat gradwalment fl-Unjoni, jidher li għadu jintuża bħala pestiċida u jinfirex fl-ambjent barra mill-Unjoni. Minħabba l-potenzjal tal-klorpirifos għat-trasport fl-ambjent fuq distanzi twal, il-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni mhumiex biżżejjed biex jitħares il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ saħħet il-bniedem u għalhekk hija meħtieġa azzjoni internazzjonali fuq firxa aktar wiesgħa.
(6)Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tressaq proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni biex il-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Unjoni għandha tressaq proposta biex il-klorpirifos (CAS Nru: 2921-88-2, KE Nru 220-864-4) jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”).
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni, bl-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Anness D tal-Konvenzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,