Official Journal L 204 , 12/07/1982 P. 0025 - 0026
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 3 P. 0127
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 3 P. 0127
Spanish special edition: Chapter 02 Volume 9 P. 0095
Portuguese special edition Chapter 02 Volume 9 P. 0095
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 1982 li taċċetta f'isem il-Komunità rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali dwar kooperazzjoni teknika fl-affarijiet li jikkonċernaw id-dwana (82/456/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, Billi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali dwar kooperazzjoni teknika fl-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dwana tista' tiġi aċċettata mill-Komunità b'effett immedjat; Billi huwa rakkomandabbli, iżda, li jiġi indikat il-metodu speċjali li bih ser tiġi implimentata wara li jitqiesu l-ħtiġiet partikolari ta' l-unjoni doganali, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Ir-rakkomandazzjoni tat-18 ta' Ġunju 1981 tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali dwar kooperazzjoni teknika f'affarijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dwana hija permezz ta' din id-Deċiżjoni aċċettata f'isem il-Komunità b'effett immedjat bl-użu tal-metodu speċjali ta' implimentazzjoni li ġej: il-Komunità Ekonomika Ewropea bi ħsiebha twettaq il-kooperazzjoni teknika li hemm imsemmija fir-rakkomandazzjoni fi ħdan il-qafas ta' l-azzjonijiet mill-Komunità, jew minn ċerti Stati Membri, billi żżomm f'moħħha li l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ekonomika Ewropea m'għandhomx skola tad-dwana. It-test tar-rakkomandazzjoni msemmija huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna li jkollha s-setgħa li tinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali bl-aċċettazzjoni mill-Komunità b'effett immedjat tar-rakkomandazzjoni, u l-metodu speċjali li bih ser tiġi implementata d-Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1. Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ġunju 1982. F'isem il-Kunsill Il-President P. de Keersmaeker -------------------------------------------------- RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL GĦALL-KOOPERAZZJONI DOGANALI TAT-18 TA' ĠUNJU 1981 DWAR KOOPERAZZJONI TEKNIKA FL-AFFARIJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAD-DWANA IL-KUNSILL GĦALL-KOOPERAZZJONI DOGANALI, Wara li kkunsidra l-għanijiet ġenerali tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu III li jikkonċernaw il-miżuri għall-kisba ta' l-għola grad possibli ta' armonija w uniformità fl-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dwana, Wara li fakkar id-diskussjonijiet fid-49/50 Sessjoni tal-Kunsill f'Najrobi (1977) fejn kien ġie konfermat li l-Kunsill għandu jkollu rwol aktar attiv sabiex iħeġġeġ il-kooperazzjoni teknika bejn il-pajjizi kollha żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u għandu jespandi il-politika ġenerali tiegħu fil-kooperazzjoni teknika, Innota li l-kobor kostanti tal-kummerċ dinji jimplika adattament kostanti tal-metodi tax-xogħol doganali, Innota li waqt li ġew konklużi numru sostanzjali ta' konvenzjonijiet internazzjonali tad-dwana, meta kienu taħt l-awspiċi tiegħu, huma neċessarji passi ulterjuri minbarra l-promozzjoni ta' l-adeżjoni jew ir-ratifika ta' dawn l-istrumenti sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ dinji, Wara li kkunsidra r-riżultati sodisfaċenti miksuba permezz tal-kooperazzjoni dejjem tikber fl-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dwana ma’ organizzazjonijiet tal-gvern jew organizzazzjonijiet internazzjonali mhux tal-gvern oħra, Konvint li huwa wkoll fl-interess tal-kummerċ internazzjoniali li tiġi promossa l-kooperazzjoni teknika, Konvint li taħriġ xieraq ta' uffiċjali tad-dwana huwa wieħed mill-prerekwiżiti għall-funzjonament bla xkiel tal-kummerċ internazzjonali u t-turiżmu, Xewqan li s-segretarjat tiegħu jkompli 1. jikkollabora ma’ l-Istati Membri u Stati mhux membri li jkunu jixtiequ jorganizzaw, fuq bażi bilaterali u multilaterali, seminars, korsijiet ta' taħriġ u simposja f'affarijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dwana, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali oħra amministrati mill-Kunsill, 2. jikkopera ma’ l-organizzajonijiet reġjonali u internazzjonali fl-organizzazjoni ta' seminars reġjonali u interreġjonali fl-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dwana, JIRRAKKOMANDA Li l-Istati sew jekk Membri tal-Kunsill u sew jekk le, u l-unjonijiet tad-dwana jew ekonomiċi għandhom: 1. jipprovdu l-possibiltà li jirċievu nies li qed jitħarrġu, u jirċievu, jfornu, jew jibdlu esperti fid-dwana u letturi, bl-użu tal-kanali tal-Kunsill għall-dawn l-għanijiet sa fejn ikun possibli, 2. jikkunsidraw, fejn ikun xieraq u safejn jista’ jkun possibli, li jaċċettaw uffiċjali tad-dwana ta' amministrazzjonijiet tad-dwana oħra fl-iskejjel nazzjonali tat-taħriġ għad-dwana tagħhom, 3. jorganizzaw seminars, korsijiet u simposja miftuħin jew maħsuba għall-parteċipanti minn pajjiżi oħra dwar liġijiet u regolamenti tad-dwana nazzjonali u internazzjonali, u fuq l-applikazzjoni tagħhom, 4. jikkunsidraw il-promozzjoni ulterjuri ta' l-attivitajiet immirati sabiex jiksbu kooperazzjoni teknika aktar wiesgħa fl-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dwana, JITLOB l-Istati, sew jekk Membri tal-Kunsill jew le, u l-unjonijiet tad-dwana jew ekonomiċi li jaċċettaw din ir-rakkomandazzjoni sabiex jinnotifikaw lis-Segretarju-Ġenerali bl-aċċettazzjonijiet tagħhom, bid-data li minnha huma sejrin japplikaw ir-rakkomandazzjoni, u l-kondizzjonijiet ta' l-applikazzjoni tagħha. Is-Segretarju Ġenerali għandu jittrasmetti din l-informazzjoni lill-amministrazzjonijiet goganali ta' dawn l-Istati u lill-dawn l-unjonijiet. --------------------------------------------------