IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.6.2025
COM(2025) 320 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar id-delega tas-setgħa skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 | dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tat-trasportatur tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE
Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment, għaż-żamma u għall-pubblikazzjoni ta’ lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fl-Unjoni għal raġunijiet ta’ sikurezza (Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru). Ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji komuni biex ti[i imposta projbizzjoni operattiva fuq trasportatur tal-ajru, li huma bbażati fuq l-istandards rilevanti tas-sikurezza, u jipprevedi d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-identità tat-trasportatur tal-ajru li jopera, filwaqt li jiżgura t-trasparenza għall-passiġġieri. Barra minn hekk, ir-Regolament jagħti mandat lill-Istati Membri tal-UE biex jinfurzaw, fit-territorju tagħhom, il-projbizzjonijiet ta’ operar fuq it-trasportaturi tal-ajru li huma inklużi fil-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru għaliex jonqsu milli jissodisfaw l-istandards rilevanti tas-sikurezza. Dawn il-miżuri huma mfassla mhux biss biex jipproteġu lill-passiġġieri billi jipprevjenu lil-linji tal-ajru mhux sikuri milli joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Unjoni, iżda wkoll biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar it-trasportaturi tal-ajru li ma jissodisfawx l-obbligi tas-sikurezza.
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness tar-Regolament biex timmodifika l-kriterji komuni bil-għan li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi.
Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament billi tistipula regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri msemmija fil-Kapitolu II tiegħu, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet malajr fuq l-aġġornament tal-lista. Dawn id-dispożizzjonijiet kollettivament jagħtu lill-Kummissjoni l-awtorità li tadotta atti delegati, li jippermettulha tirfina u tissupplimenta r-regoli proċedurali li jirregolaw il-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru, u timmaniġġja l-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru b’mod effiċjenti.
B’rabta ma’ din is-setgħa, l-Artikolu 14a(2) tar-Regolament jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tad-delega tas-setgħa mogħtija lilha mir-Regolament, filwaqt li tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-eżerċizzju tas-setgħat delegati tagħha.
Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 8 f’żewġ okkażjonijiet biex tiżgura li r-Regolament jibqa’ effettiv, trasparenti, u allinjat mal-istandards tas-sikurezza u mar-rekwiżiti proċedurali li qed jevolvu.
L-ewwel att delegat, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/660, ġie adottat biex jemenda r-regoli dettaljati fir-rigward ta’ ċerti proċeduri għall-aġġornament tal-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru, li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 473/2006, li inizjalment stabbilixxa r-regoli ta’ implimentazzjoni għal-lista tat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fl-Unjoni.
L-objettiv primarju ta’ dan l-att delegat kien li jiżgura li r-regoli li jirregolaw il-valutazzjoni, l-inklużjoni u t-tneħħija tat-trasportaturi tal-ajru mil-lista jibqgħu trasparenti u legalment robusti. Barra minn hekk, l-emendi introduċew titjib relatat mad-dritt tad-difiża tat-trasportaturi tal-ajru matul il-proċess ta’ evalwazzjoni.
Qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att delegat, il-Kummissjoni kkonsultat l-esperti mill-Istati Membri f’konformità mal-prinċipji tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. L-abbozz tal-att delegat ġie ppreżentat lill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni.
Għaldaqstant, skont is-setgħa mogħtija fl-Artikolu 8 tar-Regolament, il-Kummissjoni stabbiliet regoli proċedurali dettaljati għall-aġġornament tal-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru, filwaqt li żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u b’mod strutturat.
It-tieni att delegat, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/661, ġie adottat biex jemenda l-Anness tar-Regolament, li jistabbilixxi l-kriterji komuni għall-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ operar fuq it-trasportaturi tal-ajru. Din l-inizjattiva segwiet l-evalwazzjoni tal-2019 tar-Regolament, li rrikonoxxiet ir-rilevanza kontinwa tagħha, iżda enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-interazzjoni tagħha mal-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-Operatur tal-Pajjiżi Terzi (TCO) tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) tiġi mirquma.
L-emenda kellha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tar-Regolament billi tissostitwixxi l-Anness eżistenti b’verżjoni aġġornata li tinkorpora kontroreferenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014. Barra minn hekk, l-emenda inkludiet l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet li bihom projbizzjoni ta’ operar eżistenti tista’ titneħħa jekk in-nuqqasijiet sottostanti tas-sikurezza jkunu ġew solvuti.
Qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att delegat, il-Kummissjoni kkonsultat l-esperti mill-Istati Membri f’konformità mal-prinċipji tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. L-abbozz tal-att delegat ġie ppreżentat lill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni.
Għaldaqstant, skont is-setgħa mogħtija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament, l-Anness tar-Regolament ġie emendat permezz tal-adozzjoni ta’ dan l-att delegat.
Għar-raġunijiet deskritti fit-taqsima preċedenti, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati f’żewġ okkażjonijiet biex temenda u ttejjeb il-qafas regolatorju li jirregola l-Lista tal-UE tas-Sikurezza tal-Ajru.
L-ewwel emenda ssostitwiet ir-Regolament (KE) Nru 473/2006 b’regoli proċedurali aġġornati li jsaħħu ċ-ċertezza legali, l-effiċjenza u d-dritt tad-difiża għat-trasportaturi tal-ajru soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar. It-tieni emenda roqmot il-kriterji komuni użati għall-valutazzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ operar, filwaqt li żgurat allinjament aħjar mas-sistema ta’ awtorizzazzjoni tat-TCO tal-EASA.
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 14a(2) tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.