Brussell, 3.7.2026

COM(2026) 358 final

ANNESS

tal-

Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill

dwar l-identifikazzjoni ta’ Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni skont ir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill


ANNESS

Il-proġetti li ġejjin huma identifikati bħala Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs):

Ir-Rieda Ewropea dwar id-Droni u s-Sistemi kontra d-Droni (DECODER)

Objettivi u karatteristiċi tal-EDPCI

DECODER għandu l-għan li jippermetti l-iżvilupp, l-iskalar u l-varar ikkoordinati tas-sistemi Ewropej mingħajr bdot abbord u tal-kapaċitajiet kontra s-sistemi mingħajr bdot abbord biex jiġu indirizzati l-lakuni kritiċi fil-kapaċitajiet madwar l-Istati Membri. Għandu l-għan li lill-forzi armati Ewropej jipprovdilhom sistemi tad-droni u ta’ kontra d-droni moderni, adattabbli, skalabbli u interoperabbli li joperaw fid-dominji kollha. L-EDPCI se jħares u jsaħħaħ is-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza industrijali Ewropej. B’mod aktar speċifiku, l-EDPCI se jappoġġa l-akkwist konġunt tas-sistemi mingħajr bdot abbord meħtieġa u tal-kapaċitajiet ta’ kontra s-sistemi mingħajr bdot abbord, jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni industrijali rilevanti, u jistabbilixxi Network Ewropew ta’ Hubs tat-Teknoloġija tad-Droni biex jiffaċilita l-ittestjar, iħaffef l-innovazzjoni u jippermetti l-modernizzazzjoni rapida tal-forzi.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn taħt, il-proġett jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643:

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB b’perspettiva fit-tul u tappoġġa l-integrazzjoni tas-suq, it-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi u t-titjib tal-interoperabbiltà. Turi l-kontribut importanti tal-proġett għall-kapaċitajiet militari li huma kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni. Il-proposta tindirizza wkoll il-kooperazzjoni ċivili-militari u t-teknoloġiji b’użu doppju. Tqis l-inizjattivi tal-PESCO u tal-EDA, kif ukoll l-attivitajiet rilevanti tan-NATO.

Il-proposta tipprovdi argumenti b’saħħithom u ssostanzjati sew għall-benefiċċju ta’ parti usa’ tal-Unjoni u tinvolvi lil 26 Stat Membru, kif ukoll lil pajjiżi oħra. Il-proposta tipprovdi evidenza li hemm lok sinifikanti biex jiġu indirizzati l-kumplessità teknika u firxa wiesgħa ta’ attivitajiet operazzjonali u industrijali, u tistabbilixxi l-ambizzjoni strateġika fit-tul u d-daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali.

Lista tal-pajjiżi li se jipparteċipaw fl-EDPCI fid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni

Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Ukrajna.

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Iva

Involviment tal-RGħ/EDA bħala osservaturi

Iva

Stima tad-daqs finanzjarju kumplessiv tal-EDPCI

EUR 3.5–5 biljun sal-2033

Id-Difiża Integrata tal-Qasam Marittimu u ta’ Qiegħ il-Baħar (IMSD)

Objettivi u karatteristiċi tal-EDPCI

L-IMSD għandu l-għan li jistabbilixxi arkitettura Ewropea tad-difiża marittima u ta’ qiegħ il-baħar federata u interoperabbli li tkun kapaċi ssaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tipprevjeni, tidentifika, tiskoraġġixxi u tirrispondi għat-theddid fid-dominju marittimu kollu. Hu bbażat fuq l-integrazzjoni ta’ tliet pilastri ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku: l-għarfien tad-dominju marittimu, il-ġlieda navali u l-interdizzjoni marittima, u l-gwerra ta’ taħt l-ilma u ta’ qiegħ il-baħar.

B’mod aktar speċifiku, il-proġett se jtejjeb l-għarfien komuni fid-dominju marittimu permezz ta’ arkitettura interoperabbli u integrata tal-UE għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jappoġġa l-iżvilupp industrijali koordinat, l-espansjoni u l-akkwist komuni ta’ pjattaformi navali, ta’ sistemi ta’ taħt l-ilma, ta’ sistemi mingħajr bdot abbord, ta’ għodod tal-intelligence, tas-sorveljanza u tar-rikonjizzjoni (ISR), u ta’ kapaċitajiet tal-gwerra ta’ taħt l-ilma. Il-proġett se jkopri wkoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ċivili, u jwettaq l-azzjoni ewlenija tal-Patt Ewropew għall-Oċeani dwar l-Għarfien tad-Dominju Marittimu, inkluż kapaċitajiet ta’ mingħajr bdot abbord.

Fl-aħħar mill-aħħar, se jsaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika marittima u ta’ qiegħ il-baħar, inkluż portijiet, installazzjonijiet lil hinn mill-kosta, kejbils ta’ taħt l-ilma u pipelines.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn taħt, il-proġett jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643:

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB u mistennija tgħin biex tinfirex il-kooperazzjoni transfruntiera, tonqos il-frammentazzjoni fis-suq Ewropew tad-difiża marittima mill-aktar frammentat, u jinkisbu effetti konsegwenzjali pożittivi għas-settur ċivili. Jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-kapaċitajiet kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni billi jappoġġa l-għarfien tad-dominju marittimu, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika ta’ taħt l-ilma, l-arkitetturi navali interoperabbli u l-kapaċitajiet tal-gwerra ta’ taħt l-ilma u ta’ qiegħ il-baħar.

Il-proġett jibni fuq diversi inizjattivi attwali tal-PESCO u tal-EDA u jqis l-attivitajiet rilevanti tan-NATO. Jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (17) u l-benefiċċji tiegħu jilħqu parti usa’ tal-Unjoni. Il-proġett għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali.

Lista tal-pajjiżi li se jipparteċipaw fl-EDPCI fid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni

Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Ukrajna.

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Iva

Involviment tal-RGħ/EDA bħala osservaturi

Iva

Stima tad-daqs finanzjarju kumplessiv tal-EDPCI

EUR 43–72 biljun sal-2045



SPACE

Objettivi u karatteristiċi tal-EDPCI

SPACE għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet spazjali Ewropej fl-oqsma tat-twissija bikrija bbażata fl-ispazju (SBEW), il-komunikazzjonijiet bis-satellita (SATCOM), l-intelligence, is-sorveljanza u r-rikonjizzjoni (ISR), inkluż l-intelligence tas-sinjali (SIGINT), l-għarfien tad-dominju spazjali (SDA), il-pożizzjonament, in-navigazzjoni u s-sinkronizzazzjoni (PNT) u l-gwerra tan-navigazzjoni (NAVWAR), u s-sistemi spazjali reattivi (RSS), u li jrawwem approċċ b’diversi missjonijiet.

Biex ilaqqa’ flimkien id-diversi missjonijiet deskritti hawn fuq, l-EDPCI jipproponi li jiġi investigat l-iżvilupp ta’ kostellazzjoni b’diversi missjonijiet. B’mod partikolari, il-proġett jiffoka fuq l-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża, inkluż tal-infrastruttura meħtieġa, b’appoġġ għall-għodod tal-ippjanar militari komuni għall-kondiviżjoni tas-SATCOM, għas-servizzi tal-PNT, għall-kapaċitajiet tal-ISR, u għall-kapaċitajiet tad-detezzjoni u taċ-ċaħda tan-NAVWAR. Jipprevedi wkoll aktar avvanzi fil-kapaċitajiet ibbażati fl-ispazju tant kruċjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet indipendenti.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn taħt, il-proġett jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643:

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB, tappoġġa t-trasformazzjoni ta’ riċerka u żvilupp (R&D) maturi f’kapaċitajiet operazzjonali sovrani li l-ebda Stat Membru ma jista’ jiżviluppa waħdu, twessa’ s-sħubijiet transfruntieri, toħloq opportunitajiet tas-suq ġodda u tindirizza t-tnaqqis tad-dipendenza strutturali fil-qasam tal-ispazju. Il-proġett huwa rilevanti ħafna minn perspettiva militari u operazzjonali u jikkostitwixxi kontribut dirett u strutturali għat-Tarka Spazjali tal-UE.

Il-proġett iqis il-proġetti rilevanti tal-PESCO u għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tal-Istati Membri b’mod konsistenti mal-attivitajiet tan-NATO. Jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (16). Għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali u l-benefiċċji tiegħu jilħaq parti wiesgħa tal-Ewropa permezz tal-kopertura inerenti mal-Unjoni kollha tal-kapaċitajiet ibbażati fl-ispazju.

Lista tal-pajjiżi li se jipparteċipaw fl-EDPCI fid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni

Il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Iżvezja, in-Norveġja.

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Iva

Involviment tal-RGħ/EDA bħala osservaturi

Iva

Stima tad-daqs finanzjarju kumplessiv tal-EDPCI

Sa EUR 24 biljun sal-2034



Id-Difiża Federata u Integrata tal-UE kontra l-attakki mill-Ajru u l-Missili, inkluża t-Twissija Bikrija

(EU-FIAMD)

Objettivi u karatteristiċi tal-EDPCI

L-EU-FIAMD għandu l-għan li jipprovdi lill-Istati Membri difiża integrata kontra l-attakki mill-ajru u l-missili (IAMD) kollettiva u effettiva, inkluż informazzjoni ta’ twissija bikrija u kunsiderazzjonijiet ta’ kmand u kontroll. Għandu l-għan li jippermetti lill-pajjiżi jużaw kapaċitajiet rilevanti għall-IAMD fil-ħin u bil-kwalità u l-kwantità meħtieġa, u jiżgura li diversi soluzzjonijiet nazzjonali jkunu jistgħu jiġu kkombinati b’mod effettiv u jintużaw b’mod konġunt, inkluż sensuri, tagħmir u ambjenti ta’ kmand u kontroll. B’mod aktar speċifiku, il-proġett jiffoka fuq il-ħolqien ta’ arkitettura komuni ġenerali fil-livell tal-intrapriża u tal-kapaċitajiet, it-tisħiħ industrijali tas-sistemi eżistenti, u l-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża.

Il-proġett se jiffoka wkoll fuq l-iżvilupp b’appoġġ għat-teknoloġiji kritiċi li jirfdu l-IAMD, kif ukoll fuq l-użu ta’ ambjenti tal-infrastruttura u taċ-ċertifikazzjoni li jippermettu ttestjar, validazzjoni u taħriġ għall-federazzjoni operazzjonali futura. Barra minn hekk, l-arkitettura timmira għal konformità sħiħa mal-prijoritajiet, mal-ħtiġijiet tal-kapaċità u mar-rekwiżiti tal-interoperabbiltà identifikati fl-oqfsa tan-NATO.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn taħt, il-proġett jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643:

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB u tappoġġa l-ħolqien u l-espansjoni tal-kooperazzjoni fost l-industrija Ewropea. Se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sistema federata ta’ sistemi li lill-Istati Membri jipprovdulhom kapaċitajiet militari kritiċi, jiġifieri difiża kontra l-attakki mill-ajru u l-missili (IAMD) kollettiva u integrata. Tqis l-inizjattivi tal-PESCO u tal-EDA, kif ukoll l-attivitajiet rilevanti tan-NATO.

Il-proġett jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (16). Jikkontribwixxi direttament għat-tisħiħ tar-reżiljenza kollettiva tal-Unjoni permezz ta’ IAMD imsaħħa, protezzjoni mtejba tal-infrastruttura kritika, aktar koordinazzjoni operazzjonali tal-forzi armati, u bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali f’setturi kritiċi relatati mad-difiża kontra l-attakki mill-ajru u l-missili. Il-proġett għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali.

Lista tal-pajjiżi li se jipparteċipaw fl-EDPCI fid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni

Iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Ukrajna.

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Iva

Involviment tal-RGħ/EDA bħala osservaturi

Iva

Stima tad-daqs finanzjarju kumplessiv tal-EDPCI

EUR 55–80 biljun sal-2040

   

L-Għassa tan-Naħa tal-Lvant (EFW)

Objettivi u karatteristiċi tal-EDPCI

L-Għassa tan-Naħa tal-Lvant għandha l-għan li tipprovdi sforz komprensiv f’diversi oqsma biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni, tiġi żgurata l-protezzjoni tat-territorju kollu tal-Unjoni, u b’hekk tissaħħaħ il-prontezza tad-difiża tal-Unjoni.

L-ewwel attivitajiet li se jitwettqu se jkunu mmirati lejn sitt pilastri tal-kapaċità: il-kumbattiment fl-art, id-difiża kontra d-droni, is-C4ISTAR, il-kontromobbiltà, il-mobbiltà militari, u s-sistemi tad-difiża kontra l-attakki mill-ajru u l-missili. Il-proġett jipprevedi l-akkwist komuni ta’ prodotti, ta’ servizzi u ta’ infrastruttura b’appoġġ għal tali kapaċitajiet, kif ukoll l-espansjoni tal-kapaċità u tal-faċilitajiet tal-produzzjoni rilevanti. Huma mistennija wkoll ittestjar, validazzjoni u taħriġ għall-pjattaformi operazzjonali rilevanti b’appoġġ għall-inizjattiva tal-EFW. Il-proġett jipprevedi azzjonijiet immedjati għal żmien qasir, kif ukoll żviluppi għal żmien medju.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn taħt, il-proġett jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643:

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB, l-integrazzjoni tas-suq, l-integrazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja permezz tad-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista, kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi. Tindirizza oqsma ta’ kapaċità kritika, bħall-kumbattiment fl-art, is-C4ISTAR, id-difiża kontra l-attakki mill-ajru u l-missili, id-droni/is-sistemi kontra d-droni, kif ukoll il-mobbiltà militari. Tqis l-inizjattivi tal-PESCO u tal-EDA u tibni fuq l-attivitajiet rilevanti tan-NATO u tikkontribwixxi għalihom.

Il-proġett jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (15). Il-proposta hija strutturata bħala inizjattiva ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet f’diversi oqsma u, filwaqt li hija ffukata ġeografikament fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni, hija ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha kontra theddid konkret għas-sigurtà u tipprevedi l-possibbiltà li ż-żona ta’ interess ġeografika tagħha tiġi estiża. Il-proġett għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali, kif ukoll ambizzjoni fit-tul.

Lista tal-pajjiżi li se jipparteċipaw fl-EDPCI fid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni

Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Ukrajna.

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Iva

Involviment tal-RGħ/EDA bħala osservaturi

Iva

Stima tad-daqs finanzjarju kumplessiv tal-EDPCI

EUR 60–100 biljun sal-2036