Brussell, 3.7.2026

COM(2026) 358 final

2026/0192(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-identifikazzjoni ta’ Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni skont ir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“ir-Regolament EDIP”) jipprevedi l-possibbiltà fl-Artikolu 35 li jiġu identifikati Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (“EDPCIs”).

L-EDPCIs għandhom jikkonsistu minn proġetti industrijali kollaborattivi immirati biex isaħħu l-kompetittività tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) fl-Unjoni kollha filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri li huma kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni, u li jinkludu l-kapaċitajiet li jiżguraw aċċess għad-dominji operazzjonali kollha.

Skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2025/2643, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta atti ta’ implimentazzjoni li jidentifikaw l-EDPCIs. Din il-proposta tissodisfa dak ir-rekwiżit billi tistabbilixxi l-ewwel sett ta’ proġetti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament EDIP sabiex jiġu identifikati bħala EDPCIs.

Il-lista ta’ proġetti skont din il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) kif ukoll tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), tal-konformità tal-proġetti mressqa mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 35(4) mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament EDIP. Il-proġetti li huwa propost li jiġu identifikati bħala EDPCIs jitqiesu li jagħtu kontribut sostanzjali għall-prontezza tad-difiża tal-Unjoni billi jrawmu l-iżvilupp u l-akkwist kollaborattivi, jappoġġaw iż-żieda fil-kapaċitajiet industrijali fejn meħtieġ, u jtejbu l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-bażi legali għall-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2025/2643. Dik id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Kunsill biex, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta att ta’ implimentazzjoni li jidentifika l-Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni.

•    Sussidjarjetà

Il-proposta tikkonċerna qasam ta’ kompetenza kondiviża, b’mod partikolari d-dimensjoni industrijali tal-prontezza tad-difiża tal-Unjoni. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom.

Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2025/2643, l-identifikazzjoni tal-EDPCIs teħtieġ valutazzjoni tal-proġetti fil-livell tal-Unjoni skont il-kriterji komuni stabbiliti fir-Regolament EDIP, u teħtieġ determinazzjoni komuni li l-proġetti jaqdu interess Ewropew komuni. Azzjoni fil-livell tal-Unjoni hi meħtieġa biex jiġu żgurati l-konsistenza, it-trasparenza u t-trattament ugwali fl-identifikazzjoni ta’ tali proġetti, u biex jingħata qafas komuni għal proġetti li r-raġunament u l-effetti tagħhom huma inerentement tranżnazzjonali.

•Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Hija limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament EDIP.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta ma toħloqx obbligi lil hinn minn dawk meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-EDPCIs skont il-qafas legali stabbilit mill-att bażiku.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-finanzjament tal-EDPCIs jista’ jiġi pprovdut mill-pakkett baġitarju identifikat għal dak l-għan fil-Programm ta’ Ħidma adottat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament EDIP. Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tagħti finanzjament tal-Unjoni.

Meta jiġu stabbiliti, il-grupp tal-Istati Membri (kif ukoll kull Stuttura għall-Programm Ewropew dwar l-Armamenti li jaf ikun hemm fil-futur) li jipparteċipaw f’EDPCI jkunu eliġibbli u jingħataw finanzjament skont l-Artikolu 35 tar-Regolament EDIP, f’konformità ma’ proċedura ddedikata.

4.ELEMENTI OĦRA

• Passi proċedurali għall-identifikazzjoni tal-Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EPDCIs)

(1)Fis-16 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni nediet sejħa għal espressjoni ta’ interess biex tikkonsulta lill-Istati Membri tal-UE b’mod inklużiv dwar l-identifikazzjoni ta’ Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs) possibbli, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2025/2643. Sal-iskadenza tad-29 ta’ Mejju 2026, l-Istati Membri ressqu disa’ proposti ta’ EDPCIs possibbli.

(2)Il-Kummissjoni stiednet lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inkluż lill-Istat Maġġur tal-UE (EUMS), kif ukoll lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), biex jipprovdu l-għarfien espert tagħhom biex tkun żgurata l-konsistenza mal-prijoritajiet u l-objettivi msemmija fl-Artikolu 35(2), il-punti (b), (c) u (d), u biex jikkomplementaw l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri rigward il-proposti għal proġetti.

(3)Il-Kummissjoni vverifikat li l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha u, fejn rilevanti, l-Ukrajna, ġew infurmati dwar il-ħolqien ta’ proġett u ngħataw l-opportunità jipparteċipaw.

(4)Filwaqt li qieset ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-SEAE, inkluż l-EUMS, u mill-EDA, il-Kummissjoni vverifikat il-konformità tal-proposti tal-EDPCIs possibbli tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jikkostitwixxi d-dispożizzjoni operattiva li tindika li l-proġetti elenkati fl-Anness iridu jiġu identifikati bħala l-ewwel Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs), skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2025/2643.

L-Anness tad-Deċiżjoni jelenka l-ħames proġetti li jridu jiġu identifikati bħala EDPCIs u għal kull wieħed minnhom jistabbilixxi l-objettivi u l-karatteristiċi ewlenin, il-pajjiżi parteċipanti, u stima tad-daqs finanzjarju kumplessiv, kif mitlub mill-Artikolu 35(6) tar-Regolament (UE) 2025/2643.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 35(14), il-Kummissjoni għandha tkun tista’, fejn rilevanti, tipparteċipa fil-proġetti, u l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li jinvolvu lir-Rappreżentant Għoli u lill-EDA bħala osservaturi f’EDPCI. Għalhekk, il-parteċipazzjoni proposta tal-Kummissjoni u l-involviment tar-Rappreżentant Għoli u tal-EDA bħala osservaturi huma elenkati wkoll fl-Anness, biex tiżdied it-trasparenza u tingħata ċ-ċarezza dwar il-qafas ta’ kull EDPCI identifikat.

•Spjegazzjoni dettaljata dwar il-verifika tal-konformità tal-proposti tal-EDPCI mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643

Bħala riżultat tal-proċess ta’ verifika, f’konformità mal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2025/2643, il-Kummissjoni tipproponi li tidentifika, f’dan l-istadju, ħamsa mid-disa’ proposti mressqa bħala EDPCIs, jiġifieri: ir-Rieda Ewropea dwar id-Droni u s-Sistemi kontra d-Droni (DECODER); id-Difiża Integrata tal-Qasam Marittimu u ta’ Qiegħ il-Baħar (IMSD); SPACE; id-Difiża Federata u Integrata tal-UE kontra l-attakki mill-Ajru u l-Missili, inkluż it-Twissija Bikrija (EU-FIAMD); u l-Għassa tan-Naħa tal-Lvant (EFW).

Il-Kummissjoni vvalutat li, fir-rigward taċ-ċarezza tal-objettivi u tal-livell ta’ maturità tagħhom, il-ħames proposti jissodisfaw għalkollox il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643. B’mod partikolari, għandhom il-potenzjal li jsaħħu b’mod sinifikanti l-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, iqisu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-inizjattivi u tal-proġetti tal-PESCO u tal-EDA u tal-attivitajiet rilevanti mwettqa min-NATO, filwaqt li jkunu inklużivi u ta’ benefiċċju għal parti usa’ tal-Unjoni, bis-saħħa tad-daqs u l-ambitu sinifikanti tagħhom. Il-benefiċċji potenzjali tagħhom jitqiesu li jisbqu l-kost tagħhom.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fejn xieraq u f’konformità mar-Regolament (UE) 2025/2643, jenħtieġ li l-varar tal-EDPCIs identifikati jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-Ukrajna u jkun jinkludi t-tagħlimiet rilevanti meħuda.

Ir-Rieda Ewropea dwar id-Droni u s-Sistemi kontra d-Droni (DECODER)

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB bi perspettiva fit-tul u tappoġġa l-integrazzjoni tas-suq, it-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi u t-titjib tal-interoperabbiltà. Turi l-kontribut importanti tal-proġett għall-kapaċitajiet militari li huma kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni, u tindirizza l-kooperazzjoni ċivili-militari u t-teknoloġiji b’użu doppju. Tqis l-inizjattivi tal-PESCO u tal-EDA kif ukoll l-attivitajiet rilevanti tan-NATO.

Il-proposta tipprovdi argumenti b’saħħithom u ssostanzjati sew għall-benefiċċju ta’ parti usa’ tal-Unjoni u tinvolvi lil 26 Stat Membru, kif ukoll lil pajjiżi oħra. Il-proposta tipprovdi evidenza li hemm lok sinifikanti biex jiġu indirizzati l-kumplessità teknika u firxa wiesgħa ta’ attivitajiet operazzjonali u industrijali, u tistabbilixxi l-ambizzjoni strateġika fit-tul u d-daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali.

Id-Difiża Integrata tal-Qasam Marittimu u ta’ Qiegħ il-Baħar (IMSD)

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB u mistennija tgħin biex tinfirex il-kooperazzjoni transfruntiera, tonqos il-frammentazzjoni fis-suq Ewropew tad-difiża marittima mill-aktar frammentat, u jinkisbu effetti konsegwenzjali pożittivi għas-settur ċivili. Il-proġett se jkopri wkoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ċivili, filwaqt li jwettaq l-azzjoni ewlenija tal-Patt Ewropew għall-Oċeani dwar l-Għarfien tad-Dominju Marittimu. Jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-kapaċitajiet kritiċi għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni billi jappoġġa l-għarfien tad-dominju marittimu, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika ta’ taħt l-ilma, l-arkitetturi navali interoperabbli u l-kapaċitajiet tal-gwerra ta’ taħt l-ilma u ta’ qiegħ il-baħar.

Il-proġett jibni fuq diversi inizjattivi attwali tal-PESCO u tal-EDA u jqis l-attivitajiet rilevanti tan-NATO. Jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (17) u l-benefiċċji tiegħu jilħqu lil parti usa’ tal-UE. Il-proġett għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali.

SPACE

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB, tappoġġa t-trasformazzjoni ta’ riċerka u żvilupp (R&D) maturi f’kapaċitajiet operazzjonali sovrani li l-ebda Stat Membru ma jista’ jiżviluppa waħdu, twessa’ s-sħubijiet transfruntieri, toħloq opportunitajiet tas-suq ġodda u tindirizza t-tnaqqis tad-dipendenza strutturali fil-qasam tal-ispazju. Il-proġett huwa rilevanti ħafna minn perspettiva militari u operazzjonali u jikkostitwixxi kontribut dirett u strutturali għat-Tarka Spazjali tal-UE.

Il-proġett iqis il-proġetti rilevanti tal-PESCO u għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà tal-Istati Membri b’mod konsistenti mal-attivitajiet tan-NATO. Dan jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (16). Għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali u l-benefiċċji tiegħu jilħaq parti wiesgħa tal-Ewropa permezz tal-kopertura inerenti mal-Unjoni kollha tal-kapaċitajiet ibbażati fl-ispazju.

Id-Difiża Federata u Integrata tal-UE kontra l-attakki mill-Ajru u l-Missili, inkluż it-Twissija Bikrija

(EU-FIAMD)

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB u tappoġġa l-ħolqien u l-espansjoni tal-kooperazzjoni fost l-industrija Ewropea. Dan se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sistema federata ta’ sistemi li lill-Istati Membri jipprovdulhom kapaċitajiet militari kritiċi, jiġifieri difiża kollettiva u integrata kontra l-attakki mill-ajru u l-missili (IAMD). Tqis l-inizjattivi tal-PESCO u tal-EDA, kif ukoll l-attivitajiet rilevanti tan-NATO.

Il-proġett jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (16). Jikkontribwixxi direttament għat-tisħiħ tar-reżiljenza kollettiva tal-UE permezz ta’ IAMD imsaħħa, protezzjoni mtejba tal-infrastruttura kritika, aktar koordinazzjoni operazzjonali tal-forzi armati, u bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali f’setturi kritiċi relatati mad-difiża kontra l-attakki mill-ajru u l-missili. Il-proġett għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali.

L-Għassa tan-Naħa tal-Lvant (EFW)

Il-proposta tindirizza t-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB, l-integrazzjoni tas-suq, l-integrazzjoni tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja permezz tad-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista, kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi. Tindirizza oqsma ta’ kapaċità kritika, bħall-kumbattiment fl-art, is-C4ISTAR, id-difiża kontra l-attakki mill-ajru u l-missili, id-droni/is-sistemi kontra d-droni, kif ukoll il-mobbiltà militari. Tqis l-inizjattivi tal-PESCO u tal-EDA u tibni fuq l-attivitajiet rilevanti tan-NATO u tikkontribwixxi għalihom.

Il-proġett jinvolvi għadd kbir ta’ pajjiżi (15). Il-proposta hija strutturata bħala inizjattiva ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet f’diversi oqsma u, filwaqt li hija ffukata ġeografikament fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, hija ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha kontra theddid konkret għas-sigurtà u tipprevedi l-possibbiltà li ż-żona ta’ interess ġeografika tagħha tiġi estiża. Il-proġett għandu ambitu sinifikanti u daqs finanzjarju kumplessiv stmat sostanzjali, kif ukoll ambizzjoni fit-tul.

B’kuntrast ma’ dan, erba’ proposti oħra, jiġifieri l-Unitajiet tal-Ġlieda Robotika Ewropej għal Operazzjonijiet fl-Art (ERCUL), is-Sistemi tal-Artillerija (ARTISYS), is-Sistemi tal-Pjattaformi Operazzjonali f’Diversi Oqsma (ARCADIA) ul-Ispazju Ewropew tad-Data dwar id-Difiża għall-IA (EDDS), minkejja li juru rilevanza għat-tisħiħ tal-prontezza tad-difiża tal-UE, instab li għadhom ma jikkonformawx għalkollox mal-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza suffiċjenti fid-deskrizzjoni tal-objettivi tagħhom u minħabba l-livell ta’ maturità ġenerali tagħhom, inkluż f’termini tal-ambizzjoni tagħhom li jiġbru flimkien id-diversi atturi u soluzzjonijiet industrijali rilevanti taħt l-objettiv kondiviż li tinkiseb il-prontezza tad-difiża. Soġġetti għal avvanzi fil-maturità tagħhom, dawn il-proposti madankollu juru potenzjal solidu li jiġu identifikati bħala EDPCIs wara sejħa għal espressjoni ta’ interess sussegwenti. Għalhekk, f’dak ir-rigward, jistgħu jirċievu finanzjament mill-EDIP li jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tagħhom.

2026/0192 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-identifikazzjoni ta’ Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni skont ir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2025 li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“ir-Regolament EDIP”) 1 , u b’mod partikolari, l-Artikolu 35(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-16 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni nediet sejħa għal espressjoni ta’ interess bl-għan li tikkonsulta lill-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni ta’ Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs) possibbli, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2025/2643. Sal-iskadenza tad-29 ta’ Mejju 2026, l-Istati Membri ressqu disa’ proposti ta’ proġett għal EDPCIs possibbli.

(2)F’konformità mal-Artikolu 35(5)(b) tar-Regolament EDIP, il-Kummissjoni stiednet lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”), permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) biex jipprovdu l-għarfien espert tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza mal-prijoritajiet u mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 35(2), il-punti (b), (c) u (d) ta’ dan ir-Regolament, u biex jikkomplementaw l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri rigward il-proposti ta’ proġett.

(3)Il-Kummissjoni vverifikat li l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha u, fejn rilevanti, l-Ukrajna, ikunu ġew infurmati dwar il-ħolqien ta’ proġett u ngħataw l-opportunità jipparteċipaw.

(4)Filwaqt li qieset l-informazzjoni pprovduta mill-SEAE u mill-EDA, il-Kummissjoni vverifikat il-konformità tal-proposti tal-EDPCIs possibbli tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643, u pproponiet li ħames proposti jiġu identifikati bħala EDPCIs.

(5)L-EDPCIs identifikati jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2025/2643. B’mod partikolari, dawn għandhom il-potenzjal li jsaħħu b’mod sinifikanti l-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB), jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, iqisu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-inizjattivi u tal-proġetti tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u tal-EDA u tal-attivitajiet rilevanti mwettqa mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), filwaqt li jkunu inklużivi u ta’ benefiċċju għal parti usa’ tal-Unjoni, bis-saħħa tad-daqs u tal-ambitu sinifikanti tagħhom, u l-benefiċċji potenzjali jisbqu l-kost tagħhom.

(6)Fir-rigward ta’ kull EDPCI propost għall-identifikazzjoni, jinħoloq il-kriterju ta’ rilevanza u għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ li tipparteċipa fl-EDPCIs proposti għall-identifikazzjoni kollha, f’konformità mal-Artikolu 35(14) tar-Regolament (UE) 2025/2643.  Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli u l-EDA jkunu involuti bħala osservaturi fil-ħames EDPCIs kollha li qed jiġu proposti għall-identifikazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proġetti elenkati fl-Anness huma identifikati bħala Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2025/2643, 29.12.2025.