European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/254

29.1.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/254

tad-29 ta’ Jannar 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 (1).

(2)

Fis-27 ta' Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew il-kundanna qawwija tagħhom tal-ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF) u l-milizzji affiljati rispettivi tagħhom. Id-dikjarazzjoni ddeplorat ukoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u d-dannu irreparabbli li sar għall-ħajja tan-nies f’Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali.

(3)

Fit-28 ta' Ottubru 2025, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni konġunta mal-Kummissarju Lahbib dwar il-qbid ta' El Fasher. Id-dikjarazzjoni ssottolinjat li s-sekwestru tal-kapitali ta’ Darfur mill-RSF jimmarka punt ta' bidla perikoluż fil-gwerra u jhedded li jkompli jaggrava s-sitwazzjoni umanitarja diġà mwiegħra. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni żiedet li l-fatt li persuni ċivili qegħdin fil-mira abbażi tal-etniċità tagħhom jenfasizza l-brutalità tal-RSF.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li seba' individwi addizzjonali jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2135 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2023/2135, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2135/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135, taħt l-intestatura “A. Lista ta’ persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(1)”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“14.

Algony Hamdan DAGALO MUSA

magħruf ukoll bħala

Algoney Hamdan Daglo Musa

Musa Ahmed

Post tat-twelid: Nayala North, Sudan

Data tat-twelid: 9.8.1990

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Major in the RSF

Entitajiet assoċjati: RSF; Tradive General Trading Co; GSK ADVANCE COMPANY LTD

Numru tal-passaport: B00017334 (Sudan); Passaport alternattiv: B00024943 (Sudan) li jiskadi fis-27 ta’ Settembru 2031 (individwali) [SUDAN-EO14098]

Algoney Hamdan Dagalo Musa huwa maġġur fl-RSF u ħu Mohammad Hamdan Dagalo (Hemedti), li huwa l-kap tal-RSF. Algoney Hamdan Dagalo Musa huwa involut fl-akkwist ta’ armi għall-RSF.

Algoney Hamdan Dagalo Musa stabbilixxa l-kumpaniji Tradive General Trading Co u GSK ADVANCE COMPANY LTD , żewġ entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi mill-Unjoni talli huma involuti fil-proċessi tal-akkwist tal-RSF. Għalhekk, huwa assoċjat ma’ entitajiet responsabbli għall-appoġġ tal-azzjonijiet tal-RSF li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

Algoney Hamdan Dagalo Musa huwa għalhekk responsabbli għall-ippjanar ta’ atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

29.1.2026

15.

Elfateh Abdullah Idris ADAM

magħruf ukoll bħala Abu Lulu

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Brigadier General/Commander of the RSF

Entitajiet assoċjati: RSF

Elfateh Abdullah Idris Adam huwa Brigadier Ġeneral u Kmandant tal-RSF. Huwa ġie identifikat bħala awtur ewlieni tal-atroċitajiet imwettqa mill-RSF f’El Fasher f’Ottubru 2025. F’dak l-inċident, huwa qatel persuni ċivili u ordna l-qtil ta’ diversi persuni innoċenti, inkluż tfal.

Elfateh Abdullah Idris Adam huwa għalhekk responsabbli għat-tmexxija u t-twettiq ta’ atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

29.1.2026

16.

Edris KAFUTI

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Field Commander of the RSF

Entitajiet assoċjati: RSF

Edris Kafuti huwa kmandant ta’ operazzjonijiet militari tal-RSF. Huwa ġie identifikat bħala awtur ewlieni tal-atroċitajiet imwettqa mill-RSF f'El Fasher f’Ottubru 2025. F’dak l-inċident, huwa ffastidja individwi detenuti.

Edris Kafuti huwa għalhekk responsabbli għat-twettiq ta’ atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

29.1.2026

17.

Tijani Ibrahim Moussa MOHAMED

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Field Commander of the RSF

Entitajiet assoċjati: RSF

Tijani Ibrahim Moussa Mohamed huwa kmandant ta’ operazzjonijiet militari tal-RSF. Huwa ġie identifikat bħala awtur ewlieni tal-atroċitajiet imwettqa mill-RSF f’El Fasher f’Ottubru 2025. F’dak l-inċident, huwa ffastidja individwi detenuti.

Tijani Ibrahim Moussa Mohamed huwa għalhekk responsabbli għat-twettiq ta’ atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

29.1.2026

18.

Gedo HAMDAN

magħruf ukoll bħala

Abu Nushuk

Gedo Hamdan Ahmed

Abnashuk

Jido Hamdan Ahmed

Abunshuk

Jadu Hamdan

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Regional Commander for North Darfur Section, Brigadier General of the RSF

Entitajiet assoċjati: RSF

Gedo Hamdan huwa Kmandant Reġjonali għat-Taqsima tat-Tramuntana tad-Darfur u Brigadier Ġeneral tal-RSF. Huwa ġie identifikat bħala awtur ewlieni tal-atroċitajiet imwettqa mill-RSF f’El Fasher f’Ottubru 2025.

Gelo Hamdan huwa għalhekk responsabbli għat-twettiq ta’ atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan.

29.1.2026

19.

Abu Zaid Talha AL-MISBAH

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Commander of the Baraa bin Malik Battalion (BBMB)

Entitajiet assoċjati: SAF; Baraa bin Malik Battalion (BBMB)

Abu Zaid Talha Al-Misbah huwa l-Kmandant tal-Battaljun Baraa bin Malik (BBMB), milizzja Iżlamista li qed tiġġieled flimkien mal-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) fil-kunflitt bejn l-SAF, il-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u l-gruppi armati alleati tagħhom, li ilu għaddej mill-15 ta’ April 2023.

Abu Zaid Talha Al-Misbah ħa sehem fid-difiża tal-bażi tal-Korp Armored fin-Nofsinhar ta’ Khartoum bejn Ġunju u Awwissu 2023. Huwa mexxa wkoll il-ġellieda tal-Battaljun Baraa bin Malik li ħakmu l-palazz Repubblikan f’Khartoum bil-kotra f’Marzu 2025. Abu Zaid Talha Al-Misbah għalhekk qed jipparteċipa b’mod attiv fl-isforzi tal-gwerra mmexxija mill-SAF, li qed jostakolaw u jimminaw l-isforzi biex tissokta t-tranżizzjoni politika fis-Sudan.

Abu Zaid Talha Al-Misbah għandu r-responsabbiltà ta’ kmand għall-eżekuzzjonijiet sommarji ta’ ċivili mwettqa mill-Battaljun Baraa bin Malik fit-Tramuntana ta’ Khartoum f’Settembru 2024 u f’Gezirah f’Jannar 2025, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif dokumentat, fost oħrajn, fir-rapport ta’ Diċembru 2025 tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni għas-Sudan tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rapport ta’ Frar 2025 tal-Human Rights Watch.

Abu Zaid Talha Al-Misbah għalhekk kien involut direttament fit-twettiq ta’ atti mill-Battaljun Baraa bin Malik li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u huwa responsabbli wkoll għad-dgħajfien tal-isforzi biex tissokta t-tranżizzjoni politika fis-Sudan.

29.1.2026

20.

Al-Tayyib AL-IMAM JODA

Nazzjonalità: Sudaniża

Sess: raġel

Funzjoni: Emir of the Nafeidiya clan of the Kawahla tribe from the Sarhan area west of Gezirah

Entitajiet assoċjati: SAF; Sudan Shield Forces; it-tribù Kawahla; ik-klann Nafeidiya

Al-Tayyib Al-Imam Joda huwa l-Emir tal-klann Nafeidiya tat-tribù Kawahla miż-żona ta’ Sarhan fil-Punent tal-Istat ta’ Gezirah. Kien fost il-mexxejja tal-komunità li għenu lill-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-milizzji alleati, b’mod partikolari s-Sudan Shield Forces, fir-reklutaġġ u l-organizzazzjoni tal-kampanja ta’ mmirar sistematiku tal-komunitajiet tal-biedja ta’ Kanabi fl-Istati ta’ Gezirah u Sennar, li kienet tinkludi arresti tal-massa, qtil tal-massa, oqbra tal-massa u rħula maħruqa, b’mod partikolari qabel u wara l-qbid mill-ġdid ta’ Wad Madani mill-SAF u l-alleati tagħhom f’Jannar 2025.

Al-Tayyib Al-Imam Joda esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Forzi tat-Tarka tas-Sudan (Sudan Shield Forces), grupp paramilitari alleat mal-SAF, immexxi minn Abu Aqla Mohamed Kaikal, li wettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istat ta’ Gezirah.

Al-Tayyib Al-Imam Joda ripetutament appella għat-tisħiħ bl-armi tal-popolazzjoni ċivili, irrekluta ġellieda f'isem l-SAF u l-Forzi tat-Tarka tas-Sudan (Sudan Shield Forces), u inċita l-vjolenza kontra l-poplu Kanabi billi akkużahom li huma affiljati mal-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF).

Al-Tayyib Al-Imam Joda kien għalhekk involut fl-ippjanar, it-tmexxija u t-twettiq ta’ atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u li jimminaw direttament l-isforzi biex tissokta t-tranżizzjoni politika fis-Sudan.

29.1.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/254/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)