SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Appell – Protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Artikoli 7 u 8 – Artikolu 49(2) u Artikolu 50(1) – Portata tal-kontroll tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ isem”
Fil-Kawża C‑579/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑19 ta’ Settembru 2023,
Cunsorziu di i Salamaghji Corsi – Consortium des Charcutiers Corses, stabbilita f’Borgo (Franza),
Charcuterie Fontana, stabbilita f’Borgo,
Costa et Fils, stabbiliti f’Urtaca (Franza),
L’Aziana, stabbilita f’Bastelica (Franza),
Charcuterie Passoni, stabbilita f’Venzolasca (Franza),
Orezza – Charcuterie la Castagniccia, stabbilita f’San-Giuliano (Franza),
Salaisons Réunies, stabbiliti f’Penta-di-Casinca (Franza),
Salaisons Joseph Pantaloni, stabbiliti f’Sarrola-Carcopino (Franza),
Antoine Semidei, stabbilit f’Castellare-di-Casinca (Franza),
L’Atelu Corsu, stabbilita f’Ajaccio (Franza),
irrappreżentati minn T. de Haan u V. Le Meur-Baudry, avocats,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, C. Perrin u B. Rechena, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Lulju 2023, Cunsorziu di i Salamaghji Corsi – Consortium des Charcutiers Corses et vs Il‑Kummissjoni (T‑34/22, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2023:386), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1879 tas‑26 ta’ Ottubru 2021 li tirrifjuta tliet applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ isem bħala indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Jambon sec de l’Île de Beauté” (IĠP), “Lonzo de l’Île de Beauté” (IĠP), “Coppa de l’Île de Beauté” (IĠP)) (ĠU 2021, L 383, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
Il-premessi 19, 58 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10 u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40), huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
3 |
It-titolu II tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”, jinkludi l-Artikolu 6, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Natura ġenerika, konflitti ma’ ismijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti u ta’ razez ta’ annimali, ma’ omonimi u ma’ trade marks”, li jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu: “Isem propost għar-reġistrazzjoni li huwa kompletament jew parzjalment omonimu ma’ isem li jkun diġà ddaħħal fir-reġistru stabbilit taħt l-Artikolu 11 ma jistax jiġi rreġistrat sakemm ma jkunx hemm distinzjoni suffiċjenti fil-prattika bejn il-kondizzjonijiet tal-użu lokali u tradizzjonali u l-preżentazzjoni tal-omonimu li jkun ġie rreġistrat wara u l-isem ikun diġà ddaħħal fir-reġistru, b’kont meħud tal-ħtieġa li jkun żgurat trattament ekwu tal-produtturi kkonċernati u li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati.” |
|
4 |
L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Speċifikazzjoni tal-prodott”, jindika: “Denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, għandha tkun konformi ma’ speċifikazzjoni li għandu jkun fiha mill-inqas:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għandha tinkludi tal-inqas l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott previsti fl-Artikolu 7. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 11(1) tal-istess regolament: “Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni […] i jistabbilixxu u jipprovdu għaż-żamma ta’ reġistru aġġornat u aċċessibbli għall-pubbliku, tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti rrikonoxxuti taħt din l-iskema.” |
|
7 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Protezzjoni”, jipprovdi: “1. L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra: […]
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji adatti biex jimpedixxu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li huma prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru. Għal dak il-għan l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li jkunu responsabbli li jieħdu dawn il-passi f’konformità mal-proċeduri determinati minn kull Stat Membru individwali. Dawn l-awtoritajiet għandhom joffru garanziji adegwati ta’ oġġettività u imparzjalità, u għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-persunal kwalifikat u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.” |
|
8 |
L-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet”, jippreċiża: “[…] 2. Fejn l-applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II tkun relattiva għal żona ġeografika fi Stat Membru, jew fejn applikazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III tkun imħejjija minn grupp stabbilit fi Stat Membru, l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jiskrutinja bir-reqqa l-applikazzjoni b’mezzi adatti sabiex jivverifika li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva. 3. Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni u li tipprovdi għal perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni. […] 4. Jekk, wara li jivvaluta kull oppożizzjoni li jkun irċieva, l-Istat Membru jqis bħala li ġew sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta dossier ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni. F’ tali każ huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-oppożizzjonijiet ammissibbli riċevuti minn xi persuna naturali jew ġuridika li tkun legalment ikkummerċjalizzat il-prodotti inkwistjoni, bl-użu tal-ismijiet ikkonċernati b’mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skrutinju mill-Kummissjoni u pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, jipprovdi: “1. Il-Kummissjoni għandha tiskrutinja b’mezzi adatti kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi taħt l-Artikolu 49, sabiex tivverifika li din tkun iġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva. Dan l-iskrutinju ma għandux jieħu iktar minn sitt xhur. Fejn jinqabeż dan il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tindika bil-miktub lill-applikant ir-raġunijiet għad-dewmien. […] 2. Meta, abbażi tal-iskrutinju li jsir taħt l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tqis bħala li ġew sodisfatti li l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, hi għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 52 tal-istess regolament, intitolat “Deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn, abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni mill-iskrutinju li jsir taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1), il-Kummissjoni tqis bħala mhux sodisfatti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni. […]” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
11 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew miġbura fil-qosor fil-punti 4 sa 10 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
12 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Jannar 2022, l-appellanti ppreżentaw rikors li kellu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
13 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw żewġ motivi bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali u l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kienu stabbilixxew b’mod suffiċjenti l-konformità mal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 tat-tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni miċħuda mid-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
14 |
Fl-ewwel lok, wara li esponiet, qabelxejn, fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza appellata, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP stabbilita mir-Regolament Nru 1151/2012, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li hija l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament, li għandha tirrifjuta reġistrazzjoni jekk hija tqis bħala illegali l-użu fil-kummerċ tal-isem li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni. |
|
15 |
Sussegwentement, fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ evalwazzjoni awtonoma fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet effettivament wettqet eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni. |
|
16 |
Fl-aħħar, għar-raġunijiet esposti fil-punti 51 sa 60 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni għandha biss marġni ta’ diskrezzjoni limitat, jekk mhux ineżistenti, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ isem bħala DOP jew IĠP. |
|
17 |
Fit-tieni lok, wara li ċaħdet l-argumenti tal-appellanti intiżi li juru li l-Kummissjoni hija marbuta bl-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tar-riskju ta’ evokazzjoni kkawżat mill-ismijiet li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 78 sa 108 tas-sentenza appellata, l-eżami tal-elementi li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjonijiet inkwistjoni. Minn dan, hija kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
18 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
19 |
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq it‑talba għal rinviju lill‑Awla Manja
|
21 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Jannar 2024, l-appellanti talbu li din il-kawża tiġi assenjata lil Awla Estiża tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew anki lill-Awla Manja. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprevedi t-trattament ta’ din it-tip ta’ talba min-naħa ta’ parti fil-kawża għajr Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punt 19). |
|
23 |
Skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, huwa minnu li l-kulleġġ ġudikanti li ġiet irrinvijata l-kawża quddiemu jista’, f’kull stadju tal-proċedura, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tassenja mill-ġdid din il-kawża lil kulleġġ ġudikanti ikbar, iżda din hija miżura li l-awla li tkun ġiet assenjata l-kawża lilha għandha tadotta, bħala prinċipju, ex officio u b’mod liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punt 20). |
|
24 |
F’dan il-każ, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li din il-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja. |
Fuq l‑appell
|
25 |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, sa fejn il-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-Kummissjoni tiċħad applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 49, 50 u 52 tal-imsemmi regolament, sa fejn il-Qorti Ġenerali awtorizzat lill-Kummissjoni teċċedi l-kompetenzi tagħha. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 50 tal-istess regolament, kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 kif ukoll tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha. |
|
26 |
Peress li, permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw il-ksur mill-Qorti Ġenerali tar-regoli ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali, minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ ismijiet bħala IĠP, għandu l-ewwel jiġi eżaminat dan l-aggravju qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju relatati mal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali reġistrazzjoni. |
Fuq it‑tieni aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
27 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx eċċediet il-limiti tal-kompetenza tagħha skont ir-Regolament Nru 1151/2012, wettqet żball ta’ liġi. Skont l-appellanti, fid-dawl tar-regoli ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn din l-istituzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, kif stabbiliti fl-Artikoli 49(2) u fl-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija limitata, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 50 sa 61 tas-sentenza appellata, għall-verifika li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu bagħtulha fajls kompleti mingħajr twettiq ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ismijiet imsemmija f’dawn l-applikazzjonijiet. Madankollu, id-Deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex ibbażata fuq tali motivi. |
|
28 |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-awtoritajiet nazzjonali, a fortiori meta r-raġuni għal rifjut invokata minn din l-istituzzjoni tkun diġà ġiet miċħuda minn qorti nazzjonali bis-saħħa ta’ deċiżjoni li kisbet l-awtorità ta’ res judicata. |
|
29 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
30 |
L-ewwel nett, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, meta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala IĠP tkun tikkonċerna żona ġeografika fi Stat Membru, din għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, li jeżaminaha permezz tal-“mezzi xierqa” sabiex jiġi vverifikat li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni previsti mill-imsemmi regolament. L-imsemmi Stat Membru għandu, skont l-Artikolu 49(3) tal-istess regolament, jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni xierqa tal-applikazzjoni u li tipprovdi perijodu raġonevoli li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni. |
|
31 |
Wara li jkun eżamina l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjonijiet riċevuti, jekk l-Istat Membru jqis li l-applikazzjoni tkun tosserva r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012, huwa jista’, skont l-Artikolu 49(4) ta’ dan ir-regolament, jagħti deċiżjoni favorevoli billi jiżgura li din tiġi ppubblikata u li kull persuna li jkollha interess leġittimu jkollha aċċess għal rimedji ġudizzjarji. Fi tmiem din il-fażi nazzjonali, dan l-Istat Membru jippreżenta fajl ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni u jinformaha dwar l-oppożizzjonijiet ammissibbli. |
|
32 |
Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, il-Kummissjoni għandha teżamina permezz ta’ “mezzi adatti” l-applikazzjoni li hija tirċievi skont l-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament, sabiex tivverifika li din hija ġġustifikata u tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tal-isem li għalih saret l-applikazzjoni. |
|
33 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxu sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni tista’ tieħu d-deċiżjoni li tirreġistra isem bħala DOP jew bħala IĠP biss jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu ssottomettewlha applikazzjoni għal dan l-għan, liema applikazzjoni dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu vverifikaw li hija ġġustifikata u tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni previsti minn dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punt 53). Huwa minn din il-perspettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 36 tas-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46), li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tal-Kummissjoni hija kkundizzjonata mid-deċiżjoni minn qabel meħuda mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. |
|
34 |
Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq dik magħmula minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali meta din ma tkunx ivvizzjata bi żball manifest (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, EU:C:2001:659, punt 60, kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punti 90, 93 u 99), hija ma ddeċidietx li l-Kummissjoni hija marbuta bl-evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kompatibbiltà tal-isem inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ dan it-tqassim ta’ kompetenzi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 kif ukoll dik tal-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiżaw li għandu jsir eżami tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni, permezz ta’ “mezzi xierqa”. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-Artikolu 50(1) tal-imsemmi regolament, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “mezzi xierqa”, iżda tħalli f’idejn il-Kummissjoni sabiex tevalwa n-natura u l-portata ta’ dawn il-motivi, b’mod li l-appellanti ma jistgħux isostnu li l-eżami mwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali skont l-Artikolu 49(2) tal-istess regolament jorbot lill-Kummissjoni. |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jindika li l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni humiex iġġustifikati u jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa minn dan ir-regolament. |
|
37 |
Bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni mill-Kummissjoni huwa limitat, bi kwalunkwe mod, mill-eżami inizjali mwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali. |
|
38 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tiddeċiedi, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u li hija għandha, fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li tirreġistra isem bħala IĠP, marġni ta’ diskrezzjoni awtonomu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-marġni ta’ evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni huwa “limitat jew ineżistenti” biss fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros, C‑785/18, EU:C:2020:46, punti 25, 26 u 36). |
|
39 |
It-tieni nett, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma tal-Kummissjoni hija sostnuta, minn naħa, mill-qari tal-premessa 19 tar-Regolament Nru 1151/2012, li tipprovdi li l-garanzija tar-rispett uniformi fl-Unjoni kollha tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbuta ma’ ismijiet li huma protetti fl-Unjoni hija prijorità li tista’ tintlaħaq b’mod iktar effettiv fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tat-twettiq ta’ dan l-għan, is-setgħa li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni, b’mod li, fl-assenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma f’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tipprekludi li dawn il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni jiġu applikati b’mod differenti fi ħdan l-Istati Membri. |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, il-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012 tippreċiża li l-eżami tal-applikazzjonijiet għandu jsir mill-awtoritajiet nazzjonali, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet komuni minimi li jinkludu proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni. Skont din l-istess premessa, il-Kummissjoni għandha “teżamina bir-reqqa l-applikazzjonijiet biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball evidenti u li jkun ittieħed kont tal-liġi tal-Unjoni u tal-interessi tal-partijiet interessati barra l-Istat Membru tal-applikazzjoni”. |
|
41 |
Jekk l-eżami tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni mill-Kummissjoni kellu jkun limitat, kif isostnu l-appellanti, għall-verifika tal-kompletezza tal-fajls u tal-assenza ta’ żbalji manifesti, din l-istituzzjoni ma tkunx tista’ twettaq l-“eżami bir-reqqa” li tipprevedi l-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni ma tistax tiġi prekluża milli tivverifika l-konformità ta’ din l-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, kif jeżiġi l-Artikolu 50(1) tal-imsemmi regolament. Dan huwa kkorroborat mill-importanza li jagħtu t-termini ta’ din il-premessa lill-osservanza kemm mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, tar-rekwiżiti komuni minimi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-imsemmi regolament. |
|
42 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 61 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tar-reġistrazzjoni. Din l-istituzzjoni tista’ tassumi r-responsabbiltà finali għat-teħid ta’ deċiżjoni fil-qasam tar-reġistrazzjoni biss jekk ikollha setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma, mingħajr ma tkun marbuta bir-riżultat li jkun wassal għalih l-eżami minn qabel tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali. |
|
43 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kisritx il-limiti tal-kompetenza tagħha meta vverifikat, skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1151/2012, jekk il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ isem humiex issodisfatti. |
|
44 |
Barra minn hekk, hija ġustament qieset, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, li, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma, deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
45 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l‑ewwel aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
46 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 seta’ jservi bħala bażi għal deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-Kummissjoni, wettqet żball ta’ liġi. |
|
47 |
L-ewwel nett, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ ksur tal-protezzjoni tal-ismijiet irreġistrati kontra kull evokazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, minkejja li l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament jirriżerva din il-kompetenza lill-Istati Membri. |
|
48 |
It-tieni nett, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali estendiet in-numru ta’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, billi inkludiet b’mod żbaljat l-eżami tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, jiġifieri li l-isem li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni bħala IĠP ma jiksirx il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni. |
|
49 |
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, li tivvalida l-affermazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni li l-użu fil-kummerċ tal-ismijiet ikkonċernati mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kien illegali, minkejja li din l-istituzzjoni ma kellhiex provi li jippermettulha tevalwa l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti kkonċernati minn dawn l-ismijiet huma kkummerċjalizzati. L-iżball ta’ liġi hekk imwettaq mill-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi pprojbita kull koeżistenza bejn DOP u IĠP. |
|
50 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
51 |
Skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, l-ismijiet irreġistrati għandhom jiġu protetti kontra kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew jekk l-isem protett ikun tradott jew użat flimkien ma’ espressjoni bħal stil, tip, metodu, mod, imitazzjoni jew espressjoni simili. |
|
52 |
Mill-Artikolu 7(1) u mill-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-redazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, li għandha tosserva IĠP, tikkostitwixxi stadju neċessarju tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Dan għandu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament, jinkludi l-isem li tintalab il-protezzjoni tiegħu kif “[j]intuża fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni”. |
|
53 |
Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, isem ma jistax jibbenefika mir-reġistrazzjoni bħala IĠP jekk jiġi kkonstatat li dan jevoka isem li huwa diġà rreġistrat bħala DOP. Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali reġistrazzjoni neċessarjament iċċaħħad minn effett utli l-protezzjoni mogħtija lill-isem irreġistrat minn qabel. |
|
54 |
Huwa minnu li l-Artikolu 13(3) tal-istess regolament jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jipprevjenu u jwaqqfu l-użu ta’ ismijiet li jevokaw isem irreġistrat bħala DOP jew IĠP li huma mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati fit-territorju tagħhom. B’hekk, l-evokazzjoni tista’ tiġi kkonstatata biss wara l-evalwazzjoni globali tal-awtoritajiet nazzjonali, li tinkludi l-elementi rilevanti kollha tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 60). |
|
55 |
Madankollu, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jeżiġi li l-Kummissjoni tivverifika li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. |
|
56 |
Sa fejn isem, li jevoka isem diġà rreġistrat, ma jkunx konformi mal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, dan ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni prevista minn dan ir-regolament. Fil-fatt, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 7(1)(a) u mill-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li, sabiex ikun eliġibbli għar-reġistrazzjoni, l-isem għandu jissemma fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott li jinsabu f’din l-applikazzjoni kif “[j]intuża fil-kummerċ jew fil-lingwaġġ komuni”, jimplika neċessarjament użu eżenti minn kull ksur tad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament. |
|
57 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdi espressament li isem propost għar-reġistrazzjoni li huwa parzjalment jew totalment omonimu ma’ isem diġà mniżżel fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi rreġistrat, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ użu lokali u tradizzjonali u l-preżentazzjoni tal-omonimu rreġistrat sussegwentement ikunu distinti biżżejjed fil-prattika mill-isem diġà mniżżel fir-reġistru. Skont din id-dispożizzjoni, l-osservanza tal-protezzjoni mogħtija lil isem irreġistrat minn qabel hija waħda mill-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni li l-Kummissjoni hija obbligata tivverifika skont l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
58 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata, qabel ma tadotta deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni, tivverifika li l-isem li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni ma jkunx jippreġudika l-protezzjoni li jibbenefika minnha, fl-Unjoni kollha, isem ieħor diġà rreġistrat. |
|
59 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika li l-użu tal-ismijiet li tintalab ir-reġistrazzjoni tagħhom ma jiksirx il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012 li jibbenefika minnha isem irreġistrat bħala DOP. |
|
60 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-appellanti li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal sabiex jiġi kkontestat il-prinċipju ta’ koeżistenza bejn isem irreġistrat bħala DOP u isem irreġistrat bħala IĠP. |
|
61 |
Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-prinċipji żviluppati fil-kuntest ta’ kull sistema ta’ protezzjoni, jistgħu jiġu applikati trasversalment, b’tali mod li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ismijiet u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 32). |
|
62 |
Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm riskju ta’ evokazzjoni indipendentement mis-sistema li jibbenefikaw minnha l-ismijiet diġà rreġistrati u dik li għaliha japplikaw l-ismijiet li tintalab ir-reġistrazzjoni tagħhom. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-kunċett ta’ “evokazzjoni” jkopri sitwazzjoni li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott ikun jinkorpora parti minn isem protett, b’tali mod li meta l-konsumatur ikun ikkonfrontat bl-isem tal-prodott, l-immaġni li tiskatta f’moħħu tkun dik ta’ prodott li jibbenefika minn dan l-isem (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa wkoll mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li kien hemm riskju ta’ evokazzjoni bejn isem protett bħala DOP u ismijiet li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni bħala IĠP. |
|
64 |
Sa fejn l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, dwar il-paragun bejn l-ismijiet irreġistrati bħala DOP u l-ismijiet li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, għandu jitfakkar li dawn l-evalwazzjonijiet fattwali ma jistgħux jiġu kkontestati, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-fatti, fl-istadju tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 126). Peress li l-appellanti ma sostnewx tali żnaturament, l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
65 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
Fuq it‑tielet aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
66 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012 kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta rrifjutat li tirrikonoxxi, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li, waqt l-eżami tagħha tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali. |
|
67 |
Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
68 |
L-ewwel nett, kif ġie deċiż fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni awtonoma fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni. |
|
69 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jirriżulta li l-Kummissjoni, meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiċħdu applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tibbaża ruħha mhux biss fuq l-eżami mwettaq skont l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll “abbażi tal-informazzjoni disponibbli”, fejn din l-aħħar preċiżazzjoni tinkludi neċessarjament l-informazzjoni trażmessa mill-Istat Membru. |
|
70 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti, taħt il-pretest li jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża li tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fir-realtà jsostnu li l-Kummissjoni kienet marbuta b’dawn l-evalwazzjonijiet u kellha, konsegwentement, tagħti r-reġistrazzjoni tal-ismijiet mitluba. Dan l-argument jikkoinċidi ma’ dak imressaq insostenn tat-tieni aggravju, li ma ntlaqax. |
|
71 |
It-tieni nett, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tar-riskju ta’ evokazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma stabbilixxiet li din il-qorti, billi għamlet dan, wettqet żnaturament tal-provi u tal-fatti. |
|
72 |
Kif tfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, dawn l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali ma jistgħux jiġu kkontestati fl-istadju tal-appell. |
|
73 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
Fuq ir‑raba’ aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
74 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li, billi ddeċidiet, fil-punti 88, 89 u 94 tas-sentenza appellata, li sinonimità bejn żewġ ismijiet twassal neċessarjament għal evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. B’hekk, is-sinonimità tal-ismijiet ma hijiex suffiċjenti waħedha sabiex twassal għal riskju ta’ evokazzjoni, peress li tali konstatazzjoni hija possibbli biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tal-fatti inkluża fil-fajl. |
|
75 |
Fit-tieni lok, fil-punti 78 u 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, adottat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li huwa biss pubbliku partikolarment informat li jkollu għarfien tad-differenzi kwalitattivi bejn il-prodotti li l-ismijiet tagħhom huma protetti bħala DOP u dawk li l-ismijiet tagħhom huma s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala IĠP. Fil-fatt, id-differenza fil-prezz bejn il-prodotti kkonċernati tippermetti lill-konsumaturi jiddistingwuhom. |
|
76 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
77 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ evokazzjoni, l-isem kollu kif ġie rreġistrat u l-isem li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni. |
|
78 |
Peress li l-appellanti sostnew fl-ewwel istanza li l-eżami tal-evokazzjoni kien jirrigwarda biss it-termini ġeografiċi tal-ismijiet kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tas-sinonimità tal-elementi ġeografiċi tal-ismijiet ikkonċernati, jekk jintlaqa’ dan l-argument, dan iwassal neċessarjament għall-konstatazzjoni ta’ evokazzjoni u jmur kontra l-kawża difiża mill-appellanti. Minn dan isegwi li l-ewwel ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 94 tal-imsemmija sentenza. |
|
79 |
Fir-rigward tat-tieni lment, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkonfermat, fil-punti 78 u 81 tas-sentenza appellata, li huwa biss pubbliku partikolarment avżat li jkollu għarfien tad-differenzi kwalitattivi bejn l-ismijiet protetti bħala DOP u l-ismijiet li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni bħala IĠP, meta d-differenza fil-prezz tal-prodotti inkwistjoni hija indikazzjoni tad-differenza fil-kwalità. |
|
80 |
Għandu jitfakkar li r-riskju ta’ evokazzjoni jiġi stabbilit meta l-użu ta’ isem jipproduċi, f’moħħ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, rabta suffiċjentement diretta u inekwivoka bejn dan l-isem u d-DOP. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tirriżulta minn diversi fatturi, jiġifieri b’mod partikolari, mill-inkorporazzjoni parzjali tad-denominazzjoni protetta, mill-familjarità fonetika u viżiva bejn iż-żewġ ismijiet u mix-xebh li jirriżulta minnha, u anki fl-assenza ta’ dawn il-fatturi, mill-prossimità kunċettwali bejn id-DOP u l-isem inkwistjoni jew ukoll mix-xebh bejn il-prodotti koperti minn dan l-istess isem. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-użu tal-isem inkwistjoni (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C-783/19, EU:C:2021:713, punt 66). |
|
81 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament setgħet tqis, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li d-differenza fil-prezz bejn il-prodotti li jibbenefikaw minn protezzjoni bħala DOP u l-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni ta’ isem hija mitluba bħala IĠP ma hijiex waħedha deċiżiva għall-finijiet tal-eliminazzjoni tal-evokazzjoni li tista’ tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-fatturi mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
82 |
Fi kwalunkwe każ, billi jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma identifikatx b’mod korrett il-pubbliku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ evokazzjoni, l-appellanti jfittxu, essenzjalment, li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-karatteristiċi tal-pubbliku rilevanti. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali konstatazzjonijiet jaqgħu fil-qasam tal-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva (digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Kerry Luxembourg vs EUIPO, C‑305/20 P, EU:C:2020:882, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
83 |
Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment inammissibbli. |
|
84 |
Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati insostenn tal-appell ma ntlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
85 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
86 |
Peress li l-appellanti tilfu fl-aggravji tagħhom, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.