SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
11 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikoli 4(1) u 13 — Regolament (KEE) Nru 2220/85 — Artikolu 19(1)(a) — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura — Kundizzjonijiet ta’ rilaxx tal-garanzija kkostitwita biex jiġi żgurat ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem”
Fil-Kawża C‑128/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura
Cruz & Companhia Lda
vs
Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP),
Caixa Central — Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo CRL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, C. Vajda (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Cruz & Companhia Lda, minn M. Lacerda, R. Freitas u J. Freitas, advogados, |
|
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Folgado Moreno, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Guerra e Andrade u D. Triantafyllou kif ukoll minn M. Afonso, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas‑27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/94, tas‑26 ta’ Lulju 1994 (ĠU L 191, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”) u tal‑Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85, tat‑22 ta’ Lulju 1985, li jistabilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 6, p. 186), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3403/93, tal‑10 ta’ Diċembru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 221, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 2220/85”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cruz & Companhia Lda (iktar ’il quddiem “Cruz & Companhia”) u l‑Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas IP (IFAP) minn naħa, u l-Caixa Central — Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo CRL (iktar ’il quddiem is-“CCAM”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rifjut ta’ rilaxx ta’ garanzija bankarja li tiżgura r-rimbors tal-ammont ta’ ħlas bil-quddiem ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni, imħallsa għal esportazzjonijiet ta’ nbid magħmula matul is-sena 1995, u tal-attivazzjoni ta’ din il-garanzija bankarja. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87, tas-16 ta’ Marzu 1987, dwar l-organizzazzjoni kommuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 84, p. 1), kien jipprovdi: “1. Sa fejn huwa neċessarju sabiex tkun tista’ ssir esportazzjoni ekonomikament importanti tal-prodotti [li jirriżultaw mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-inbid], abbażi tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti fil-kummerċ internazzjonali, id-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet fil-Komunità tista’ tkun koperta bi ħlas lura fuq l-esportazzjoni. [...] 2. Il-ħlas lura għandu jkun l-istess għall-Komunità kollha. Huwa jista’ jvarja skont l-użu jew id-destinazzjoni. Il-ħlas lura jingħata fuq talba tal-persuna kkonċernata. 3. Il-Kunsill, li tiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni b’maġġoranza kkwalifikata, għandha tiddeċiedi r-regoli ġenerali dwar l-għoti tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u l-kriterji tal-iffissar tal-ammont tagħhom. 4. Il-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu deċiżi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 83. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 822/87 kien jipprovdi: “Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew grupp ta’ persuni fil-pussess tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 [inklużi prodotti marbuta mal-inbid, bħal f’dan il-każ,] għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, b’mod partikolari l-produtturi, il-persuni responsabbli mill-imbottiljar, il-persuni responsabbli mill-ipproċessar kif ukoll in-negozjanti li għandhom jiġu ddeterminati, għandhom l-obbligu li jżommu reġistri li jindikaw, b’mod partikolari, id-dħul u l-ħruġ tal-imsemmija prodotti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
Il-modalitajiet komuni għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ restituzzjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli kienu stabbiliti mill-Kummissjoni fir-Regolament Nru 3665/87. |
|
6 |
It-tielet, ir-raba’ u s-sittax‑il premessa tar-Regolament Nru 3665/87 kienu jipprovdu: “[...] ir-regoli ġenerali deċiżi mill-Kunsill jipprovdu li l-ħlas lura jsir meta tiġi prodotta l-prova u li l-prodotti jkunu ġew esportati barra mill-Komunità; [...] [...] ċerti esportazzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal abbużi; [...] sabiex jiġu evitati tali abbużi, jeħtieġ li għal dawn it-tranżazzjonijiet il-ħlas lura jkun suġġett, minbarra l-kundizzjoni li l-prodott ikun ħalla t-territorju doganali tal-Komunità, għall-kundizzjoni li l-prodott ikun ġie importat f’pajjiż terz, u, jekk ikun il-każ, ikun effettivament tqiegħed fis-suq tal-pajjiż terz; [...] [...] sabiex il-finanzjament tal-esportazzjonijiet tal-esportaturi jiġi ffaċilitat, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati jħallsulhom bil-quddiem, mill-mument li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, l-ammont kollu jew parti minnu tal-ħlas lura, suġġett għall-għoti ta’ garanzija li tista’ tiżgura r-rimbors ta’ dan il-ħlas bil-quddiem fil-każ fejn jidher ulterjorment li l-ħlas lura ma kellux jingħata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7 |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3665/87: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 16, il-ħlas lura huwa suġġett għall-produzzjoni tal-prova li l-prodotti li għalihom ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni telqu fi stat tale quale mit-territorju doganali tal-Komunità sa mhux iktar tard minn terminu ta’ sittin ġurnata minn din l-aċċettazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 kien jipprovdi: “L-ebda ħlas lura ma għandu jingħata meta l-prodotti ma jkunux ta’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata, u, jekk dawn il-prodotti huma intiżi għall-ikel mill-bnedmin, meta l-użu tagħhom għal dan il-għan jiġi eskluż jew kunsiderevolment imnaqqas minħabba l-karatteristiċi jew l-istat tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
L-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 3665/87 kien jiddikjara: “Prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni jkunu twettqu għandha tiġi prodotta skont ma jagħżel l-esportatur bil-produzzjoni ta’ wieħed mid-dokumenti li ġejjin: [...]
|
|
10 |
L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 3665/87, li kien jinsab taħt il-Kapitolu 2, intitolat “Ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura fil-każ ta’ esportazzjoni diretta”, kien jipprovdi: “1. Fuq talba mill-esportatur, l-Istati Membri għandhom iħallsu bil-quddiem l-ammont kollu jew parti minnu tal-ħlas lira, mill-mument li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, bil-kundizzjoni li tiġi kkostitwita garanzija li l-ammont tagħha huwa ekwivalenti għal dan il-ħlas bil-quddiem, miżjud bi 15 %. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom huwa possibbli li jintalab ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-ħlas lura. 2. L-ammont li għandu jitħallas bil-quddiem għandu jiġi kkalkolat billi tittieħed inkunsiderazzjoni tal-ħlas lura applikabbli għad-destinazzjoni ddikjarata u aġġustata, jekk ikun il-każ, tal-ammonti l-oħra previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
11 |
L-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 3665/87 kien jipprovdi: “Meta tiġi prodotta l-prova tad-dritt għal ħlas lura fir-rigward ta’ prodotti jew merkanzija aċċettata skont kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, l-ammont inkwistjoni jkun suġġett għal tpaċija mal-ammont imħallas bil-quddiem. Meta l-ammont dovut għall-kwantità esportata jkun ogħla minn dak li tħallas bil-quddiem, id-differenza titħallas mill-persuna kkonċernata. Meta s-somma dovuta fuq il-kwantità esportata tkun iktar baxxa minn dak imħallas bil-quddiem, b’mod partikolari fil-każ ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tapplika mingħajr dewmien il-proċedura msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 bil-għan li l-operatur iħallas id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti miżjuda b’20 %.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
12 |
Ir-Regolament Nru 2220/85 kien jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-garanziji li għandhom jiġu pprovduti b’mod partikolari jew skont ir-Regolament Nru 822/87 jew skont ir-regolamenti ta’ implementazzjoni tiegħu. |
|
13 |
Taħt it-Titolu IV, intitolat “Il-ħlas ta’ l-avvanzi [ħlasijiet bil-quddiem]”, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2220/85 kien jipprovdi: “1. Il-garanzija għandha tiġi rilaxxjata meta:
2. La darba d-data ta’ l-għeluq biex ikun muri l-intitolament finali għas-somma mogħtija jkun skada mingħajr il-produzzjoni ta’ evidenza tal-intitolament, l-awtorità kompetenti għandha immedjatament issegwi mal-proċedura fl-Artikolu 29. [...]” |
|
14 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2238/1993, tas‑26 ta’ Lulju 1993, dwar id-dokumenti li jakkumpanjaw it-trasporti tal-prodotti marbuta mal-inbid u mar-reġistri li għandhom jinżammu fis-settur tal-inbid (ĠU L 200, p. 10), kien jipprovdi: “1. Dan ir-regolament jiddeċiedi l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87 fir-rigward tad-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti tas-settur tal-inbid, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva [tal-Kunsill 92/12, tal‑25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179)]. Huwa jistabbilixxi:
2. Dan ir-regolament jistabbilixxi, barra minn hekk, regoli għaż-żamma tar-reġistri ta’ dħul u ta’ ħruġ mill-persuni fil-pussess ta’ prodotti tal-inbid għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Cruz & Companhia hija kumpannija kummerċjali li tiddedika ruħha għall-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed, tal-eaux de vie u tad-derivati tagħhom, inkluża l-produzzjoni, il-ħażna u x-xiri bil-għan tal-bejgħ mill-ġdid. Fil-kuntest tal-attività tagħha, din il-kumpannija wettqet esportazzjonijiet ta’ nbid lejn l-Angola bi prezz inferjuri għal dak li kienet tikseb li kieku kienet biegħet l-inbid fis-suq tal-Unjoni Ewropea. |
|
16 |
Fix-xahar ta’ Ġunju 1995, Cruz & Companhia talbet lill-Instituto Nacional de Intervenção e Garantia Agrícola (iktar ’il quddiem l-“INGA”) il-ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura. F’dan is-sens, hija ppreżentat l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, il-prova li l-prodotti kienu ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni f’terminu ta’ 60 ġurnata minn din l-aċċettazzjoni, kif ukoll garanzija bankarja kkostitwita mingħand is‑CCAM, fl‑14 ta’ Ġunju 1995, li l-ammont tagħha kien ugwali għall-ammont tal-ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura, miżjud bi 15 %. |
|
17 |
Ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura ngħata lil Cruz & Companhia fis-26 ta’ Ġunju 1995. |
|
18 |
Wara t-twettiq tal-esportazzjoni, Cruz & Companhia ppreżentat lill-INGA d-dokumenti relatati mal-esportazzjoni, jiġifieri l-irċevuti, iċ-ċertifikat, id-dikjarazzjoni ta’ kompożizzjoni tal-merkanzija, il-kampjun magħżul u l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni. |
|
19 |
Il-prodotti daħlu fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni u ġew sdoganati. |
|
20 |
L‑INGA qatt ma ħallset lura l-garanzija bankarja lil Cruz & Companhia. |
|
21 |
Wara verifika ta’ regolarità tal-esportazzjonijiet ta’ nbejjed imwettqa minn Cruz & Companhia, l-INGA ordnat, permess ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2004, ir-rimbors tal-ammont miġbur minn Cruz & Companhia bħala ħlas lura fuq l-esportazzjoni, f’terminu ta’ 30 ġurnata, taħt piena li jingħata bidu għall-mekkaniżmi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-garanzija bankarja. |
|
22 |
Cruz & Companhia, li ma wettqitx il-ħlas volontarju tal-ammont mitlub, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Viseu kontra d-deċiżjoni tal-INGA tad‑29 ta’ Lulju 2004. Fil‑25 ta’ Lulju 2008, dan it-tribunal ċaħad ir-rikors ta’ Cruz & Companhia bħala infondat. |
|
23 |
Cruz & Companhia appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Central Administrativo do Norte. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2009, li saret res judicata, din il-qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat id-deċiżjoni tat‑Tribunal Administrativo e Fiscal de Viseu. |
|
24 |
Cruz & Companhia ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-IFAP, organu li ssuċċeda lill-INGA, u s-CCAM intiż sabiex jiġi kkonstatat li s-suġġett tal-garanzija bankarja sar mingħajr effett fil‑31 ta’ Awwissu 1995, data tal-preżentata tad-dokumenti li jipprovaw id-dħul tal-prodotti fl-Angola, u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attivazzjoni mill-IFAP tal-garanzija bankarja kienet illegali u abbużiva. Barra minn hekk, Cruz & Companhia talbet il-kundanna tas-CCAM sabiex tastjeni ruħha milli tħallas lill-IFAP il-garanzija bankarja inkwistjoni u talbet ukoll il-ħlas mill-IFAP, bħala kumpens, tal-ammonti li hija talbet. |
|
25 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk kienx ġie stabbilit dritt għall-għoti definittiv tal-ammont tal-ħlas lura u, konsegwentement, jekk kienx hemm lok li tiġi rilaxxata l-garanzija b’mod li jiġi żgurat ir-rimbors tal-ammont imħallas bil-quddiem, ġaladarba l-esportatur ippreżenta l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u pproduċa l-prova li l-prodotti ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni f’terminu ta’ 60 ġurnata u daħlu fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, fejn kien, barra minn hekk, neċessarju li jiġi żgurat li l-ammonti rċevuti bħala ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura kienu dovuti. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação de Lisboa ddeċieda li jisspospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
27 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 2220/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija pprovduta minn esportatur sabiex jiġi żgurat ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem irċevut fuq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni għandhiex titqies li hija estinta mill-mument li jiġi stabbilit li l-esportatur ippreżenta d-dokumenti relatati mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, il-prova li sa mhux iktar tard minn terminu ta’ 60 ġurnata mid-data ta’ din l-aċċettazzjoni l-prodotti ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni kif ukoll il-prova tal-isdoganament ta’ dawn il-prodotti fil-pajjiż terz importatur. |
|
28 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 3665/87, fuq talba tal-esportatur, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jħallsu bil-quddiem l-ammont kollu jew parti minnu tal-ħlas lura, mill-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, bil-kundizzjoni li tiġi kkostitwita garanzija. |
|
29 |
Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 2220/85, li jinsab taħt it-titolu IV, intitolat “Il-ħlas ta’ l-avvanzi [ħlasijiet bil-quddiem]”, jipprovdi li l-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk id-dritt għall-għoti definittiv tal-ammont imħallas bil-quddiem ikun ġie stabbilit. |
|
30 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, Cruz & Companhia tqis li l-għan tal-garanzija kkostitwita huwa li jiġi żgurat li seħħet l-esportazzjoni li fir-rigward tagħha l-ħlas lura tħallas bil-quddiem, li l-prodott wasal fil-pajjiż ta’ destinazzjoni u tqiegħed fis-suq f’dan il-pajjiż, fit-termini mogħtija. B’riferiment għal interpretazzjoni magħquda tal-Artikoli 4(1) u 18(1)(b) tar-Regolament Nru 3665/87, hija ssostni li l-garanzija għandha tiġi rrilaxxata mill-mument li l-esportatur jippreżenta ċ-ċertifikat ta’ sdoganament, peress li, minn dan il-mument, id-dritt għal ħlas lura jsir definittiv. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jirriżulta li l-ħlas lura huwa suġġett għall-produzzjoni tal-prova li l-prodotti li għalihom ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni telqu fi stat tale quale mit-territorju doganali tal-Unjoni sa mhux iktar tard minn terminu ta’ 60 ġurnata minn din l-aċċettazzjoni. |
|
32 |
Din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għal dritt definittiv għall-għoti ta’ dan il-ħlas lura. |
|
33 |
Hekk kif jirriżulta mis-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 3665/87, il-garanzija kkostitwita skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament hija intiża sabiex tiżgura r-rimbors tal-ħlas bil-quddiem fil-każ fejn jirriżulta ulterjorment li l-ħlas lura ma kellux isir. |
|
34 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament ma jipprovdi ebda ħlas lura meta l-prodotti ma jkunux ta’ “kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, jekk dawn il-prodotti jkunu intiżi għall-ikel mill-bnedmin, meta l-użu tagħhom għal dan il-għan jiġi eskluż jew kunsiderevolment imnaqqas minħabba l-karatteristiċi jew l-istat tagħhom. |
|
35 |
Fir-rigward tal-“kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 jagħmel parti mill-Kapitolu 1, intitolat “Dritt għall-ħlas lura”, mit-Titolu 2, intitolat “Esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi”, ta’ dan ir-regolament, liema fatt juri li l-“kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata” tal-prodott esportat hija kundizzjoni sostantiva rikjesta għall-għoti tal-ħlasijiet lura (ara s-sentenza Fleisch‑Winter, C‑309/04, EU:C:2005:732, punt 28). |
|
36 |
Mill-imsemmi Artikolu 13 jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jivverifikaw jekk il-prodotti esportati lejn il-pajjiżi terzi humiex ta’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑54/95, EU:C:1999:11, punt 49). |
|
37 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Portugiż isostni li, wara verifika tal-attivitajiet ta’ Cruz & Companhia, ġie kkonstatat li dan l-esportatur ma kellux ir-reġistri obbligatorji previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 822/87 jipprovdi li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew grupp ta’ persuni fil-pussess tal-prodotti tas-settur tal-inbid, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, għall-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, b’mod partikolari l-produtturi, il-persuni responsabbli mill-imbottiljar, il-persuni responsabbli mill-ipproċessar kif ukoll in-negozjanti li għandhom jiġu ddeterminati, għandhom l-obbligu li jżommu reġistri li jindikaw b’mod partikolari d-dħul u l-ħruġ tal-imsemmija prodotti. |
|
39 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2238/93 jirriżulta li dan jiddeċiedi l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 822/87 fir-rigward tad-dokument ta’ akkumpanjament tal-prodotti tas-settur tal-inbid. |
|
40 |
Għandu jiġi osservat li, jekk l-esportatur ma jkunx issodisfa l-obbligu li jżomm reġistri konformement mar-Regolamenti Nri 822/87 u 223/93, liema fatt għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jivverifikaw jekk il-prodotti esportati lejn il-pajjiżi terzi humiex ta’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 u, konsegwentement, li jiżguraw ruħhom mill-osservanza tal-kundizzjonijiet marbuta mas-sistema ta’ ħlas bil-quddiem tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni. |
|
41 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huwa l-esportatur li għandu jassumi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li tinvolvi s-sistema ta’ finanzjament bil-quddiem tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni (ara, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1), tar-Regolament Nru 3665/87, is-sentenza Groupe Limagrain Holding, C‑402/10, EU:C:2011:704, punt 52). |
|
42 |
Għaldaqstant ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament Nru 2220/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija pprovduta minn esportatur sabiex jiżgura r-rimbors tal-ħlas bil-quddiem irċevut fuq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma għandux jitqies li huwa estint anki jekk jiġi stabbilit li l-esportatur ipproduċa d-dokumenti relatati mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, il-prova li, sa mhux iktar tard minn terminu ta’ 60 ġurnata minn din l-aċċettazzjoni, il-prodotti ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni kif ukoll il-prova tal-isdoganament ta’ dawn il-prodotti fil-pajjiż terz importatur, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti tal-ħlas lura, b’mod partikolari l-kundizzjoni tal-kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata tal-prodotti esportati, prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, ma jiġux issodisfatti. |
Fuq l-ispejjeż
|
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85, tat‑22 ta’ Lulju 1985, li jistabilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3403/93, tal‑10 ta’ Diċembru 1993, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-garanzija pprovduta minn esportatur sabiex jiżgura r-rimbors tal-ħlas bil-quddiem irċevut fuq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma għandux jitqies li huwa estint anki jekk jiġi stabbilit li l-esportatur ipproduċa d-dokumenti relatati mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, il-prova li, sa mhux iktar tard minn terminu ta’ 60 ġurnata minn din l-aċċettazzjoni, il-prodotti ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-prova tal-isdoganament ta’ dawn il-prodotti fil-pajjiż terz importatur, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti tal-ħlas lura, b’mod partikolari l-kundizzjoni tal-kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata tal-prodotti esportati, prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas‑27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/94, tas‑26 ta’ Lulju 1994, ma jiġux issodisfatti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.