Brussell, 28.1.2025

COM(2025) 16 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar in-negozjati tal-ftehimiet jew tal-arranġamenti bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit, relatati mal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT jew tal-assistenza għall-irkupru ta' kwalunkwe taxxa, f'konformita mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2021/689












Introduzzjoni

L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 1 jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-abbozz tal-ftehimiet jew tal-arranġamenti nnegozjati bejn l-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit, relatati mal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT jew tal-assistenza għall-irkupru għat-taxxi jew tad-dazji.

Il-kooperazzjoni amministrattiva għall-VAT u d-dazji doganali u l-assistenza għall-irkupru tal-VAT, għad-dazji tas-sisa u d-dazji doganali huma koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari mill-Protokoll dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT u dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru tal-pretensjonijiet relatati mat-taxxi u d-dazji (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il- “Protokoll”), mehmuż ma’ dan il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Meta l-Istati Membri jkollhom il-ħsieb li jinnegozjaw kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali mar-Renju Unit fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT jew tal-assistenza għall-irkupru ta’ kwalunkwe taxxa jew dazju, jeħtieġ li jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Huma jistgħu jiffirmaw u jikkonkludu dan l-arranġament jew ftehim mar-Renju Unit biss ladarba li l-Kummissjoni tkun ikkonfermat il-validità tal-arranġament jew tal-ftehim ikkonċernat mad-dritt tal-UE.

Bl-istess mod, meta jinnegozjaw memorandum ta’ qbil li jimplimenta ftehim internazzjonali ieħor li jipprevedi l-assistenza għall-irkupru, l-awtoritajiet nazzjonali jridu jiżguraw li l-memorandum ta’ qbil ma jkun fih l-ebda dispożizzjoni li timmina l-funzjonament tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew tas-suq intern u li tpoġġi f’riskju l-kisba ta’ objettiv tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-assistenza għall-irkupru, jew li b’xi mod ieħor tippreġudika l-interessi tal-Unjoni 2 . 

Dan ifisser li t-taxxi u d-dazji koperti mid-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza għall-irkupru tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma għandhomx jkunu koperti mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-ftehimiet u tal-memoranda ta’ fehim li l-Istati Membri jinnegozjaw mar-Renju Unit. Sempliċi dikjarazzjoni li d-dritt tal-UE jieħu preċedenza mhijiex biżżejjed.

Barra minn hekk, in-negozjati bilaterali dwar l-elementi speċifiċi — eż. kwalunkwe bidla tal-limitu fl-Artikolu 33(4) tal-Protokoll — ma jistgħux jiġu previsti, peress li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati huma parti mill-Ftehim globali dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li huwa r-riżultat ta’ negozjati multisettorjali. Għalhekk, il-modifika ta’ dan l-eżitu f’qasam wieħed qatt ma tista’ ssir mingħajr ma jitqies il-ftehim kollu, speċjalment f’oqsma marbuta mal-parti kummerċjali tal-ftehim li tolqot għadd kbir ħafna ta’ attivitajiet ekonomiċi. F’dak il-kuntest, in-negozjar unilaterali ta’ Stat Membru dwar dan l-element speċifiku jmur kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza għall-irkupru skont kwalunkwe ftehim internazzjonali bejn Stat Membru u r-Renju Unit huma naturalment esklużi wkoll f’sitwazzjonijiet fejn din il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza għall-irkupru jkunu koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit 3 u l-Protokoll tiegħu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, u mill-Protokoll dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali, mehmuż mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

Fir-rigward tal-assistenza għall-irkupru għat-taxxi mhux koperti mill-ftehimiet tal-UE, il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri li għandhom l-għażla li jnaqqsu l-piż amministrattiv u baġitarju marbut mal-ħtiġijiet tat-traduzzjoni billi jagħżlu l-użu tan-network tal-komunikazzjoni elettronika u l-formoli standard adottati għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, f’konformità mal-Artikolu 38(4) ta’ dan il-protokoll. L-Artikolu PVAT.38(4) tal-Protokoll jipprevedi li “in-network tal-komunikazzjoni elettronika u l-formoli standard adottati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll jistgħu jintużaw ukoll għall-assistenza għall-irkupru fir-rigward ta’ pretensjonijiet oħra għajr il-pretensjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu PVAT.2(1), jekk tali assistenza għall-irkupru tkun possibbli taħt strumenti bilaterali jew multilaterali oħra legalment vinkolanti dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati”. Huwa fl-interess tal-Istati Membri tal-UE — u tal-awtoritajiet tar-Renju Unit — li japplikaw b’mod effettiv dawn il-formoli standard (formoli ta’ talba u Formola uniformi ta’ notifika (UNF) u Strument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat rikjest (UIPE)) adottati skont dan il-Protokoll għall-assistenza għall-irkupru li tikkonċerna taxxi oħra, bil-vantaġġi relatati tat-traduzzjoni awtomatizzata, b’effett legali dirett tal-UNF u tal-UIPE (mingħajr ebda ħtieġa ta’ rikonoxximent fl-Istat rikjest) u l-possibbiltà li tintbagħat talba kkombinata f’każijiet ta’ pretensjonijiet multipli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet bejn l-UE u r-Renju Unit rispettivament u l-ftehimiet internazzjonali l-oħra li japplikaw bejn l-Istati Membri tal-UE u r-Renju Unit.

Il-fatt li memorandum ta’ qbil għandu biss l-ħsieb li jiddeskrivi l-interpretazzjoni ta’ ftehim multilaterali eżistenti 4 mill-awtoritajiet kompetenti ma jiġġustifika l-ebda deroga mir-regoli ta’ hawn fuq.

Mit-tweġiba pprovduta mill-Istati Membri tal-UE, jidher li l-awtoritajiet tar-Renju Unit avviċinaw diversi Stati Membri biex jikkonkludu konvenzjoni kontra t-tassazzjoni doppja, li fiha dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa, jew memorandum ta’ qbil dwar l-applikazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali li jipprevedu assistenza għall-irkupru tat-taxxa jew dwar l-applikazzjoni tal-konvenzjoni multilaterali dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet tat-taxxa.

It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor il-każijiet li tressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni s’issa.

Stat Membru

Tip ta’ ftehim

Status

Azzjonijiet meħuda/previsti

L-Awstrija

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Iffirmat

Dikjarazzjoni interpretattiva ppubblikata mill-Istat Membru 5 .

L-impenn tal-Istat Membru li jemenda l-konvenzjoni kontra t-taxxa doppja u l-MtQ fl-okkażjoni li jmiss.

Il-Lussemburgu

Konvenzjoni kontra t-taxxa doppja

Iffirmata

Dikjarazzjoni interpretattiva ppubblikata mill-Istat Membru 6 .

L-impenn tal-Istati Membru li jemenda l-konvenzjoni kontra t-taxxa doppja fl-okkażjoni li jmiss.

Il-Litwanja

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda abbozz.

Spanja

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda abbozz.

Il-Polonja

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

L-Iżvezja

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Iċ-Ċekja

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Il-Belġju

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Il-Portugall

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Iċ-Ċekja

Konvenzjoni kontra t-taxxa doppja

Għaddeja attwalment

Iċ-Ċekja għandha tippreżenta t-test lill-Kummissjoni.

Il-Portugall

Konvenzjoni kontra t-taxxa doppja

Għaddeja attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

In-Netherlands

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Il-Ġermanja

MtQ dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa

Għaddej attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Ir-Rumanija

Konvenzjoni kontra t-taxxa doppja

Għaddeja attwalment

Il-kummenti ġew ipprovduti mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tintrabat li tissokta tipprovdi lill-Istati Membri l-parir xieraq biex tiżgura li t-testi bilaterali li jinnegozjaw ikunu kompatibbli mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Protokoll u se tieħu l-azzjonijiet xierqa kollha biex twettaq dak l-objettiv.

(1)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2.

(2)

     L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2021/689 tad-29 ta’ April 2021.

(3)

     Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(4)

     B’mod partikolari l-konvenzjoni multilaterali dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fil-kwistjonijiet tat-taxxa, adottat mill-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota li qatt ma kien hemm Stat Membru li rrapporta li kkonkluda arranġamenti bilaterali mar-Renju Unit għal kooperazzjoni jew assistenza usa’ milli skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT u d-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE dwar l-assistenza għall-irkupru tat-taxxa (ara l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2010/24/UE).

(5)

     Struzzjoni tal-Ministeru Federali tal-Finanzi tat-8 ta’ April 2022, 2022–0.201.316, ippubblikata fir-rigward tal-konvenzjoni kontra t-taxxa doppja mar-Renju Unit; https://www.bmf.gv.at/themen/steuern/internationales-steuerrecht/doppelbesteuerungsabkommen/dba-liste.html

(6)

      https://mfin.gouvernement.lu/fr/actualites/2023/condigblu.html