SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika industrijali – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva (UE) 2015/1535 – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga l-provvista tal-kodiċi sors ta’ softwer irreġistrat fid-database tal-amministrazzjoni fiskali lil korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità tar-rekwiżiti tekniċi fiskali – Artikolu 34 TFUE – Miżura li għandha effett ekwivalenti għar-restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑353/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura

SIA „EUROPARK LATVIA”,

SKIDATA GmbH

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

fil-preżenza ta’:

SIA „19 points”,

SIA „Ernst & Young Baltic”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal SIA „EUROPARK LATVIA”, minn S. Petrovičs, advokāts,

–

għal SKIDATA GmbH, minn R. Gasūns, ġuristi,

–

għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Escobar Gomez, L. Malferrari u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(11) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 316, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”), kif ukoll tal-Artikolu 34 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, SIA „EUROPARK LATVIA” (iktar ’il quddiem “Europark”) u SKIDATA GmbH (iktar ’il quddiem “SKIDATA”) u min-naħa l-oħra l-Valsts ieņēmumu dienests (l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali, il-Latvja), dwar deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar eskludiet mid-database tagħha dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku mmanifatturati minn Skidata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 98/34

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 kien jipprovdi;

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

1.

‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

[…]

3.

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4.

‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

5.

‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

11.

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi [jew] ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

–

il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità ma’ l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

–

ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti ta’ l-akkwist pubbliku,

–

speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

Dan jinkludi r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f’lista li għandha titfassal mill-Kummissjoni [Ewropea] qabel il-5 ta’ Awwissu 1999, fil-qafas tal-Kumitat li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 5.

Għandha tiġi użata l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista;

12.

‘abbozz ta’ regolament tekniku’, it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta’ regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali.

[…]”

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

Id-Direttiva (UE) 2015/1535

5

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015 L 241, p. 1) ħassret u ssostitwixxiet, mis-7 ta’ Ottubru 2015, lid-Direttiva 98/34.

6

l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi;

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘prodott’ tfisser kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

[…]

(c)

‘speċifikazzjoni teknika’ tfisser speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi tal-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità;

[…]

(d)

‘ħtiġijiet oħra’ tifsser ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

(e)

‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

(f)

‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

(i)

il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità mal-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

(ii)

ftehim volontarji li awtorità pubblika tkun parti kontrattanti għalihom u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għal konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, għajr speċifikazzjonijiet dwar l-offerti tal-akkwist pubbliku,

(iii)

speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti jew ta’ servizzi billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra jew ir-regoli dwar servizzi; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

Dan jinkludi r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f’lista stabbilita u aġġornata, jekk meħtieġ, mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2.

Għandha tiġi użata l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista;

(g)

‘abbozz ta’ regolament tekniku’ tfisser it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta’ regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali.

[…]”

7

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

Id-dritt Latvjan

Il-liġi dwar it-taxxi u d-dazji

8

L-Artikolu 281(41) tal-Likums Par nodokļiem un nodevām (il-Liġi dwar it-Taxxi u d-Dazji), jipprovdi:

“Il-persuni taxxabbli jistgħu jużaw dispożittivi u tagħmir elettroniku li jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-apparat u għat-tagħmir elettroniku għar-reġistrazzjoni tat-taxxi u ħlasijiet oħra u li kienu s-suġġett ta’ kontroll tal-konformità. Il-manutenzjoni tat-tagħmir elettroniku tista’ titwettaq minn fornitur ta’ servizzi li kien soġġett għall-kontroll tal-konformità skont il-leġiżlazzjoni.”

Ir-regoli dwar l-użu

9

L-Artikolu 1214(4) tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 96 “Nodokļu un citu maksājumureģistrēšanas elektronisko ierīču un iekārtu lietošanas kārtība” (id-Digriet Nru 96 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar il-modalitajiet ta’ użu tad-diżpożitivi u tat-tagħmir elettroniku għar-reġistrazzjoni tat-taxxi u ta’ ħlasijiet oħra), tal-11 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem ir-“regoli dwar l-użu”), jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-kontroll tal-konformità tal-mudelli, tat-tipi u tal-verżjoni tal-programm ta’ cash registers, cash registers ibridi, sistemi ta’ kaxxiera u dispożittivi u tagħmir speċjalizzat, il-fornitur ta’ servizzi ta’ manutenzjoni għandu jipprovdi lill-organu d-dokumentazzjoni teknika bil-lingwa nazzjonali tal-manifattur, flimkien ma’ traduzzjoni awtentikata fil-lingwa nazzjonali. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha: il-kodiċi sors (struzzjonijiet informatiċi li jistgħu jinqraw mill-bniedem bil-miktub minn programmatur) u l-kodiċi oġġett (sett ta’ simboli li jinftiehmu minn kompjuter sabiex jeżegwixxi programm bil-miktub permezz ta’ programmatur) tas-softwer kif ukoll tal-modulu ta’ memorja fiskali.”

10

L-Artikolu 1215 ta’ dawn ir-regoli ta’ użu jipprovdi:

“Fi żmien sitt xhur minn meta jirċievi d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 1214 ta’ dan id-digriet, il-korp ta’ kontroll tal-konformità għandu joħroġ u jittrażmetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ manutenzjoni dikjarazzjoni ta’ konformità tal-mudell, tat-tip jew tal-verżjoni tal-cash register, tal-cash register ibrida, tas-sistema ta’ kaxxiera jew tad-dispożitiv u tat-tagħmir speċjalizzat mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli għad-dispożitiv u għat-tagħmir elettroniku ta’ reġistrazzjoni tat-taxxi u ħlasijiet oħra […] jew rifjut li tinħareġ id-dikjarazzjoni ta’ konformità.”

11

Skont l-Artikolu 1294(6) tal-imsemmija regoli dwar l-użu:

“Waqt ir-reġistrazzjoni fid-database unika (reġistru) tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali ta’ mudell jew ta’ tip ta’ cash register, ta’ cash register ibrida, ta’ sistema ta’ kaxxiera, jew ta’ dispożitiv u ta’ tagħmir speċjalizzati li l-manutenzjoni tagħhom għandha titwettaq minn fornitur ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, dan il-fornitur li huwa manifattur tat-tagħmir jew tad-dispożitiv jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipprovdi l-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali fi żmien 24 siegħa wara t-talba ta’ din tal-aħħar.”

12

Il-punt 1.2.2 tal-Artikolu 12917(1) tar-regoli dwar l-użu jipprovdi:

“L-amministrazzjoni fiskali għandha teskludi mid-database unika tagħha (reġistru): il-cash registers, cash registers ibridi, sistemi ta’ kaxxiera, dispożittivi u tagħmir speċjalizzat irreġistrat f’isem l-utent [jekk] ir-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni dwar ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli għad-dispożittivi u għat-tagħmir elettroniku għar-reġistrazzjoni tat-taxxi u ta’ ħlasijiet oħra ma jkunux ġew osservati. L-amministrazzjoni għandha tinforma lill-utent bl-esklużjoni mid-database unika tagħha (reġistru) f’terminu ta’ 15 jum ta’ xogħol.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Europark hija kumpannija kummerċjali Latvjana li tipprovdi servizzi ta’ parkeġġ fil-qasam tat-trasport. Skidata hija kumpannija kummerċjali Awstrijaka, li timmanifattura fl-Awstrija dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku u tesportahom f’25 Stat Membru, fosthom il-Latvja.

14

Fit-30 ta’ Ġunju u fis-27 ta’ Novembru 2015, Europark akkwistat mingħand Skidata tmien mekkaniżmi ta’ ħlas awtomatiku, li, bejn it-8 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Diċembru 2015, ġew irreġistrati bħala tali mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali fid-database tagħha.

15

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2022, SIA „Ernst & Young Baltic”, il-korp inkarigat mill-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti tekniċi fiskali tal-cash registers u tad-dispożittivi awtomatiċi, informat lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali li hija kienet irrifjutat li toħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità għal dawn it-tmien dispożittivi, minħabba li SIA „19 points”, il-fornitur ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, ma kinitx ikkomunikatilha d-data prevista fl-Artikolu 1214(4) tar-regoli dwar l-użu, jiġifieri l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat tal-imsemmija dispożittivi.

16

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2022, din l-amministrazzjoni eskludiethom mid-database tagħha.

17

Europark u Skidata għalhekk ippreżentaw rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tià nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu li r-regoli dwar l-użu jimponu li jiġu kkomunikati l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat u jikkostitwixxu rekwiżit tekniku li kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2015/1535.

18

Barra minn hekk, huma jirrilevaw li Europark, bħala xerrejja ta’ dritt ta’ użu ta’ softwer, ma tistax legalment tikseb u tiżvela fuq inizjattiva tagħha stess il-kodiċi sors tas-softwer mingħajr il-kunsens tal-produttur tiegħu Skidata, peress li dan il-kodiċi jappartjeni lilha u huwa kopert mis-sigriet kummerċjali. L-obbligu li jiġi pprovdut il-kodiċi sors għalhekk jippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt ta’ proprjetà intellettwali tal-manifattur.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li d-dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma “prodotti”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/34. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk l-obbligu li jiġi pprovdut il-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat ta’ dawn id-dispożittivi jaqax taħt il-kunċett ta’ “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva, li jiddistingwi erba’ kategoriji ta’ miżuri. Hija tistaqsi, fl-affermattiv, dwar il-kategorija li magħha tali obbligu għandu jkun marbut.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, dan l-obbligu jista’ jaqa’ taħt tlieta minn dawn il-kategoriji u, għaldaqstant, jista’ jiġi kklassifikat jew bħala “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 98/34, jew bħala “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, jew inkella bħala regoli “li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”, imsemmija fl-Artikolu 1(11) tal-imsemmija direttiva.

21

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu li jiġi pprovdut il-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat lil korp ta’ kontroll ta’ konformità jistax jitqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

22

Hija tqis li dan l-obbligu għandu għan leġittimu sa fejn jippermetti lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali tiżgura ruħha mill-eżattezza tar-reġistrazzjonijiet u tevita kull nuqqas ta’ reġistrazzjoni jew ta’ ħlas tat-taxxi. Madankollu, hija tistaqsi jekk tali obbligu huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, hija tenfasizza li Skidata tipprovdi fi Stati Membri oħra, għall-finijiet tat-twettiq tal-kontrolli inkwistjoni, interface ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dispożittivi awtomatiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermettu li l-korp ta’ kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti fiskali jikseb l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-ħlasijiet. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li Skidata kienet aċċettat ukoll li tipprovdi l-parti tal-kodiċi sors relatata mar-reġistrazzjoni tal-ħlasijiet u tat-taxxi għall-finijiet tal-kontroll tal-konformità. Issa, il-korp regolatorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma approvax din il-proposta u jkompli jeżiġi l-komunikazzjoni tal-kodiċi sors komplet.

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja li l-obbligu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprojbixxix il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku fis-suq Latvjan, dan jimponi fuq il-manifattur ta’ dawn id-dispożittivi oneru doppju, peress li dawn għandhom ikunu konformi kemm mar-regoli tal-pajjiż ta’ manifattura kif ukoll ma’ dawk tal-pajjiż ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, tali obbligu jista’ jirrendi l-importazzjoni tal-imsemmija dispożittivi iktar diffiċli u iktar għalja, b’tali mod li jista’ jiddisswadi lill-operaturi kkonċernati milli jikkummerċjalizzawhom fil-Latvja.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 1(11) tad-[Direttiva 98/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘regolament tekniku’, li l-abbozzi tiegħu għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, jinkludi dispożizzjoni legali li abbażi tagħha fornitur ta’ servizzi ta’ manutenzjoni huwa obbligat li jipprovdi l-kodiċi tas-sors ta’ software irreġistrat lill-korp għall-evalwazzjoni tal-konformità?

2)

L-Artikolu 34 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li l-kodiċi tas-sors ta’ software irreġistrat jiġi pprovdut lill-korp għall-evalwazzjoni tal-konformità jista’ jitqies li huwa miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, jista’ jitqies li din il-miżura hija proporzjonata fir-rigward tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2015/1535, id-Direttiva 98/34 tħassret b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2015, data li fiha daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2015/1535. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Europark akkwistat uħud mid-dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku inkwistjoni fit-30 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li l-oħrajn inxtraw wara s-7 ta’ Ottubru 2015. It-tmien dispożittivi inkwistjoni ġew irreġistrati fid-database tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali, u sussegwentement ġew esklużi minnha wara din id-data. Minn dan isegwi li kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34 kif ukoll dawk tad-Direttiva 2015/1535 japplikaw ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali.

26

Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi rilevanti għall-kawża prinċipali huma fformulati f’termini paragunabbli, hemm lok li wieħed jillimita ruħu għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/1535.

27

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-ewwel domanda tagħha, tinterpreta l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tagħha, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1(11) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif irrilevat ukoll din il-qorti, li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni minn qabel ta’ tali abbozz jimplika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tar-“regolament tekniku” kkonċernat fil-konfront tal-individwi (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2020, Star Taxi App,C‑62/19, EU:C:2020:980, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornitur ta’ servizzi responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku li jipprovdi lill-korp ta’ kontroll tal-konformità ta’ dawn id-dispożittivi l-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat tagħhom tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jiġi invokat kontra individwi biss jekk l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni korrispondenti kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535.

29

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 jiddistingwi erba’ kategoriji ta’ miżuri li jistgħu jitqiesu bħala “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-direttiva, jiġifieri, l-ewwel, “speċifikazzjoni teknika”, it-tieni, “ħtiġiet oħra”, it-tielet, “regola dwar is-servizzi” u, ir-raba’, “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”. L-ewwel tliet kategoriji ta’ miżuri huma ddefiniti, rispettivament, fil-punti (c) sa (e) ta’ dan l-Artikolu 1(1).

30

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-obbligu li jiġi pprovdut lil korp ta’ kontroll ta’ konformità l-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat f’dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku, bħall-obbligu previst mir-regoli tal-użu, jaqax taħt waħda minn dawn l-erba’ kategoriji ta’ regolamenti tekniċi.

31

Għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri s-servizzi pprovduti mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ destinatarju, iżda jirrigwarda prodotti speċifiċi u l-użu tagħhom, f’dan il-każ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk tali obbligu jaqax taħt il-kategorija ta’ “regola dwar is-servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535.

32

Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-obbligu jistax jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.

33

F’dan il-każ, għalkemm in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-kodiċi sors tas-software irreġistrat ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku lill-korp ta’ kontroll tal-konformità jwassal għall-impossibbiltà li dawn id-dispożittivi jintużaw għar-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet u tal-ħlasijiet, ir-regoli tal-użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali madankollu ma jipprojbixxux il-fabrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ tali dispożittivi.

34

Konsegwentement, l-obbligu li jiġi pprovdut il-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat stabbilit mir-regoli dwar l-użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.

35

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan l-obbligu jaqax taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jitfakkar li dan il-kunċett jirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott, bħal-livelli ta’ kwalità jew ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà, id-dimensjonijiet, inkluż il-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward, fost oħrajn, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità.

36

Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika” jippreżupponi li l-miżura nazzjonali tirreferi neċessarjament għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu bħala tali u jistabbilixxi, għalhekk, waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2022, Belplant,C‑658/21, EU:C:2022:925, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott għal awtorizzazzjoni minn qabel għandha tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital,C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-kawża prinċipali, l-obbligu impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ manutenzjoni skont l-Artikolu 1214(4) tar-regoli dwar l-użu, li jipprovdi lill-korp inkarigat mill-kontroll tal-konformità tal-prodotti kkonċernati d-dokumentazzjoni teknika li tikkonċerna lil dawn il-prodotti, li għandha tinkludi l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-software rreġistrat, jirreferi għall-prodotti bħala tali. B’mod iktar partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tindika li s-source code jippreżenta l-istruzzjonijiet informatiċi li jistgħu jinqraw mill-bniedem miktuba minn programmatur u li l-kodiċi oġġett jippreżenta s-simboli kollha li jinftiehmu minn kompjuter sabiex jeżegwixxi programm. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tippreċiża li l-imsemmija dokumentazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-lingwa nazzjonali tal-manifattur, akkumpanjata minn traduzzjoni awtentikata fil-lingwa nazzjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi għall-prodott bħala tali u timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ manutenzjoni l-obbligu li jipprovdu d-dokumentazzjoni teknika li tinkludi, fost oħrajn, il-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat, li għandhom jitqiesu bħala karatteristiċi meħtieġa u speċifiċi għat-tagħmir awtomatiku kollu tal-bejgħ peress li ma jistgħux jiġu imposti fuq prodotti li ma għandhomx il-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat.

39

Barra minn hekk, l-obbligu li jiġu kkomunikati l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat huwa rekwiżit li japplika għad-dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti fiskali. F’dan ir-rigward, dawn il-kodiċijiet għandhom jiġu vverifikati meta jsir il-kontroll tal-konformità mill-korp ta’ kontroll tal-konformità. Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni, id-dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku ma jistgħux jiksbu d-dikjarazzjoni ta’ konformità meħtieġa għar-reġistrazzjoni tagħhom fid-database unika tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali, u dan jostakola, bħala prinċipju, it-tqegħid tagħhom fis-suq fil-Latvja. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-regoli u r-rekwiżiti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità huma stabbiliti mir-regoli tal-użu li ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535.

40

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq il-fornitur ta’ servizzi responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku l-obbligu li jipprovdi lill-korp ta’ kontroll tal-konformità ta’ dawn id-dispożittivi d-dokumentazzjoni teknika li tinkludi, b’mod partikolari, il-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535, u tikkostitwixxi għalhekk “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) ta’ din id-direttiva.

41

Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi evalwat jekk l-obbligu li jiġi pprovdut il-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat jistax jiġi kklassifikat bħala “regolament tekniku” minħabba l-appartenenza tiegħu għall-kategorija ta’ “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2015/1535. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dan il-kunċett ikopri kull rekwiżit, għajr speċifikazzjoni teknika, impost fuq prodott bil-għan ta’ protezzjoni, b’mod partikolari tal-konsumaturi jew tal-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew it-tqegħid fis-suq tiegħu.

42

Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn dan l-obbligu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, kif ġie kkonstatat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ħtiġiet oħra”. Fil-fatt, konformement mad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ippreżentata fil-punt preċedenti, dan ma jkoprix l-“ispeċifikazzjonijiet tekniċi”.

43

Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħtiġiet oħra”, il-miżuri nazzjonali kkonċernati għandhom jikkostitwixxu “kundizzjonijiet” li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, Vapo Atlantic,C‑604/21, EU:C:2023:175, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi inkarigati mill-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku jipprovdu lill-korp ta’ kontroll tal-konformità ta’ dawn id-dispożittivi l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat ta’ dawn tal-aħħar sabiex jiksbu dikjarazzjoni ta’ konformità neċessarja għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija dispożittivi fid-database unika tal-amministrazzjoni fiskali nazzjonali tista’ taffettwa t-tqegħid fis-suq ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jinfluwenza b’mod sinjifikattiv it-tqegħid fis-suq tad-dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku, peress li l-operaturi ekonomiċi ma humiex inċentivati biex jiksbuhom u peress li dawn id-dispożittivi ma jistgħux, fir-realtà, jintużaw konformement mal-użu li għalih huma intiżi. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-obbligu li jiġu pprovduti l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett tas-softwer irreġistrat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux l-għan li jipproteġi lill-konsumaturi jew lill-ambjent, iżda jippermetti lill-Istat li jiżgura l-osservanza tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni u li jiggarantixxi l-kontroll tal-ħlas tat-taxxi.

45

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies li tikkostitwixxi “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2015/1535.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornitur ta’ servizzi responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku li jipprovdi lill-korp ta’ kontroll tal-konformità ta’ dawn id-dispożittivi l-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat tagħhom tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jiġi invokat kontra individwi biss jekk l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni korrispondenti kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornitur ta’ servizzi responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta’ ħlas awtomatiku li jipprovdi lill-korp ta’ kontroll tal-konformità ta’ dawn id-dispożittivi l-kodiċi sors tas-softwer irreġistrat tagħhom tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jiġi invokat kontra individwi biss jekk l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni korrispondenti kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.