European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2387

3.11.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/2387 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2026

dwar l-istabbiliment tal-Programm għall-innovazzjoni aġli u rapida fid-difiża (AGILE) u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2024/795 u (UE) 2026/467

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-ritorn ta’ gwerra ta’ intensità għolja kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna jikkostitwixxi theddida għall-Unjoni, li tirrikjedi żieda sinifikanti u dejjiema fil-kapaċità tal-Istati Membri li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża u l-prontezza tagħhom. Id-deterjorament fit-tul tas-sigurtà reġjonali u globali jirrikjedi trasformazzjoni profonda tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) biex tiġi żgurata l-kapaċità tagħha li tipprovdi prodotti tad-difiża innovattivi, inkluż teknoloġiji, meħtieġa mill-forzi armati tal-Istati Membri fi kwantitajiet suffiċjenti u fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ gwerra.

(2)

Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri, imlaqqgħin f’Versailles fil-11 ta’ Marzu 2022, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej, iżidu n-nefqa għad-difiża mill-Istati Membri, iżidu l-kooperazzjoni permezz ta’ proġetti konġunti u akkwist komuni ta’ kapaċitajiet ta’ difiża, jindirizzaw in-nuqqasijiet, jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jsaħħu u jiżviluppaw l-Industrija tad-Difiża Ewropea.

(3)

L-innovazzjoni hija kritika biex tinkiseb u tiġi appoġġata l-prontezza tad-difiża tal-Ewropa, b’mod partikolari fl-era tal-lum ta’ intensifikazzjoni tat-theddid, kompetizzjoni sistemika, u rivalitajiet ġeopolitiċi. Il-proliferazzjoni tat-theddid qanqlet tellieqa tal-armi internazzjonali u kompetizzjoni teknoloġika globali, b’teknoloġiji emerġenti u rivoluzzjonarji f’oqsma bħall-IA, il-kwantistika, ir-robotika, iċ-ċibernetika u l-ispazju li għandhom rwol deċiżiv fiż-żamma ta’ vantaġġ strateġiku u fl-iżgurar ta’ deterrenza kredibbli. Il-kisba ta’ dawk l-objettivi teħtieġ l-ittestjar, il-validazzjoni u l-integrazzjoni rapidi ta’ dawk it-teknoloġiji fil-kapaċitajiet ta’ difiża, kif ukoll l-involviment kontinwu mal-ekosistema tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni.

(4)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna turi kemm it-teknoloġiji tad-difiża qed jevolvu malajr. Iċ-ċikli tal-innovazzjoni qed isiru aktar rapidi, u dan ifisser li l-prodotti tad-difiża jridu jadattaw malajr u kontinwament. Dawk il-bidliet qed isawru mill-ġdid ukoll id-dinamika tal-kamp tal-battalja u jissottolinjaw ir-rilevanza operazzjonali ta’ soluzzjonijiet bi prezz baxx u bbażati fuq is-software li jistgħu jiġu mibdulin malajr u implimentati b’pass mgħaġġel, inkluż iżda mhux limitat għal Sistemi Awtonomi Mingħajr Ekwipaġġ (“UAS”), kif ukoll dawk marbuta ma’ software, sensuri, sistemi ta’ komunikazzjoni u teknoloġiji kontra l-UAS. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”), inkluż l-istart-ups u l-iscale-ups innovattivi, spiss bi sfond ċivili, għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tad-difiża u tal-forzi armati tal-Ukrajna. Dawk l-atturi tad-difiża l-ġodda jġibu magħhom innovazzjoni aktar rapida, flessibbiltà akbar, soluzzjonijiet kosteffiċjenti, u ideat u proċessi operazzjonali ġodda. B’riżultat ta’ dan, qed isiru forza mexxejja fit-trasformazzjoni tal-EDTIB. Il-White Paper Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Marzu 2025 għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 tenfasizza l-importanza ta’ ekosistema ta’ innovazzjoni teknoloġika b’saħħitha. Dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-industrija tad-difiża tal-Ewropa, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati jkunu jistgħu jżommu l-pass mal-evoluzzjoni rapida tal-gwerra moderna, fejn il-ħila ta’ identifikazzjoni, adattament u applikazzjoni tat-teknoloġiji emerġenti saret rekwiżit operazzjonali ewlieni.

(5)

Biex tipprovdi appoġġ komprensiv għal riċerka u żvilupp kollaborattivi tal-prodotti tad-difiża, l-Unjoni stabbiliet il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF). B’baġit ta’ EUR 7,3 biljun fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, l-EDF għandu l-għan li jippromwovi l-kompetittività, il-kooperazzjoni, l-effiċjenza u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB, kif ukoll li jnaqqas il-frammentazzjoni fl-EDTIB. Bħala wieħed mill-akbar programmi ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tad-difiża fl-Ewropa, l-EDF jappoġġa l-iżvilupp kollaborattiv tal-aktar sistemi tad-difiża kumplessi li l-ebda Stat Membru ma jista’ jaffordja li jiżviluppa waħdu. Jappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista tad-difiża Ewropej ġodda. Bħala parti mill-EDF, l-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS) ġiet stabbilita fl-2022, biex tipprovdi appoġġ immirat lill-atturi tad-difiża mhux tradizzjonali, b’mod partikolari l-SMEs, u biex tnaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq. L-EUDIS tinvolvi diversi inizjattivi, bħal sejħiet immirati għar-riċerka u l-iżvilupp, aċċellerazzjoni tan-negozju u servizzi ta’ tlaqqigħ, hackathons, u finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma, li jammontaw għal madwar 20 % tal-baġit tal-EDF impenjat kull sena. Dawk l-azzjonijiet ikkontribwew għall-espansjoni tal-EDTIB u għat-trawwim tal-kapaċità tal-innovazzjoni fid-difiża madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, l-inizjattiva BraveTech EU tal-EDF tipprovdi aktar appoġġ għall-innovaturi tad-difiża, u toffrilhom aċċess gradwali għall-finanzjament flimkien mal-ittestjar tat-teknoloġija u ċ-ċikli ta’ żvilupp iterattiv. Din tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-ħtiġijiet tad-difiża identifikati mill-Ukrajna, li jagħtu lill-industrija Ukrena opportunità diretta biex tikkollabora mal-innovaturi tad-difiża tal-Unjoni.

(6)

Ir-Regolamenti (UE) 2021/695 (3) u (UE) 2024/795 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jippermettu lill-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) jappoġġa t-teknoloġiji b’użu doppju u jistimula l-investiment fit-teknoloġiji tad-difiża skont il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP). Barra minn hekk, dan ir-Regolament jippermetti l-appoġġ dirett mill-EIC għat-teknoloġiji tad-difiża fil-forma ta’ finanzjament dirett mill-bejgħ ta’ ishma.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2025/2653 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) introduċa t-teknoloġiji tad-difiża bħala r-raba’ qasam ta’ investiment taħt STEP, flimkien mal-bijoteknoloġiji, it-teknoloġiji diġitali u t-teknoloġiji nodfa. Ir-Regolament (UE) 2024/795 jipprevedi l-aġġudikazzjoni ta’ Siġill tas-Sovranità lil proġetti li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità stipulati fil-programmi elenkati f’dak ir-Regolament. Is-Siġill tas-Sovranità għandu jintuża bħala tikketta ta’ kwalità li toffri l-possibbiltà li jiġi riċevut finanzjament taħt programmi oħra tal-Unjoni, kemm jekk totali, kumulattivi jew ikkombinati, jew mill-Istati Membri. Sabiex il-proġetti li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu eliġibbli għal Siġill tas-Sovranità, ir-Regolament (UE) 2024/795 jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi l-programm stabbilit b’dan ir-Regolament fil-lista ta’ programmi eliġibbli.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2025/2653 introduċa wkoll bidliet immirati fir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet relatati mat-teknoloġija rivoluzzjonarja għad-difiża. B’mod speċifiku, dawk il-bidliet jipprovdu l-possibbiltà li fil-programm ta’ ħidma jiġu ddefiniti l-aktar kriterji u proċeduri għall-għażla u għall-aġġudikazzjoni għal kull sejħa għal proposti ta’ proġetti. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2026/2382 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) introduċa aktar emendi għar-Regolament (UE) 2021/697, u espanda din il-possibbiltà biex ikopri s-sejħiet kollha mnedija fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Difiża, b’mod partikolari dawk immirati lejn l-SMEs.

(9)

Minbarra l-appoġġ ipprovdut permezz tal-istrumenti eżistenti tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit programm ġdid (il-“Programm”) biex jipprovdi appoġġ rapidu, aġli u mmirat lill-SMEs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi tad-difiża u jiżguraw it-twassil rapidu tagħhom lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi assoċjati, b’enfasi fuq il-kosteffiċjenza. Jenħtieġ li l-Programm jiffoka fuq l-appoġġ għall-iżvilupp rapidu ta’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji, inkluż il-komponenti meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom, sa livell għoli ta’ prontezza teknoloġika, inkluż l-adattament ta’ teknoloġiji ċivili għal applikazzjonijiet tad-difiża. Jenħtieġ li l-programm jindirizza l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati, filwaqt li jqis il-prijoritajiet tal-kapaċitajiet identifikati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u l-oqsma ta’ kapaċità prijoritarji identifikati fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll l-istandards tan-NATO u standards rilevanti oħra, b’enfasi partikolari fuq soluzzjonijiet tad-difiża b’kostijiet baxxi. Jenħtieġ li l-Programm jaċċellera wkoll iċ-ċikli ta’ innovazzjoni tal-prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji, filwaqt li jallinja l-iżvilupp tagħhom mal-ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati, filwaqt li jisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni kollha kemm hi. Jenħtieġ li jrawwem ukoll l-adozzjoni ta’ tali prodotti mill-Istati Membri, mill-pajjiżi terzi assoċjati u mill-kuntratturi ewlenin, filwaqt li jappoġġa ż-żieda ta’ soluzzjonijiet żviluppati mill-SMEs fl-Ewropa kollha u l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża transfruntieri u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista għall-prodotti tad-difiża fl-Unjoni, u fl-aħħar mill-aħħar inaqqas id-dipendenzi strateġiċi u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-vantaġġ teknoloġiku u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Istati Membri.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni, il-Programm ser ikun kompletament komplementari għall-istrumenti eżistenti tal-Unjoni li jappoġġaw l-innovazzjoni fid-difiża. L-EUDIS tappoġġa l-atturi tad-difiża mhux tradizzjonali fil-qafas usa’ tal-EDF, inklużi għotjiet għar-riċerka u l-iżvilupp għal konsorzji u għal azzjonijiet oħra ta’ appoġġ immirati lejn entitajiet uniċi, bħall-Aċċelleratur tan-Negozju u Servizzi ta’ Tlaqqigħ. Iċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fid-Difiża (HEDI), immaniġġat mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, irawwem il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar l-innovazzjoni fid-difiża. HEDI jgħin jgħaqqad l-appoġġ għall-innovazzjoni fil-livell tal-Unjoni mal-ħtiġijiet ta’ kapaċità identifikati b’mod komuni billi jistruttura l-attivitajiet ta’ innovazzjoni madwar ir-rekwiżiti operazzjonali u billi jikkollega soluzzjonijiet promettenti mal-ittestjar, l-esperimentazzjoni, l-involviment tal-utenti u l-perkorsi potenzjali lejn l-adozzjoni ta’ dawk is-soluzzjonijiet. Permezz ta’ dan l-approċċ, HEDI jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-appoġġ għall-innovazzjoni fid-difiża mhux biss ikun qed jirrispondi għall-iżviluppi teknoloġiċi emerġenti, iżda jkun ankrat ukoll fir-rilevanza militari u fl-adozzjoni prattika. L-EIC huwa programm ta’ innovazzjoni ewlieni tal-Unjoni biex jiġu identifikati, żviluppati u miżjuda t-teknoloġiji trasformattivi u l-innovazzjoni rivoluzzjonarja. Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2025/2653, l-Iskema STEP Scale UP tal-EIC ser tipprovdi finanzjament dirett mill-bejgħ ta’ ishma biex tgħin lill-kumpaniji tad-difiża u dawk b’użu doppju jżidu l-innovazzjonijiet tagħhom. Il-Programm jelimina distakk distint, peress li ser joffri appoġġ simplifikat u dirett lil SMEs individwali għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u l-adozzjoni ta’ dawk is-soluzzjonijiet mill-Istati Membri u mill-industrija, bi skedi ta’ żmien qosra ħafna għall-aġġudikazzjoni u b’rabta ċara mal-ħtiġijiet ta’ kapaċità tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li jippermetti lill-Unjoni tippilota approċċi ġodda biex tappoġġa l-innovazzjoni fid-difiża, filwaqt li tikkomplementa l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni f’diversi livelli ta’ maturità, daqsijiet ta’ konsorzji, perjodi ta’ żmien u oqsma teknoloġiċi. L-evoluzzjoni rapida tat-theddid għad-difiża teħtieġ bidla lejn approċċ aktar flessibbli biex il-kumpaniji innovattivi, b’mod partikolari l-SMEs, ikunu jistgħu jwieġbu malajr għall-isfidi ta’ kapaċità identifikati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Programm jagħti prijorità lill-attivitajiet ta’ innovazzjoni bbażati fuq l-isfidi b’ċikli ta’ iterazzjoni rapidi, marbuta direttament mar-rekwiżiti operazzjonali prijoritarji tal-Istati Membri.

(11)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex li timmassimizza s-sinerġiji fost il-programmi tal-Unjoni b’appoġġ għall-innovazzjoni. Għal dan l-għan, tista’ tipproponi perkorsi rapidi bejn il-Programm u inizjattivi rilevanti oħra tal-Unjoni, bħall-Aċċelleratur tal-EIC, l-Iskema STEP Scale Up u l-Aċċelleratur tan-Negozju tal-EUDIS. Meta rilevanti, jenħtieġ li l-Programm iqis ukoll sinerġiji potenzjali mal-attivitajiet tan-NATO fil-qasam tal-innovazzjoni fid-difiża, inkluż l-Aċċelleratur tal-Innovazzjoni fid-Difiża tan-NATO għall-Atlantiku tat-Tramuntana (DIANA).

(12)

Jenħtieġ li l-Programm ifittex li jaċċellera b’mod sinifikanti ċ-ċikli ta’ innovazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża b’potenzjal rivoluzzjonarju għoli, inkluż dawk li għadhom mhumiex disponibbli fis-suq, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ u jkunu lesti għall-użu mill-utenti finali, fi żmien sena sa tliet snin. Jenħtieġ li l-Programm jiżgura wkoll, meta rilevanti, li l-prodotti appoġġati mill-Programm jintegraw salvagwardji xierqa taċ-ċibersigurtà u tar-reżiljenza ċibernetika. Jenħtieġ li joffri lill-innovaturi l-akbar flessibbiltà possibbli biex jipproponu soluzzjonijiet ġodda, inkluż meta jaġixxu bħala entitajiet ġuridiċi uniċi, filwaqt li jippermetti s-sottokuntrattar ta’ kompiti speċifiċi jew il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra matul l-implimentazzjoni.

(13)

L-isfida strutturali persistenti li jiffaċċjaw l-SMEs Ewropej tad-difiża hija d-distakk bejn l-innovazzjoni ta’ suċċess u l-varar operazzjonali mill-forzi armati tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati. Biex jindirizza dak id-distakk, jenħtieġ li l-Programm jallinja ruħu mal-ħtiġijiet tad-difiża ġenwini u ta’ prijorità, tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati. B’dan il-mod, jenħtieġ li jappoġġa l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi mill-forzi armati u mill-industriji tad-difiża tagħhom, b’mod partikolari l-kuntratturi ewlenin u s-sottokuntratturi tal-ewwel livell. Jenħtieġ li l-Programm jistabbilixxi proċess rapidu li jippermetti lill-Unjoni tappoġġa l-ittestjar u l-varar ta’ mekkaniżmi tal-appoġġ innovattivi li jindirizzaw l-aktar rekwiżiti urġenti tal-prontezza tad-difiża, inkluż b’appoġġ għall-oqsma ta’ kapaċità prijoritarji identifikati fil-livell tal-Unjoni u għall-Proġetti Ewropej għad-Difiża ta’ Interess Komuni (EDPCIs), meta rilevanti. Jenħtieġ li l-Programm jistabbilixxi proċess rapidu għall-aċċess għall-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni fl-Unjoni u, meta rilevanti u soġġett għall-qbil tagħhom, f’pajjiżi terzi assoċjati.

(14)

Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa l-attivitajiet li jinvolvu l-ittestjar, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjonijiet fuq il-post, inkluż billi jibbaża fuq il-ħidma li għaddejja tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, meta xieraq. Jenħtieġ li dawk l-attivitajiet jippermettu lill-entitajiet jivvalidaw is-soluzzjonijiet innovattivi f’kundizzjonijiet operazzjonali realistiċi, filwaqt li jiġġeneraw il-feedback f’ħin reali li jista’ jintuża biex jiġu rfinati u jittejbu s-soluzzjonijiet permezz ta’ proċess iterattiv. L-involviment attiv tal-Istati Membri u l-atturi industrijali rilevanti, bħall-kuntratturi ewlenin, is-sottokuntratturi tal-ewwel livell, huwa kruċjali f’kull stadju ta’ dak il-proċess, mill-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ittestjar sal-valutazzjoni tal-kapaċitajiet murija. Dak l-involviment jista’ jgħin biex jinħolqu sinjali kredibbli tad-domanda u jiġu ffaċilitati deċiżjonijiet sussegwenti dwar l-akkwist. Barra minn hekk, il-Programm jista’ jappoġġa l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u ta’ prodotti ġodda billi jaggrega d-domanda, u juża mekkaniżmi innovattivi tal-akkwist, bħal sħubijiet għall-innovazzjoni. Jistgħu jiġu żviluppati wkoll pjattaformi u servizzi kondiviżi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet operazzjonali komuni ta’ diversi utenti finali.

(15)

Il-kapaċitajiet ibbażati fl-ispazju saru faċilitaturi indispensabbli tal-operazzjonijiet moderni tad-difiża u tas-sigurtà, billi jipprovdu funzjonijiet kritiċi inkluż l-intelligence, is-sorveljanza u r-rikonjizzjoni, il-komunikazzjonijiet siguri, il-pożizzjonament, in-navigazzjoni u s-sinkronizzazzjoni, u t-twissija bikrija. Barra minn hekk, id-dipendenza dejjem akbar tal-forzi armati fuq l-assi bbażati fl-ispazju, flimkien mal-vulnerabbiltà dejjem akbar tal-infrastruttura spazjali għat-theddid, tagħmel ir-reżiljenza u r-rispons tas-settur spazjali Ewropew prijorità strateġika. In-natura ta’ użu doppju tat-teknoloġiji u tas-servizzi spazjali tfisser li l-innovazzjoni fis-settur spazjali għandha implikazzjonijiet diretti u immedjati għall-kapaċitajiet ta’ difiża, u li d-domanda mmexxija mid-difiża tista’ taċċellera l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji spazjali Ewropej. Għalhekk, jenħtieġ li l-Programm jappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża innovattivi bbażati fl-ispazju u ffaċilitati mill-ispazju, billi jinkludi entranti ġodda u l-atturi mhux tradizzjonali, ħalli jittejbu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fl-ispazju u l-EDTIB. Dan jinkludi l-kontribut għall-iżvilupp ta’ Servizz Governattiv għall-Osservazzjoni tad-Dinja futur b’kapaċitajiet ta’ osservazzjoni tad-dinja awtonomi, reżiljenti u ta’ grad ta’ difiża. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa wkoll l-attivitajiet fid-dominju spazjali biex jaċċellera l-adozzjoni tal-kapaċitajiet ta’ difiża bbażati fl-ispazju mill-Istati Membri u mill-Unjoni, f’konformità mal-Programm Spazjali, mal-Programm għal Konnettività Sigura jew fir-rigward tal-attivitajiet taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiżgura l-konsistenza mal-inizjattivi rilevanti tal-Unjoni relatati mal-ispazju.

(16)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma u deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(17)

F’konformità mal-Artikolu 153(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-kumitat ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi assistit minn esperti esterni, skont deċiżjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli. Biex tiġi protetta l-konfidenzjalità tal-ħidma tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 242(4) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-lista ta’ esperti indipendenti ma ssirx pubblika.

(18)

Jenħtieġ li l-programm ta’ ħidma jistabbilixxi sejħiet għal proposti, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sfidi li jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi tad-difiża identifikati f’koordinazzjoni mal-Istati Membri permezz ta’ proċess strutturat li jinvolvi lill-Istati Membri, sabiex il-proġetti appoġġati jwieġbu għal ħtiġijiet tad-difiża ġenwini u ta’ prijorità tal-Istati Membri. Dawk il-ħtiġijiet speċifiċi tad-difiża jenħtieġ li jiġu identifikati wkoll abbażi tal-Prijoritajiet tal-Kapaċitajiet tal-UE, li huma derivati mill-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet u kkomplementati, kif xieraq, mil-lakuni u l-opportunitajiet identifikati permezz tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża. Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, bħala l-korp responsabbli għall-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet u bħala l-ospitant tal-HEDI, u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, inkluż l-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi assoċjati, ikunu assoċjati mill-qrib mal-identifikazzjoni tal-isfidi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tibbaża, fuq bażi strettament konsultattiva, fuq input minn atturi stabbiliti tal-industrija tad-difiża u l-EDTIB usa’, inkluż kuntratturi ewlenin, għall-formulazzjoni tal-isfidi, bil-ħsieb li jiġu indirizzati ħtiġijiet ta’ kapaċità speċifiċi u mmexxija mill-missjoni, dment li tali input ma jinfluwenzax it-tfassil ta’ sejħiet għal proposti b’mod detrimentali għall-kompetizzjoni ġusta jew għall-parteċipazzjoni ta’ atturi ġodda tad-difiża, b’mod partikolari SMEs u start-ups u scale-ups. Fil-każijiet kollha, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-isfidi li jattiraw l-aktar appoġġ wiesa’ possibbli mill-Istati Membri, u dan jirrifletti domanda komuni ġenwina u allinjament strateġiku, u jikkontribwixxi għall-prontezza tad-difiża tal-Unjoni kollha kemm hi. Sabiex ikopri l-firxa sħiħa tal-innovazzjoni, jenħtieġ li l-Programm jinkludi wkoll sejħiet li jindirizzaw objettivi usa’ tal-innovazzjoni fid-difiża. Fl-għażla tal-proġetti fl-ambitu ta’ dawk is-sejħiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-Programm jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità industrijali tad-difiża madwar l-Unjoni kollha kemm hi u għall-indirizzar ta’ theddid kemm urġenti kif ukoll dejjiemi.

(19)

Il-Programm għandu l-għan li jappoġġa l-isforzi tal-innovazzjoni tal-atturi tad-difiża mhux tradizzjonali, u primarjament tal-SMEs. Billi jipprovdi appoġġ immirat, il-Programm ifittex li jaċċellera l-maturazzjoni u l-irfinar tat-teknoloġiji u tal-prodotti rivoluzzjonarji tagħhom u jressaq dawk it-teknoloġiji u l-prodotti eqreb lejn is-suq, u fl-aħħar mill-aħħar itejjeb il-kompetittività u t-tkabbir ta’ dawk l-atturi.

(20)

Jenħtieġ li l-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-Programm bħala pajjiżi terzi assoċjati fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (10), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata taħt dak il-Ftehim. Jenħtieġ li l-Ukrajna tkun tista’ tipparteċipa wkoll fil-Programm bħala pajjiż terz assoċjat, f’konformità mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (11).

(21)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat ħsara tremenda fl-Ukrajna. Barra minn hekk, l-Ukrajna tilfet aċċess għas-swieq finanzjarji internazzjonali u esperjenzat tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li n-nefqa pubblika żdiedet sostanzjalment. F’dak il-kuntest, x’aktarx li l-Ukrajna ser ikollha ħtiġijiet sostantivi ta’ finanzjament fis-snin li ġejjin. Għal dik ir-raġuni, l-Ukrajna mhix ser tkun meħtieġa tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Programm sabiex tkun assoċjata miegħu. Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni fil-Programm ser jistipulaw it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-Programm.

(22)

Peress li l-Programm għandu l-għan li jappoġġa l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-appoġġ biss l-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi assoċjati u li ma humiex soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. Barra minn hekk, biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni u tas-sottokuntratturi involuti f’azzjoni appoġġata mill-Programm jenħtieġ li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz assoċjat għad-durata kollha tal-azzjoni, u jenħtieġ li r-riċevituri jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat. Sabiex jiġu salvagwardati dawk l-interessi essenzjali tas-sigurtà u tad-difiża, jenħtieġ li dawk il-kriterji tal-eliġibbiltà japplikaw ukoll għall-finanzjament ipprovdut permezz tal-akkwist.

(23)

L-evalwazzjoni interim tal-EDF uriet li l-piż amministrattiv u ż-żmien meħtieġa biex jiġu pprovduti garanziji meta riċevitur tal-finanzjament tal-Unjoni stabbilit fl-Unjoni jkun ikkontrollat minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat huma inkompatibbli mal-ħeffa u l-flessibbiltà meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-programm. Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni rapida tal-Programm, jenħtieġ li ma jkunux permessi derogi mill-prinċipju li r-riċevituri ma għandhomx ikunu kkontrollati minn entitajiet stabbiliti barra mill-Unjoni jew barra mill-pajjiżi terzi assoċjati. L-esperjenza minn programmi preċedenti tal-industrija tad-difiża tindika wkoll li l-għoti ta’ garanziji jirriżulta f’kumplessità proċedurali addizzjonali u perjodi ta’ evalwazzjoni itwal, filwaqt li t-tneħħija ta’ din l-eċċezzjoni x’aktarx li ma taffettwax b’mod sinifikanti l-għadd ta’ entitajiet eliġibbli.

(24)

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw minn teknoloġiji u innovazzjoni mill-aktar avvanzati, jenħtieġ li l-Programm ikun jista’ jipprovdi inċentivi biex jattira l-SMEs stabbiliti barra mill-Unjoni jew minn pajjiżi terzi assoċjati li jkollhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-kisba tal-objettivi tal-Programm. Jenħtieġ li kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni bħal dan ikun kundizzjonali fuq il-fatt li l-SME kkonċernata tkun ikkontrollata minn Stat Membru jew pajjiż terz assoċjat jew minn entità stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat, u fuq il-fatt li dik l-SME la tkun stabbilita u lanqas ikollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha fir-Russja jew f’pajjiżi li jappoġġaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li jitqies il-kuntest attwali u, b’mod partikolari, il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(25)

F’għadd limitat ta’ każijiet, jenħtieġ li l-programm ta’ ħidma jkun jista’ jidentifika ċerti proċeduri ta’ aġġudikazzjoni li fihom l-SMEs ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Programm anke jekk ikunu għadhom ma jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà relatati mal-istabbiliment tagħhom jew mal-istabbiliment tal-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat. Il-mekkaniżmu, imsemmi f’dan ir-Regolament bħala “intervent inċentivanti”, jikkonsisti fl-għoti lir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni ta’ sospensjoni temporanja u kundizzjonali ta’ dak il-kriterju ta’ eliġibbiltà, li jkollhom jikkonformaw miegħu fl-iskeda ta’ żmien speċifikata fl-impenn legali biex jirċievu finanzjament mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-intervent inċentivanti jibqa’ mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-Programm li jappoġġa lill-SMEs stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi assoċjati. Barra minn hekk, jista’ jingħata finanzjament tal-Unjoni għall-kostijiet tar-rilokazzjoni tal-istabbiliment ta’ dawk l-SMEs jew tal-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom lejn l-Unjoni jew lejn pajjiż terz assoċjat. Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti kif xieraq, u jenħtieġ li l-pagamenti jsiru biss ladarba l-kriterji tal-eliġibbiltà jkunu ġew issodisfati sa tmiem il-perjodu speċifikat fl-impenn legali. Sabiex tiġi ppreservata n-natura mmirata u eċċezzjonali ta’ dak l-appoġġ, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu pprovduti, fil-programm ta’ ħidma, limiti massimi għal interventi inċentivanti u l-appoġġ finanzjarju għall-kost tar-rilokazzjoni, kemm f’termini ta’ sehem globali tal-pakkett finanzjarju kif ukoll f’termini ta’ finanzjament totali tal-Unjoni mogħti lil riċevituri individwali.

(26)

Sabiex l-intervent inċentivanti jkun jista’ jikseb l-iskop maħsub tiegħu, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-kriterju tal-eliġibbiltà li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jkunu stabbiliti u li l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tagħhom tkun fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat biex jirċievu l-finanzjament tal-Unjoni, dment li dak il-finanzjament ikollu l-għan speċifiku li jiffaċilita l-konformità ma’ dawk il-kriterji tal-eliġibbiltà, inkluż billi jkopri l-kostijiet assoċjati mar-rilokazzjoni tal-kumpanija jew l-istabbiliment tal-istruttura maniġerjali eżekuttiva tagħha fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li, fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu rrispettati, jenħtieġ li l-azzjonijiet marbuta ma’ prodotti tad-difiża li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom tkun ipprojbita mid-dritt internazzjonali ma jkunux appoġġati mill-Programm. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet relatati ma’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji tkun soġġetta wkoll għall-iżviluppi fid-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll uman sinifikattiv fuq deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-ingaġġ meta jitwettqu attakki kontra l-bnedmin ma jkunux eliġibbli għal appoġġ mill-Programm, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jingħata finanzjament tal-Unjoni għal azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi. Minħabba l-ħeffa meħtieġa għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tad-difiża innovattivi u rivoluzzjonarji u l-intenzjoni ġenerali tal-Programm li jattira SMEs, start-ups, scale-ups u atturi tad-difiża mhux tradizzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dan ma jimponix piż amministrattiv żejjed fuq l-applikanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit ma tikkawżax dewmien fl-implimentazzjoni tal-Programm.

(28)

Minħabba l-ħtieġa li l-azzjonijiet appoġġati fl-ambitu mill-Programm jiġu implimentati f’perjodu ta’ żmien qasir, filwaqt li jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv fuq l-applikanti, jenħtieġ li jintuża finanzjament mhux marbut mal-kost, jew opzjonijiet ta’ kostijiet simplifikati, meta l-finanzjamenttal-Unjoni jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotja. Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ rapidu, aċċessibbli u orjentat lejn ir-riżultati għall-SMEs, inkluż l-istart-ups u l-iscale-ups innovattivi, jenħtieġ li kull meta jkun possibbli, l-għotjiet fl-ambitu tal-Programm jieħdu l-forma ta’ somom f’daqqa sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, tiżdied il-prevedibbiltà għar-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni u sabiex ikunu jistgħu jiffukaw fuq l-ilħuq tal-outputs miftiehma. Jenħtieġ li l-appoġġ tal-finanzjament tal-Unjoni jingħata fil-forma ta’ rimborż tal-kostijiet eliġibbli reali biss meta l-objettivi ta’ azzjoni speċifika ma jkunux jistgħu jinkisbu b’xi mod ieħor.

(29)

Il-funzjonament tal-industrija tad-difiża ma jsegwix ir-regoli konvenzjonali u l-mudelli kummerċjali li jirregolaw swieq aktar tradizzjonali. Id-domanda tiġi kważi esklużivament mill-gvernijiet nazzjonali, li jikkontrollaw ukoll l-akkwist kollu ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji relatati mad-difiża, inklużi l-esportazzjonijiet. Għalhekk, l-industrija tad-difiża, b’mod partikolari l-innovaturi tad-difiża żgħar u mhux tradizzjonali, ma tinvolvix ruħha fi proġetti ta’ innovazzjoni awtofinanzjati sostanzjali, u l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati spiss jiffinanzjaw il-kostijiet relatati kollha. Barra minn hekk, dawk l-atturi jiffaċċjaw ostakli persistenti fl-aċċess għall-finanzjament, inkluż il-kofinanzjament, b’mod partikolari l-finanzjament privat għall-investimenti, minħabba r-riskji li l-atturi tas-suq jassoċjaw ma’ tali investimenti. Għalhekk, l-ingranaġġ tal-investiment pubbliku għall-industrija tad-difiża tal-Unjoni huwa vitali, minħabba l-ħtieġa urġenti li tingħata spinta lill-investiment fl-innovazzjoni fid-difiża. Peress li dawk il-miżuri ma jkunux jistgħu jitwettqu mod ieħor, jidher iġġustifikat li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 193 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut biex ikopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli għal azzjonijiet eliġibbli fl-ambitu tal-Programm.

(30)

Sabiex jiġi ssimplifikat u aċċellerat aktar il-proċess ta’ sottomissjoni u evalwazzjoni, jenħtieġ li l-finanzjament tal-Unjoni jiġi pprovdut permezz ta’ proċedura tal-evalwazzjoni apposta, li tinvolvi ċerti kontrolli wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni. Jenħtieġ li l-applikanti jiġu mistiedna jippreżentaw proposti flimkien ma’ sommarju qasir. Jenħtieġ li dak is-sommarju jiġi evalwat qabel ma l-proposti jiġu evalwati bis-sħiħ skont il-kriterji għall-aġġudikazzjoni rilevanti stipulati fil-programm ta’ ħidma. Dak l-approċċ huwa maħsub biex inaqqas il-piż amministrattiv fuq l-applikanti u jipprovdi ċertezza finanzjarja malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li jiġi aċċettat livell raġonevoli ta’ riskju finanzjarju jew legali għall-Unjoni, proporzjonat għall-objettivi segwiti. Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti kif xieraq u jenħtieġ li ma jiġi pprovdut l-ebda finanzjament qabel ma titlesta l-evalwazzjoni finali.

(31)

Sabiex il-proċess ta’ sottomissjoni u evalwazzjoni jiġi ssimplifikat u aċċellerat aktar, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga minn ċerti obbligi oħra stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkunu permessi derogi mill-Artikoli 199, 201 u 203 ta’ dak ir-Regolament, li jikkonċernaw il-kontenut u l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għotjiet, u mill-Artikolu 170(1), il-punti (b) u (c), u l-Artikolu 170(2) ta’ dak ir-Regolament, li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ akkwist. Jenħtieġ li dawk id-derogi jippermettu li d-deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni jiġu adottati u li l-ftehimiet ta’ għotja jiġu ffirmati abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla, filwaqt li jiddependu, fejn xieraq, fuq id-dikjarazzjonijiet fuq l-unur tal-applikanti u tal-offerenti, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kontroll, mingħajr ma jkunu meħtieġa dokumenti ta’ sostenn f’dak l-istadju. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-iskedi ta’ żmien għan-notifika tar-riżultati tal-evalwazzjoni preliminari u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-aġġudikazzjoni jitqassru u jiġu speċifikati fil-programm ta’ ħidma, li jippermetti lill-Kummissjoni taġixxi mingħajr dewmien. Madankollu, jenħtieġ li l-evalwazzjoni finali tal-kriterji rilevanti titlesta fi żmien erba’ xhur mill-iskadenza tal-applikazzjoni. Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti kif xieraq u jenħtieġ li l-pagamenti jiġu pprovduti biss ladarba titlesta l-evalwazzjoni finali.

(32)

Bħala alternattiva għall-proċedura ta’ evalwazzjoni aċċellerata u sabiex l-Unjoni tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi mingħajr tnaqqis jew limitazzjoni artifiċjali inizjali li jirriżultaw mill-forma speċifika meħuda mill-appoġġ tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Programm jippermetti approċċ aktar flessibbli u aċċessibbli għall-identifikazzjoni, għall-għażla u għall-appoġġ ta’ proġetti u ta’ ideat innovattivi, inkluż permezz ta’ proċeduri ta’ aġġudikazzjoni newtrali għall-istrumenti. Fl-ambitu ta’ dak l-approċċ, jenħtieġ li l-ideat jiġu vvalutati u jintgħażlu abbażi tal-mertu tagħhom fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Programm. L-aktar strument ta’ implimentazzjoni baġitarja xieraq u effettiv fl-ambitu tal-Programm, kemm jekk għotja, akkwist jew forma oħra ta’ appoġġ, jenħtieġ li jiġi ddeterminat biss wara l-proċedura tal-għażla, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi, ir-rekwiżiti u l-merti speċifiċi tal-proġett individwali.

(33)

Sabiex il-Programm jibqa’ attraenti għal firxa usa’ ta’ applikanti potenzjali u sabiex jiġi indirizzat distakk eżistenti fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni fid-difiża, huwa neċessarju u proporzjonat li l-kostijiet li kienu mġarrba qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 196(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-Programm jiffoka fuq l-attivitajiet ta’ żvilupp fi stadju avvanzat li jnaqqsu d-distakk kritiku bejn il-kummerċjalizzazzjoni u l-akkwist, u jqarrbu l-prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji lejn il-prontezza tas-suq u l-varar operazzjonali. Il-kumpaniji innovattivi, b’mod partikolari l-SMEs, spiss jibdew xogħol ta’ żvilupp u jiffinanzjawh huma stess qabel ma jsiru disponibbli opportunitajiet ta’ finanzjament formali. Dak l-approċċ ser jippermetti lill-Programm li jappoġġa l-azzjonijiet tal-innovazzjoni kritiċi li jkunu bdew sa tliet xhur qabel l-għeluq tas-sejħa għal proposti u li jipprovdi finanzjament tal-Unjoni biex jaċċellera t-tlestija tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat it-twassil f’waqtu tar-riżultati li jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti li jiffaċċjaw il-forzi armati tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati.

(34)

Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tipprevedi esklużjoni speċifika mill-obbligi għall-kuntratti aġġudikati fl-ambitu ta’ ċerti programmi kooperattivi li jinvolvu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2026/2383 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-Direttiva 2009/81/KE tiċċara li proġett ta’ riċerka u ta’ żvilupp ġestit mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni u implimentat f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, jikkostitwixxi programm kooperattiv imwettaq b’mod konġunt minn mill-inqas żewġ Stati Membri u jista’ jkompli jkopri fażijiet wara l-fażi tar-riċerka u tal-iżvilupp. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-kuntratti aġġudikati wara dawk il-fażijiet ikunu jistgħu jiġu esklużi wkoll. Dik l-esklużjoni tapplika, b’mod partikolari, għal kuntratti aġġudikati fil-qafas ta’ proġetti appoġġati mill-Programm.

(35)

Ir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jipprevedi assistenza tal-Unjoni lill-Ukrajna fil-forma ta’ self li għandu l-għan li jipprovdi assistenza finanzjarja u ekonomika prevedibbli, kontinwa, flessibbli u f’waqtha biex tgħin sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u min-nuqqas tagħha li tħallas għar-riparazzjonijiet. F’konformità mal-Artikolu 13(4), il-punt (f), ta’ dak ir-Regolament, l-manifatturi u s-sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża li jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont ċerti programmi tad-difiża tal-Unjoni ekwivalenti għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dak ir-Regolament, jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stipulati fih. Peress li l-Programm ma kienx ġie stabbilit fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li dak ir-Regolament jiġi emendat biex jipprevedi li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni taħt il-Programm li jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ekwivalenti jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont dak ir-Regolament, dment li l-ebda bidla sussegwenti ma tqajjem dubji dwar l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet.

(36)

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata fil-livell xieraq, huwa essenzjali li jkun hemm konformità mal-istandards minimi dwar is-sigurtà industrijali meta jiġu konklużi ftehimiet klassifikati ta’ fondi u ta’ finanzjament. Għal dak l-għan, u f’konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni huma stabbiliti fit-territorju tagħhom jenħtieġ li jistabbilixxu qafas ta’ sigurtà, li jinkludi Struzzjonijiet ta’ Sigurtà ta’ Proġett u Gwida tal-Klassifikazzjoni ta’ Sigurtà relatata, fejn l-implimentazzjoni tal-Programm tkun tinvolvi jew tiġġenera informazzjoni li tirrikjedi livell ta’ klassifikazzjoni.

(37)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 101 sa 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-atti legali li jagħtu effett lil dawk l-Artikoli.

(38)

Jixraq li jiġi stabbilit pakkett finanzjarju indikattiv għall-Programm.

(39)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 jistabbilixxi r-regoli dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar l-għotjiet, il-premjijiet, id-donazzjonijiet mhux finanzjarji, l-akkwist, il-ġestjoni indiretta, l-assistenza finanzjarja, l-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji.

(40)

F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (16), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (17) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (18), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi.

(41)

B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 883/2013 u (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(42)

F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi finanzjament tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(43)

Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jiġu appoġġati investimenti kruċjali fl-abbiltajiet tad-difiża, b’mod partikolari fl-innovazzjoni fid-difiża, fil-kuntest ta’ sfidi ġeopolitiċi urġenti, huwa xieraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(44)

Minħabba li l-Programm huwa mfassal biex ikun limitat fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni, jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe programm jew strument futur tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ għall-politika tal-industrija tad-difiża.

(45)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tal-Programm fil-kisba tal-objettivi stipulati f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tqis ukoll jekk il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni introdotti taħt il-Programm, inkluż proċeduri aċċellerati ta’ aġġudikazzjoni u forom flessibbli ta’ appoġġ tal-Unjoni, jenħtieġx li jiġu estiżi, adattati jew inkorporati fi programmi futuri tal-Unjoni. Jenħtieġ li r-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni jinfurmaw id-deċiżjonijiet futuri dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-SMEs għall-innovazzjoni fil-qasam tad-difiża. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, inkluż informazzjoni dwar il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-SMEs, id-distribuzzjoni ġeografika tal-entitajiet appoġġati mal-Unjoni kollha u l-pajjiżi terzi assoċjati, id-distribuzzjoni tematika tal-attivitajiet appoġġati, id-diżaggregazzjoni tan-nefqa skont it-tip ta’ azzjoni appoġġata mill-Programm, l-effettività tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni simplifikati meta mqabbla mal-parametri referenzjarji fl-istrumenti eżistenti, u d-data aggregata dwar l-użu ta’ prodotti ffinanzjati mill-Programm. Jenħtieġ li r-rapport jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Minħabba n-natura b’riskju għoli u b’potenzjal qawwi tal-innovazzjoni emerġenti u rivoluzzjonarja għad-difiża, jenħtieġ li s-suċċess tal-Programm jiġi vvalutat fil-livell tal-portafoll.

(46)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-EDTIB madwar l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-Programm fl-appoġġ tal-innovazzjoni fid-difiża madwar l-Unjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm għall-innovazzjoni aġli u rapida fid-difiża (il-“Programm”) għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2027, u jistabbilixxi l-objettivi u l-baġit tiegħu, forom ta’ finanzjament fl-ambitu tal-Programm u regoli għall-għoti ta’ dak il-finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entità ġuridika” tfisser:

(a)

persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont id-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew id-dritt internazzjonali, inkluż Strutturi għall-Programmi Ewropej dwar l-Armamenti (SEAPs) stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), li għandha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi; jew

(b)

entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 200(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509;

(2)

“kontroll” tfisser il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika direttament, jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar;

(3)

“prodott tad-difiża” tfisser kwalunkwe prodott relatat mad-difiża kif imsemmi fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), kif ukoll xogħlijiet, provvisti u servizzi relatati direttament ma’ dawk il-prodotti għal kwalunkwe element u l-elementi kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (c), tad-Direttiva 2009/81/KE;

(4)

“prodott tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarju” tfisser prodott tad-difiża mtejjeb jew kompletament ġdid li:

(a)

iġib miegħu trasformazzjoni radikali, inkluż bidla fundamentali fil-kunċett u fit-twettiq tal-affarijiet tad-difiża, inkluż billi jissostitwixxi t-teknoloġiji tad-difiża eżistenti jew jagħmilhom inqas effettivi jew obsoleti; u

(b)

huwa mistenni li jkun jista’ jiġi sfruttat bis-sħiħ sa tmiem azzjoni appoġġata mill-Programm;

(5)

“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità ġuridika, maħtur f’konformità mal-liġi nazzjonali u li, meta applikabbli, jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ dik l-entità, li għandu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni kumplessiva tal-entità ġuridika, u li jissorvelja u jwettaq monitoraġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet maniġerjali tal-entità ġuridika;

(6)

“riżultati” tfisser kwalunkwe effett tanġibbli jew intanġibbli ta’ azzjoni appoġġata mill-Programm, bħal data, għarfien espert jew informazzjoni, ta’ kwalunkwe forma jew natura, u sew jekk jista’ jiġi protett jew le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut ma’ dak l-effett, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(7)

“intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju” (“SMEs”) tfisser intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (22);

(8)

“informazzjoni ġenerali” tfisser kwalunkwe informazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tal-Programm, jew utli għaliha, iġġenerata qabel il-qafas ta’ azzjoni appoġġata mill-Programm jew barra minnu, u pprovduta u użata għall-finijiet ta’ dik l-azzjoni;

(9)

“informazzjoni ġġenerata” tfisser data, għarfien prattiku jew informazzjoni ġġenerata fl-implimentazzjoni tal-Programm, tkun xi tkun il-forma jew in-natura tagħha;

(10)

“entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser:

(a)

entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat; jew

(b)

entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat, li l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha jkunu jinsabu f’pajjiż terz mhux assoċjat.

Artikolu 3

Objettivi

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jappoġġa l-kapaċità tal-SMEs, inkluż l-istart-ups u l-iscale-ups innovattivi li jinnovaw b’mod rapidu, biex jiġi żgurat it-twassil rapidu ta’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji, b’enfasi fuq il-kosteffiċjenza, sabiex jindirizza l-aktar sfidi reċenti u li qed jevolvu malajr li jiffaċċaw il-forzi armati tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. B’hekk, il-Programm għandu jrawwem il-kompetittività tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-prontezza industrijali fil-qasam tad-difiża tal-Unjoni, filwaqt li jnaqqas id-dipendenzi strateġiċi minn pajjiżi terzi mhux assoċjati fl-ispettru sħiħ tat-teknoloġiji tad-difiża.

2.   Il-Programm għandu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jaċċellera b’mod sinifikanti ċ-ċikli tal-innovazzjoni ta’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji żviluppati madwar l-Unjoni mill-SMEs, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati u jisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi; u

(b)

li tiżdied l-adozzjoni, mill-Istati Membri u mill-pajjiżi terzi assoċjati, kif ukoll mill-kuntratturi industrijali tad-difiża ewlenin, mill-integraturi tas-sistemi u mis-sottokuntratturi tal-ewwel livell, ta’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji żviluppati mill-SMEs, inkluż permezz ta’ tlaqqigħ iddedikat, u b’hekk tappoġġa ż-żieda ta’ tali SMEs madwar l-Ewropa, tippromwovi l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża transfruntiera, tittejjeb ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista għal tali prodotti, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-innovazzjoni tad-difiża madwar l-Unjoni, u fl-aħħar mill-aħħar issaħħaħ il-vantaġġ teknoloġiku tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implimentazzjoni tal-Programm, bejn l-1 ta’ Jannar 2027 u l-31 ta’ Diċembru 2027, għandu jkun ta’ EUR 115 000 000 fi prezzijiet attwali.

2.   L-impenji baġitarji għal attivitajiet mifruxa fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’pagamenti parzjali annwali.

3.   L-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż neċessarji u biex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet appoġġati mill-Programm li ma jkunux tlestew sa tmiem il-Programm, kif ukoll l-ispejjeż li jkopru attivitajiet u servizzi operazzjonali kritiċi.

4.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 u l-ammonti ta’ riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5 jistgħu jintużaw ukoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni, inkluż it-tfassil, l-istabbiliment, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni, l-operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ sistemi u pjattaformi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, u attivitajiet tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż il-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, u għall-assistenza teknika u amministrattiva l-oħra kollha jew l-ispejjeż relatati mal-persunal imġarrba mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-Programm.

Artikolu 5

Riżorsi addizzjonali

1.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew partijiet terzi oħra jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarji addizzjonali disponibbli għall-Programm jew għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet jew mill-objettivi speċifiċi tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punt (a), (d) jew (e), jew l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

2.   Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu jiġu ttrasferiti għall-Programm soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 jew indirettament f’konformità mal-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Meta l-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għal ammonti addizzjonali li jkunu saru disponibbli għall-Programm, l-ammonti mhux impenjati korrispondenti jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lura għall-programmi sors f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 6

Finanzjament alternattiv, kombinat u kumulattiv

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni fl-ambitu tal-Programm, dment li dawk il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti, jew jista’ jiġi applikat sett wieħed ta’ regoli ta’ kwalunkwe wieħed mill-programmi kontribwenti tal-Unjoni għall-kontribuzzjonijiet kollha, u jista’ jiġi konkluż impenn legali wieħed. Jekk il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tkun ibbażata fuq il-kostijiet eliġibbli, l-appoġġ kumulattiv mill-baġit tal-Unjoni ma għandux jaqbeż it-total tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni u jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

2.   Il-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni fl-ambitu tal-Programm jistgħu jitwettqu b’mod konġunt taħt ġestjoni diretta jew indiretta mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet, mal-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, mal-pajjiżi terzi, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew ma’ partijiet terzi oħra, dment li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għal sett uniku ta’ regoli u jwasslu għall-konklużjoni ta’ impenn legali uniku. Għal dak l-għan, is-sħab għall-proċedura ta’ aġġudikazzjoni konġunta jistgħu jagħmlu r-riżorsi disponibbli għall-Programm f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament. Is-sħab jistgħu wkoll jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni, meta applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 62(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Għall-finijiet tal-Artikolu 153(3) ta’ dak ir-Regolament, għall-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni konġunti, il-kumitat tal-evalwazzjoni jista’ jkun parzjalment magħmul minn membri li huma rappreżentanti tas-sħab f’dawk il-proċeduri.

Artikolu 7

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.   Il-Programm jew azzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 10 jistgħu jinfetħu għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin permezz ta’ assoċjazzjoni sħiħa jew parzjali mal-Programm, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-ftehimiet internazzjonali applikabli jew ma’ kwalunkwe deċiżjoni adottata skont dawk il-ftehimiet:

(a)

il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

l-Ukrajna, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna.

2.   Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni fil-Programm mal-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jiżguraw bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qiegħed jipparteċipa fil-Programm;

(b)

jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-Programm, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji, li jikkonsistu f’kontribuzzjoni operazzjonali u f’tariffa ta’ parteċipazzjoni għall-Programm u għall-kostijiet amministrattivi ġenerali tiegħu;

(c)

ma għandhomx jagħtu lill-pajjiż terz xi setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Programm;

(d)

jiggarantixxu d-drittijiet tal-Unjoni biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba u jiġu protetti l-interessi finanzjarji tagħha; u

(e)

jiżguraw il-protezzjoni tas-sigurtà u l-interessi tal-ordni pubbliku tal-Unjoni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (d), il-pajjiż terz assoċjat għandu:

(a)

jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji skont ir-Regolamenti (UE, Euratom) 2024/2509 u (UE, Euratom) Nru 883/2013;

(b)

jiggarantixxi li d-deċiżjonijiet ta’ infurzar li jimponu obbligu pekunarju abbażi tal-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u s-sentenzi u l-ordnijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu eżegwibbli; u

(c)

jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’konformità mal-ftehimiet internazzjonali applikabbli jew ma’ regoli applikabbli oħra.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 taħt ġestjoni diretta jew taħt ġestjoni indiretta mal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.

2.   F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe forma.

3.   F’konformità mal-Artikolu 196(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu, fejn rilevanti u neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni appoġġata mill-Programm, ikopru l-azzjonijiet mibdija u l-kostijiet imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-proposta għal dawk l-azzjonijiet, dment li dawk l-azzjonijiet ma jkunux bdew aktar minn tliet xhur qabel l-għeluq tas-sejħa għal proposti u ma jkunux tlestew qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja.

4.   Meta l-finanzjament tal-Unjoni jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotja, huwa għandu jieħu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet jew għażliet ta’ kostijiet simplifikati, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Fejn possibbli, l-għotjiet taħt il-Programm għandhom jieħdu l-forma ta’ somom f’daqqa. Il-kostijiet eliġibbli reali jistgħu jiġu rimborżati biss meta l-objettivi ta’ azzjoni appoġġati mill-Programm ma jkunux jistgħu jintlaħqu mod ieħor.

5.   F’konformità mal-Artikolu 153(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-kumitat ta’ evalwazzjoni jista’ jkun assistit minn esperti esterni b’awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-persunal valida, jekk tkun meħtieġa mill-programm ta’ ħidma. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 242 ta’ dak ir-Regolament, il-lista ta’ esperti indipendenti ma għandhiex issir pubblika.

Artikolu 9

Eliġibbiltà

1.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 biex tiġi appoġġata l-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha ta’ aġġudikazzjoni fl-ambitu tal-Programm.

2.   Fi proċeduri ta’ aġġudikazzjoni, l-entitajiet ġuridiċi li ġejjin jistgħu jkunu eliġibbli biex jirċievu finanzjament tal-Unjoni:

(a)

entitajiet stabbiliti fi Stat Membru;

(b)

entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz assoċjat;

(c)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

SEAPs.

3.   Għall-azzjonijiet appoġġati mill-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 10, bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), il-punt (d), ir-riċevituri tal-finanzjament (ir-“riċevituri”) tal-Unjoni għandhom ikunu SMEs.

4.   Bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), il-punt (c), ir-riċevituri għandhom:

(a)

ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat; u

(b)

l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom jinsabu fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat.

5.   Ir-riċevituri ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat.

6.   L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri użati għall-finijiet tal-azzjoni appoġġata mill-Programm għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz assoċjat għad-durata kollha tal-azzjoni.

7.   Meta r-riċevituri involuti f’azzjoni appoġġata mill-Programm ma jkollhom l-ebda alternattiva jew infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi rilevanti disponibbli faċilment fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat, dawn jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi jew ir-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi assoċjati, dment li dan l-użu ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, u jkun konsistenti mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3. Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet li jużaw tali infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Programm.

8.   L-entitajiet ġuridiċi jistgħu jitqiesu li jkunu ssodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà msemmija f’dan l-Artikolu meta jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 (24), (UE) 2021/697, (UE) 2023/1525 (25), (UE) 2023/2418 (26) jew (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (27), dment li l-ebda bidla sussegwenti ma tqajjem dubji dwar l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet.

9.   L-azzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni:

(a)

azzjonijiet jew partijiet ta’ azzjonijiet, li diġà huma ffinanzjati kompletament minn sorsi pubbliċi jew privati oħrajn;

(b)

azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom hija pprojbita mid-dritt internazzjonali applikabbli;

(c)

azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll uman sinifikattiv fuq id-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-ingaġġ meta jsiru attakki kontra l-bnedmin, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jingħata finanzjament tal-Unjoni għal azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi;

(d)

azzjonijiet relatati ma’ munizzjonijiet dispersivi.

Artikolu 10

Azzjonijiet eliġibbli

1.   L-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament fl-ambitu tal-Programm għandhom jimplimentaw l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 u jistgħu jieħdu waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għall-iżvilupp rapidu ta’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji, u meta rilevanti, komponenti neċessarji għal produzzjoni tagħhom, inkluż meta dawk il-prodotti huma bbażati fuq l-integrazzjoni u l-adattament tat-teknoloġiji ċivili b’potenzjal ta’ użu doppju għall-finijiet tad-difiża;

(b)

l-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq ta’ prodotti tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji, inkluż permezz tal-appoġġ għall-aggregazzjoni tad-domanda u ttestjar u dimostrazzjonijiet fuq il-post apposta u iterattivi bl-involviment u l-feedback tal-utenti finali, b’mod partikolari permezz tat-tlaqqigħ;

(c)

l-appoġġ għar-rilokazzjoni tal-istabbiliment ta’ entità jew tal-istruttura maniġerjali eżekuttiva tagħha fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat għall-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), meta entità qabel kienet stabbilita, jew meta l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tagħha kienet tinsab f’pajjiż terz mhux assoċjat;

(d)

l-appoġġ neċessarju għall-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), inkluż iżda mhux limitat:

(i)

għall-kwalifiki;

(ii)

għaċ-ċertifikazzjoni;

(iii)

għall-aċċess għall-infrastruttura;

(iv)

għall-aċċess għal kapaċitajiet u għal proċessi innovattivi ta’ manifattura;

(v)

għall-appoġġ għat-tħejjija għall-investiment;

(vi)

għall-iżvilupp tal-ħiliet;

(vii)

għall-akkwist ta’ studji; u

(viii)

għall-attivitajiet ta’ bini u ta’ tisħiħ tal-ekosistema, inkluż l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-kuntratturi ewlenin industrijali tad-difiża Ewropej, l-integraturi tas-sistema u s-sottokuntratturi tal-ewwel livell.

2.   Il-Programm jista’ jipprovdi appoġġ għall-azzjonijiet li jkopru l-aġġornament rapidu ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji eżistenti, dment li l-użu ta’ informazzjoni, ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, jew ta’ drittijiet oħra preeżistenti neċessarji għat-twettiq tal-azzjoni ma jkunx soġġett, direttament jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika waħda jew aktar, għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, fejn dik ir-restrizzjoni tipprevjeni l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjoni.

3.   Ir-riċevituri għandhom jibbenefikaw, fejn possibbli u xieraq, minn aċċess rapidu għall-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni tal-Unjoni u għall-Aċċelleratur tan-Negozju tal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS).

4.   L-azzjonijiet appoġġati mill-Programm ma għandhomx imorru kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-prinċipju tar-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat.

Artikolu 11

Kriterji għall-aġġudikazzjoni

1.   Meta rilevanti u xieraq skont in-natura tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni, u f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-kriterji għall-aġġudikazzjoni għandhom jiġu stipulati fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u għandhom iqisu l-elementi li ġejjin:

(a)

il-potenzjal rivoluzzjonarju fil-qasam tad-difiża, ivvalutat fid-dawl tal-punt sa fejn soluzzjoni proposta titbiegħed mil-linji bażi teknoloġiċi attwali;

(b)

il-kwalità tal-proposta u l-ħila tal-applikant li jimplimenta l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 10;

(c)

l-impatt fil-qasam tad-difiża, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kosteffiċjenza, il-veloċità tat-twassil, u l-prontezza għall-użu operazzjonali, inkluż, meta rilevanti, ir-reżiljenza taċ-ċibersigurtà.

2.   Minbarra l-elementi msemmija i fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-programm ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 16 jista’ jqis ukoll iż-żieda fis-sigurtà tal-provvista għall-ktajjen tal-provvista ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża emerġenti u rivoluzzjonarji.

3.   Il-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16 għandu jistabbilixxi dettalji addizzjonali dwar l-applikazzjoni tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tas-sejħa għal proposti u l-proċeduri ta’ għażla u ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 12

Proċedura ta’ għażla u ta’ aġġudikazzjoni

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv mingħajr dewmien żejjed, il-programm ta’ ħidma jista’ jidentifika proċeduri ta’ aġġudikazzjoni, taħt ġestjoni diretta jew indiretta, li huma soġġetti għal proċedura aċċellerata u simplifikata.

2.   B’deroga mill-Artikoli 199, 201 u 203 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 dwar l-għotjiet u mill-Artikolu 170(1), il-punti (b) u (c), u l-Artikolu 170(2) ta’ dak ir-Regolament dwar l-akkwist, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi li, għall-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni identifikati fih, japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti għad-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni u l-iffirmar ta’ impenji legali għandhom ikunu limitati għal evalwazzjoni preliminari tal-kriterji għall-aġġudikazzjoni u għall-esklużjoni;

(b)

id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni tista’ tittieħed biss abbażi ta’ awtodikjarazzjoni tal-applikanti u tal-offerenti rigward il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla, speċjalment fir-rigward tal-kontroll, mingħajr talba għal dokumenti ta’ sostenn korrispondenti matul l-evalwazzjoni preliminari;

(c)

il-Kummissjoni għandha tlesti l-evalwazzjoni finali mingħajr dewmien żejjed;

(d)

ir-riżultati tal-evalwazzjoni preliminari għandhom jiġu nnotifikati lill-applikanti u lill-offerenti f’perjodu speċifikat fil-programm ta’ ħidma; u

(e)

id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni għandha tittieħed f’perjodu speċifikat fil-programm ta’ ħidma.

3.   Meta l-evalwazzjoni finali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (c), tikkonkludi li r-riċevitur ma jissodisfax il-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u dawk għall-għażla, l-impenn legali għandu jiġi tterminat. Il-pagamenti għandhom isiru biss ladarba l-evalwazzjoni finali tkun tlestiet.

4.   Il-programm ta’ ħidma jista’ jistabbilixxi proċeduri mmirati ta’ aġġudikazzjoni minn isfel għal fuq f’żewġ stadji f’konformità mar-regoli li ġejjin:

(a)

matul l-ewwel stadju:

(i)

tista’ titnieda sejħa għal espressjoni ta’ interess mingħajr ma jiġi speċifikat it-tip ta’ attivitajiet jew l-istrument ta’ implimentazzjoni tal-baġit li għandu jintuża, biex l-applikanti u l-offerenti jkunu jistgħu jippreżentaw proposti għal proġetti jew offerti għal oġġetti, għal xogħlijiet jew għal servizzi li jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ dan ir-Regolament, kif stipulat fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16;

(ii)

il-proposti u l-offerti għandhom jiġu evalwati u kklassifikati abbażi ta’ kriterji komuni għall-aġġudikazzjoni, stipulati fil-programm ta’ ħidma, bħall-kontribut komparattiv tagħhom għall-objettivi;

(iii)

il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jiddetermina l-aktar strument xieraq ta’ implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni diretta jew indiretta, u jipproponi l-ammont massimu u l-forma tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

(b)

matul it-tieni stadju, l-applikanti u l-offerenti li l-proġetti jew l-offerti tagħhom ikunu ġew evalwati b’suċċess għandhom jiġu mistiedna jaġġustaw u jlestu l-proposti jew l-offerti tagħhom, fi ħdan il-baġit disponibbli, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.

5.   Għal kwistjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 4, il-proċedura ta’ aġġudikazzjoni għandha tipproċedi f’konformità mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 applikabbli għall-istrument rispettiv tal-implimentazzjoni tal-baġit.

6.   Il-Kummissjoni għandha taġġudika l-finanzjament taħt il-Programm permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(4).

Artikolu 13

Intervent inċentivanti

1.   B’deroga mill-Artikolu 9, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi li proċedura ta’ aġġudikazzjoni tieħu l-forma ta’ intervent inċentivanti li taħtu l-kriterji tal-eliġibbiltà relatati mal-post tal-istabbiliment tal-entitajiet ġuridiċi li jipparteċipaw fil-Programm jew il-post fejn tinsab l-istruttura maniġerjali eżekuttiva tagħhom jistgħu jiġu sospiżi temporanjament jew kundizzjonalment.

2.   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà li jkunu ġew sospiżi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu rrispettati u l-konformità ma’ dawk il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandha tiġi evalwata f’perjodu ta’ żmien speċifikat fl-impenn legali skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt 39, tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-finanzjament tal-Unjoni għandu jingħata ladarba l-kriterji tal-eliġibbiltà kollha jkunu ġew issodisfati.

3.   Jekk il-kriterji tal-eliġibbiltà li jkunu ġew sospiżi f’konformità mal-paragrafu 1 ma jiġux rispettati fil-perjodu ta’ żmien speċifikat fl-impenn legali msemmi fil-paragrafu 2, l-azzjoni appoġġata mill-Programm għandha titqies ineliġibbli u kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni għandu jiġi rkuprat kompletament.

4.   Meta proċedura ta’ għoti tieħu l-forma ta’ intervent ta’ inċentiv, ma għandu jitħallas l-ebda prefinanzjament.

5.   Il-programm ta’ ħidma għandu jistipula l-baġit speċifiku allokat għall-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni li jieħdu l-forma ta’ intervent inċentivanti skont il-paragrafu 1. Dak il-baġit għandu jirrappreżenta sehem limitat tal-baġit tal-Programm, sabiex tiġi ppreservata n-natura mmirata u eċċezzjonali ta’ dak l-appoġġ.

Artikolu 14

Rati ta’ finanzjament tal-Unjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 193 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-Programm jista’ jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

Artikolu 15

Sjieda tar-riżultati

1.   Ir-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm ma għandhom ikunu soġġetti, direttament jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar, għall-ebda kontroll jew restrizzjoni minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, inkluż fir-rigward tat-trasferiment tat-teknoloġija.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politiki tagħhom dwar l-esportazzjoni ta’ teknoloġija u ta’ tagħmir militari.

3.   It-trasferimenti tat-teknoloġija għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mad-Direttiva 2009/43/KE u, meta rilevanti, fir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kwalunkwe trasferiment tas-sjieda jew għoti ta’ liċenzja esklużiva lil pajjiż terz mhux assoċjat jew lil entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għar-riżultati ġġenerati permezz tal-Programm, li jseħħ fi żmien tliet snin mill-pagament finali taħt l-azzjoni, għandu jkun soġġett għal notifika minn qabel lill-Kummissjoni u għal approvazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz assoċjat skont kundizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Meta tali trasferiment tas-sjieda jew l-għoti ta’ liċenzja esklużiva jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, l-appoġġ ipprovdut taħt il-Programm għandu jiġi rimborżat.

5.   Meta l-Unjoni takkwista studju, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati kollha għandu jkollhom id-dritt, mingħajr ħlas, għal liċenzja mhux esklużiva għall-użu tal-istudju fuq talba bil-miktub.

6.   Meta l-finanzjament tal-Unjoni jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotja, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll l-awtoritajiet tal-għoti, għandhom igawdu, fuq talba, drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati mingħajr royalties, mingħajr ma jaffettwaw is-sjieda tar-riżultati jew id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-informazzjoni ġenerali, għall-uniku skop ta’ żvilupp, ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-politiki jew tal-programmi eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv.

Artikolu 16

Programm ta’ ħidma

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz ta’ programm ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

2.   Il-programm ta’ ħidma għandu jistipula fid-dettall il-kategoriji ta’ azzjonijiet u suġġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Programm. Dawk il-kategoriji għandhom ikunu konformi mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3.

3.   L-isfidi fil-programm ta’ ħidma għandhom jingħataw prijorità abbażi ta’ ħtiġijiet ta’ kapaċità urġenti u prijoritizzati kondiviżi minn diversi Stati Membri.

4.   Bl-eċċezzjoni tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni prevista fl-Artikolu 12(4), il-programm ta’ ħidma għandu, meta xieraq, ikun fih rekwiżiti funzjonali u għandu jispeċifika l-forma ta’ finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 8, mingħajr ma jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn is-sejħiet għal proposti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta’ ħidma permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(4).

Artikolu 17

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-kumitat bħala osservaturi u jipprovdu l-fehmiet u l-għarfien espert tagħhom fil-ħidma tal-kumitat.

3.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn Stat Membru wieħed jew aktar, tistieden, meta rilevanti, rappreżentanti tal-pajjiżi terzi assoċjati biex jattendu l-laqgħat tal-kumitat. Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi assoċjati ma għandhomx ikunu preżenti matul jew jipparteċipaw fil-votazzjoni tal-kumitat.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 18

Relazzjoni mad-Direttiva 2009/81/KE

Kuntratt tal-akkwist aġġudikat minn Stat Membru għal prodott tad-difiża li jirriżulta minn azzjoni appoġġata fl-ambitu tal-Programm, jew minn proġett li rċieva Siġill tas-Sovranità f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2024/795 u li sussegwentement ikun irċieva finanzjament minn Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies li huwa kuntratt aġġudikat fil-qafas ta’ programm kooperattiv ibbażat fuq ir-riċerka u fuq l-iżvilupp skont it-tifsira tal-Artikolu 13, il-punt (c), tad-Direttiva 2009/81/KE.

Artikolu 19

Emenda għar-Regolament (UE) 2024/795

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/795, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tagħti Siġill tas-Sovranità lil kwalunkwe proġett li jikkontribwixxi għal kwalunkwe objettiv ta’ STEP, dment li l-proġett ikun ġie vvalutat u jikkonforma ma’ rekwiżiti minimi ta’ kwalità, b’mod partikolari l-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni u tal-aġġudikazzjoni, previsti f’sejħa għal proposti skont ir-Regolament (UE) 2021/522, (UE) 2021/694, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 jew (UE) 2026/2387 (*1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 (*2).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2026/2387 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2026 dwar l-istabbiliment tal-Programm għal innovazzjoni aġli u rapida fid-difiża (AGILE) u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2024/795 u (UE) 2026/467 (ĠU L L, 2026/2387, 3.11.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2387/oj)."

(*2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/856/oj).”."

Artikolu 20

Emenda għar-Regolament (UE) 2026/467

Fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2026/467, il-punt (f), huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-manifatturi u s-sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà msemmijin f’dan il-paragrafu meta jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 (*3), (UE) 2021/697 (*4), (UE) 2023/1525 (*5), (UE) 2023/2418 (*6) jew (UE) 2026/2387 (*7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 u dment li l-ebda bidla sussegwenti ma tqajjem dubji dwar l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet;

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1092/oj)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj)."

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj)."

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2026/2387 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2026 dwar l-istabbiliment tal-Programm għal innovazzjoni aġli u rapida fid-difiża (AGILE) u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2024/795 u (UE) 2026/467 (ĠU L, 2026/2387, 3.11.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2387/oj).”."

Artikolu 21

Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata

1.   Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

L-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati li fit-territorju tagħhom ikunu stabbiliti r-riċevituri għandhom jivvalutaw in-natura sensittiva tal-informazzjoni ġenerali u tal-informazzjoni ġġenerata ttrattata matul l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm;

(b)

Meta dik l-informazzjoni tkun soġġetta għal livell ta’ klassifikazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati msemmija fil-punt (a) għandhom jistabbilixxu qafas ta’ sigurtà adegwat f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti nazzjonali tagħhom;

(c)

Kull Stat Membru għandu jiżgura li joffri livell ta’ protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dak previst fir-regoli ta’ sigurtà stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (29);

(d)

il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata riċevuta fir-rigward tal-Programm f’konformità mar-regoli tas-sigurtà stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (30).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli sistema akkreditata ta’ skambju sigur sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u sensittiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati u, fejn xieraq, mal- applikanti u r-riċevituri. Dik is-sistema għandha tqis ir-regolamenti tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

Artikolu 22

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew entitajiet, inkluż minn persuni jew entitajiet għajr dawk li l-mandat tagħhom ingħata mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-aċċertazzjoni globali skont l-Artikolu 127 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tan-nefqa kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE.

Artikolu 23

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri għandhom jirrikonoxxu l-oriġini tal-finanzjament tal-Unjoni u jiżguraw il-viżibbiltà ta’ dak il-finanzjament, inkluż meta jippromwovu l-azzjonijiet appoġġati mill-Programm u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati ma’ dan ir-Regolament, mal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm u mar-riżultati miksuba.

3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm jistgħu jikkontribwixxu għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ disseminazzjoni, tlaqqigħ u sensibilizzazzjoni, inkluż għall-fini tal-ftuħ ta’ ktajjen tal-provvista biex titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs. Tali attivitajiet għandhom jinkludu miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw sensibilizzazzjoni wiesgħa tal-Programm u li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mal-Unjoni kollha, b’mod partikolari fost l-SMEs, l-istart-ups u l-atturi tad-difiża mhux tradizzjonali b’parteċipazzjoni preċedenti limitata fil-programmi tal-Unjoni. L-attivitajiet ta’ disseminazzjoni għandhom jinkludu miżuri biex applikanti potenzjali jiġu infurmati bil-possibbiltà li jinkludu l-prodotti tagħhom fil-Katalogu ta’ Bejgħ Militari kif stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2025/2643.

Artikolu 24

Monitoraġġ, evalwazzjoni u rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Programm u tivvaluta l-effettività tiegħu fl-ilħuq tal-objettivi stipulati f’dan ir-Regolament. Minħabba n-natura b’riskju għoli u b’potenzjal qawwi tal-innovazzjoni emerġenti u rivoluzzjonarja għad-difiża, is-suċċess tal-Programm għandu jiġi vvalutat fil-livell tal-portafoll.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Programm.

3.   Sal-1 ta’ Lulju 2028, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-impatt u l-effettività tal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm u għandha tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-SMEs;

(b)

id-distribuzzjoni ġeografika tal-entitajiet appoġġati madwar l-Unjoni u fil-pajjiżi terzi assoċjati;

(c)

id-distribuzzjoni tematika tal-attivitajiet appoġġati;

(d)

tqassim tan-nefqa skont it-tip tal-azzjoni;

(e)

l-effettività tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni relattivi għall-parametri referenzjarji skont l-istrumenti eżistenti;

(f)

data aggregata dwar l-użu ta’ prodotti ffinanzjati mill-Programm.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, il-21 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. DOOLEY


(1)   ĠU C, C/2026/3556, 22.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3556/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Ottubru 2026 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 2026.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2025/2653 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/694, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697, (UE) 2021/1153 u (UE) 2024/795, fir-rigward tal-inċentivar ta’ investiment relatat mad-difiża fil-baġit tal-UE biex jiġi implimentat il-Pjan ReArm Europe (ĠU L, 2025/2653, 22.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2653/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2026/2382 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2026 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1907/2006, (KE) Nru 1272/2008, (UE) Nru 528/2012, (UE) 2019/1021 u (UE) 2021/697 fir-rigward tal-prontezza tad-difiża u l-iffaċilitar tal-investimenti fid-difiża u tal-kundizzjonijiet għall-industrija tad-difiża (ĠU L, 2026/2382, 3.11.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2382/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(10)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(11)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj.

(12)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2026/2383 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2026 li temenda d-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE, fir-rigward tas-simplifikazzjoni tat-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża u s-simplifikazzjoni tal-akkwist tas-sigurtà u d-difiża (ĠU L, 2026/2383, 3.11.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/2383/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2026/467 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027 (ĠU L, 2026/467, 26.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/467/oj).

(15)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1371/oj).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2025 li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“ir-Regolament EDIP”) (ĠU L, 2025/2643, 29.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2643/oj).

(21)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj).

(22)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1092/oj).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj).

(27)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Azzjoni ta’ Sigurtà għall-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Istrument għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/821/oj).

(29)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).

(30)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2387/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)