SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
22 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Direttiva 2012/34/UE – Tariffazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja – Impożizzjoni u ġbir ta’ tariffi – Artikolu 29 – Eċċezzjonijiet għall-prinċipji ta’ tariffazzjoni – Artikolu 32 – Żidiet – Metodi ta’ kalkolu u ta’ pubblikazzjoni – Artikolu 56 – Funzjonijiet tal-korp regolatorju – Proċedura għall-awtorizzazzjoni taż-żidiet prevista fid-dritt nazzjonali – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑538/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
ÖBB-Infrastruktur AG,
WESTbahn Management GmbH,
fil-preżenza ta’:
Schienen‑Control Kommission,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi (Relatur) u F. Schalin, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal ÖBB‑Infrastruktur AG, minn K. Retter, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal WESTbahn Management GmbH, minn E. Lichtenberger, Rechtsanwalt, |
|
– |
għax-Schienen‑Control Kommission, minn R. Streller, President, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn E. M. Besselink u K. Bulterman, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn T. Aalia u G. G. Mostuen, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina u E. Schmidt, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 27(2) u (4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifika fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 352, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/34”), moqri flimkien mal-Anness IV ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat‑12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (ĠU 2015, L 148, p. 17). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, ÖBB‑Infrastruktur AG (iktar ’il quddiem “ÖBB‑Infra”), il-maniġer ewlieni tal-infrastruttura ferrovjarja Awstrijaka, u WESTbahn Management GmbH (iktar ’il quddiem “WESTbahn”), impriża ferrovjarja, u, min-naħa l-oħra, ix-Schienen‑Control Kommission (il-Bord ta’ Kontroll Ferrovjarju, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem is-“SCK”), dwar l-awtorizzazzjoni taż-żidiet fit-tariffi tal-infrastruttura. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2012/34
|
3 |
Il-premessi 34, 43 u 70 tad-Direttiva 2012/34 jiddikjaraw:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat, “Indipendenza tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastruttura”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward tal-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern fuq kwistjonijiet amministrattivi, ekonomiċi u ta’ kontabbiltà, l-impriżi ferrovjarji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Istati Membri jew ikkontrollati minnhom ikollhom status indipendenti li b’konformità miegħu huma ser iżommu, b’mod partikolari, assi, baġits u kontijiet li huma separati minn dawk tal-Istat. 2. Waqt li jirrispetta l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar it-tqegħid ta’ piżijiet u dwar l-allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun responsabbli għall-immaniġġjar, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.” |
|
6 |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Finanzjament tal-maniġer tal-infrastruttura”, huwa fformulat kif ġej, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’perjodu raġonevoli ta’ żmien li m’għandux jaqbeż perjodu ta’ ħames snin, il-kont tal-qligħ u t-telf ta’ maniġer tal-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul mill-piżijiet tal-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn, dħul minn sorsi privati li ma jistax jitħallas lura u l-fondi mill-Istat, fuq naħa waħda, inkluzi ħlasijiet bil-quddiem mill-Istat, meta jkun xieraq, u infiq infrastrutturali, min-naħa l-oħra.” |
|
7 |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Dikjarazzjoni dwar in-netwerk”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu: “2. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tistabbilixxi n-natura tal-infrastruttura disponibbli għall-impriżi ferrovjarji, u tiġbor fiha informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja rilevanti. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu jkun fiha wkoll informazzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi konnessi man-netwerk tal-maniġer tal-infrastruttura u għall-forniment tas-servizzi f’dawn il-faċilitajiet jew tindika sit tal-internet fejn tali informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas f’format elettroniku. Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk huwa stipulat fl-Anness IV. […] 4. Id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem qabel id-data ta’ skadenza għal talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura.” |
|
8 |
L-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva, intitolat “Stabbiliment, determinazzjoni u ġbir ta’ imposti [tariffi]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-imposti waqt li jirrispettaw l-indipendenza tal-immaniġġjar stipulata fl-Artikolu 4. Mingħajr preġudizzju għal dik il-kundizzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar l-imposti jew jiddelegaw dawn is-setgħat lill-maniġers tal-infrastruttura. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni tan-netwerk tkun tinkludi l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti jew tindika sit elettroniku fejn jiġu ppubblikati l-qafas tal-imposti u r-regoli għat-tqegħid tal-imposti. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiddetermina u jiġbor il-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura skont il-qafas ta’ tqegħid tal-imposti u r-regoli tat-tqegħid tal-imposti stabbiliti. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “ Il-Prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 32, l-imposti għall-pakkett ta’ aċċess minimu u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta’ servizz għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju. Qabel 16 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tadotta miżuri li jistabbilixxu l-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispejjeż imġarrba direttament bħala riżultat tal-operat tal-ferrovija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 62(3). Il-maniġer tal-infrastruttura jista’ jiddeċiedi li jadatta gradwalment għal dawk il-modalitajiet matul perjodu ta’ mhux aktar minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.” |
|
10 |
L-Artikolu 32 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu: “1. Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż magħmula mill-maniġer tal-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ għalihom, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, waqt li jiggarantixxi l-aħjar kompetittività ta’ taqsimiet tas-suq ferrovjarju. Is-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandha tirrispetta ż-żidiet fil-produttività miksuba mill-impriżi ferrovjarji. Iżda l-livell tal-imposti ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu jħallsu għall-inqas l-ispejjeż imġarrba direttament b’riżultat tat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju, u rata ta’ redditu li jiflaħ għaliha s-suq. Qabel ma japprovaw l-impożizzjoni ta’ tali mark‑ups, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-infrastruttura jivvalutaw ir-rilevanza tagħhom għal taqsimiet speċifiċi tas-suq, filwaqt li jqisu mill-inqas il-pari elenkati fil-punt 1 tal-Anness VI u jżommu dawk rilevanti. Il-lista ta’ taqsimiet tas-suq definita mill-maniġers tal-infrastruttura għandu jkun fiha mill-inqas dawn it-tliet taqsimiet li ġejjin: is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, is-servizzi tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku u servizzi oħra għall-passiġġieri. Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiddistingwu wkoll it-taqsimiet tas-suq skont il-prodott bażiku jew il-passiġġieri li jkunu qed jiġu trasportati. It-taqsimiet tas-suq fejn attwalment ma jkunux qed jaħdmu impriżi ferrovjarji iżda li jistgħu jipprovdu servizzi matul il-perjodu ta’ validità tas-sistema tat-tqegħid tal-imposti għandhom ukoll jiġu definiti. Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jinkludi mark-up fis-sistema tat-tqegħid tal-imposti għal dawk it-taqsimiet tas-suq. Il-lista ta’ taqsimiet tas-suq għandha tiġi ppubblikata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk u għandha tiġi riveduta mill-inqas kull ħames snin. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 għandu jikkontrolla dik il-lista f’konformità mal-Artikolu 56. […] 6. Jekk maniġer tal-infrastruttura jkun beħsiebu jemenda l-elementi essenzjali tas-sistema tat-tqegħdi tal-imposti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jagħmilhom pubbliċi għall-inqas tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza għall-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk skont l-Artikolu 27(4).” |
|
11 |
L-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Funzjonijiet tal-korp regolatorju”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, 6, 9 u 10 tiegħu: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(6), applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew saritlu offża bi kwalunkwe mod ieħor, u b’mod partikolari kontra deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura jew fejn hu xieraq, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilita tas-servizz dwar:
2. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jiżguraw il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, il-korp regolatorju għandu jkollu s-setgħa li jissorvelja s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tas-servizzi ferrovjarji, inkluż b’mod partikolari s-suq għal servizzi għall-passiġġieri b’veloċità għolja, u l-attivitajiet tal-maniġers tal-infrastruttura fir-rigward tal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1. B’mod partikolari, il-korp regolatorju għandu jivverifika li hemm konformità mal-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1 fuq l-inizjattiva tiegħu stess u bil-ħsieb li jevita d-diskriminazzjoni kontra l-applikanti. Għandu, b’mod partikolari, jiċċekkja jekk id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk fihiex klawżoli diskriminatorji jew jekk toħloqx setgħat diskrezzjonali għall-maniġer tal-infrastruttura li jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni kontra l-applikanti. […] 6. Il-korp regolatorju għandu jiżgura li l-imposti stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jikkonformaw mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV u li dawn huma nondiskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-maniġer tal-infrastruttura dwar il-livell tal-imposti infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-superviżjoni tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervjeni jekk in-negozjati potenzjalment jiksrux r-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu. […] 9. Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra kull ilment u, kif jixraq, għandu jitlob tagħrif relevanti u jagħti bidu għal konsultazzjonijiet mal-partijiet relevanti kollha, fi żmien xahar minn meta jkun irċieva l-ilment. Huwa għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni u jgħarraf lill-partijiet relevanti bid-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien determinat minn qabel, raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 6 ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizz ferrovjarju, il-korp regolatorju għandu, fejn xieraq, jiddeċiedi fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar miżuri xierqa biex jitranġaw il-każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra l-applikanti, id-distorsjonijiet tas-suq u kwalunkwe żvilupp ieħor mhux mixtieq f’dawn is-swieq, b’mod partikolari b’referenza għall-punti (a) sa (j) tal-paragrafu 1. Deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni, u ma għandhiex tkun suġġetta għall-kontroll ta’ istanza amminstrattiva oħra. Il-bord regolatorju għandu jkun jista’ jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu bil-pieni xierqa, inkluż permezz tal-multi. Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju. 10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju jkunu suġġetti għal analiżi ġudizzjarja. L-appell jista’ jkollu effett ta’ sospensjoni fuq id-deċiżjoni tal-korp regolatorju biss meta d-dħul fis-seħħ immedjat tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju jista’ jikkawża danni irreparabbli jew evidentement eċċessivi għal min ikun qed jappella. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-qorti li tkun qed tisma’ l-appell kif mogħti lilha mil-liġi kostituzzjonali applikabbli.” |
|
12 |
L-Anness IV tad-Direttiva 2012/34 jagħti l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni dwar in-network imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/909
|
13 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/909, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]” |
|
14 |
L-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż diretti, rispettivament, “Spejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu” u “Spejjeż mhux eliġibbli”. |
|
15 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-ispejjeż diretti abbażi tan-netwerk kollu għandhom jiġu kkalkolati bħala d-differenza bejn, minn naħa waħda, l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi tal-pakkett tal-aċċess minimu u għall-aċċess għal infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4.” |
Id-dritt Awstrijak
|
16 |
Il-Bundesgesetz über Eisenbahnen, Schienenfahrzeuge auf Eisenbahnen und den Verkehr auf Eisenbahnen (Eisenbahngesetz) (il-Liġi Federali dwar il-Linji tal-Ferrovija, il-Vetturi Ferrovjarji u t-Traffiku Ferrovjarju), tas‑7 ta’ Marzu 1957 (BGBl., 60/1957), fil-verżjoni tagħha li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Novembru 2015 (BGBl. I, 137/2015), tinkludi l-Artikolu 67d li, fil-paragrafi 1 u 6, jipprevedi: “1. Fejn it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u dħul ieħor mill-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż kollha, jistgħu jiġu ffissati żidiet addizzjonali abbażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, u dan filwaqt li tkun iggarantita kompetittività ottima tas-segments tas-suq ferrovjarju. Madankollu, l-ammont tar-tariffi ma għandux jeskludi l-użu tal-infrastrutturi minn segments tas-suq li jistgħu, tal-inqas, iħallsu l-ispejjeż sostnuti direttament minħabba l-operat tas-servizz ferrovjarju, flimkien ma’ rata ta’ rendita skont is-suq. […] 6. L-iffissar ta’ żidiet addizzjonali huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tas-[SCK], li għandu jagħti l-kunsens tiegħu kemm‑il darba l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ikunu ssodisfatti. […]” |
|
17 |
Il-Bundesgesetz zur Neuordnung der Rechtsverhältnisse der Österreichischen Bundesbahnen (Bundesbahngesetz) (il-Liġi Federali dwar ir-Relazzjonijiet Ġuridiċi tal-Linji tal-Ferrovija Federali Awstrijaċi) tad‑29 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. I, 825/1992), fil-verżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2009 (BGBl. I, 95/2009), tipprovdi, fl-Artikolu 42(1) tagħha: “[ÖBB‑Infra] għandha tbati l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni tagħha. Fuq talba ta’ [ÖBB‑Infra], l-Istat Federali għandu jagħti lil din tal-aħħar sussidju għal, b’mod partikolari, l-operat tal-infrastruttura ferrovjarja u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar lill-utenti jekk u sakemm id-dħul li l-utenti tal-infrastruttura ferrovjarja jkunu jistgħu jagħmlu fil-kundizzjonijiet tas-suq ikkonċernat ma jkunx ikopri l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ ġestjoni ekonomika u effikaċi.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18 |
ÖBB‑Infra hija l-maniġer ewlieni tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Awstrija. Hija għandha tidentifika u timponi t-tariffi għall-użu ta’ din l-infrastruttura u għandha tippubblika l-informazzjoni rilevanti fid-dikjarazzjoni dwar in-network. Dawn it-tariffi huma, b’mod partikolari, tariffi għall-ispejjeż diretti tal-użu tal-infrastruttura kif ukoll żidiet f’dawn it-tariffi. Tali żidiet għandhom, skont l-Artikolu 67d tal-Liġi Federali dwar il-Linji tal-Ferrovija, il-Vetturi Ferrovjarji u t-Traffiku Ferrovjarju, fil-verżjoni tagħha tas‑27 ta’ Novembru 2015, jitressqu quddiem is-SCK għall-awtorizzazzjoni tiegħu. |
|
19 |
Fit‑12 ta’ Awwissu 2016, ÖBB‑Infra talbet lis-SCK jawtorizzaha żżid it-tariffi tal-infrastruttura għall-orarju tax-xogħol tal‑2018, jiġifieri l-perijodu mill‑10 ta’ Diċembru 2017 sat‑8 ta’ Diċembru 2018. Din kienet l-ewwel talba f’dan is-sens min-naħa ta’ ÖBB‑Infra. |
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2016, is-SCK awtorizza dawn iż-żidiet. WESTbahn ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. Bis-saħħa ta’ sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, din tal-aħħar annullat din id-deċiżjoni u bagħtet lura l-kawża quddiem is-SCK sabiex dan tal-aħħar jadotta deċiżjoni ġdida. |
|
21 |
Fit‑18 ta’ Awwissu 2017, ÖBB‑Infra talbet lis-SCK jawtorizzaha żżid it-tariffi tal-infrastruttura għall-orarju tax-xogħol tal‑2019, jiġifieri l-perijodu mid‑9 ta’ Diċembru 2018 sas‑7 ta’ Diċembru 2019. Din it-talba, bir-referenza SCK‑17‑009, ġiet annessa, mis-SCK, mal-proċedura SCK‑16‑012 dwar l-awtorizzazzjoni taż-żidiet għall-orarju tax-xogħol tal‑2018. |
|
22 |
Barra minn hekk, is-SCK fetaħ proċedura, bir-referenza SCK‑18‑010, intiża li tivverifika l-ispejjeż diretti ta’ ÖBB‑Infra u għaqqaditha wkoll mal-proċeduri SCK‑16‑012 u SCK‑17‑009 iċċitati iktar ’il fuq. |
|
23 |
Fid-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2018, għal kull segment tas-suq, kienet indikata biss it-tariffa totali li kellha titħallas għal kull kilometru li jkun sar bit-tren. Mill-banda l-oħra, fid-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2019, it-tariffi għall-ispejjeż diretti u ż-żidiet għal kull kilometru li jkun sar bit-tren f’kull segment tas-suq kienu indikati b’mod separat, flimkien mat-tariffa totali li kellha titħallas għal kull kilometru li jkun sar bit-tren, liema tariffa totali tgħodd flimkien it-tariffi u ż-żidiet. |
|
24 |
Fir-rigward taż-żidiet, id-dikjarazzjonijiet dwar in-network tal‑2018 u tal‑2019 kienu jsemmu l-fatt li l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tagħhom kienet għadha pendenti. Fid-dikjarazzjoni dwar in-network tal‑2019, ġie indikat ukoll li, fil-każ fejn id-deċiżjoni definittiva li ġġib fi tmiemha din il-proċedura tingħata wara l-bidu tal-orarju tax-xogħol, kellu jsir, jekk ikun il-każ, rimbors tat-tariffi żejda li jkunu nġabru jew irkupru tat-tariffi li jkunu nġabru f’ammonti żgħar ħafna. |
|
25 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, ÖBB‑Infra talbet xi emendi fir-rigward tat-talbiet tagħha dwar iż-żidiet għall‑2018 u għall‑2019 billi, li kellu s-SCK jiffissa, fil-kuntest tal-proċedura SCK‑18‑010, l-ispejjeż diretti f’livell inqas minn dak previst minnha stess, dawn iż-żidiet ikollhom jiġu ffissati f’livell ogħla sabiex tintlaħaq l-mira ta’ dħul iffissata mill-Verkehrsministerium (il-Ministeru għat-Trasport, l-Awstrija). |
|
26 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ÖBB‑Infra rċeviet sussidji statali fl‑2018 u fl‑2019, u li l-Ministeru għat-Trasport jikkomunika lil ÖBB‑Infra, għal kull orarju tax-xogħol, l-ammont totali tat-tariffi li din tal-aħħar għandha tiġġenera mit-tariffi tal-infrastruttura, flimkien maż-żidiet. Is-SCK jibbaża l-kalkolu tiegħu taż-żidiet fuq din il-mira ta’ dħul. |
|
27 |
Fl-aħħar mill-aħħar, kien biss permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li s-SCK iffissa, għall-orarji tax-xogħol tal‑2018 u tal‑2019, it-tariffi relatati mal-ispejjeż diretti u ż-żidiet, kif ukoll it-tariffa totali li kellha titħallas għal kull kilometru li jkun sar bit-tren. |
|
28 |
ÖBB‑Infra u WESTbahn ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. ÖBB‑Infra tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni billi titlob, essenzjalment, żidiet ogħla minn dawk ippubblikati fid-dikjarazzjonijiet dwar in-network tal‑2018 u tal‑2019. |
|
29 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk ikunx possibbli li l-approvazzjoni taż-żidiet fit-tariffi ssir wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità tal-orarju tax-xogħol ikkonċernat. It-tieni nett, hija għandha dubji dwar l-ordni li fih għandhom isiru l-pubblikazzjoni ta’ dawn iż-żidiet fid-dikjarazzjoni dwar in-network u l-approvazzjoni tal-imsemmija żidiet kif ukoll, it-tielet nett, dwar il-portata tal-pubblikazzjoni meħtieġa. Ir-raba’ nett, hija tixtieq tkun taf jekk l-Istat Membru huwiex marbut bl-ammont taż-żidiet fit-tariffi suġġetti għall-approvazzjoni tiegħu. Il-ħames nett, hija tixtieq li tingħata kjarifika dwar l-effett li jista’ jkollha “mira ta’ dħul”, iffissata mill-Istat Membru, fuq il-kalkolu ta’ dawn iż-żidiet. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2012/34, b’mod partikolari l-Artikolu 32 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din id-direttiva ma tipprekludix li Stat Membru jissuġġetta l-impożizzjoni taż-żidiet fit-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ffissati mill-maniġer ta’ din l-infrastruttura għal proċedura għal awtorizzazzjoni u jekk, fl-affermattiv, id-deċiżjoni adottata fi tmiem din il-proċedura għandhiex neċessarjament tingħata qabel il-bidu tal-perijodu ta’ validità tal-orarju tax-xogħol li għalih ikunu ntalbu dawn iż-żidiet. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk din l-awtorizzazzjoni għandhiex titqies li hija ta’ natura definittiva. |
|
32 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, Stat Membru jista’, sabiex jagħmel irkupru sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-maniġer tal-infrastruttura u kemm‑il darba s-suq ikun jiflaħ għalihom, jimponi żidiet abbażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u nondiskriminatorji, u dan filwaqt li jiggarantixxi kompetittività ottima tas-segments tas-suq ferrovjarju. It-tielet subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 32(1) jipprovdi li l-Istati Membri, qabel ma japprovaw l-impożizzjoni ta’ tali żidiet, għandhom jiżguraw li l-maniġer tal-infrastruttura jkun ivvaluta r-rilevanza tagħhom għal segments speċifiċi tas-suq, billi jkun, tal-inqas, qies il-pari elenkati fil-punt 1 tal-Anness VI u jagħżel dawk l-iktar rilevanti. |
|
33 |
Dawn iż-żidiet jingħaddu mat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u tal-faċilitajiet għas-servizz, liema tariffi jikkostitwixxu element fundamentali tas-sistema ta’ tariffazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, kif irregolata mit-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34. |
|
34 |
F’din it-Taqsima 2, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34 jeżiġi li, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ tariffazzjoni ta’ din l-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu “qafas għall-impożizzjoni ta’ tariffi”, u dan filwaqt li josservaw l-indipendenza amministrattiva tal-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja prevista fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li dan il-maniġer għandu jiddetermina u jimponi t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura skont dan il-qafas ta’ tariffazzjoni u r-regoli stabbiliti ta’ tariffazzjoni. |
|
35 |
B’dan il-mod, l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34 iqassam il-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-maniġer tal-infrastruttura f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi ta’ tariffazzjoni. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għat-tariffazzjoni, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-impożizzjoni tagħha huma r-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš, C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Billi l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva jinsab fl-istess taqsima tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34 bħall-Artikolu 29 ta’ din tal-aħħar, ma jistax ikun xort’oħra fil-każ tad-determinazzjoni taż-żidiet, minkejja r-riferiment għal approvazzjoni mill-Istat Membru tal-impożizzjoni ta’ tali żidiet magħmul fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, u dan iktar u iktar peress li t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirrifletti l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. |
|
37 |
B’dan premess, mill-Artikolu 56(1)(d) u (e) tad-Direttiva 2012/34 jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati mill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema ta’ tariffazzjoni u mal-livell jew mal-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jistgħu jkunu suġġetti għall-kontroll tal-korp regolatorju. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, l-ewwel nett, skont l-Artikolu 56(1) u (2) tad-Direttiva 2012/34, dan il-korp għandu jaġixxi jew fuq talba ta’ applikant, fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jew inkella minn jeddu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 56(6) tal-imsemmija direttiva, l-imsemmi korp għandu jiżgura li t-tariffi stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-istess direttiva u li dawn ikunu nondiskriminatorji. |
|
39 |
It-tieni nett, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 56(9) u l-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34, id-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju għandhom jorbtu lill-partijiet kollha kkonċernati, ma għandhom ikunu suġġetti għall-ebda kontroll ta’ korp amministrattiv ieħor u għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
|
40 |
It-tielet nett, il-kompetenza tal-korp regolatorju sabiex jikkontrolla l-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ma tistax tiddependi mill-fatt li huwa jkun ġie adit qabel jew wara ma jkunu skadew il-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn it-tariffi. Dan il-korp mhux biss ma jistax validament jirrifjuta l-kompetenza tiegħu sabiex jiddeċiedi dwar il-legalità tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura imposti fil-passat, iżda, apparti dan, tali kompetenza neċessarjament timplika li l-imsemmi korp jista’ jikkonstata, jekk ikun il-każ, l-invalidità ta’ dawn it-tariffi b’effett ex tunc (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2022, DB Station & Service, C‑721/20, EU:C:2022:832, punt 87, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2024, Die Länderbahn et, C‑582/22, EU:C:2024:213, punti 49 u 55). |
|
41 |
Mill-premess jirriżulta li s-sistema ta’ tariffazzjoni stabbilita fid-Direttiva 2012/34 hija bbażata fuq il-prinċipju li huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi qafas għat-tariffazzjoni li jkun jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-regoli ġenerali ta’ tariffazzjoni, li huwa l-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja li għandu jimplimenta dan il-qafas billi jiddetermina u jimponi t-tariffi għall-użu ta’ din l-infrastruttura u tal-faċilitajiet għas-servizz kif ukoll kull żieda f’dawn it-tariffi u li d-deċiżjonijiet meħuda minn dan il-maniġer huma suġġetti għall-kontroll tal-korp regolatorju, liema korp għandu jintervjeni ex post u d-deċiżjonijiet tiegħu jista’ jkollhom effett retroattiv. |
|
42 |
Mill-banda l-oħra, id-Direttiva 2012/34, u, b’mod partikolari, il-Kapitolu IV tagħha, ma tistabbilixxi ebda proċedura għal awtorizzazzjoni preliminari la għat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u tal-faċilitajiet għas-servizz u lanqas għaż-żidiet li jistgħu jsiru. |
|
43 |
B’mod iktar speċifiku, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, bħal dik tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), liema artikolu tal-aħħar ippreċeda dak tal-ewwel, jirriżulta li dan l-Artikolu 56 ma jipprevedi ebda proċedura għal awtorizzazzjoni preliminari tat-tariffi tal-infrastruttura. L-imsemmi Artikolu 56 ma jeħtieġx li l-maniġers tal-infrastruttura jissottomettu t-tariffi tal-infrastruttura li huma jkunu biħsiebhom jimponu jew il-fatturi użati għall-kalkolu tagħhom lill-korp regolatorju għall-awtorizzazzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, l-istess Artikolu 56 sempliċement jipprevedi kontroll tat-tariffi li jkunu diġà stabbiliti, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafu 1 u mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 6 ta’ dan tal-aħħar. Dan il-kontroll huwa r-responsabbiltà tal-korp regolatorju li jiddeċiedi jew fil-kuntest ta’ rikors jew inkella ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans,C‑563/20, EU:C:2022:113, punti 43 u 50). |
|
44 |
Peress li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet premessi, id-Direttiva 2012/34 ma tipprevedi ebda proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura jew tal-fatturi użati fid-determinazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, hija lanqas ma tista’ tiddetermina r-regoli ta’ tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, ORLEN KolTrans (C‑563/20, EU:C:2022:113, punt 54). |
|
45 |
Madankollu, fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, il-korp regolatorju jista’ jieħu deċiżjoni minn jeddu u li huwa jara li, skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 56, it-tariffi stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, l-imsemmija direttiva ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li Stat Membru jeżiġi li l-korp regolatorju jeżamina ex officio, fil-każijiet kollha, id-deċiżjonijiet meħuda minn maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja f’dak li għandu x’jaqsam mat-tariffazzjoni. |
|
46 |
Għal din ir-raġuni, hija lanqas ma tipprekludi li Stat Membru, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/34 fid-dritt nazzjonali tiegħu, jipprevedi li tali kontroll sistematiku jseħħ hekk kif il-maniġer tal-infrastruttura jgħarraf lill-korp regolatorju bl-intenzjoni tiegħu li jimponi tariffi jew li jimmodifika dawn tal-aħħar. |
|
47 |
Madankollu, tali proċedura għal awtorizzazzjoni la tista’ tippreġudika l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ tariffazzjoni stabbilita fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34, u lanqas dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, il-konsistenza tagħha jew l-għanijiet li hija tfittex li tilħaq. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li s-sistema stabbilita fid-Direttiva 2012/34 tfittex li tiżgura l-indipendenza amministrattiva tal-maniġer tal-infrastruttura. Sabiex tali indipendenza tkun iggarantita, huwa meħtieġ li l-maniġer tal-infrastruttura jgawdi, fil-qafas tat-tariffazzjoni kif iddefinit mill-Istati Membri, marġni ta’ manuvra fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li huwa jkun jista’ juża dik il-flessibbiltà bħala għodda ta’ ġestjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš, C‑144/20, EU:C:2021:717, punt 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Konsegwentement, il-kontroll eżerċitat mill-korp regolatorju fil-kuntest ta’ proċedura għal awtorizzazzjoni għandu jkun limitat sabiex jiġu rrimedjati sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà fid-dawl tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34 jew tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Dan il-korp regolatorju ma huwiex, għalhekk, awtorizzat iġiegħel lill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja jissuġġetta ruħu għall-evalwazzjoni ta’ opportunità tal-imsemmi korp, billi, b’dan il-mod, il-korp regolatorju jkun qiegħed jippreġudika l-marġni ta’ manuvra li għandu jkollu dan il-maniġer (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš, C‑144/20, EU:C:2021:717, punti 46 u 47). |
|
50 |
Fit-tieni lok, anki jekk, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2012/34 ma tiddeterminax ir-regoli ta’ proċedura possibbli għal awtorizzazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tali regoli ma jistgħux inaqqru l-prerogattivi tal-atturi involuti u ma jistgħux, b’mod partikolari, iżommu lill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja milli josserva t-terminu previst fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34 għall-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-network. |
|
51 |
Barra minn hekk, proċedura għal awtorizzazzjoni ma għandhiex tillimita l-possibbiltà għall-persuni msemmija fl-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2012/34 li jinvokaw id-drittijiet tagħhom f’sitwazzjoni fejn huma jkunu jqisu lilhom infushom vittmi ta’ trattament inġust, ta’ diskriminazzjoni jew ta’ kwalunkwe dannu ieħor, b’mod partikolari billi jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-maniġer tal-infrastruttura jew, jekk ikun il-każ, mill-impriża ferrovjarja jew mill-operatur ta’ faċilità għas-servizz. |
|
52 |
Fit-tielet lok, proċedura għal awtorizzazzjoni ma għandhiex iżżomm lill-korp regolatorju milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2012/34, u lanqas ma għandha tikkomprometti l-protezzjoni hekk mogħtija lill-applikanti. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 56(10) ta’ din id-direttiva, id-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
|
54 |
Għaldaqstant, deċiżjoni meħuda mill-korp regolatorju fil-kuntest ta’ proċedura għal awtorizzazzjoni tista’ tkun definittiva biss fuq il-livell amministrattiv u ma tistax tkun eżentata minn stħarriġ ġudizzjarju. |
|
55 |
Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun, għalhekk, li l-Artikolu 29(1), kif ukoll l-Artikoli 32 u 56 tad-Direttiva 2012/34, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jissuġġetta l-impożizzjoni ta’ żidiet f’tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ddeterminati mill-maniġer ta’ din l-infrastruttura għal proċedura għal awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li tali proċedura tkun tosserva l-marġni ta’ manuvra li għandu jkollu l-maniġer tal-imsemmija infrastruttura ferrovjarja fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi b’mod li huwa jkun jista’ juża din il-flessibbiltà bħala għodda ta’ ġestjoni, ma tkunx tnaqqar il-prerogattivi tal-atturi involuti u ma tkunx iżżomm lill-korp regolatorju milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont l-imsemmi Artikolu 56. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
56 |
It-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw it-tnejn li huma l-portata tal-obbligu li tiġi ppubblikata dikjarazzjoni dwar in-network, stabbilit fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34, fil-kuntest ta’ żidiet fit-tariffi ddeterminati abbażi tal-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva. Ikun jaqbel li dawn jiġu eżaminati flimkien. |
|
57 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(2), kif ukoll l-Artikolu 32(1) u (6) tad-Direttiva 2012/34 għandhomx jiġu interpretati fis-sens, l-ewwel nett, li ż-żidiet fit-tariffi għandhom neċessarjament jiġu ppubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network qabel ma jiġu awtorizzati mill-korp regolatorju, it-tieni nett, li din id-dikjarazzjoni għandha tispeċifika, għal kull segment tas-suq ikkonċernat, l-informazzjoni dwar iż-żidiet fit-tariffi relatati mal-ispejjeż direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju u, it-tielet nett, li s-sempliċi modifika tal-ammont ta’ dawn l-istess żidiet tikkostitwixxi modifika ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ tariffazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 32(6) ta’ din id-direttiva. |
|
58 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar ir-rabta tal-obbligu li tiġi ppubblikata d-dikjarazzjoni dwar in-network mal-proċedura għal awtorizzazzjoni ta’ żieda fit-tariffi, kif prevista fid-dritt nazzjonali. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li d-Direttiva 2012/34, billi ma tipprevedi ebda proċedura għal awtorizzazzjoni, ma tirregolax, għaldaqstant, il-regoli li tali proċedura għandha tosserva. |
|
60 |
Madankollu, id-dubji mfissra fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda huma rilevanti wkoll f’dan il-kuntest. Il-regoli li jeżiġi d-dritt nazzjonali għal tali proċedura għal awtorizzazzjoni ma għandhomx għalhekk inaqqru l-prerogattivi tal-atturi involuti u, b’mod partikolari, ma għandhomx jagħmluha impossibbli għall-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja li josserva t-terminu previst fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34 għall-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-network. |
|
61 |
Dan ifisser li l-għażla ta’ Stat Membru li jissuġġetta ż-żidiet fit-tariffi tal-infrastruttura għal proċedura għal awtorizzazzjoni ma tistax iżżomm lill-maniġer tal-infrastruttura milli jippubblika, fid-dikjarazzjoni dwar in-network, l-informazzjoni dwar iż-żidiet li huwa jkun iddetermina, u dan mingħajr ma dan tal-aħħar ikollu għalfejn jistenna l-eżitu ta’ din il-proċedura, billi jindika, jekk ikun il-każ, li tali proċedura tkun għadha pendenti. |
|
62 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk ikunx biżżejjed, fid-dawl tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2012/34, li d-dikjarazzjoni dwar in-network tindika tariffa globali għal kull kilometru li jkun sar bit-tren, liema tariffa tkun tkopri kemm l-ispejjeż imputabbli direttament lill-operat tas-servizz ferrovjarju, skont l-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva, kif ukoll iż-żidiet iddeterminati skont l-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, jew jekk dan id-dokument għandux b’mod obbligatorju jispeċifika, għal kull segment tas-suq ikkonċernat, l-ammonti taż-żidiet fit-tariffi relatati mal-ispejjeż direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 26 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34 jiddefinixxi d-“dikjarazzjoni dwar in-netwerk” bħala d-“dikjarazzjoni li tistabbilixxi fid-dettall ir-regoli ġenerali, it-termini, il-proċeduri u l-kriterji għall-iskemi ta’ tqegħid ta’ piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità inkluża l-informazzjoni l-oħra bħal din li hi meħtieġa biex tippermetti l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-infrastruttura”. |
|
64 |
L-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li d-dikjarazzjoni dwar in-network għandha tinkludi informazzjoni li tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja kkonċernata kif ukoll għall-faċilitajiet għas-servizz konnessi man-network tal-maniġer tal-infrastruttura u l-provvista ta’ servizzi f’dawn il-faċilitajiet, il-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjoni ddefinit fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva. |
|
65 |
Issa, skont il-punt 2 ta’ dan l-Anness IV, id-dikjarazzjoni dwar in-network għandha tinkludi kapitolu dwar il-prinċipji ta’ tariffazzjoni u dwar it-tariffi li jkun fih dettalji xierqa dwar, b’mod partikolari, is-sistema ta’ tariffazzjoni, kif ukoll biżżejjed informazzjoni dwar it-tariffi. F’dan ir-rigward, għandha tingħata deskrizzjoni ddettaljata tal-metodoloġija, tar-regoli u, jekk ikun hemm bżonn, tal-iskali użati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 31 sa 36, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż u mat-tariffi. |
|
66 |
Barra minn hekk, mill-premessa 34 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-għan tad-dikjarazzjoni dwar in-network huwa li l-impriżi ferrovjarji jingħataw l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji u għas-servizzi fil-faċilitajiet għas-servizz b’mod nondiskriminatorju u bi trasparenza sħiħa. |
|
67 |
Minn din il-premessa 34, kif ukoll mill-formulazzjoni tal-punt 26 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 27(2) u tal-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2012/34, jirriżulta li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet u sabiex jintlaħaq l-għan li dawn tal-aħħar ifittxu li jilħqu, ma huwiex biżżejjed li l-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja jinkludi fid-dikjarazzjoni dwar in-network tariffa globali għal kull kilometru li jkun sar bit-tren li tkun tkopri l-ispejjeż direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju, kif ukoll kwalunkwe żieda. |
|
68 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, l-impriżi ferrovjarji għandhom id-dritt jikkontestaw quddiem il-korp regolatorju t-tariffi ppubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network li jkunu jmorru kontra r-regoli u l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2012/34. Peress li, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, iż-żidiet huma rregolati minn regoli li jidderogaw mill-prinċipji ta’ tariffazzjoni applikabbli għat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura u tal-faċilitajiet għas-servizz, id-dritt tal-impriżi ferrovjarji li jitolbu eżami mill-ġdid ikun kompromess jekk l-informazzjoni dwar l-ispejjeż direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju u dwar dawn iż-żidiet ma tiġix ipprovduta b’mod separat f’dan id-dokument. |
|
69 |
Dan ifisser li, meta l-maniġer tan-network tal-infrastruttura jiddetermina żidiet abbażi tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2012/34, id-dikjarazzjoni dwar in-network għandha tispeċifika, għal kull segment tas-suq ikkonċernat, l-informazzjoni dwar iż-żidiet fit-tariffi relatati mal-ispejjeż direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju. |
|
70 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tielet lok, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34 li jipprovdi li, jekk maniġer tal-infrastruttura jkun biħsiebu jimmodifika l-elementi essenzjali tas-sistema ta’ tariffazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 32, huwa għandu jinforma lill-pubbliku b’dan mill-inqas tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-network skont l-Artikolu 27(4) ta’ din id-direttiva. |
|
71 |
Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li d-dikjarazzjoni dwar in-network għandha tiġi ppubblikata mhux inqas minn erba’ xhur bil-quddiem qabel id-data ta’ skadenza għat-tressiq tat-talbiet għal kapaċità tal-infrastruttura. |
|
72 |
B’hekk, fil-każ ta’ modifika ta’ “element essenzjali” tas-sistema ta’ tariffazzjoni, it-tliet xhur previsti fl-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2012/34 jiżdiedu mal-erba’ xhur previsti fl-Artikolu 27(4) ta’ din id-direttiva, u b’hekk l-operaturi kkonċernati jingħataw iktar żmien sabiex iħejju, bl-għarfien tal-ispejjeż prevedibbli li huma ser ikollhom isostnu, id-deċiżjoni kummerċjali tagħhom bil-ħsieb li jitolbu kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja. |
|
73 |
Għalkemm id-Direttiva 2012/34 ma tiddefinixxix dak li għandu jitqies bħala “element essenzjali” tas-sistema ta’ tariffazzjoni, mill-għan li jfittex li jilħaq l-obbligu li tiġi ppubblikata dikjarazzjoni dwar in-network, mid-definizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni u mid-deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha tabilfors tkun inkluża f’din id-dikjarazzjoni, kif imfakkra fil-punti 63 sa 66 ta’ din is-sentenza, jista’ jiġi dedott, madankollu, li l-“elementi essenzjali tas-sistema ta’ tariffazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 32(6) ta’ din id-direttiva, jinkludu l-elementi kostituttivi tal-kalkolu taż-żidiet u l-metodoloġija adottata, iżda mhux neċessarjament ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu. |
|
74 |
Għaldaqstant, u kif sostnew il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jekk ikun inbidel biss l-ammont taż-żidiet meta mqabbel ma’ dak tal-perijodu preċedenti ta’ validità tal-orarju tax-xogħol, mingħajr ma jinbidlu, b’mod partikolari, il-prinċipji li jirregolaw il-kalkolu ta’ dawn iż-żidiet, tali modifika ma għandhiex titqies li hija modifika ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ tariffazzjoni. |
|
75 |
Għalhekk, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(2), kif ukoll l-Artikolu 32(1) u (6) tad-Direttiva 2012/34, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, l-ewwel nett, l-informazzjoni dwar iż-żidiet fit-tariffi ma għandhiex tabilfors tiġi ppubblikata fid-dikjarazzjoni dwar in-network qabel ma jiġu awtorizzati mill-korp regolatorju, it-tieni nett, li din id-dikjarazzjoni għandha tispeċifika, għal kull segment tas-suq, l-informazzjoni dwar iż-żidiet fit-tariffi relatati mal-ispejjeż direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju u, it-tielet nett, li s-sempliċi modifika tal-ammont ta’ dawn iż-żidiet ma tikkostitwixxix modifika ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ tariffazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 32(6) ta’ din id-direttiva. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
76 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2012/34 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni dwar iż-żidiet ippubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network għall-perijodu ta’ validità tal-orarju tax-xogħol ikkonċernat torbot lill-korp regolatorju huwa u jeżerċita l-kompetenza ta’ awtorizzazzjoni li tkun ġiet fdata lilu minn Stat Membru. |
|
77 |
Kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, fit-tqassim tal-kompetenzi previst fid-Direttiva 2012/34, huwa l-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja li għandu jiddetermina u jimponi t-tariffi għall-użu ta’ din l-infrastruttura, inkluż kwalunkwe żieda, u dan skont il-qafas ta’ tariffazzjoni u r-regoli stabbiliti ta’ tariffazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm l-impożizzjoni ta’ dawn iż-żidiet tista’ tkun suġġetta għal proċedura għal awtorizzazzjoni, din tal-aħħar għandha tosserva l-funzjonijiet tal-korp regolatorju, kif iggarantiti fl-Artikolu 56 ta’ din id-direttiva. |
|
78 |
Skont dan l-Artikolu 56, huwa mbagħad dan il-korp regolatorju li għandu jivverifika, fuq talba ta’ applikant jew inkella minn jeddu, jekk dawn it-tariffi jkunux konformi mal-imsemmija direttiva u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħha. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, taż-żidiet, huwa dan il-korp li għandu jivverifika jekk l-informazzjoni dwar iż-żidiet ippubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network tkunx konformi mal-qafas ta’ tariffazzjoni, stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 29(1) tal-istess direttiva, u mas-sistema ta’ tariffazzjoni, stabbilita mill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja, skont l-Artikolu 32(1) u (6) ta’ din tal-aħħar. |
|
79 |
B’hekk, fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-korp regolatorju huwa awtorizzat jindika lill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja kkonċernat l-modifiki li għandhom isiru fis-sistema ta’ tariffazzjoni sabiex jiġu rrimedjati l-inkompatibbiltajiet ta’ din is-sistema mar-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 2012/34 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, LatRailNet u Latvijas dzelzceļš, C‑144/20, EU:C:2021:717, punti 38 u 45). |
|
80 |
Għalkemm tali modifiki jista’ jkollhom l-effett, skont il-każ, li jżidu jew inaqqsu ż-żidiet, xorta jibqa’ l-fatt li dawn għandhom jillimitaw ruħhom sabiex jirrimedjaw tali sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà. Il-korp regolatorju ma huwiex awtorizzat jobbliga lill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja jissuġġetta ruħu għall-evalwazzjoni ta’ opportunità tal-imsemmi korp, billi, b’dan il-mod, il-korp regolatorju jkun qiegħed jippreġudika l-marġni ta’ manuvra li għandu jkollu dan il-maniġer, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. |
|
81 |
Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 29(1), kif ukoll l-Artikoli 32 u 56 tad-Direttiva 2012/34 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni dwar iż-żidiet ippubblikati fid-dikjarazzjoni dwar in-network għall-perijodu ta’ validità tal-orarju tax-xogħol ikkonċernat torbot lill-korp regolatorju huwa u jeżerċita l-kompetenza ta’ awtorizzazzjoni li tkun ġiet fdata lilu minn Stat Membru, fis-sens li l-modifiki li huwa jitlob lill-maniġer tal-infrastruttura jagħmel fir-rigward ta’ dawn iż-żidiet għandhom ikunu limitati sabiex jirrimedjaw sitwazzjonijiet ta’ inkompatibbiltà ma’ din id-direttiva u ma jistgħux jinkludu evalwazzjonijiet ta’ opportunità min-naħa ta’ dan il-korp. |
Fuq il-ħames domanda
|
82 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, għall-finijiet tad-determinazzjoni taż-żidiet, jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali ta’ dħul li l-Istat Membru jobbliga lill-maniġer tal-infrastruttura jagħmel u jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża totali li jkun sostna l-maniġer tal-infrastruttura, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni qligħ ieħor li jkun għamel dan il-maniġer, b’mod partikolari sussidji pubbliċi. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie kkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li, sabiex jiġi ggarantit l-għan tal-indipendenza amministrattiva tal-maniġer tal-infrastruttura, kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/34, dan tal-aħħar għandu jkollu marġni ta’ manuvra fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffi. |
|
84 |
Issa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, kif jeżiġi l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34, is-suq ikunx jiflaħ għal żidiet, l-iffissar, minn Stat Membru, ta’ ammont totali ta’ dħul li l-maniġer tal-infrastruttura huwa obbligat jagħmel, għandu l-effett li jillimita dan il-marġni ta’ manuvra tal-maniġer tal-infrastruttura b’mod li huwa inkompatibbli ma’ dan il-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 36). |
|
85 |
Fil-fatt, l-obbligu li jintlaħaq tali ammont jista’ jinċentiva lill-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja jagħti prijorità lill-ġbir tad-dħul, u dan filwaqt li, fid-dawl tal-premessa 43 tad-Direttiva 2012/34, is-sistemi ta’ tariffazzjoni għandhom jinċentivaw lill-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja jottimizzaw l-użu tal-infrastruttura. |
|
86 |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont taż-żidiet, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34, l-ispiża direttament imputabbli lill-operat tas-servizz ferrovjarju hija koperta mit-tariffi miġbura għall-pakkett ta’ aċċess minimu u għall-aċċess għall-infrastruttura li tgħaqqad il-faċilitajiet għas-servizz. Fil-kuntest tas-sistema ta’ tariffazzjoni stabbilita mill-Istat Membru, id-differenza bejn din l-ispiża u l-ispiża totali marbuta ma’ dan l-operat li jkun sostna l-maniġer tal-infrastruttura jistgħu, skont l-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, ipattu għaliha ż-żidiet. |
|
87 |
Fid-dawl tal-prinċipji ta’ tariffazzjoni hekk stabbiliti fid-Direttiva 2012/34, id-dħul li jista’ jagħmel il-maniġer tal-infrastruttura li ma jkunx marbut mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispiża totali li jkun sostna l-maniġer tal-infrastruttura. |
|
88 |
Mill-banda l-oħra, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 115 sa 118 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sussidji pubbliċi li jkun irċieva l-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex jiġu koperti spejjeż marbuta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jitnaqqsu mill-ammont tal-ispiża totali li jista’ jservi bħala bażi għall-kalkolu taż-żidiet. Fil-fatt, tali sussidji huma intiżi li jkopru l-istess spejjeż bħal dawk li jistgħu jkunu s-suġġett tal-imsemmija żidiet, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġġeneraw qligħ. |
|
89 |
Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikoli 4 u 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, għall-finijiet tad-determinazzjoni taż-żidiet, jittieħed inkunsiderazzjoni ammont totali ta’ dħul li l-Istat Membru jobbliga lill-maniġer tal-infrastruttura jagħmel. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispiża totali li jkun sostna dan il-maniġer, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, is-sussidji pubbliċi li dan tal-aħħar ikun irċieva sabiex ikopri spejjeż marbuta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija infrastruttura. |
Fuq l-ispejjeż
|
90 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.