Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2026 (1)

Kawża C‑906/24 [Sirto] (i)

A,

B,

C,

D

E,

F,

G

fil-preżenza ta’:

Maahanmuuttovirasto

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Konsegwenzi tad-dritt ta’ residenza dderivat għall-ulied li jattendu l-iskola u ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum fl-Istat Membru ospitanti u tal-konjuġi li għandu effettivament il-kustodja attwali tagħhom”






I.      Introduzzjoni

1.        Fuq il-bażi tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza (2), il-membri tal-familja ta’ ħaddiem mobbli tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti, fuq il-bażi tad-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem.

2.        Iżda x’jiġri jekk dan il-ħaddiem jitkeċċa mill-Istat Membru ospitanti għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika? Il-membri tal-familja tiegħu jistgħu jibqgħu f’dak l-Istat, speċjalment jekk uħud minnhom ikunu wlied li jattendu l-iskola hemmhekk? Barra minn hekk, f’każ li dawn l-ulied jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu, id-deċiżjoni tagħhom li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti sabiex jiffinalizzaw l-edukazzjoni tagħhom kif taffettwa deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-ġenitur tagħhom?

3.        Fil-qosor, dawn huma l-kwistjonijiet imqajma quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), il-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami, li qiegħda tfittex gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta kemm tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza kif ukoll tar-Regolament dwar il-ħaddiema (3).

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.        A, ċittadin Rumen, stabbilixxa ruħu fil-Finlandja fejn kien impjegat u rċieva dħul, mill-inqas, sa mill‑2017 sal‑2019. Id-dritt ta’ residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru ġie rreġistrat fl‑1 ta’ Marzu 2018 fuq il-bażi tal-impjieg tiegħu. Mill‑2020 sal‑2021, ma rċieva l-ebda dħul minn impjieg u, skont ir-reġistru tad-dħul, huwa rċieva l-aħħar paga tiegħu f’Settembru 2023.

5.        A huwa miżżewweġ lil B, ċittadina Moldovana, li magħha għandu ħames ulied (C, D, E, F u G).

6.        B daħlet fil-Finlandja fil‑15 ta’ Lulju 2018. Fl‑24 ta’ Mejju 2019, B, flimkien ma’ wliedha C, D u E, irċevew karta ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-perijodu mill‑24 ta’ Mejju 2019 sal‑24 ta’ Mejju 2024.

7.        C, D u E – li twieldu rispettivament fl‑2011, fl‑2013 u fl‑2015 – huma ċittadini Moldovani u jattendu skola fil-Finlandja.

8.        F twieled fl‑2019 u huwa ċittadin Rumen. Fl‑10 ta’ Mejju 2021 ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ F bħala ċittadin tal-Unjoni. G twieled fl‑2022 u huwa ċittadin Moldovan. Kemm F kif ukoll G jattendu ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum.

9.        Bejn l‑2019 u l‑2022, A ġie kkundannat fil-Finlandja għal piena ta’ priġunerija sospiża għal seba’ xhur minħabba serq aggravat u għal piena ta’ priġunerija sospiża ta’ tliet xhur minħabba serq, u rċieva wkoll diversi multi għal serq, żewġ kapi ta’ attentat ta’ serq, ir-riċezzjoni b’negliġenza ta’ oġġetti misruqa, it-tqegħid f’perikolu tas-sigurtà fit-toroq u l-pussess ta’ oġġett jew ta’ sustanza li jistgħu jagħmlu ħsara lil ħaddieħor. Huwa ssuspettat ukoll li wettaq serq fl‑2020, b’tentattiv ta’ serq fl-2022, u b’aġir ta’ theddid illegali fl‑2022.

10.      Fit‑22 ta’ Novembru 2022, il-Maahanmuuttovirasto (is-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż) ordna t-tkeċċija ta’ A lejn ir-Rumanija u pprojbixxieh milli jidħol fil-Finlandja għal tliet snin. Skont din id-deċiżjoni, it-tkeċċija tiegħu ġiet ordnata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika minħabba n-natura u r-repetizzjoni tal-attivitajiet kriminali tiegħu, enumerati fil-punt preċedenti.

11.      B’deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022, is-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż iddeċieda li jkeċċi lil B, flimkien ma’ wliedha C, D, E, u G, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, il-Moldova, fuq il-bażi li l-isponsor tagħhom, A, ma kienx iktar jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dritt ta’ residenza. Fl-istess jum u għal raġunijiet simili, is-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż ħabbar li ma kienx ser jirreġistra d-dritt ta’ residenza ta’ F u ordna t-tkeċċija tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ir-Rumanija.

12.      Bid-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Settembru 2023, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ċaħdet l-appelli ppreżentati minn A, B u wliedhom mid-deċiżjonijiet tas-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż.

13.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-awtorizzazzjoni sabiex jappellaw mid-deċiżjonijiet ta’ dik il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tas-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż u tal-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) u li l-kawżi jintbagħtu lura quddiem lill-ewwel korp eżami mill-ġdid. Ir-rikorrenti talbu wkoll il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tipprojbixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija.

14.      Permezz ta’ digrieti provviżorji tal‑21 ta’ Frar 2024, dik il-qorti pprojbixxiet l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija tar-rikorrenti sakemm tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għal appell jew tieħu deċiżjoni dwar l-appell.

15.      Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis, preliminarjament, li l-evalwazzjonijiet kemm tas-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż kif ukoll tal-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) huma konformi mad-dritt nazzjonali sa fejn huma kkonkludew li A kien jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika minħabba l-gravità u r-repetizzjoni tar-reati tiegħu. Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat ukoll li kien raġonevoli li jiġi preżunt li l-evalwazzjoni globali ma kinitx identifikat ċirkustanzi li jipprevalu fuq ir-raġunijiet ta’ tkeċċija f’dan il-każ. Madankollu, l-istess qorti tqis li r-raġunijiet ta’ tkeċċija ta’ A, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni familjari tiegħu, jistgħu jeħtieġu eżami mill-ġdid jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-konjuġi u l-ulied ta’ A għandhom dritt ta’ residenza awtonomu fil-Finlandja anki jekk A jitkeċċa.

16.      L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza u/jew l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-ulied, li jattendu l-iskola primarja jew imorru f’ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum fil-Finlandja, u lil ommhom, li għandha l-kustodja tagħhom, li jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fil-Finlandja. Barra minn hekk, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk u sa fejn il-fatt li missierhom, li huma kienu oriġinarjament idderivaw id-dritt ta’ residenza tagħhom mill-istatus tiegħu ta’ ħaddiem mobbli, ġie kkundannat jitlaq mill-Istat Membru ospitanti minħabba li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika jinfluwenza l-eventwali dritt ta’ residenza awtonomu ta’ wliedu.

17.      F’każ li l-membri tal-familja ta’ A jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk dan jistax iwassal għall-ħtieġa ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar kwistjoni teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza, moqri flimkien mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipproteġi l-ħajja privata u tal-familja u d-drittijiet tat-tfal.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 12(3) tad-[Direttiva dwar iċ-ċittadinanza] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ulied ta’ ċittadin tal-Unjoni rreġistrati fi skola primarja li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tagħhom ma jitilfux id-dritt ta’ residenza tagħhom qabel it-tlestija tal-istudji tagħhom, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, iżda d-deċiżjoni ta’ tkeċċija la tkun definittiva u lanqas tkun ġiet eżegwita u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikompli jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

2)      L-Artikolu 10 tar-[Regolament dwar il-ħaddiema] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ulied ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandu l-istatus ta’ ħaddiem, irreġistrati fi skola primarja li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dawn l-ulied ma jitilfux id-dritt ta’ residenza tagħhom qabel it-tlestija tal-istudji tagħhom, meta l-ġenitur, ċittadin tal-Unjoni u li għandu l-istatus ta’ ħaddiem, kien is-suġġett, minħabba theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-immigrazzjoni tal-Istat Membru ospitanti?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

3)      L-Artikolu 28(1) tad-[Direttiva dwar iċ-ċittadinanza], li jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid meta, wara d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jiġi kkonstatat dritt ta’ residenza awtonomu fl-Istat Membru ospitanti għal uliedu u għall-konjuġi tiegħu u meta dawn il-membri tal-familja jkunu jixtiequ jibqgħu f’dan l-Istat Membru? Jekk dan huwa l-każ, liema ċirkustanzi, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu eżaminati billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-familja u s-sitwazzjoni ekonomika msemmija fl-Artikolu 28(1) tad-[Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7 tal-[Karta] dwar ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet tat-Tfal?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Finlandiż u mill-Kummissjoni Ewropea.

20.      Inżammet seduta fl‑4 ta’ Frar 2026, li matulha r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

21.      Sabiex jiġi applikat b’mod korrett id-dritt taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-imħallfin għandu jkollhom ċertu livell ta’ kompetenza fil-qasam tal-kombinatorika. Il-kawża ineżami huwa eżempju ċar ta’ dan.

22.      Il-qorti tar-rinviju hija kkonfrontata, essenzjalment, b’żewġ domandi differenti iżda marbuta bejniethom. L-ewwel waħda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, u fuq liema bażi, kategoriji differenti ta’ membri tal-familja (bħall-konjuġi li huma ċittadini ta’ pajjiż terz (ĊPT) u l-ulied, li wħud minnhom huma ċittadini tal-Unjoni u wħud li huma ĊPT) jistgħux iżommu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti meta dan id-dritt ġie dderivat mid-dritt ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi f’dan l-Istat, minkejja li l-awtoritajiet kompetenti fil-frattemp ħarġu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra din il-persuna minħabba li kienet theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika (anki jekk din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għadha ma ġietx eżegwita). It-tieni waħda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-membri tal-familja jżommux effettivament id-dritt ta’ residenza tagħhom, li jaffettwa d-deċiżjoni (li għadha ma ġietx eżegwita) ta’ tkeċċija ta’ dik il-persuna.

23.      L-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-ewwel kwistjoni deskritta hawn fuq; ser nittrattahom taħt it-Taqsima A. Sussegwentement ser nindirizza t-tielet domanda preliminari magħmula, li tirrigwarda t-tieni kwistjoni deskritta hawn fuq, taħt it-Taqsima B.

A.      L-ewwel u t-tieni domanda

24.      Bħala prinċipju, il-konjuġi ta’ ĊPT u l-ulied dipendenti jibbenefikaw, skont l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 7(1)(d) u (2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza, minn dritt ta’ residenza dderivat fi Stat Membru li fih ċittadin tal-Unjoni għandu dritt ta’ residenza awtonomu fuq il-bażi ta’ din l-istess direttiva.

25.      Wara ħames snin ta’ residenza legali fi Stat Membru ospitanti bħala membru tal-familja, indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom, dawn il-persuni jakkwistaw dritt ta’ residenza permanenti awtonomu (l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza). Madankollu, jidher li, fil-kawża ineżami, iċ-ċittadin tal-Unjoni, li minnu l-membri tal-familja tiegħu jidderivaw id-drittijiet ta’ residenza tagħhom, kien irrisjeda fil-Finlandja għal inqas minn ħames snin qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront tiegħu (4). Għaldaqstant, huma ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza permanenti – madankollu, din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

26.      Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk dawk il-membri tal-familja jistgħux jitolbu dritt ta’ residenza fuq bażi legali differenti.

27.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu żewġ bażijiet legali possibbli li jista’ jiġi stabbilit fuqhom id-dritt ta’ residenza ta’ mill-inqas uħud mill-ulied inkwistjoni, li jista’ sussegwentement jagħti lok għal dritt idderivat għal ommhom u għall-aħwa oħra. Dawn huma l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza u l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema.

28.      Peress li diġà teżisti ġurisprudenza li tikkonferma li l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema tagħti dritt ta’ residenza lil wild li għandu l-intenzjoni li jkompli jattendi l-iskola fl-Istat Membru ospitanti, ser nibda l-analiżi tiegħi b’din id-dispożizzjoni kif applikata għas-sitwazzjoni preżenti (1).

29.      B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Taħt it-Taqsima 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din id-dispożizzjoni bħala potenzjalment rilevanti wkoll fil-kawża ineżami.

1.      Dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema

30.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ulied ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma rreġistrati fi skola primarja fl-Istat Membru ospitanti, il-ġenitur tagħhom li għandu effettivament il-kustodja ta’ dawn l-ulied, kif ukoll ħuthom li jattendu ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum, xorta jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza sakemm l-ulied itemmu l-istudji tagħhom, anki jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni li d-dritt ta’ residenza tagħhom kien oriġinarjament idderivat minnu jkun suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-Istat Membru ospitanti.

31.      Fir-rigward tal-minuri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema jista’ jagħti dritt ta’ residenza awtonomu lill-ulied ta’ ex ħaddiem mobbli tal-Unjoni (5).

32.      Fis-sentenza Jobcenter Krefeld, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ulied ta’ ex ħaddiem migrant li huwa ċittadin tal-Unjoni li bdew l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti jibbenefikaw, fuq il-bażi tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni, minn dritt ta’ residenza awtonomu jekk jixtiequ jkomplu edukazzjoni ġenerali fl-Istat Membru ospitanti (6).

33.      Xi jfisser dan għall-finijiet tal-kawża ineżami?

34.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ulied C, D u E jattendu l-iskola primarja fil-Finlandja.

35.      Peress li missierhom inizjalment iċċaqlaq lejn il-Finlandja bħala ħaddiem, huma għandhom id-dritt, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibqgħu fil-Finlandja sakemm ikunu rreġistrati fl-edukazzjoni ġenerali. Id-dritt ta’ residenza tagħhom huwa awtonomu mill-istatus ta’ ħaddiem ta’ missierhom jew mir-residenza kontinwa tiegħu fil-Finlandja (7).

36.      Ommhom, B, bħala l-gwardjan u l-indokratur primarju ta’ C, D u E, tidderiva dritt ta’ residenza mid-dritt ta’ residenza awtonomu tagħhom fil-Finlandja (8).

37.      B’hekk jifdal F u G, li għandhom età ta’ qabel l-iskola.

38.      Il-verżjoni Ingliża tas-sentenza Jobcenter Krefeldtiddikjara li jeżisti dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema “meta huwa jixtieq isegwi korsijiet ta’ tagħlim ġenerali f’dan l-Istat Membru” (9). Madankollu, il-verżjoni Franċiża u ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw l-espressjoni “ikompli l-edukazzjoni” (10). Is-sitwazzjoni fil-kawża ineżami kienet fil-fatt tali li l-ulied inkwistjoni kienu diġà jsegwu korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali fl-Istat Membru ospitanti u riedu jkomplu jagħmlu dan.

39.      Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li F u G għandhom dritt ta’ residenza awtonomu minħabba li jattendu ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum. Skont din l-istituzzjoni, ulied li jkunu għadhom fil-faċilitajiet ta’ kura ta’ matul il-jum, jew anki iżgħar, jistgħu jattendu l-iskola fil-futur, b’tali mod li d-dritt tagħhom li jirċievu edukazzjoni fil-futur jimplika neċessarjament dritt li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti, u b’hekk jikkostitwixxi dritt ta’ residenza attwali.

40.      Għall-kuntrarju, il-Gvern Finlandiż iqis li l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema ma jinkludix dritt għal edukazzjoni futura li minnu jista’ jiġi dderivat dritt ta’ residenza għal kull wild li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru.

41.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti drittijiet ta’ residenza awtonomi lil F u lil G, anki jekk ikunu għadhom ma bdewx jattendu l-iskola fil-Finlandja, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-eżistenza ta’ dritt awtonomu tal-minuri li jkomplu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti tidher li tirriżulta mill-kunsiderazzjoni li l-ulied ta’ ħaddiema mobbli għandhom ikunu f’pożizzjoni li jtemmu b’suċċess l-edukazzjoni li jkunu bdew (11).

42.      Għalhekk naqbel mal-Gvern Finlandiż li l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti dritt għall-edukazzjoni; huwa jippermetti biss lill-ulied li jkunu diġà bdew l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti li jkomplu din l-edukazzjoni anki jekk il-ġenitur tagħhom jitlef id-dritt ta’ residenza awtonomu li kien jibbenefika minnu qabel bħala ħaddiem li huwa ċittadin tal-Unjoni.

43.      Għalhekk, peress li l-ulied F u G għandhom età ta’ qabel l-iskola, ma jidhrux li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu fil-Finlandja fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-bidu tal-edukazzjoni ġenerali obbligatorja (12). F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta, fuq il-bażi tad-dritt Finlandiż, jekk l-attendenza f’ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum hijiex meqjusa bħala l-bidu ta’ edukazzjoni formali, u konsegwentement jekk F u G jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza fuq din il-bażi.

44.      Anki jekk F u G ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, dan ma jfissirx li huma ma jistgħux jiksbu dritt ta’ residenza fuq xi bażi oħra, indipendentement mill-isponsor oriġinali tagħhom.

45.      F’dan ir-rigward, nista’ naqbel mal-Kummissjoni li jekk F u G ikunu mġiegħla jitilqu mill-Finlandja, B ikollha titlaq ukoll li, bħala effett domino, ikollu l-konsegwenza li C, D u E jkollhom jitilqu. Konsegwentement, id-dritt ta’ F u ta’ G li jibqgħu fil-Finlandja jista’ jirriżulta mid-dritt, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, ta’ C, D u E li jibqgħu f’dan l-Istat Membru.

46.      Kull evalwazzjoni tad-drittijiet tal-ulied li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni globali u każ b’każ tal-livell ta’ dipendenza tal-ulied fuq il-ġenitur tagħhom li jibbenefika minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni (13). Din l-evalwazzjoni għandha tagħti prijorità lill-aħjar interessi tal-wild u lid-dritt tiegħu għall-ħajja tal-familja (Artikoli 24 u 7 tal-Karta rispettivament), billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-età tal-wild, l-iżvilupp tiegħu u r-rabtiet emozzjonali tiegħu ma’ dan il-ġenitur, kif ukoll ir-riskji psikoloġiċi ta’ separazzjoni (14).

47.      F’dan ir-rigward, jista’ jinsilet paralleliżmu mas-sentenza Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti) (15).

48.      Din il-kawża kienet ukoll dwar ġenitur ĊPT b’wild minuri mill-Unjoni u wild ieħor li huwa ĊPT. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rifjut li jingħata permess ta’ residenza lil ĊPT minuri jista’ jġiegħel lill-omm tal-wild titlaq u, konsegwentement, iġiegħel lill-wild l-ieħor tagħha, li huwa ċittadin tal-Unjoni, jirriloka ruħu wkoll.

49.      Fil-kawża prinċipali, tali kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għal G (li huwa ĊPT), F (li huwa ċittadin tal-Unjoni) u ommhom B (li hija wkoll ĊPT).

50.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod konsistenti li d-drittijiet li jirriżultaw direttament mill-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema jeżistu indipendentement mill-kundizzjonijiet u mil-limitazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza (16). Fil-fehma tiegħi, dan japplika wkoll għad-drittijiet idderivati li jirriżultaw direttament jew indirettament minn din l-istess dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Karta.

51.      Bħala konklużjoni, C, D u E għalhekk igawdu minn dritt ta’ residenza awtonomu fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, ibbażat fuq ir-reġistrazzjoni tagħhom f’faċilità edukattiva fl-Istat Membru ospitanti. Bħala l-indokratur primarju tagħhom, B tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat matul il-perijodu skolastiku tagħhom. F u G għandhom jibbenefikaw b’mod ugwali minn dritt ta’ residenza dderivat sabiex jippermettu lil C, D u E jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza tagħhom.

2.      Id-dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza

52.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ residenza tal-ulied u ta’ ommhom jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza. Peress li diġà stabbilixxejt li tali drittijiet jistgħu jkunu bbażati direttament jew indirettament fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha. Madankollu, peress li saret id-domanda, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-perspettiva tiegħi.

53.      Infakkar li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jipprevedi:

“It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f’istituzzjoni edukattiv, għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom.”

54.      A et isostnu li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza japplika f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, peress li A ma telaqx mill-Finlandja, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli. Madankollu, il-Gvern Finlandiż iqis li tali ċirkustanza ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza fil-kawża ineżami.

55.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jikkonċerna ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni li minnu huwa dderivat id-dritt ta’ residenza tagħhom. Bħall-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jipprevedi ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-ulied li jkunu diġà bdew l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikunu jistgħu jlestu dawn l-istudji. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-ulied indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom.

56.      Madankollu, kuntrarjament għall-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, li japplika indipendentement minn jekk l-ex ħaddiem ikunx telaq mill-Istat Membru ospitanti jew le, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jsir applikabbli biss meta l-persuna li kienet is-sors oriġinali tad-dritt ta’ residenza tal-ulied titlaq mill-Istat Membru ospitanti jew tmut.

57.      Infakkar li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ A la hija definittiva u lanqas eżegwita. Pjuttost, hija s-suġġett ta’ appell pendenti li matulu l-qorti tar-rinviju ssospendiet l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-istennija tad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58.      Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza ma tfissirx neċessarjament li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tiġi eżegwita sabiex ikun jista’ jitnissel id-dritt awtonomu tal-ulied li jirċievu edukazzjoni. Madankollu, it-tluq tal-ġenitur – kemm jekk diġà seħħ kif ukoll jekk għadu ma seħħx – għandu jkun ċert. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tapplika meta deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva, anki jekk tkun għadha ma ġietx eżegwita, taħt piena li titlef l-effett utli tagħha.

59.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ġiet appellata u ma teżisti ebda ċertezza dwar it-tluq.

60.      F’dan is-sens, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss meta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-isponsor tkun ġiet eżegwita jew tal-inqas tkun definittiva.

61.      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami u sabiex tingħata risposta sodisfaċenti għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata sitwazzjoni li fiha l-isponsor huwa effettivament obbligat jitlaq mill-Istat Membru ospitanti, iżda fejn uliedu, irreġistrati fi programm edukattiv, iżommu madankollu d-dritt ta’ residenza tagħhom f’dak l-Istat.

62.      Minkejja l-fatt li l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza ma hijiex utli fl-intier tagħha, il-formulazzjoni tiegħu tissuġġerixxi li l-għan tiegħu huwa l-protezzjoni tad-dritt tal-ulied li jirċievu edukazzjoni fl-ambjent li fih diġà bdewha (17). Għalhekk, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bl-istess mod ta’ dak tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

63.      Fil-qosor, l-ulied ta’ ex ħaddiem migrant jistgħu jiksbu dritt ta’ residenza awtonomu fl-Istat Membru ospitanti jekk ikunu rreġistrati fi programm edukattiv u sakemm ikomplu l-istudji tagħhom. Jekk l-isponsor inizjali tad-dritt ta’ residenza tagħhom kien ħaddiem migrant kien ċittadin tal-Unjoni, l-ulied jistgħu jiksbu dritt ta’ residenza awtonomu fl-Istat Membru ospitanti jew fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema jew tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza.

64.      Id-domanda li jifdal, magħmula mill-qorti tar-rinviju, hija dik dwar jekk il-fatt li l-isponsor inizjali ta’ dritt ta’ residenza jiġi ordnat jitlaq mill-Istat Membru ospitanti, għaliex jitqies li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, jaffettwax id-dritt tal-membri tal-familja li jibqgħu f’dak l-Istat.

3.      L-effett fuq il-membri tal-familja tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza tal-isponsor għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika

65.      Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-limitazzjonijiet tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika huma bbażati fuq l-individwalizzazzjoni ta’ tali miżuri restrittivi.

66.      Dan il-prinċipju oriġina mid-Direttiva 64/221/KEE (18), u b’mod partikolari mill-Artikolu 3(1) tagħha, li kien jipprevedi li “[l]-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat” (19). Tali pożizzjoni ta’ prinċipju kienet diġà ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (20).

67.      Id-Direttiva 64/221 ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza u dispożizzjoni simili tinsab fl-Artikolu 27(2) tagħha. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma nbidlitx (21).

68.      Ir-rekwiżit li miżura li tillimita d-dritt ta’ residenza ta’ persuna tkun ibbażata fuq l-aġir individwali tagħha jimplika li, bħala prinċipju, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ma jistgħux jiġu affettwati mill-aġir personali ta’ missierhom u/jew tal-konjuġi tiegħu.

69.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ulied li jattendu l-iskola, ommhom li hija l-indokratur primarju tagħhom, kif ukoll ħuthom li jattendu ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum xorta jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fil-Finlandja (kemm jekk ikun awtonomu jew idderivat) fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-ħaddiema, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, anki jekk l-isponsor kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, peress li l-aġir personali ta’ dawn il-membri tal-familja ma huwiex suġġett għal tħassib simili għal dak tal-aġir tal-isponsor inizjali tagħhom.

B.      It-tielet domanda

70.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tkeċċija tal-missier għandhiex tiġi mistħarrġa, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konjuġi u wliedu jixtiequ jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti fuq il-bażi tad-drittijiet ta’ residenza awtonomi jew idderivati tagħhom, li saru awtonomi mill-isponsorizzazzjoni oriġinali tal-missier għad-dritt tagħhom li jibqgħu f’dak l-Istat.

71.      Skont l-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jevalwaw is-sitwazzjoni personali tal-persuna inkwistjoni (bħal saħħitha, is-sitwazzjoni familjari jew finanzjarja tagħha) u r-rabtiet tagħha mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u l-livell ta’ integrazzjoni tagħha fiha, kif ukoll ir-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

72.      Kull deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ individwu għandha tkun proporzjonata (22), li timplika li jiġu bbilanċjati, minn naħa, it-theddida li l-aġir personali taċ-ċittadin inkwistjoni jirrappreżenta għall-interessi fundamentali tas-soċjetà ospitanti u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom skont ir-Regolament dwar il-ħaddiema, id-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza u l-Karta.

73.      Kif qabel il-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, kwalunkwe miżura li tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment għandha tosserva d-dritt fundamentali għall-ħajja privata u tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll l-aħjar interess tal-wild, kif protett mill-Artikolu 24(2) tagħha (23). L-esklużjoni ta’ individwu minn Stat Membru li fih tirrisjedi l-familja tiegħu tikkostitwixxi ndħil dirett f’dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-aħjar interessi tal-ulied għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja (24).

74.      Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li l-awtorità tal-immigrazzjoni kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet ta’ residenza kemm tal-ulied kif ukoll tal-konjuġi, kif ukoll l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ tkeċċija ta’ A.

75.      Madankollu, jekk din l-awtorità ma wettqitx tali evalwazzjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi eżaminata mill-ġdid ladarba jkun sar ċar li l-membri tal-familja tal-persuna li kontriha tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija għandhom id-dritt li jibqgħu fil-Finlandja u jixtiequ jeżerċitaw dan id-dritt.

76.      Dan jirrispondi għall-ewwel parti tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju: l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid jekk jiġi kkonstatat dritt ta’ residenza awtonomu fl-Istat Membru ospitanti għal uliedu u għall-konjuġi tiegħu wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni u jekk dawn il-membri tal-familja jixtiequ jibqgħu f’dan l-Istat Membru.

77.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema ċirkustanzi partikolari għandhom jiġu eżaminati f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

78.      L-ewwel, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-evalwazzjoni tal-grad ta’ dipendenza tal-individwu ikkonċernat, l-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jevalwaw b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha ta’ kull każ individwali (25). Meta jikkunsidraw l-aħjar interessi tal-wild bħala element ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ wieħed mill-ġenituri tiegħu, l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-età tal-wild, l-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, il-portata tar-rabtiet emozzjonali tal-wild ma’ ġenitur u r-riskji li s-separazzjoni tal-wild minn dan il-ġenitur tista’ toħloq għall-bilanċ tiegħu (26).

79.      Sabiex iwettqu din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet għandhom iqisu l-impatt tal-interruzzjoni tal-unità tal-familja u l-kapaċità tal-ulied li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri. F’dan ir-rigward, tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-familja kollha tiċċaqlaq lejn Stat (Membru) ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ integrazzjoni tal-ulied fil-Finlandja.

80.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, A et isostnu li, sabiex tinżamm l-unità tal-familja, huma jista’ jkollhom jiċċaqilqu lejn il-Moldova peress li mhux kollha għandhom ċittadinanza Rumena (27).

81.      F’dan ir-rigward, il-linja ta’ ġurisprudenza Ruiz Zambrano tista’ tkun rilevanti (28). Anki jekk is-sentenza f’dik il-kawża stess kienet tikkonċerna minuri statiku li huwa ċittadin tal-Unjoni, din il-linja ta’ ġurisprudenza ġeneralment hija opposta għat-tneħħija ta’ ċittadini tal-Unjoni mit-territorju tal-Istati Membri. Peress li F huwa ċittadin tal-Unjoni, il-fatt li l-familja tiġi mġiegħla tiċċaqlaq lejn il-Moldova jirriżulta f’konsegwenzi kuntrarji għall-ġurisprudenza Ruiz Zambrano.

82.      L-awtoritajiet nazzjonali fil-kawża prinċipali għandhom għalhekk jevalwaw il-possibbiltà għall-familja li tkompli tgħix flimkien fir-Rumanija. Din l-evalwazzjoni ma għandhiex tkun ibbażata fuq sempliċi ipoteżi teoretika, iżda għandha tirriżulta minn eżami konkret tas-sitwazzjoni tal-membri kollha tal-familja (29).

83.      Fattur li l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fuq in-naħa l-oħra tal-bilanċ huwa l-gravità tar-reati mwettqa mill-persuna kkonċernata mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Bħalma sostna l-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ tneħħija tal-missier, il-gravità tar-reat(i) li fuqu(hom) hija bbażata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kkontestata hija fattur sinjifikattiv. Meta r-reat jew l-aġir ikun inqas gravi, jista’ jingħata iktar piż lill-preżervazzjoni tal-unità tal-familja, li tista’ anki, f’ċerti każijiet, tipprevali fuq in-neċessità tat-tneħħija.

84.      F’dan ir-rigward, id-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza tipprevedi żewġ standards differenti li l-Istati Membri għandhom josservaw meta jiddeċiedu jekk jadottawx jew le miżuri sabiex jillimitaw id-dritt tal-persuni li jidħlu jew jibqgħu fit-territorju. Jekk persuna tkun irrisjediet fl-Istat Membru ospitanti għal inqas minn ħames snin, tali miżura tista’ tiġi adottata minħabba mġiba li tmur kontra l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika (l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza). Madankollu, it-tkeċċija ta’ residenti fit-tul tista’ tiġi deċiża biss għal raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika (l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-ewwel rikorrent fil-kawża prinċipali jaqax taħt l-ewwel jew it-tieni kategorija.

85.      Sabiex inkun eżawrjenti, kif ġie diskuss waqt is-seduta, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jistabbilixxi li jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi eżegwita iktar minn sentejn wara li tkun ittieħdet, l-Istat Membru għandu jivverifika li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi attwalment u ġenwinament theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika u għandu jevalwa jekk kienx hemm bidla materjali fiċ-ċirkustanzi sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

86.      Konsegwentement, anki jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, id-deċiżjoni inizjali tas-Servizz tal-Immigrazzjoni Finlandiż kellha tiġi kkonfermata mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jista’ jeħtieġ evalwazzjoni ġdida fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi prevalenti.

87.      Minn dan isegwi li, qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ persuna minn Stat Membru, l-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jevalwaw, b’mod proporzjonat u bbilanċjat, l-interessi tal-familja kkonċernata kollha kemm hi u l-aħjar interessi tal-ulied, minn naħa, u l-interess tas-soċjetà ospitanti, min-naħa l-oħra. Fir-rigward ta’ dawk tal-ewwel, l-awtoritajiet għandhom jevalwaw iċ-ċirkustanzi tal-familja ta’ din il-persuna, ir-raġunijiet għaż-żamma tal-unità tal-familja, il-possibbiltà li tinżamm l-unità tal-familja f’pajjiż ieħor, l-aħjar interessi tal-ulied, inkluż, fejn applikabbli, ir-rieda tal-konjuġi u tal-ulied li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti li fih huma jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu minn dak tal-persuna inkwistjoni. Fir-rigward ta’ dawk tal-aħħar, l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tar-reati, it-tul tar-residenza tal-persuna fl-Istat Membru ospitanti u r-rabtiet kulturali u soċjali tagħha ma’ dan l-Istat meta mqabbla mar-rabtiet li hija għandha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

IV.    Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika biss meta d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-isponsor tkun ġiet eżegwita jew tkun saret definittiva. Madankollu, meta jiddeċiedu jekk hemmx lok jew le li jkeċċu individwu, l-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ulied, li huma rreġistrati fi programm edukattiv fl-Istat ospitanti, jiksbu dritt ta’ residenza awtonomu f’dan l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni ladarba d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva.

(2)      L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li diġà kellu l-istatus ta’ ħaddiem u li għandu wlied irreġistrati fi skola primarja fl-Istat Membru ospitanti, dawn l-ulied li jattendu l-iskola, il-ġenitur tagħhom li għandu effettivament il-kustodja tagħhom, kif ukoll ħuthom li jattendu ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum, xorta jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza tagħhom sakemm l-ulied itemmu l-istudji tagħhom, anki meta l-ġenitur li huwa ċittadin tal-Unjoni u li għandu l-istatus ta’ ħaddiem kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-immigrazzjoni tal-Istat Membru ospitanti għar-raġuni li huwa jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

(3)      L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet tat-tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid jekk jiġi kkonstatat dritt ta’ residenza awtonomu fl-Istat Membru ospitanti għal uliedu u għall-konjuġi tiegħu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u jekk dawn il-membri tal-familja jixtiequ jibqgħu f’dan l-Istat Membru. Meta jeżaminaw id-deċiżjoni mill-ġdid, l-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet jew il-qorti nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod proporzjonat u bbilanċjat, l-interessi tal-familja kkonċernata kollha kemm hi kif ukoll l-aħjar interessi tal-ulied, minn naħa waħda, u l-interessi tas-soċjetà ospitanti, min-naħa l-oħra. Fir-rigward ta’ dawk tal-ewwel, l-awtoritajiet għandhom jevalwaw iċ-ċirkustanzi tal-familja ta’ din il-persuna, ir-raġunijiet għaż-żamma tal-unità tal-familja, il-possibbiltà li tinżamm l-unità tal-familja f’pajjiż ieħor, l-aħjar interessi tal-ulied, inkluż, fejn applikabbli, ir-rieda tal-konjuġi u tal-ulied li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti li fih huma jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu minn dak tal-persuna inkwistjoni. Fir-rigward ta’ dawk tal-aħħar, l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tar-reati, it-tul tar-residenza tal-persuna fl-Istat Membru ospitanti u r-rabtiet kulturali u soċjali tagħha ma’ dan l-Istat meta mqabbla mar-rabtiet li hija għandha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i       L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar iċ-ċittadinanza”).


3      Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-ħaddiema”).


4      F’dan ir-rigward, jidher li meta ġew adottati d-deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Novembru 2022, A kien ilu jgħix fin-Finlandja għal perijodu ta’ erba’ snin u nofs, u għalhekk ma kienx jikkwalifika għall-istatus ta’ residenza permanenti, u lanqas il-membri tal-familja tiegħu li ngħaqdu miegħu wara.


5      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 63), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jobcenter Krefeld”, EU:C:2020:794, punt 35).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.


9      Sentenza Jobcenter Krefeld, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, enfasi miżjuda minni.


10      Bil-Franċiż: “lorsqu’il souhaite poursuivre des cours d’enseignement général dans cet État membre”; bil-Ġermaniż: “wenn es weiter am allgemeinen Unterricht in diesem Mitgliedstaat teilnehmen möchte”; bil-Kroat: “kada ono želi nastaviti s općim obrazovanjem u toj državi članici”; u bit-Taljan: “qualora intenda proseguire corsi di insegnamento generale in tale Stato membro”.


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 53). Għal raġunar simili, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2001:385, punt 62). Barra minn hekk, dan jirrifletti l-formulazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza u l-ipoteżi li din id-dispożizzjoni hija intiża li tipproteġi.


12      Dwar il-qsim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni Ewropea) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punt 56) u f’Il‑Kummissjoni vs ls-Slovakkja (Diskriminazzjoni etnika fil-qasam tal-edukazzjoni) (C‑799/23, EU:C:2025:621, punt 67), li jenfasizzaw li l-Unjoni għandha biss kompetenzi ta’ appoġġ f’dan il-qasam. Għal konferma ta’ tali pożizzjoni, ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni Ewropea) (C‑769/22, EU:C:2026:326, punt 272 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ristuccia, F., “The Ties that bind and ties that compel: Dependency and the Ruiz Zambrano doctrine”’, Common Market Law Review, 2023, 5, p. 1227‑1268, b’mod partikolari p. 1252.


14      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi f’Safi (C‑147/24, EU:C:2025:650, punti 97 sa 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022 (C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 38. Dan ifisser li B, C, D, E, F u G mhux kollha għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar il-ħaddiema u d-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza.


17      Madankollu, mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar iċ-ċittadinanza jista’ jiġi dedott li din id-dispożizzjoni kienet immotivata mill-kura tal-ulied li diġà adattaw għas-sistema edukattiva tal-Istat Membru ospitanti u li jista’ jkollhom problemi ta’ adattament għal sistema ġdida, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tevita li tippenalizza lil dawn l-ulied għar-raġuni li l-ġenitur tagħhom, ċittadin tal-Unjoni, jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal raġunijiet professjonali jew raġunijiet oħra. Ara, f’dan is-sens, il-Kummissjoni Ewropea, Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2001) 257 final) (ĠU 2001 C 270 E, p. 150); disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:52001PC0257.


18      Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11).


19      Enfasi miżjuda minni.


20      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, EU:C:1975:137, punt 19) u tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 28).


21      Ara reċentement, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Pedro Francisco (C‑62/23, EU:C:2024:502, punt 32).


22      L-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa stabbilit b’mod ċar fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza, anki jekk tali obbligu jirriżulta diġà mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jeżiġi li kull limitazzjoni tad-dritt għall-moviment liberu tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.


23      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 52), u tal‑25 ta’ Novembru 2025, Wojewoda Mazowiecki (C‑713/23, EU:C:2025:917, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 41).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 85); tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti) (C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344,  punt 77).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 71). Ara wkoll, inter alia,  is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 72); tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punti 38 u 39); u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tailandiża ta’ wild minuri Olandiż) (C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 48).


27      F’dan ir-rigward, sa fejn naf jien, jekk, għal raġunijiet storiċi, iċ-ċittadini Moldovani jirċievu trattament speċjali f’termini ta’ naturalizzazzjoni fir-Rumanija, huma ma jibbenefikaw minn ebda privileġġ fejn jidħlu permessi ta’ residenza. Ara l-Artikolu 11(1) tal-Legea nr. 21/1991 a cetăţeniei române (il-Liġi Nru 21/1991 dwar iċ-Ċittadinanza Rumena), emendata l-aħħar bil-Lege nr. 14/2025 (il-Liġi 14/2025) tat‑12 ta’ Marzu 2025.


28      Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124).


29      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi f’Safi (C‑147/24, EU:C:2025:650, punti 81 sa 84).