Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C‑279/25

IC

vs

Land Baden‑Württemberg,

fil-preżenza ta’

Vertreterin des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21(1) TFUE – Dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li minn twelidu jkollu n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq bejn l-Istati Membri li tagħhom huwa ċittadin – Dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja”






I.      Introduzzjoni

1.        Persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri li bejniethom hija ċċaqilqet tista’ tinvoka n-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha A quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha B, billi targumenta li hija eżerċitat id-dritt li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni u titlob is-sistema legali li tirriżulta minnu (2)?

2.        Din il-kwistjoni hija ta’ importanza kruċjali. Fil-fatt, jekk fil-passat in-nazzjonalità doppja kienet titqies b’suspett mill-Istati minħabba li r-rabta ta’ nazzjonalità kellha tkun esklużiva, illum dan l-istatus huwa aċċettat b’mod wiesa’ (3) u n-numru ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri sa mit-twelid tagħhom qiegħed dejjem jikber. Din is-sitwazzjoni tirriżulta miż-żieda ta’ movimenti transkonfinali tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, mit-twelid ta’ familji binazzjonali u mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li permezz tagħhom l-Istati Membri jirrikonoxxu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tat-trażmissjoni tan-nazzjonalità u jawtorizzaw iż-żamma ta’ diversi passaporti (4).

3.        Fl‑2025, 3 612 000 ċittadin Ġermaniż kellu nazzjonalità doppja. Minħabba l-prossimità ġeografika, ir-rabtiet storiċi u kooperazzjoni stretta msaħħa bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Polonja, ċittadini Ġermaniżi li għandhom ukoll in-nazzjonalità Pollakka kienu jikkostitwixxu l-ikbar proporzjon ta’ persuni b’nazzjonalità doppja fit-territorju Ġermaniż għaliex kienu jammontaw għal 458 000 persuna, ferm iktar miċ-ċittadini Ġermaniżi‑Taljani, Ġermaniżi‑Rumeni, Ġermaniżi‑Griegi u Ġermaniżi‑Franċiżi (5). Il-Gesetz zur Modernisierung des Staatsangehörigkeitsrechts (il-Liġi dwar il-Modernizzazzjoni tad-Dritt tan-Nazzjonalità) (6), tat‑22 ta’ Marzu 2024, li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Ġunju 2024, għandha żżid dan il-fenomenu fil-futur peress li din il-liġi taċċetta issa n-nazzjonalità doppja mit-twelid u tawtorizza n-naturalizzazzjoni wara ħames snin ta’ residenza (7).

4.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jaqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn IC, ċittadin Alġerin, u l-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha dawn irrifjutaw li jagħtuh il-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza dderivat li huwa kien talab fil-kwalità tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li għandha nazzjonalità doppja Ġermaniża u Pollakka (iktar ’il quddiem il-“parti kkonċernata”). Dawn tal-aħħar ikkunsidraw li din iċ-ċittadina tal-Unjoni ma kinitx eżerċitat id-dritt tagħha li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE billi ċċaqilqet mill-Polonja lejn il-Ġermanja.

5.        Minkejja li n-nazzjonalità doppja llum hija kkunsidrata bħala l-għarqub ta’ Akille taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (8), il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha u b’mod partikolari tiddetermina jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri u li jinsabu fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri, ikunux qed jirrisjedu fih abbażi tad-dritt nazzjonali jew abbażi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll, bħala konsegwenza, liema huma r-regoli applikabbli għar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja tagħhom.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li ċittadin tal-Unjoni li, bħall-parti kkonċernata, telaq mill-Istat Membru li twieled fit-territorju tiegħu u li tiegħu għandu n-nazzjonalità sa minn twelidu sabiex imur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li tiegħu wkoll għandu n-nazzjonalità sa mit-twelid u li fih huwa stabbilixxa u bena l-ħajja tal-familja tiegħu, ma għamilx użu mid-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE, minkejja l-qsim tal-fruntiera bejn dawn iż-żewġ Stati. B’mod partikolari, ser nispjega li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (9), ma tidhirx li hija applikabbli b’analoġija, peress li tali ċittadin ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ drittijiet miksuba preċedentement abbażi tad-Direttiva 2004/38/KE (10).

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

7.        Ir-rikorrent huwa ċittadin Alġerin li ilu jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż sa mis-sena 2009. Peress li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda, ir-residenza tiegħu hija irregolari, iżda madankollu hija ttollerata skont awtorizzazzjonijiet eċċezzjonali. Huwa l-missier ta’ tlitt itfal li twieldu fil-Ġermanja rispettivament fl‑2012, 2016 u 2018 u li jirrisjedu fit-territorju Ġermaniż. Omm it-tfal tiegħu, li huwa żżewweġ fl‑2017, hija ta’ nazzjonalità Ġermaniża u Pollakka. Wara li għexet fil-Polonja sal‑2008, fl-età ta’ tnax-il sena hija stabbilixxiet ruħha fit-territorju Ġermaniż, u bbenefikat minn permess ta’ residenza għal perijodu illimitat qabel ma kien ikkonstatat li hija kellha n-nazzjonalità Ġermaniża sa mit-twelid tagħha, permezz tal-filjazzjoni. Bl-eċċezzjoni ta’ residenzi sporadiċi fil-Polonja, hija rrisjediet b’mod permanenti fit-territorju Ġermaniż sa minn dakinhar.

8.        Ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ diversi proċeduri kriminali u sab ruħu diversi drabi f’detenzjoni, b’mod provviżorju jew wara kundanna, kif ukoll fil-kuntest ta’ tqegħid obbligatorju fi stabbiliment psikjatriku (11). Ir-rikorrent u l-parti kkonċernata ddivorzjaw fit‑18 ta’ Ġunju 2021.

9.        F’dan l-intervall, fl‑2018, ir-rikorrent talab il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern (il-Liġi dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-Unjoni) (12), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (13). Peress li dan il-permess ġie rrifjutat, ir-rikorrent imbagħad ippreżenta rikors kontra dan ir-rifjut quddiem il-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja), li kien miċħud. Ir-rikorrent appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg, il-Ġermanja). Dan l-appell ġie miċħud ukoll permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2023. Essenzjalment, l-awtoritajiet ġudizzjarji kkunsidraw li l-parti kkonċernata, mart ir-rikorrent, ma kinitx eżerċitat id-dritt tagħha li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE, billi ċċaqilqet mill-Polonja lejn il-Ġermanja (14).

10.      Għaldaqstant, ir-rikorrent ippreżenta quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) rikors għal reviżjoni, billi argumenta, essenzjalment, li peress li l-parti kkonċernata kienet, fl-età ta’ tnax-il sena, eżerċitat id-dritt tagħha li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri billi stabbilixxiet ruħha fil-Ġermanja, huwa jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat bbażat fuq l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni tagħha.

11.      Peress li għandha dubji dwar il-portata tal-Artikolu 21(1) TFUE, u b’mod partikolari dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lounes, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 21(1) TFUE huwa applikabbli għal ċittadin tal-Unjoni li sa minn twelidu jkollu n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri u li, matul l-ewwel tnax-il sena ta’ ħajtu, ikun irrisjeda f’wieħed minn dawn l-Istati Membri u sussegwentement fl-Istat Membru l-ieħor, li jkollu n-nazzjonalità tagħhom, b’mod li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jagħti dritt idderivat ta’ residenza lil persuna ta’ nazzjonalità ta’ Stat terz li dan iċ-ċittadin kien temporanjament miżżewweġ magħha u li dan iċ-ċittadin irrisjeda magħha fit-tieni Stat Membru li huwa jkollu n-nazzjonalità tiegħu?”

12.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet u l-parti kkonċernata pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit‑22 ta’ April 2026, li matulha huma wieġbu wkoll għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja.

13.      Mid-dibattiti li seħħew waqt is-seduta jirriżulta li r-rikorrent għadu jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju Ġermaniż, iżda li r-residenza tiegħu għadha ttollerata. Huwa reġa’ żżewweġ u sar missier tar-raba’ wild.

III. Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

14.      Qabel nibda l-eżami tad-domanda preliminari, ser nagħmel żewġ osservazzjonijiet preliminari.

15.      L-ewwel osservazzjoni tirrigwarda l-kwistjoni tal-istatus ġuridiku tal-parti kkonċernata, ċittadina tal-Unjoni, fil-mument tal-qsim tal-fruntiera Ġermaniża‑Pollakka. Din l-osservazzjoni hija essenzjali, għaliex mit-tweġiba għal din il-kwistjoni tirriżulta l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38.

16.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) titlaq mill-prinċipju li l-parti kkonċernata, ċittadina tal-Unjoni, ingħatat in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri mat-twelid. Dan huwa rifless fil-kliem stess tad-domanda preliminari tagħha. Madankollu, hija tistaqsi jekk il-fatt li n-nazzjonalità Ġermaniża tal-parti kkonċernata kienet irrivelata biss wara l-istabbiliment tagħha fit-territorju Ġermaniż jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżerċizzju, minnha, tad-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE.

17.      Nikkunsidra li dan il-fatt ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tad-domanda preliminari. Fil-fatt, sa fejn ir-rikonoxximent ta’ rabta ta’ nazzjonalità huwa att dikjaratorju, dan ir-rikonoxximent kellu effetti retroattivi sa mit-twelid taċ-ċittadin tal-Unjoni, b’tali mod li l-parti kkonċernata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “Pollakka biss” fil-mument li fih hija qasmet il-fruntiera mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif isostni r-rikorrent. Għalhekk, u sa fejn il-parti kkonċernata, ċittadina tal-Unjoni, għexet suċċessivament fiż-żewġ Stati Membri li tagħhom hija ċittadina, id-Direttiva 2004/38, li tistabbilixxi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tad-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri previst fl-Artikolu 21(1) TFUE (15), qatt ma kienet applikabbli. Dan il-punt ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, infakkar li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li jmur jew jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu. Għalhekk, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża li tirregola d-drittijiet idderivati tal-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità (16).

18.      It-tieni osservazzjoni tirrigwarda r-rilevanza tal-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward ta’ ostakoli għad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri li jirriżultaw mir-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrikonoxxu jew jemendaw il-kunjom tiegħu.

19.      Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet tar-rikorrent u tal-Kummissjoni jirreferu għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (17), tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (18), u tal‑25 ta’ Novembru 2025, Wojewoda Mazowiecki (19). Madankollu, l-għanijiet imfittxija minn dawn l-atturi tal-proċedura huma differenti: filwaqt li l-qorti tar-rinviju tipprova tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrent u l-Kummissjoni jipprovaw, min-naħa tagħhom, juru l-applikabbiltà tal-Artikolu 21 TFUE u l-benefiċċju tad-drittijiet marbutin miegħu fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri.

20.      Ma naħsibx li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata b’analoġija. Fil-fatt, ir-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent, it-traskrizzjoni jew anki l-modifika ta’ data relatata mal-istat ċivili taċ-ċittadin tal-Unjoni, bħall-kunjom, il-ġeneru jew anki l-istat matrimonjali, u dawk li jirregolaw id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja tagħhom, minkejja li kollha jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ spazju ta’ moviment liberu u ta’ residenza fl-Unjoni, għandhom għanijiet distinti u fihom partikolaritajiet strutturati abbażi ta’ prinċipji speċifiċi.

21.      Għaldaqstant, ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE fil-kuntest biss tal-għoti ta’ drittijiet ta’ residenza dderivati liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni.

B.      Eżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE

22.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċittadin tal-Unjoni li ċċaqlaq bejn żewġ Stati Membri li tagħhom huwa għandu n-nazzjonalità sa minn twelidu sabiex jistabbilixxi ruħu fit-tul f’wieħed minn dawn l-Istati, eżerċitax id-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxut lilu fl-Artikolu 21(1) TFUE, b’tali mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu huwa ħoloq u bena l-ħajja tal-familja tiegħu f’dan l-aħħar Stat jista’ jinvoka quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

23.      Għar-raġunijiet li ser nesponi issa, naħseb li l-Artikolu 21(1) TFUE ma japplikax għal tali sitwazzjoni. Minkejja li r-rikorrent u l-Kummissjoni jipprovaw juru li s-soluzzjoni li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lounes fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li kiseb it-tieni nazzjonalità wara n-naturalizzazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, tista’ tiġi estiża għal dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri sa mit-twelid, ser nuri li jeżistu differenzi essenzjali bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, jipprekludu li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi tali proposta.

1.      Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza McCarthy 

24.      Infakkar li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (20), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 21 TFUE ma huwiex applikabbli għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, li dejjem irrisjeda fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li jgawdi, barra minn hekk, min-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, Shirley McCarthy, ċittadina tal-Unjoni, kienet ressqet talba għal dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt tal-Unjoni fir-Renju Unit, li tiegħu kellha n-nazzjonalità u fejn kienet dejjem irrisjediet. Hija kellha wkoll in-nazzjonalità Irlandiża. Din it-talba kienet intiża sabiex tagħti lis-Sur McCarthy, ċittadin ta’ pajjiż terz, dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38, bħala membru tal-familja tagħha, peress li mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni ma kienx jirriżulta dritt ta’ residenza analogu (21).

25.      Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati sabiex dawn jiġu implimentati ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li ma għandhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (22). F’dan ir-rigward, hija fakkret ukoll li l-fatt waħdu li ċ-ċittadina tal-Unjoni għandha n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt l-Artikolu 21 TFUE (23). Sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjoni li fiha S. McCarthy ma kinitx għamlet użu mil-libertà ta’ moviment tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk ir-rifjut tad-dritt ta’ residenza lir-raġel tagħha kienx jaffettwa d-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u b’mod iktar wiesa’, id-drittijiet tagħha marbuta mal-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni (24). Fl-assenza ta’ tali preġudizzju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sitwazzjoni tagħha ma kienet tippreżenta ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħha kienu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (25).

26.      F’din il-kawża, il-fatt li l-parti kkonċernata ċċaqilqet bejn iż-żewġ Stati Membri li tagħhom għandha n-nazzjonalità jbiddel din il-konklużjoni? Jiena ma naħsibx.

27.      Ma huwiex ikkontestat li l-parti kkonċernata, bħala ċittadina ta’ żewġ Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika tal-Polonja, li fit-territorju tagħha hija twieldet u rrisjediet sal-età ta’ tnax-il sena, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fit-territorju tagħha hija marret u bniet il-ħajja tal-familja tagħha, tgawdi l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 20(1) TFUE jipprovdi li kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tgawdi minn dan l-istatus, u li dan jiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u mhux jissostitwixxiha (26). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (27). Għalhekk, f’din il-kwalità, il-parti kkonċernata tista’ tinvoka, kemm fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus, b’mod partikolari d-dritt li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħti mill-Artikolu 21(1) TFUE (28).

28.      Madankollu, minkejja li l-parti kkonċernata wriet ċertu grad ta’ mobbiltà fi ħdan l-Unjoni, m’iniex konvint li dan il-moviment transkonfinali bejn Stati Membri li tagħhom għandha n-nazzjonalità sa mit-twelid tagħha huwa suffiċjenti, waħdu, sabiex jiġi kkunsidrat li hija eżerċitat id-dritt mogħti lilha mill-Artikolu 21(1) TFUE, peress li ebda element tal-proċess ma jindika li hija ċċaqilqet jew irrisjediet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minbarra dak tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

29.      Waħda mir-regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu u tar-residenza hija li din il-libertà tista’, bħala prinċipju, tiġi invokata biss miċ-ċittadin ta’ Stat Membru li, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, iċċaqlaq u rrisjeda fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 21 TFUE u fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li d-“dritt għall-moviment liberu jinkludi [...] id-dritt għaċ-ċittadini tal-Unjoni [...] li jidħlu fi Stat Membru differenti li ma huwiex dak li minnu joriġinaw” (29). Dan huwa konformi mal-prinċipju li jipprovdi li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija ta’ natura dderivata meta mqabbla man-nazzjonalità, peress li din tirreferi għal status ġuridiku u politiku li huwa rrikonoxxut liċ-ċittadini ta’ Stat Membru lil hinn mill-komunità politika statali tagħhom (30). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet u restrizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu, u enfasizzat ukoll espressament fis-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (31), li “ma huwiex inkondizzjonat” (32).

30.      Għaldaqstant, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 21 TFUE ma jkoprix id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu u jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, peress li dan id-dritt huwa marbut mal-istatus tagħhom ta’ ċittadin nazzjonali. Huma għandhom dan id-dritt mhux abbażi tad-dritt tal-Unjoni, iżda tad-dritt nazzjonali tagħhom. Għall-kuntrarju tad-dritt li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri marbut mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-istess dritt ma jista’ jkun suġġett għal ebda limitazzjoni jew restrizzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, skont prinċipju tad-dritt internazzjonali, Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih u li għalhekk dawn igawdu fih minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat (33).

31.      Fis-sentenza McCarthy, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet ukoll li, peress li r-residenza ta’ persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħha ma tistax tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet, id-Direttiva 2004/38, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat id-dritt li wieħed jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ma tistax titqies li hija intiża li tapplika għal ċittadin tal-Unjoni li jgawdi minn dritt ta’ residenza li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni minħabba l-fatt li jirrisjedi fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu (34). Naħseb li dan ir-raġunament huwa applikabbli għall-Artikolu 21(1) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi tagħha.

32.      F’dan il-każ, il-parti kkonċernata, ċittadina tal-Unjoni, telqet mit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja li tagħha hija ċittadina tmur u tirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tagħha għandha wkoll in-nazzjonalità, mhux fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri li jagħtiha l-Artikolu 21(1) TFUE, iżda abbażi tad-dritt awtonomu u inkundizzjonat ta’ aċċess u ta’ residenza li tagħtiha n-nazzjonalità tagħha (35). Fl-assenza ta’ tali premessa, u għax l-eventwali drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn tal-aħħar, iżda drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni (36), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tkun meħtieġa tagħti lir-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadina tal-Unjoni, dritt ta’ residenza li huwa direttament ibbażat fuq l-Artikolu 21(1) TFUE, ladarba li l-elementi rilevanti kollha huma limitati fi ħdan dan l-Istat Membru, peress li l-koppja ltaqgħet u stabbilixxiet il-ħajja tal-familja tagħha fit-territorju Ġermaniż qabel ma żviluppatha u temmitha f’dan l-istess territorju.

33.      Għalhekk, minkejja l-moviment transkonfinali tal-parti kkonċernata, inqis li din iċ-ċittadina tal-Unjoni li ċċaqilqet bejn l-Istati Membri li tagħhom għandha n-nazzjonalità sa minn twelidha u li fit-territorju tagħhom hija dejjem irrisjediet ma għamlitx użu mid-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE, b’tali mod li r-rikorrent ma jistax jislet dritt ta’ residenza li jkun direttament ibbażat fuq din id-dispożizzjoni.

34.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ir-rikorrent lanqas jista’ jibbenefika, minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE. Kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop u l-ġustifikazzjoni tad-drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni (37). Issa, ma naħsibx li s-sitwazzjoni inkwistjoni hija assimilabbli għas-sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom l-Istati Membri, minkejja l-assenza ta’ moviment transkonfinali taċ-ċittadin tal-Unjoni, huma marbuta jirrikonoxxu tali dritt ta’ residenza taħt piena li jċaħħdu lil dan tal-aħħar mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni (38).

35.      B’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (39), jeżistu, fil-fatt, sitwazzjonijiet li fihom, “minkejja l-fatt li d-dritt idderivat tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu, dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE għandu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin ikkonċernat, taħt piena li jinkiser l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, l-imsemmi ċittadin ikkonċernat jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meħud fl-intier tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija [mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni]” (40).

36.      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Safi, dawn is-sitwazzjonijiet huma kkaratterizzati mill-fatt li, anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet li jaqgħu a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri dawk li jikkonċernaw id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat tal-Unjoni, l-imsemmija sitwazzjonijiet xorta waħda għandhom relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, li tipprekludi li dan id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lill-imsemmija ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (41). Madankollu, ir-rifjut li jingħata tali dritt ta’ residenza jista’ jikkontesta l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, fl-intier tiegħu (42).

37.      Issa, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni li kienet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (43), jew anki għas-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2017, ChavezVilchez et (44) u tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (45), ebda element tas-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata, kif inhi esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma turi li r-rifjut ta’ dritt ta’ residenza lir-rikorrent kien jirriskja li jċaħħad, lilha jew lit-tfal minuri tagħha, mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni (46). Fil-fatt, xejn ma jindika li, bħala konsegwenza ta’ dan ir-rifjut, dawn tal-aħħar kienu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni jew li sabu ostakoli fid-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stati Membri oħra li tagħhom ma għandhomx in-nazzjonalità. Ir-rikorrent dejjem ibbenefika fit-territorju Ġermaniż minn sistema ta’ tolleranza amministrattiva, u minkejja ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza, il-membri tal-familja tiegħu baqgħu dejjem jirrisjedu fit-territorju Ġermaniż. Barra minn hekk, illum dan ir-riskju jista’ jiġi raġonevolment eskluż peress li, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-koppja ddivorzjat fl‑2021, it-tieni nett, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg) jirriżulta li ma teżistix dipendenza effettiva bejn ir-rikorrent u t-tfal imwielda mill-unjoni tiegħu mal-parti kkonċernata (47), u t-tielet nett, ir-rappreżentant tar-rikorrent indika waqt is-seduta li dan tal-aħħar issa stabbilixxa dar ġdida.

38.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “sitwazzjoni partikolari ħafna” li tiġġustifika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti, b’mod eċċezzjonali, dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 20 TFUE sabiex jiġi ggarantit l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

2.      Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Lounes

39.      Is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lounes (48), ikkonfermata mbagħad fis-sentenza ChiefAppealsOfficer et, ma jidhirlix li hija applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni.

40.      Irrid nirrikonoxxi li l-idea li din is-soluzzjoni tiġi estiża tiġi b’mod pjuttost spontanju minħabba analoġija fattwali. Din l-analoġija tirrigwarda l-fatt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lounes, bħal fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadina tal-Unjoni ċċaqilqet bejn żewġ Stati Membri li tagħhom hija kellha n-nazzjonalità fil-mument li fih hija ħolqot u bena l-ħajja tal-familja tagħha ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

41.      Il-kawża li tat lok għas-sentenza Lounes kienet tirrigwarda b’mod iktar partikolari s-sitwazzjoni ta’ ċittadina Spanjol, is-Sinjura Ormazabal, li wara li marret, b’eżerċizzju tal-libertà tagħha ta’ moviment, u rrisjediet għal diversi snin fit-territorju tar-Renju Unit li tiegħu ma kellhiex nazzjonalità, skont u b’osservanza tal-Artikolu 7(1) jew tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, akkwistat in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat permezz tan-naturalizzazzjoni mingħajr ma rrinunzjat għan-nazzjonalità Spanjola tagħha. Diversi snin wara, hija żżewġet ċittadin ta’ pajjiż terz, li talab quddiem l-awtoritajiet tar-Renju Unit permess ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 21 TFUE.

42.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkun jista’ “jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet misluta [mill-Artikolu 21(1) TFUE], wara li jkun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru” (49) għal tliet raġunijiet: tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema li hija bbażata fuq loġika ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni, jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 21 TFUE u tiġi promossa l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni.

43.      B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jmur kontra l-loġika ta’ integrazzjoni progressiva ffavorizzata mill-Artikolu 21 TFUE li tali ċittadin, li jkun ingħata drittijiet skont dan l-artikolu minħabba l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment liberu tiegħu, ikollu jirrinunzja għall-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari għal dak li jkollu ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti, għar-raġuni li kien ipprova, permezz tan-naturalizzazzjoni f’dan l-Istat Membru, jintegra ruħu iktar fis-soċjetà tiegħu (50). Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari dak li jkollu ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, jiddgħajfu skont kemm jintegra ruħu fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru u skont in-numru ta’ nazzjonalitajiet li jkollu (51).

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE kien jeżiġi li ċittadin f’tali sitwazzjoni għandu jkun jista’ jibqa’ jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, id-drittijiet misluta minn din id-dispożizzjoni, wara li jkun kiseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu, u b’mod partikolari, għandu jkun jista’ jibni ħajja tal-familja mal-konjuġi tiegħu li jkun ċittadin ta’ Stat terz, bl-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar (52). Għalhekk, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun akkumpanjat miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, min-naħa l-oħra, hija tirrevoka hawnhekk dan ir-rekwiżit, billi ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38, anki jekk joħloq u jibni l-ħajja tal-familja tiegħu wara l-wasla tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu kiseb in-nazzjonalità (53).

45.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fin-nuqqas ta’ dan, ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti minbarra n-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu jiġi, fir-rigward tal-ħajja tal-familja tiegħu, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn ċittadin tal-Unjoni li jkun ukoll eżerċita din il-libertà iżda li jkollu biss in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu (54).

46.      Ma jidhirlix li din il-ġurisprudenza hija applikabbli b’analoġija għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu sa minn twelidu n-nazzjonalità tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi.

47.      L-ewwel nett, tali estensjoni teħtieġ li jiġi aċċettat li d-dritt li wieħed jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri previst fl-Artikolu 21 TFUE jinkludi wkoll id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu u li jirrisjedu fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Madankollu, infakkar li, fid-dawl tan-natura u l-portata tar-rabta ta’ nazzjonalità, id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru tiegħu stess ma jistax ikun suġġett għal “limitazzjonijiet u kundizzjonijiet” li għalihom jirreferu espressament kemm l-Artikolu 20(2) kif ukoll l-Artikolu 21(1) TFUE (55).

48.      It-tieni nett, tali interpretazzjoni twassal sabiex tillimita iktar il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, u twassal finalment għar-rikonoxximent mingħajr limiti ta’ drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, minkejja li ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tipprovdi dan espressament, peress li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija ta’ natura dderivata u komplementari meta mqabbla man-nazzjonalità ta’ Stat Membru skont it-termini tal-Artikolu 20(1) TFUE. Fil-fatt, abbażi ta’ din l-interpretazzjoni, bbażata fuq l-Artikolu 21(1) TFUE biss, anki moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jkunu marbuta jagħtu liċ-ċittadini tagħhom li għandhom ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor id-drittijiet u l-vantaġġi marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li jinkludu d-dritt ta’ residenza dderivat, minkejja li d-Direttiva 2004/38 qatt ma kienet applikabbli.

49.      Fil-fehma tiegħi, din hija d-differenza l-iktar importanti tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi Lounes u Chief Appeals Officer et, u li toħloq id-diffikultà prinċipali sabiex tiġi aċċettata l-estensjoni tas-soluzzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi.

50.      Fil-fatt, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, iċ-ċittadina nazzjonali “attivat” it-tgawdija taċ-ċittadinanza tal-Unjoni billi eżerċitat id-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38, qabel in-naturalizzazzjoni tagħha fl-Istat Membru ospitanti. Dan kellu l-konsegwenza li jdaħħal ab initio l-istatus ġuridiku tagħha, b’mod partikolari s-sitwazzjoni personali tagħha u tal-familja tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress li hija saret detentriċi ta’ drittijiet ġodda li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (56). Skont id-duttrina, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ħolqot għalhekk ċirku addizzjonali ta’ drittijiet għaċ-ċittadini nazzjonali. Hija żżid mal-ewwel grupp ta’ drittijiet marbuta man-nazzjonalità li minnhom igawdi ċ-ċittadin nazzjonali t-tieni ċirku ta’ drittijiet ġodda li minnhom igawdu ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha b’konformità mad-dispożizzjonijiet previsti mit-Trattati (57). Għalhekk, huwa kemm minħabba l-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38 kif ukoll minħabba l-“integrazzjoni progressiva” li tirriżulta minnu fl-Istat Membru ospitanti, li s-Sinjura Ormazabal kisbet in-nazzjonalità Brittanika tagħha u huwa biss fir-rigward tad-drittijiet miksuba preċedentement li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat “applikazzjoni b’analoġija” ta’ din id-direttiva għar-residenza tagħha fir-Renju Unit (58). Għalhekk, għall-Qorti tal-Ġustizzja kien essenzjali li d-drittijiet li hija kisbet preċedentement skont l-imsemmija direttiva, b’mod partikolari d-dritt tagħha għar-riunifikazzjoni tal-familja, jinżammu fit-territorju Brittaniku permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE. Ma kienx importanti li wieħed jikkunsidra ċ-ċittadinanza Spanjola jew iċ-ċittadinanza Brittanika tal-parti kkonċernata peress li din ippreżentat ruħha qabel kollox bħala ċittadina tal-Unjoni li eżerċitat id-dritt tagħha li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li d-dritt tagħha għar-riunifikazzjoni tal-familja li kien irrikonoxxut lilha kellu jiġi protett (59). Kien jiddependi mhux biss mill-effett utli tal-Artikolu 21(1) TFUE, iżda wkoll mill-awtonomija u mill-awtorità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

51.      Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin tal-Unjoni qatt ma jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ drittijiet miksuba preċedentement permezz tal-“attivazzjoni” tad-Direttiva 2004/38 peress li, kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, din qatt ma kienet applikabbli għalih peress li huwa jiċċaqlaq u jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri li tagħhom huwa għandu n-nazzjonalità. Peress li huwa impossibbli li jikseb dawn id-drittijiet, dawn tal-aħħar ma jistgħux, konsegwentement, jinżammu (60).

52.      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u sakemm ma jridx jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, il-parti kkonċernata tinsab għalhekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ residenza tal-membru tal-familja tagħha, ċittadin ta’ pajjiż terz, f’sitwazzjoni legali paragunabbli għal dik ta’ ċittadin Ġermaniż “statiku” li dejjem għex fil-Ġermanja u li ħoloq u bena l-ħajja tal-familja tiegħu f’dan l-istess Stat.

53.      Huwa minnu li tali soluzzjoni twassal sabiex tiġi introdotta differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri, skont il-mod li bih ingħataw din in-nazzjonalità doppja. Minn naħa, hemm iċ-ċittadin tal-Unjoni li, bħall-parti kkonċernata, għandu n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri sa mit-twelid u li wieħed għandu jikkunsidra bħala “statiku”, għaliex huwa dejjem iċċaqlaq u dejjem irrisjeda fl-Istati Membri li tagħhom għandu n-nazzjonalità. Min-naħa l-oħra, hemm iċ-ċittadin tal-Unjoni li, bħas-Sinjura Ormazabal, kiseb in-nazzjonalità tat-tieni Stat Membru permezz tan-naturalizzazzjoni u li wieħed għandu jikkunsidra bħala “mobbli”. Mal-ewwel nazzjonalità tiegħu żdiedet it-tieni li huwa seta’ jikseb għaliex eżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (61).

54.      Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni legali tal-parti kkonċernata u dik tas-Sinjura Ormazabal peress li din tal-aħħar użat drittijiet misluta mid-Direttiva 2004/38.

55.      Għalhekk, jidhirli li din id-differenza fit-trattament hija paragunabbli ma’ dik aċċettata bejn ċittadin nazzjonali “statiku”, li dejjem irrisjeda fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u ċittadin nazzjonali “mobbli” li għamel użu mid-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri billi mar fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

56.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li estensjoni tas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lounes twassal sabiex tiġi introdotta differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini nazzjonali, skont jekk għandhomx nazzjonalità oħra jew le. Fil-fatt, iċ-ċittadin nazzjonali “statiku” li għandu biss in-nazzjonalità tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa dejjem irrisjeda mal-familja tiegħu jaqa’ biss taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, filwaqt li ċ-ċittadin li għandu n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri li, bħall-parti kkonċernata, stabbilixxa wkoll u bena l-ħajja tal-familja tiegħu f’dan l-istess territorju jkun jista’ jgawdi minn dispożizzjonijiet iktar favorevoli fil-qasam tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza. Madankollu, mill-perspettiva tar-regoli fil-qasam tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja tagħhom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, is-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħhom jidhirli li hija kompletament paragunabbli. Tali interpretazzjoni tista’ għalhekk tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità li permezz tiegħu “[i]ċ-ċittadini ta’ Stat Parti li għandhom nazzjonalità oħra għandu jkollhom, fit-territorju ta’ dan l-Istat Parti li fih jirrisjedu, l-istess drittijiet u dmirijiet bħaċ-ċittadini l-oħra ta’ dan l-Istat Parti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li l-Artikolu 21(1) TFUE ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38 billi ċċaqlaq bejn żewġ Stati Membri li tagħhom għandu n-nazzjonalità sa minn twelidu u li bena l-ħajja tal-familja tiegħu ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, filwaqt li kien diġà stabbilixxa ruħu fit-tul fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati. Għalhekk, f’dan il-każ, dan l-artikolu ma jipprekludix li l-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi jeżaminaw l-applikazzjoni għal dritt ta’ residenza magħmula mir-rikorrent b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw id-dritt ta’ residenza tal-membru tal-familja, ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-parti kkonċernata.

58.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 21(1) TFUE ma huwiex applikabbli għal ċittadin tal-Unjoni li dejjem irrisjeda fi Stat Membru wieħed jew ieħor li tagħhom għandu n-nazzjonalità sa minn twelidu u għalhekk ma eżerċitax id-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, sakemm is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin ma tinvolvix l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ Stat Membru li jkollhom l-effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

IV.    Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja):

L-Artikolu 21(1) TFUE ma huwiex applikabbli għal ċittadin tal-Unjoni li dejjem irrisjeda fi Stat Membru wieħed jew ieħor li tagħhom għandu n-nazzjonalità sa minn twelidu u għalhekk ma eżerċitax id-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, sakemm is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin ma tinvolvix l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ Stat Membru li jkollhom l-effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Fid-dritt Franċiż teżisti espressjoni li tipprovdi li “ħadd ma jista’ jinvoka l-estranjetà tiegħu”. Dan ifisser li Franċiż ma jistax jinvoka nazzjonalità oħra sabiex jevita, fi Franza, l-obbligi legali tiegħu.


3      Għal approċċ storiku, ara Kochenov, D., “Double Nationality in the EU: An Argument for Tolerance”, European Law Journal, Nru 3, Blackwell, Oxford, 2011, p. 323 sa 343, b’mod partikolari p. 326 et seq.


4      Ara Groot, D., “Free Movement of Dual EU Citizens”, fi Cambien, N., Kochenov, D., u Muir, E., European Citizenship under Stress: Social Justice, Brexit and Other Challenges, Brill Nijhoff, Leyde, 2020, p. 67 sa 109.


5      Ara d-dokument intitolat “Population in private households by migrant back ground and dual citizenship”, ta’ Destatis, Statistisches Bundesamt, (l-Uffiċċju Federali tal-Istatistika Ġermaniż), disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.destatis.de/EN/Themes/Society-Environment/Population/Migration-Integration/Tables/migrant-status-dual-citizenships.html. In-numru ta’ ċittadini Ġermaniżi‑Taljani kien jammonta għal 194 000, ta’ Ġermaniżi‑Rumeni għal 151 000, ta’ Ġermaniżi‑Griegi għal 104 000 u ta’ Ġermaniżi‑Franċiżi għal 91 000.


6      BGBl. 2024 I, Nru 104, u rettifika fil-BGBl. 2025 I, Nru 98.


7      Fir-rigward tal-punti essenzjali ta’ din ir-riforma, ara l-ispeċifikazzjonijiet disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.bundesregierung.de/breg-de/aktuelles/droit-nationalite-2254386.


8      Ara Szpunar, M, u Blas López, M. E., “Some Reflections on Member State Nationality : A Prerequisite of EU Citizenship and an Obstacle to Its Enjoyment”, fi Kochenov, D., EU Citizenship and Federalism : The Role of Rights, Cambridge University Press, Cambridge, 2017, p. 107 sa 124, b’mod partikolari p. 108 u 122. Dwar ir-rabtiet bejn in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 23).


9      C‑165/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lounes”, EU:C:2017:862.


10      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


11      Mid-dokumenti tal-proċess nazzjonali jirriżulta li r-rikorrent skonta diversi pieni ta’ priġunerija bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2012 u x-xahar ta’ Settembru 2022, minħabba seba’ kundanni kriminali għal reati ta’ ħsara lil proprjetà, serq, korriment volontarju, frodi, kompliċità f’assalt sesswali, traffikar illeċitu ta’ sustanzi narkotiċi kif ukoll sewqan mingħajr liċenzja. Proċedura ta’ tkeċċija mibdija mill-amministrazzjoni Ġermaniża fix-xahar ta’ Mejju 2016 ġiet sospiża għal raġunijiet familjali fix-xahar ta’ Frar 2020.


12      BGBl. 2004 I, p. 1986.


13      Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tal‑20 ta’ April 2023 (BGBl. 2023 I, p. 106.). L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi tipprovdi li, “[f]i żmien sitt xhur mill-komunikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa, il-membri tal-familja li jibbenefikaw mill-moviment liberu mingħajr ma jkunu ċittadini tal-Unjoni jinħarġilhom ex officio permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, validu għal ħames snin”.


14      Fid-deċiżjoni tagħha tal‑5 ta’ Lulju 2023, il-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg) ikkonstatat li ma kinitx teżisti dipendenza effettiva bejn ir-rikorrent u t-tfal tiegħu (punt 25).


15      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date (C‑491/21, EU:C:2024:143, punt 27).


16      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et (C‑488/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chief Appeals Officer et”, EU:C:2023:1013, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      C‑148/02, EU:C:2003:539.


18      C‑541/15, EU:C:2017:432.


19      C‑713/23, EU:C:2025:917.


20      C‑434/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza McCarthy”, EU:C:2011:277.


21      Ara s-sentenza McCarthy (punt 23).


22      Ara s-sentenza McCarthy (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza McCarthy (punt 54).


24      Ara s-sentenza McCarthy (punti 46 u 48 sa 54).


25      Ara s-sentenza McCarthy (punt 55).


26      Ara, ukoll, l-Artikolu 9 TUE.


27      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Safi (C‑147/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Safi”, EU:C:2026:442, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenza Lounes (punt 51). Iktar reċenti, dan il-prinċipju kien ikkonfermat mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest partikolari tar-rikonoxximent, tat-traskrizzjoni jew anki tal-modifika ta’ data relatata mal-istat ċivili taċ-ċittadin tal-Unjoni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Shipova (C‑43/24, EU:C:2026:183, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni .


30      Ara, dwar dan il-punt, ir-riflessjonijiet ta’ Szpunar. M, u Blas López, M. E., op. cit., kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 23).


31      C‑430/10, EU:C:2011:749.


32      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Safi (punt 33).


33      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż) (C‑459/20, EU:C:2023:499, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Chief Appeals Officer  et (punt 43). Ara, ukoll, is-sentenza Safi (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza McCarthy (punt 34).


35      Fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2025, Il‑Kummissjoni vs Malta (Ċittadinanza b’investiment) (C‑181/23, EU:C:2025:283), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-bażi tar-rabta’ ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru, li tinsab “fir-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn dan l-Istat u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll fir-reċiproċità ta’ drittijiet u ta’ dmirijiet” (punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, Kochenov, D., “Double Nationality in the EU: An Argument for Tolerance”, op. cit.


36      Ara s-sentenza Safi (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara s-sentenza Safi (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara s-sentenza Safi (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      C‑34/09, EU:C:2011:124. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-ġenitur ta’ ċittadini Belġjani minuri kien is-suġġett ta’ ordni sabiex jitlaq mit-territorju Belġjan u l-awtoritajiet kompetenti kienu ċaħdu t-talba tiegħu għal permess ta’ xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-deċiżjonijiet kellhom l-effett li jċaħħdu lit-tfal ta’ Gerardo Ruiz Zambrano mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 20 TFUE. Id-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża kellha l-konsegwenza li tobbliga lit-tfal, ċittadini tal-Unjoni, jitilqu mit-territorju tal-Unjoni (punti 43 u 44).


40      Sentenza Safi (punt 41). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Stadt Wuppertal (C‑130/24, EU:C:2025:340, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara s-sentenza Safi (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenza Safi (punt 43 sa 47). Ara wkoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Stadt Wuppertal (C‑130/24, EU:C:2025:340, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      C‑34/09, EU:C:2011:124.


44      C‑133/15, EU:C:2017:354.


45      C‑82/16, EU:C:2018:308.


46      Ara, ukoll, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 71); tat‑8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 36); tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 32); u tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 74); u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 29).


47      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Għal kummentarji ta’ din is-sentenza, ara, b’mod partikolari, Benlolo Carabot, M., “Cour de justice, gde ch., 14 novembre 2017, Toufik Lounes c/ Secretary of State for the Home Department, aff. C‑165/16, ECLI:EU:C:2017:862”, Jurisprudence de la CJUE 2017: décisions et commentaires, Bruylant, Brussell, 2018, p. 255 sa 266.


49      Ara s-sentenza Lounes (punt 60). Enfasi miżjuda minni.


50      Ara s-sentenza Lounes (punt 58).


51      Ara s-sentenza Lounes (punt 59).


52      Ara s-sentenza Lounes (punt 60). Ara, ukoll, is-sentenza Chief Appeals Officer et (punt 45).


53      Fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar ir-ritorn ta’ ċittadini tal-Unjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, ara, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fis-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771); tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135); u tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn (C‑230/17, EU:C:2018:497). Il-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi kienu jirrigwardaw, fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li rritorna fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu wara li kien irrisjeda b’mod effettiv fi Stat Membru li tiegħu ma kellux n-nazzjonalità taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2004/38 u fejn kien bena jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz. F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effett utli tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jislet mill-Artikolu 21(1) TFUE kien jeħtieġ li din il-ħajja tal-familja, li nbniet waqt l-eżerċizzju tal-moviment liberu u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, tkun tista’ titkompla meta jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, u jeħtieġ għalhekk li dan tal-aħħar joħroġ dritt ta’ residenza dderivat lill-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ pajjiż terz. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-assenza ta’ tali dritt ta’ residenza, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jkun dissważ milli jitlaq l-Istat Membru ta’ oriġini sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor jew milli jirritorna f’dan l-Istat Membru ta’ oriġini wara li jkun eżerċita dan id-dritt, minħabba l-fatt li ma jkollux iċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli fih il-ħajja tal-familja li huwa bena jew ikkonsolida fl-Istat Membru ospitanti.


54      Ara s-sentenza Lounes (punt 59).


55      Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara Closa, C., “Citizenship of the Union and nationality of member States”, Common Market Law Review, Nru 2, Wolters Kluwer, Leyde, 1995, p. 487 sa 518, b’mod partikolari p. 487.


57      Ara Closa, C., op. cit., b’mod partikolari p. 493 u 494.


58      Ara s-sentenza Lounes (punti 56 u 57).


59      Heymann, J., “Citoyenneté de l’Union et conflit positif de nationalités”, Revue Trimestrielle de Droit européen, Nru 3, Dalloz, Pariġi, 2018, p. 587 sa 596, b’mod partikolari l-punt 13.


60      Ara d-dokument ta’ ħidma mħejji minn David de Groot fix-xahar ta’ Novembru 2024 għall-Parlament Ewropew, intitolat “Right to return and dual citizens in free movement case law”.


61      L-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, iffirmata fi Strasbourg fis‑6 ta’ Novembru 1997 fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000, li diversi Stati Membri huma partijiet tagħha, jipprovdi li “[k]ull Stat Parti għandu jkun iggwidat mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tiegħu, kemm jekk ikunu ċittadini mit-twelid jew ikunu kisbu n-nazzjonalità tagħhom sussegwentement” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, kif jirriżulta mir-rapport ta’ spjegazzjoni tagħha, dan l-artikolu jirrigwarda biss l-applikazzjoni ta’ regoli fil-qasam tan-nazzjonalità bejn iċ-ċittadini mit-twelid u ċ-ċittadini l-oħra, inkluż il-persuni nnaturalizzati (punt 46 ta’ dan ir-rapport).