20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 456/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2258

tal-14 ta’ Diċembru 2021

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Green VAT - VAT Ekoloġiku tal-UE biex jistimula prodotti u servizzi sostenibbli u ekoloġiċi” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 9041)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Novembru 2021 ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Green VAT — VAT Ekoloġiku tal-UE biex jistimula prodotti u servizzi sostenibbli u ekoloġiċi”.

(2)

L-objettiv tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa “Tnaqqis tar-rata tal-VAT għal prodotti u servizzi ekoloġiċi”.

(3)

L-anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-għan u l-isfond tal-inizjattiva. Huwa jispjega li l-organizzaturi jappellaw lill-Kummissjoni biex tibda tnaqqis fit-taxxa fl-Ewropa għal prodotti ekoloġiċi, manifatturati b’mod sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jappoġġaw b’mod attiv il-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent. Huwa jiddikjara wkoll li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tkun disponibbli għal kull gvern fl-Unjoni bħala għodda ta’ politika fiskali u li rekwiżit korrispondenti tal-Unjoni jkollu jiġi implimentat mill-Istati Membri. Huwa jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista’ tuża l-flessibilizzazzjoni tar-rati tal-VAT, deċiżi mill-Kunsill ECOFIN fis-sajf tal-2021, bħala bażi għall-VAT Ekoloġiku.

(4)

Billi l-inizjattiva għandha l-iskop tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi fuq il-fatturat, sa fejn tali armonizzazzjoni hija meħtieġa biex tiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u biex tevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposta għal att legali abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat.

(5)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(6)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, jkunux issodisfati f’dan il-każ.

(7)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Green VAT — VAT Ekoloġiku tal-UE biex jistimula prodotti u servizzi sostenibbli u ekoloġiċi” tiġi rreġistrata.

(10)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Green VAT — VAT Ekoloġiku tal-UE biex jistimula prodotti u servizzi sostenibbli u ekoloġiċi” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Green VAT — VAT Ekoloġiku tal-UE biex jistimula prodotti u servizzi sostenibbli u ekoloġiċi”, irrappreżentat mis-Sa Nadine STÄDTNER u s-Sa Karolina PROTAS li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.