25.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 59/275


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/428

tal-25 ta’ Frar 2023

li jimplimenta l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1770 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1770.

(2)

Fit-13 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2201 (2) biex jagħti effett lid-Deċiżjoni (PESK) 2021/2208 (3), li stabbiliet qafas ġdid, li jippermetti miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet responsabbli għal theddid għall-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali, jew għat-tfixkil jew id-dgħajfien tat-tlestija b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tiegħu.

(3)

Fl-24 ta’ Jannar u fil-21 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill innota li l-Awtoritajiet ta’ Tranżizzjoni ddeċidew li jikkooperaw mal-forzi merċenarji affiljati mar-Russja tal-Wagner Group, li huma magħrufa għal atroċitajiet, b’mod partikolari abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, is-Sirja, il-Libja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RCA), is-Sudan, il-Mali u l-Mozambique, li jinkludu tortura u eżekuzzjonijiet u qtil extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji. Il-Kunsill ikkundanna l-preżenza tal-Wagner Group fuq il-post.

(4)

Fid-dawl tal-persistenza tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Mali, jenħtieġ li persuna waħda tiġi inkluża fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770 jiġi emendat skont dan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770 hu emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-25 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 251, 29.9.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2201 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44).


ANNESS

Fl-Anness Ia għar-Regolament (UE) 2017/1770, l-entrata li ġejja tiżdied taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2b”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar+

“6.

Ivan Aleksandrovitch MASLOV

Иван Александрович МАСЛОВ

Data tat-twelid: 11.7.1982 jew 3.1.1980

Post tat-twelid: Arkhangelsk / Chuguevka village, Chuguev district, Primorsky territory

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Funzjoni: Kap tal-Wagner Group fil-Mali

Indirizz: Mhux magħruf, irreġistrat fil-belt ta’ Shatki, fir-reġjun ta’ Nizhni Novgorod skont “All eyes on Wagner”

Ivan Aleksandrovitch Maslov huwa l-kap tal-Wagner Group fil-Mali, li l-preżenza tiegħu fil-pajjiż kibret mill-aħħar tal-2021.

Il-preżenza ta’ Wagner fil-Mali hija ta’ theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż. B’mod partikolari, il-merċenarji ta’ Wagner kienu involuti f’atti ta’ vjolenza u abbużi multipli tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali , inkluż qtil extraġudizzjarju, bħall-“massakru ta’ Moura” fl-aħħar ta’ Marzu 2022.

Bħala l-kap lokali tal-Wagner Group, Ivan Maslov huwa għalhekk responsabbli għall-azzjonijiet tal-Wagner Group li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali, b’mod partikolari l-involviment f’atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

25.2.2023”.