Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

24 ta’ Ġunju 2026 (*)

“Ambjent – Regolament Delegat (UE) 2023/2485 – Tassonomija – Attivitajiet tranżitorji – Esklużjoni tal-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru kummerċjali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑77/24,

Dassault Aviation, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn E. Mignon, D. Zygas u M. Mossé, avocats,

rikorrenti,

sostnuta minn

European Business Aviation Association (EBAA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Derenne, D. Vallindas, A. Álvarez Vidal u C. Jadot, avukati,

u minn

Compagnie Daher, stabbilita f’Marseille (Franza), irrappreżentata minn B. Kanovitch, I. Simic, G. Léonard u W. Hebert, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. von Rintelen, B. Sasinowska u C. Auvret, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Tamás, J. Etienne u L. Taïeb, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Gurov u N. Rouam, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn S. Papasavvas, President, E. Buttigieg, M. Kancheva (Relatriċi), E. Tichy‑Fisslberger u F. Bestagno, Imħallfin,

Reġistratriċi: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b'mod partikolari:

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Mejju 2024,

–        id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Settembru 2024 li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu,

–        id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2025 li jippermetti lil EBAA u lil Compagnie Daher jintervjenu insostenn tar-rikorrenti u li jiċħad l-interventi ta’ Daher Aerospace SA u ta’ Dainis Liepa,

–        id-deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2025 li tippermetti lill-Parlament u lill-Kunsill jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Frar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Dassault Aviation, qiegħda essenzjalment titlob l-annullament tal-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2485 tas‑27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 billi jistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar addizzjonali sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet ċerti attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-attivitajiet jikkawżawx ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L, 2023/2485), inkwantu jżid it-Taqsima 3.21, intitolata “Manifattura ta’ inġenji tal-ajru” (iktar ’il quddiem it-“Taqsima 3.21”), fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal‑4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom attività ekonomika tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU 2021, L 442, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 178, p. 10) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti hija grupp Franċiż involut fid-disinn, fil-manifattura u fil-bejgħ ta’ ġettijiet kummerċjali, ta’ ajruplani militari u ta’ sistemi spazjali. Fis-settur tal-avjazzjoni kummerċjali, ir-rikorrenti hija t-tielet l-aqwa fid-dinja.

3        Fit‑18 ta’ Ġunju 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (UE) 2020/852 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13, rettifika fil-ĠU 2022, L 156, p. 159, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-tassonomija”).

4        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament dwar it-tassonomija “jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment”. Skont il-premessa 3 tiegħu, dan ir-regolament huwa pass importanti sabiex il-flussi finanzjarji jiġu diretti lejn attivitajiet sostenibbli sabiex, sal‑2050, jintlaħaq l-għan ta’ Unjoni Ewropea b’impatt klimatiku żero.

5        Għal dan il-għan, ir-Regolament dwar it-tassonomija jistabbilixxi, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 12 tiegħu, sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-attivitajiet sostenibbli (iktar ’il quddiem it-“tassonomija”), li tarmonizza fil-livell tal-Unjoni l-kriterji li jiddeterminaw jekk attività ekonomika hijiex ambjentalment sostenibbli, hekk li kemm l-investituri u kif ukoll l-operaturi ekonomiċi oħra jkunu jistgħu jaslu jifhmu l-attivitajiet inkwistjoni.

6        Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament dwar it-tassonomija, ir-Regolament Delegat 2021/2139, liema regolament delegat jinkludi żewġ annessi li jiffissaw, skont nomenklatura maqsuma f’setturi ekonomiċi, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk attività ekonomika tikkontribwixxix b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (Anness I), kif jitlob l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar it-tassonomija, jew għall-adattament għalih (Anness II), kif jitlob l-Artikolu 11 ta’ dan l-istess regolament. Fil-formulazzjoni inizjali tat-Taqsima 3 ta’ kull wieħed minn dawn l-annessi, intitolata “Il-manifattura”, is-settur tal-avjazzjoni ma kienx jissemma.

7        Fis‑6 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija, ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (ĠU 2021, L 443, p. 9).

8        Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1214 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU 2022, L 188, p. 1).

9        Fl‑14 ta’ Diċembru 2022, il-Parlament u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2022/2464 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014 u d-Direttivi 2004/109/KE, 2006/43/KE u 2013/34/UE fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU 2022, L 322, p. 15, rettifika fil-ĠU L, 2025/90790). Id-Direttiva 2022/2464 emendat, b’mod partikolari, l-Artikoli 19a u 21a tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19, rettifika fil-ĠU L, 2025/90793). Kif ifformulati fid-Direttiva 2022/2464, dawn l-artikoli jipprevedu l-inklużjoni, fir-rapporti ta’ ġestjoni u fir-rapporti ta’ ġestjoni kkonsolidati rispettivament, ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-impriżi.

10      Fis‑27 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat 2023/2485. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat 2023/2485, il-punt 2 tal-Anness I tal-imsemmi regolament delegat iżid mal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139, b’mod partikolari, it-Taqsima 3.21.

11      Il-kontenut tat-Taqsima 3.21 jinqara kif ġej:

“Deskrizzjoni tal-attività

Il-manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, it-tiġdid, il-modifika retroattiva, id-disinn, l-adattament għal skop differenti u l-aġġornament ta’ inġenji tal-ajru u l-parts u t-tagħmir tagħhom.

[…]

Meta attività ekonomika f’din il-kategorija ma tissodisfax il-kriterju ta’ kontribut sostanzjali speċifikat fil-punti (a) ta’ din it-Taqsima, l-attività tkun attività tranżizzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2020/852, dment li tikkonforma mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jifdal stabbiliti f’din it-Taqsima.

Kriterji tekniċi ta’ skrinjar

Kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima

L-attività timmanifattura, issewwi, tagħmel manutenzjoni, iġġedded, tagħmel modifiki retroattivi, tiddisinja, tadatta għal skop ġdid jew ittejjeb wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      l-inġenju tal-ajru b’emissjonijiet diretti żero ta’ CO2 (mit-tailpipe);

(b)      sal‑31 ta’ Diċembru 2027, l-inġenju tal-ajru, għajr dak prodott għall-avjazzjoni għall-skopijiet ta’ negozju kummerċjali jew privata [avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju], li jissodisfa l-marġnijiet speċifikati hawn taħt u limitat mill-proporzjon ta’ sostituzzjoni biex jiġi żgurat li l-konsenja ma żżidx l-għadd tal-flotta dinjija:

(i)      li jkollhom massa massima waqt it-tlugħ ta’ aktar minn 5,7t iżda mhux aktar minn 60t u valur imkejjel iċċertifikat tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ mill-inqas 11 % inqas mil-limitu tat-Tip il-Ġdid tal-istandard tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) [...];

(ii)      li jkollhom massa massima waqt it-tlugħ ta’ aktar minn 60t iżda mhux aktar minn 150t u valur imkejjel iċċertifikat tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ mill-inqas 2 % inqas mil-limitu tat-Tip il-Gdid tal-istandard tal-ICAO;

(iii)      li jkollhom massa massima waqt it-tlugħ ta’ aktar minn 150t u valur imkejjel iċċertifikat tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ mill-inqas 1,5 % inqas mil-limitu tat-Tip il-Gdid tal-istandard tal-ICAO.

[…]

(c)      mill‑1 ta’ Jannar 2028 sal‑31 ta’ Diċembru 2032, l-inġenju tal-ajru li jissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti fil-punt (b) ta’ din is-sottotaqsima li huwa ċċertifikat li jopera fuq taħlita ta’ 100 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.

[…]”

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti, sostnuta minn European Business Aviation Association (EBAA) u Compagnie Daher, titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla d-dispożizzjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament u mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

14      Permezz ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma f’att separat, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, minn naħa, ma għandhiex interess li tikseb l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

15      Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li hija xtaqet tirtira l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti, filwaqt li baqgħet issostni li r-rikorrenti ma kinitx uriet l-interess ġuridiku tagħha f’dan il-każ.

16      B’hekk, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata ma jaqbilx mal-interess invokat mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, jiġifieri li jiġi evitat li l-attivitajiet tagħha ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala sostenibbli fis-sens tat-tassonomija.

17      Ir-rikorrenti, EBAA u Compagnie Daher jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss inkwantu din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors ikun jista’, għalhekk, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandha tiġi evalwata fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li tikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja, għandha tiġi prodotta mir-rikorrent (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punti 25 sa 27; ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 37.

19      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex raġun issostni li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jista’ jkollu konsegwenzi legali u li r-rikors jista’ jagħtiha vantaġġ.

20      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata ma taffettwax b’mod sfavorevoli s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, peress li hija ma tintroduċi ebda obbligu jew restrizzjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ avjazzjoni kummerċjali u ma tneħħi ebda dritt li r-rikorrenti setgħet tinvoka qabel l-adozzjoni tagħha. Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-dispożizzjoni kkontestata sempliċement tintroduċi l-possibbiltà għall-operaturi tal-attivitajiet ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru li jikklassifikaw ċerti attivitajiet li jissodisfaw il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar bħala “attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” jew bħala “attivitajiet tranżitorji” fis-sens tar-Regolament dwar it-tassonomija u, għalhekk, li jiffaċilitaw l-orjentament tal-investimenti lejn dawn l-attivitajiet.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet ir-rikorrenti, li r-Regolament dwar it-tassonomija jimponi fuq ċerti impriżi obbligu ta’ trasparenza fid-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji tagħhom.

22      B’hekk, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar it-tassonomija, “[k]walunkwe impriża li hija soġġetta għal obbligu li tippubblika informazzjoni mhux finanzjarja taħt l-Artikolu 19a jew l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34/UE għandha tinkludi fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tagħha jew fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata tagħha informazzjoni dwar kif u sa liema punt l-attivitajiet tal-impriża huma assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli taħt l-Artikoli 3 u 9 [tal-imsemmi regolament]”.

23      Skont l-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-Regolament dwar it-tassonomija, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jippubblikaw, għal dan il-għan, il-proporzjon tad-dħul mill-bejgħ tagħhom li jkun ġej minn prodotti jew minn servizzi assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jitqiesu bħala ambjentalment sostenibbli taħt l-Artikoli 3 u 9 ta’ dan l-istess regolament, kif ukoll il-proporzjon tal-ispejjeż ta’ investiment u tal-operat tagħhom marbuta ma’ assi jew ma’ proċessi assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jitqiesu bħala ambjentalment sostenibbli taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet.

24      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija jipprevedi li l-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 23 ta’ dan l-istess regolament, tadotta att delegat sabiex tikkompleta l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, bil-għan li tispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata taħt dawn il-paragrafi, inkluż il-metodoloġija li għandha tiġi segwita għall-osservanza tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi kemm tal-impriżi finanzjarji kif ukoll tal-impriżi mhux finanzjarji, kif ukoll il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati taħt l-istess regolament.

25      Il-premessa 2 tar-Regolament Delegat 2021/2178, adottat abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija, tippreċiża, f’dan ir-rigward, li “[s]abiex l-investituri u l-pubbliku jkunu jistgħu jivvalutaw kif xieraq il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli (‘attivitajiet allinjati mat-Tassonomija’) ta’ impriżi mhux finanzjarji, jenħtieġ li dawk l-impriżi jkunu meħtieġa jiddivulgaw liema mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom huma allinjati mat-Tassonomija[, li,] [b]arra minn hekk, jeħtieġ li jiġi divulgat għal liema objettivi ambjentali dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu b’mod sinifikanti [u li] [...] l-impriżi mhux finanzjarji jipprevedu wkoll diżaggregazzjoni, fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-proporzjon, tal-attivitajiet allinjati mat-Tassonomija abbażi ta’ kull objettiv ambjentali li għalih jikkontribwixxu b’mod sostanzjali dawk l-attivitajiet”.

26      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat 2021/2178, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament dwar it-tassonomija kif indikat fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2178.

27      Il-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2178 jippreżenta l-kontenut tat-tliet indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni (key performance indicators) (iktar ’il quddiem il-“KPIs”) li għandhom jiġu ppubblikati mill-impriżi mhux finanzjarji u li għandhom x’jaqsmu mad-dħul mill-bejgħ, mal-ispejjeż ta’ investiment, kif ukoll mal-ispejjeż tal-operat, rispettivament. Mill-imsemmi punt jirriżulta li dawn il-KPIs huma r-riżultat tal-kalkolu tal-proporzjonijiet, li fihom in-numeratur jirreferi, minn naħa, għal “attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija” u, min-naħa l-oħra, għal “attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija”.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 5 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat 2021/2178 jiddefinixxi “attività ekonomika eliġibbli għat-tassonomija” bħala attività ekonomika deskritta fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) jew l-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, irrispettivament minn jekk din l-attività tkunx tissodisfa jew le l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kollha ffissati f’dawn l-atti delegati.

29      Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat 2021/2178 jiddefinixxi “attività ekonomika allinjata mat-tassonomija” bħala attività li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija.

30      Issa, għandu jitfakkar li, sabiex attività ekonomika tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija, din għandha, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(d) tal-imsemmi regolament, tissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati mill-Kummissjoni fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) jew l-Artikolu 15(2) ta’ dan l-istess regolament.

31      Dan ifisser li l-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija huma neċessarjament attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija, jiġifieri attivitajiet ekonomiċi deskritti fl-atti delegati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija, inkluż il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar previsti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(d) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija jistgħu ma jikkorrispondux għal attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija, fil-każ fejn, minkejja li jkunu jissemmew fl-imsemmija atti delegati, ma jkunux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija.

32      Barra minn hekk, skont il-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2178, fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jindikaw, l-ewwel nett, kull waħda mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, inkluż subsett ta’ attivitajiet tranżitorji u ta’ attivitajiet abilitanti, it-tieni, il-KPI ta’ kull attività ekonomika u l-KPI totali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-livell tal-impriża jew tal-grupp ikkonċernat, it-tielet, il-KPIs dwar id-dħul mill-bejgħ, l-ispejjeż ta’ investiment, kif ukoll l-ispejjeż tal-operat għal kull għan ambjentali u l-KPI totali għall-għanijiet ambjentali kollha fil-livell tal-impriża jew tal-grupp, billi jiġi evitat l-għadd doppju, ir-raba’, il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija kif ukoll il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija li ma jkunux jissodisfaw il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar u l-proporzjon ta’ kull attività ekonomika eliġibbli għat-tassonomija li tkun allinjata mat-tassonomija u, il-ħames, l-attivitajiet ekonomiċi mhux eliġibbli għat-tassonomija u l-proporzjon li dawn l-attivitajiet jirrappreżentaw fid-denominatur tal-KPI tad-dħul mill-bejgħ, fil-livell tal-impriża jew tal-grupp.

33      Kif jirriżulta minn qari flimkien tal-punti 1 u 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2178, l-obbligu ta’ pubblikazzjoni impost fuq l-impriżi mhux finanzjarji skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-tassonomija japplika għalihom sa fejn l-attività ekonomika tagħhom tkun attività ekonomika eliġibbli għat-tassonomija, jiġifieri attività deskritta f’wieħed mill-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(d) tal-imsemmi regolament.

34      L-argument tal-Kummissjoni li, skont ir-Regolament Delegat 2021/2178, meta l-attività ekonomika ta’ impriża suġġetta għall-obbligu li tiġi ppubblikata informazzjoni mhux finanzjarja skont l-Artikolu 19a jew l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34 ma tkunx deskritta minn wieħed mill-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament dwar it-tassonomija, l-imsemmija impriża tibqa’ obbligata li tindika fir-rapport ta’ ġestjoni tagħha jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħha li l-attività tagħha ma hijiex eliġibbli għat-tassonomija, ma jwaqqax dubju fuq din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, dan ma jneħħi xejn mill-fatt li, meta l-attività ekonomika tkun deskritta minn wieħed mill-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(d) tar-Regolament dwar it-tassonomija, l-obbligu li tiġi ppubblikata informazzjoni huwa għalhekk dak li jirriżulta mill-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2178, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, l-obbligu li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar il-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija u l-proporzjon tal-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-tassonomija li ma jkunux jissodisfaw il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

35      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni kkontestata żżid mal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139, b’mod partikolari, it-Taqsima 3.21. L-attività ekonomika inkwistjoni hija deskritta f’din it-taqsima bħala “[i]l-manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, it-tiġdid, il-modifika retroattiva, id-disinn, l-adattament għal skop differenti u l-aġġornament ta’ inġenji tal-ajru u l-parts u t-tagħmir tagħhom”. Huwa ppreċiżat ukoll fl-imsemmija taqsima li meta attività ekonomika, li tkun taqa’ taħt din il-kategorija, ma tkunx tissodisfa l-kriterju tal-kontribuzzjoni sostanzjali ffissat fil-punt (a) ta’ din l-istess taqsima, hija tkun tikkostitwixxi attività tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija jekk kemm‑il darba din tkun tissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar l-oħra ffissati fl-imsemmija taqsima.

36      It-Taqsima 3.21(a) tkopri l-“inġenju tal-ajru b’emissjonijiet diretti żero ta’ CO2 (mit-tailpipe)”, filwaqt li t-Taqsima 3.21(b) tkopri, “sal‑31 ta’ Diċembru 2027, l-inġenju tal-ajru, għajr dak prodott għall-avjazzjoni għall-skopijiet ta’ negozju kummerċjali jew privata”, li josserva ċerti marġnijiet u r-rata ta’ sostituzzjoni ddefiniti fiha. Fl-aħħar nett, it-Taqsima 3.21(c) tkopri, “mill‑1 ta’ Jannar 2028 sal‑31 ta’ Diċembru 2032, l-inġenju tal-ajru li jissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti fil-punt (b) [...] li huwa ċċertifikat li jopera fuq taħlita ta’ 100 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli”.

37      Dan ifisser li d-dispożizzjoni kkontestata timplika għar-rikorrenti, li ma tipproduċix inġenji tal-ajru b’emissjonijiet diretti żero ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2) (mill-egżost), l-obbligu li tippubblika fir-rapport ta’ ġestjoni tagħha jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħha l-informazzjoni li l-attività tagħha ta’ manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali, minkejja li hija eliġibbli għat-tassonomija, tikkostitwixxi attività mhux allinjata mat-tassonomija, jiġifieri attività ekonomika li ma hijiex ambjentalment sostenibbli fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija.

38      Issa, l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jkollu l-konsegwenza li l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-“avjazzjoni għal skopijiet ta’ negozju kummerċjali jew privata” ssir attività ekonomika mhux eliġibbli għat-tassonomija. Dan il-fatt jirrendi l-obbligu msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-tassonomija inapplikabbli għar-rikorrenti, u dan skont ir-regoli previsti fil-punti 1 u 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2178. Dan ifisser li r-rikorrenti ma tibqax obbligata li tindika, fir-rapport ta’ ġestjoni tagħha jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħha, li l-attività tagħha ta’ manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali ma hijiex allinjata mat-tassonomija.

39      Għandu jiġi kkonstatat, għalhekk, li, għalkemm l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata ma jkollux l-effett li jneħħi l-obbligu ta’ pubblikazzjoni stabbilit fir-Regolament Delegat 2021/2178, xorta jibqa’ l-fatt li tali annullament jippermetti lir-rikorrenti tirbaħ lura marġni ta’ manuvra sabiex tispjega fir-rapport ta’ ġestjoni tagħha jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħha kif l-attività tagħha ta’ manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali tissodisfa għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

40      Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni u kif issostni r-rikorrenti, id-dispożizzjoni kkontestata taffettwa b’mod sfavorevoli s-sitwazzjoni legali ta’ din tal-aħħar, hekk li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq, hija għandha interess ġuridiku f’dan il-każ.

41      L-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq din il-konstatazzjoni.

42      B’hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata ma huwiex ser ikollu l-effett li jtejjeb l-istatus tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni ta’ inġenji tal-ajru tar-rikorrenti billi jdaħħalhom fil-kamp tal-attivitajiet ambjentalment sostenibbli fis-sens tat-tassonomija, iżda, għall-kuntrarju, ser ikollu l-effett li jagħmlu agħar billi jċaħħad lil dawn l-attivitajiet mill-possibbiltà li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din it-tassonomija.

43      Fil-fatt, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jkollu bħala konsegwenza li r-rikorrenti tirbaħ lura marġni ta’ manuvra sabiex tispjega fir-rapport ta’ ġestjoni tagħha jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħha kif l-attività tagħha ta’ manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali tissodisfa għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (ara l-punti 38 u 39 iktar ’il fuq), u dan ma jistax jitqies li jżomm kif inhu jew jagħmel agħar l-istatus tal-attivitajiet tar-rikorrenti fir-rigward tat-tassonomija.

44      It-tieni, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tiddikjara bħala sostenibbli l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp marbuta mal-ħolqien, fil-futur, ta’ ajruplan kummerċjali b’emissjonijiet diretti żero ta’ CO2. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-parti l-kbira tal-attività tar-rikorrenti fis-settur tal-avjazzjoni kummerċjali tikkonċerna d-disinn, il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ inġenji tal-ajru li l-emissjonijiet diretti tagħhom ta’ CO2 ma humiex żero.

45      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-konsegwenzi tal-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata fuq il-possibbiltajiet ta’ finanzjament tar-rikorrenti, invokati minn din tal-aħħar sabiex turi l-interess ġuridiku tagħha, huma biss ipotetiċi u jiddependu mid-deċiżjoni finali tal-investituri.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 6 tar-Regolament dwar it-tassonomija jirriżulta li t-twaqqif ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-attivitajiet sostenibbli hija l-iktar miżura importanti u urġenti prevista fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li l-flussi kapitali jiġu diretti mill-ġdid lejn investimenti sostenibbli bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Fl-istess premessa, jibda billi jiġi ppreċiżat li linji gwida ċari dwar l-attivitajiet li jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu għanijiet ambjentali jagħmluha possibbli li l-investituri jiġu infurmati dwar l-investimenti li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli.

47      Bl-istess mod, skont il-premessa 16 tar-Regolament dwar it-tassonomija, “[k]lassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli fil-livell tal-Unjoni mistennija tiffaċilita l-iżvilupp ta’ politiki futuri tal-Unjoni f’appoġġ għall-finanzjament sostenibbli, inklużi standards fl-Unjoni kollha għal prodotti finanzjarji ambjentalment sostenibbli u l-istabbiliment eventwali ta’ tikketti li jirrikonoxxu formalment il-konformità ma’ dawk l-istandards madwar l-Unjoni[, din il-klassifikazzjoni] tista’ wkoll isservi bħala l-bażi għal miżuri ekonomiċi u regolatorji oħra [u] [r]ekwiżiti legali uniformi għad-determinazzjoni tal-grad ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-investimenti, abbażi ta’ kriterji uniformi għal attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, huma meħtieġa bħala referenza għal-liġi futura tal-Unjoni li jkollha l-għan li tiffaċilita l-bidla direzzjonali tal-investiment lejn attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli”.

48      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament dwar it-tassonomija, teżisti rabta diretta biżżejjed bejn il-preżentazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tar-rikorrenti bħala attivitajiet li ma humiex allinjati mat-tassonomija u l-kundizzjonijiet li fihom din jista’ jkollha aċċess għall-finanzjament.

49      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni li l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità abbażi tal-Artikolu 277 TFUE kontra l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-dispożizzjoni kkontestata, iwassal sabiex jitwaqqa’ dubju fuq is-sistema kollha tat-tassonomija, u dan imur kontra l-interess allegat mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-ewwel motiv tar-rikors jista’ indirettament iwaqqa’ dubju fuq il-legalità tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni sabiex, b’mod partikolari, tiffissa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat kif u sa fejn attività ekonomika tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ma jidhirx li jikkontradixxi l-interess tar-rikorrenti li l-attività ta’ manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali tiddaħħal fit-tassonomija. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ tali delega jkollha il-konsegwenza li l-iffissar tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal attività ekonomika partikolari ma jibqax responsabbiltà tal-Kummissjoni, iżda tal-Parlament u tal-Kunsill. Din il-konstatazzjoni waħedha ma tistax tiddetermina jekk il-manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali hijiex ser tiġi inkluża jew le fit-tassonomija minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-aħħar.

50      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti ma tistax tibbaża l-interess ġuridiku tagħha fuq il-fatt li, fil-fehma ta’ din tal-aħħar, ir-Regolament Delegat 2023/2485 iqegħedha f’sitwazzjoni kompetittiva sfavorevoli. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, kif tenfasizza r-rikorrenti stess, li huwa biss taħt is-sitt motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-manifatturi ta’ ġettijiet kummerċjali u tal-manifatturi ta’ ajruplani l-oħra, li din tal-aħħar invokat argumenti dwar il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, u mhux fil-parti tar-rikors li fiha tittanta turi l-interess ġuridiku tagħha.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

52      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità, taħt l-Artikolu 277 TFUE, kontra l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, li abbażi tiegħu ġiet adottata d-dispożizzjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, inkwantu, minn naħa, il-Kummissjoni ma ġabritx l-informazzjoni kollha neċessarja qabel ma adottat ir-Regolament Delegat 2023/2485 u, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament delegat huwa nieqes minn kull motivazzjoni dwar l-esklużjoni tal-avjazzjoni kummerċjali mit-tassonomija. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu r-Regolament Delegat 2023/2485 ma fih ebda definizzjoni tal-avjazzjoni kummerċjali. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 19(1)(d), (f), (h) u (j) u (4) tar-Regolament dwar it-tassonomija u, konsegwentement, tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iżvilupp tal-kriterji tekniċi. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu r-Regolament Delegat 2023/2485 jittratta b’mod differenti u inġust lill-manifatturi ta’ ġettijiet kummerċjali meta mqabbla ma’ manifatturi ta’ ajruplani oħrajn.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija

53      Ir-rikorrenti ssostni li, billi r-Regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kummissjoni bis-saħħa tad-delega mogħtija lilha mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, teżisti relazzjoni ġuridika diretta u neċessarja bejn din id-dispożizzjoni u r-Regolament ikkontestat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqajjem, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv kif ukoll il-fondatezza tiegħu. Il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw ukoll il-fondatezza tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

55      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma identifikatx b’mod preċiż biżżejjed id-dispożizzjoni tar-Regolament dwar it-tassonomija li kontra tagħha hija qiegħda tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE, u dan bi ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

56      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati, kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi.

57      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikors għandu jispjega l-motiv li fuqu r-rikors ikun ibbażat. B’hekk, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Ir-rikors għandu għalhekk jispjega l-motiv li fuqu jkun ibbażat ir-rikors, hekk li sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-espożizzjoni sommarja tal-motivi tar-rikorrent għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed hekk li l-konvenut ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u l-qorti b’ġuriżdizzjoni tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2023, Hangzhou Dingsheng Industrial Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑748/21, EU:T:2023:346, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 128 tar-rikors jirriżulta mingħajr ambigwità li r-rikorrenti biħsiebha tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, inkwantu, kif hija tippreċiża fil-punt 129 ta’ dan l-istess rikors, id-dispożizzjoni kkontestata ġiet adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

59      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti rreferiet, fir-rikors, għal attivitajiet ekonomiċi, bħall-użu tal-ġettijiet kummerċjali fil-ġestjoni tad-diżastri naturali, li jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, liema attivitajiet jaqgħu taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, u mhux taħt l-Artikolu 10(3) ta’ dan l-istess regolament, u dan ħoloq, fil-fehma tagħha, inċertezza dwar il-portata tal-ewwel motiv. Madankollu, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti ma rreferietx għal tali attivitajiet taħt l-ewwel motiv.

60      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-inċertezza dwar il-portata tal-ewwel motiv żiedet tikber minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma semmietx l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija fil-kapijiet tat-talbiet tagħha.

61      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ att li kontrih hija tista’ tippreżenta rikors, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi legali ta’ tali att, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, taħt l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija ġġarrab għalhekk il-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma setgħet titlob l-annullament tal-imsemmija atti (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 145 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ifisser li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti tikkostitwixxi motiv insostenn tal-kap tat-talbiet li permezz tiegħu hija qiegħda titlob l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, pjuttost milli s-suġġett ta’ dan ir-rikors, hekk li r-rikorrenti ma kinitx obbligata tippreċiża fil-kapijiet tat-talbiet tagħha li hija kienet biħsiebha tinvoka l-illegalità tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

62      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni, T‑33/01, EU:T:2005:461, punt 171).

63      Għalkemm il-Kummissjoni tallega li hija ma setgħetx tħejji d-difiża tagħha b’mod effettiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija setgħet mingħajr diffikultà tikkontesta kull wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti u tidentifika d-dispożizzjoni tar-Regolament dwar it-tassonomija li l-legalità tagħha hija kkontestata taħt l-ewwel motiv.

64      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

65      Ir-rikorrenti, Compagnie Daher u EBAA essenzjalment isostnu li, inkwantu r-Regolament dwar it-tassonomija ma fihx lista ta’ attivitajiet ekonomiċi li għalihom ġew iffissati l-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 3 tiegħu, id-delega ta’ setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 10(3) ta’ dan l-istess regolament twassal lill-Kummissjoni sabiex tagħżel hija stess l-attivitajiet ekonomiċi li għalihom hija tadotta kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija attivitajiet jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Għalhekk, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni tiddeċiedi liema attivitajiet ekonomiċi huma eliġibbli għat-tassonomija u taħt liema kundizzjonijiet dawn l-attivitajiet jistgħu jibbenefikaw mir-riorjentament tal-finanzjament lejn Ewropa dekarbonizzata. Madankollu, l-għażla tal-attivitajiet ekonomiċi inkwistjoni, li timplika kompromessi politiċi bejn interessi diverġenti, hija, fil-fehma tagħha, responsabbiltà tal-leġiżlatur tal-Unjoni u, għalhekk, ma tistax tiġi ddelegata lill-Kummissjoni mingħajr ma jinkiser l-Artikolu 290(1) TFUE.

66      Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw dawn l-argumenti.

67      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

68      Il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 290 TFUE, li jiġu ddelegati s-setgħat tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonċentra fuq l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni, kif ukoll fuq l-elementi mhux essenzjali li fuqhom huwa jqis opportun li jilleġiżla, filwaqt li jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li “tikkompleta” ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv adottat jew ukoll li “temenda” tali elementi fil-kuntest ta’ delega mogħtija lil din tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Dan ifisser li r-regoli essenzjali tas-suġġett ikkonċernat għandhom jiġu adottati fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      L-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li, sabiex jiġu adottati, jeħtieġu li jsiru għażliet politiċi li huma r-responsabbiltà tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 65), inkwantu din timplika bbilanċjar tal-interessi diverġenti inkwistjoni abbażi ta’ iktar minn evalwazzjoni waħda, jew dawk li l-adozzjoni tagħhom issarraf fi ndħil fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati hekk li jkun meħtieġ l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ suġġett li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-pekuljaritajiet tal-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-Artikolu 1 tiegħu jirriżulta li r-Regolament dwar it-tassonomija għandu l-għan li jiffissa l-kriterji li jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika għandhiex titqies bħala ambjentalment sostenibbli u dan sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 106).

73      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija, attività ekonomika għandha titqies bħala ambjentalment sostenibbli jekk tkun tissodisfa l-“kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali” previsti fl-Artikolu 3(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri jekk tkun tikkontribwixxi sostanzjalment sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, ma tkunx timmina b’mod sinjifikattiv xi wieħed minn dawn l-għanijiet, tkun eżerċitata b’osservanza tal-garanziji minimi previsti fl-Artikolu 18 tal-istess regolament u tkun konformi mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati mill-Kummissjoni skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 107).

74      It-tieni, mill-Artikolu 10(3)(a) u mill-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament dwar it-tassonomija jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jiddelegaw lill-Kummissjoni l-kompitu li tikkompleta l-paragrafi 1 u 2 ta’ dawn l-artikoli billi tiffissa kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika partikolari għandha titqies li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 108).

75      Mill-Artikolu 10(3)(b) u mill-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament dwar it-tassonomija jirriżulta wkoll li dawn id-dispożizzjonijiet jiddelegaw lill-Kummissjoni l-kompitu li tikkompleta l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament billi tiffissa, għal kull għan ambjentali rilevanti, kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika, li għaliha jkunu ġew iffissati l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar imsemmija iktar ’il fuq, tkunx timmina b’mod sinjifikattiv wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet ambjentali (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 109).

76      Barra minn hekk, l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 11(5) tar-Regolament dwar it-tassonomija jobbligaw lill-Kummissjoni, meta hija teżerċita din is-setgħa ddelegata, tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 110).

77      Fost ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, l-Artikolu 19(1)(a) jipprovdi li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għandhom jidentifikaw il-kontribuzzjonijiet potenzjali l-iktar rilevanti għall-għan ambjentali inkwistjoni u dan filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fil-futur qrib u fil-futur imbiegħed ta’ attività ekonomika partikolari (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 111).

78      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom jiggarantixxu li l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw kombustibbli fossili solidi ma jitqisux bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 112).

79      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jimplika li l-leġiżlazzjoni kkonċernata għandha tipprevedi d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, hekk li ma jiġix iffavorit l-użu ta’ teknoloġija waħda bi ħsara ta’ oħra (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Mill-premess jirriżulta li, fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali li jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika tistax titqies bħala ambjentalment sostenibbli u dan sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ investiment, mingħajr ma ffavorixxa teknoloġija waħda bi ħsara ta’ oħra u billi eskluda biss l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw kombustibbli fossili solidi. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamilha possibbli għall-Kummissjoni li tikkompleta r-Regolament dwar it-tassonomija billi tiffissa kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex tadatta ruħha għall-innovazzjonijiet futuri, hekk li l-qafas regolatorju ma jkunx wieħed riġidu u jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-progress ambjentali u ekonomiku. Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-Regolament dwar it-tassonomija ma huwiex ibbażat fuq it-tipi ta’ attivitajiet, iżda fuq l-għanijiet ambjentali u l-kriterji ġenerali li jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika partikolari għandhiex titqies bħala sostenibbli, hekk li, minbarra l-kombustibbli fossili esklużi b’mod espliċitu, kull attività tista’ potenzjalment tkun ikkonċernata minn dan ir-regolament u dan skont il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 114).

81      Minn dan jirriżulta li l-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi ġew iddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar it-tassonomija u li dan il-leġiżlatur għamilha possibbli li kull tip ta’ attività li tkun tissodisfa dawn il-kriterji tiġi ddefinita bħala sostenibbli, minbarra l-kombustibbli fossili esklużi b’mod espliċitu (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 115).

82      Fil-fatt, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tar-Regolament dwar it-tassonomija, l-elementi essenzjali tiegħu huma, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-għanijiet ambjentali, tal-kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u tar-rekwiżiti li japplikaw għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Issa, il-Kummissjoni ffissat, permezz tar-Regolament Delegat 2023/2485, kriterji tekniċi ta’ skrinjar li ma jaqgħux fl-iskop tal-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-tassonomija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 116).

83      Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi għamilha possibbli għall-Kummissjoni li tiddetermina kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal kull tip ta’ attività li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà, minbarra l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw kombustibbli fossili solidi, għamel għażliet politiċi li huma responsabbiltà tiegħu sa fejn għandhom x’jaqsmu l-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-tassonomija (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 117).

84      Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi bħala tali kif ukoll l-iffissar tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal kull attività ekonomika li timplimenta l-kriterji ta’ sostenibbiltà ma jaqgħux, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fl-iskop tal-elementi essenzjali tar-Regolament dwar it-tassonomija (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 118).

85      L-argument tar-rikorrenti li d-delega ta’ setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija twassal lil din l-istituzzjoni tiddetermina b’mod konkret il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, billi tagħżel hija stess l-attivitajiet li għalihom hija tiffissa kriterji tekniċi ta’ skrinjar, ma jistax iwaqqa’ dubju fuq din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 70 sa 84 iktar ’il fuq, dan il-fatt jirriżulta mill-istruttura stess tar-Regolament dwar it-tassonomija kif ukoll mill-għażliet politiċi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni x’ħin ġie biex jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u mill-kriterji ġenerali ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ attività ekonomika fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, rispettivament. Inkwantu dan l-argument jista’ jitqies li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar it-tassonomija jew tal-kriterji ġenerali ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ attività ekonomika, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 1 u lanqas kontra l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

86      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma għandux x’jaqsam mal-legalità tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, iżda jikkonċerna, fir-realtà, il-kwistjoni jekk l-esklużjoni, fid-dispożizzjoni kkontestata, tal-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mill-attivitajiet tranżitorji tipperikolax il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti, iggarantita fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

87      Fid-dawl tal-premess, ma jistax jitqies li l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament, inkwantu jiddelega lill-Kummissjoni l-kompetenza li tadotta regolament delegat sabiex tikkompleta l-Artikolu 10(1) u (2) u l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-tassonomija, ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 290 TFUE (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 126).

88      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

89      It-tieni motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-proċedura għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2023/2485, inkwantu la r-rikorrenti u lanqas ebda entità rappreżentattiva tas-settur tal-avjazzjoni kummerċjali ma ġew ikkonsultati kif suppost mill-Kummissjoni fl-abbozzar ta’ dan tal-aħħar. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu r-Regolament Delegat 2023/2485 ma fih ebda spjegazzjoni dwar l-esklużjoni tal-manifattura tal-ajruplani għall-avjazzjoni kummerċjali mill-attivitajiet tranżitorji.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tar-rikorrenti jew ta’ kull entità rappreżentattiva tas-settur tal-avjazzjoni kummerċjali

90      Ir-rikorrenti ssostni li, filwaqt li hija parti kkonċernata interessata u affettwata tas-settur privat, hija la ġiet ikkonsultata u lanqas mismugħa fl-abbozzar tar-Regolament Delegat 2023/2485 u dan minkejja l-obbligi ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 23(4) u l-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija. B’hekk, ir-rikorrenti tirrileva li ebda entità rappreżentattiva tal-avjazzjoni kummerċjali ma pparteċipat fil-pjattaforma dwar il-finanzi sostenibbli prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament dwar it-tassonomija (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma”). Billi għażlet li ma tikkonsultax lir-rikorrenti jew lir-rappreżentanti tas-settur, li bagħtulha diversi kontribuzzjonijiet u diversi ittri, prodotti fl-anness tar-rikors, li fihom argumentaw favur l-inklużjoni tas-settur kollu, inkluż tal-avjazzjoni kummerċjali, fit-tassonomija, il-Kummissjoni kisret, fil-fehma tagħha, ir-rekwiżiti formali essenzjali tal-proċedura prevista fir-Regolament dwar it-tassonomija għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2023/2485. Fil-fehma tar-rikorrenti, li kieku dawn ir-rekwiżiti ġew osservati, il-kontenut tar-Regolament Delegat 2023/2485 seta’ kien sostanzjalment differenti.

91      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni kkontestata tagħmel parti mir-Regolament Delegat 2023/2485 adottat mill-Kummissjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija, liema regolament delegat jaqa’, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, taħt il-kategorija ta’ atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali li jikkompletaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

93      Għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-prinċipju ġenerali ta’ dritt għal smigħ ma japplikax għall-atti ta’ portata ġenerali, dan ma huwiex il-każ, madankollu, meta dispożizzjoni espliċita tal-qafas ġuridiku li jirregola l-adozzjoni tal-att inkwistjoni tkun tagħti tali dritt proċedurali lil persuna affettwata. Fil-fatt, minkejja li la l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u lanqas il-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-dritt għal smigħ ma jobbligawh jagħmel dan, jibqa’ possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi dritt, għall-persuni meqjusa li jkunu ġew affettwati minn att ta’ portata ġenerali, li jinstemgħu, jiġu kkonsultati jew informati u li jirregola l-eżerċizzju tiegħu (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Il‑Kummissjoni vs Zippo Manufacturing u Zippo, C‑811/23 P, EU:C:2026:48, punti 59 u 60).

94      Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija, il-Kummissjoni, qabel ma tadotta l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, għandha tikkonsulta lill-pjattaforma. L-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament dwar it-tassonomija jipprevedi li l-pjattaforma hija magħmula, b’mod partikolari, minn esperti li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti tas-settur privat, inkluż atturi u setturi tas-swieq finanzjarji u mhux finanzjarji, li jirrappreżentaw lis-setturi industrijali kkonċernati.

95      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija, “[i]l-Kummissjoni għandha tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ, qabel l-adozzjoni u matul l-iżvilupp ta’ atti delegati, inkluż permezz tal-konsultazzjoni mal-esperti tal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmi fl-Artikolu 24 [tal-imsemmi regolament]. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat‑13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”.

96      Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1), jistipula li “il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ qabel l-adozzjoni ta’ atti delegati, inkluż permezz tal-konsultazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi”.

97      F’dan il-każ, sa fejn għandha x’taqsam il-proċedura għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2023/2485, għandu jiġi rrilevat li, fit‑3 ta’ Awwissu 2021, il-pjattaforma ppubblikat proposti ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar li kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, ċerti attivitajiet tas-settur tal-avjazzjoni, inkluż il-manifattura ta’ inġenji tal-ajru. Dawn il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar kienu suġġetti għal konsultazzjoni pubblika sat‑28 ta’ Settembru 2021. Il-pjattaforma ppubblikat ir-rakkomandazzjonijiet finali tagħha dwar l-imsemmija kriterji f’Marzu 2022. Ir-rakkomandazzjonijiet finali tal-pjattaforma ġew diskussi mill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri dwar il-finanzi sostenibbli fis‑6 ta’ April, it‑8 ta’ Lulju, l‑4 ta’ Ottubru, il‑15 ta’ Diċembru 2022 u l‑24 ta’ Jannar 2023. Il-Kummissjoni ppreżentat għal konsultazzjoni pubblika, mill‑5 ta’ April sat‑3 ta’ Mejju 2023, abbozz ta’ regolament delegat li jirriproduċi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar proposti mill-pjattaforma sabiex tara x’jaħsbu l-partijiet ikkonċernati u, fis‑27 ta’ Ġunju 2023, hija adottat ir-Regolament Delegat 2023/2485.

98      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li, fl-abbozzar tar-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-attivitajiet tal-avjazzjoni, il-pjattaforma qagħdet fuq l-istudju Steer, li ta lok għal skambji ma’ assoċjazzjonijiet li r-rikorrenti hija membru tagħhom jew li manifatturi tal-ġettijiet kummerċjali huma fost il-membri tagħhom, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industriji Aerospazjali, ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (ASD) jew l-assoċjazzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru tal-Unjoni Airlines for Europe (A4E). Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-grupp ta’ ħidma tal-pjattaforma dwar it-trasport bl-ajru kien jinkludi rappreżentant tas-settur tal-avjazzjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li diversi assoċjazzjonijiet li hija membru tagħhom, bħal Groupement des industries françaises aéronautiques et spatiales (GIFAS), ASD u Assoċjazzjoni tal-Kostrutturi tal-Avjazzjoni Ġenerali (GAMA), ipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar li pproponiet il-pjattaforma. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti nnifisha (Anness A.3 tar-rikors), kif ukoll Compagnie Daher, EBAA, GAMA, GIFAS, ASD u Liebherr‑Aerospace Toulouse SAS (Annessi A.4 sa A.9 tar-rikors) ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni dwar l-abbozz tar-regolament delegat.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni bis-serjetà li l-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 23(4) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, inkwantu r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma laqgħetx l-osservazzjonijiet tagħha jew dawk tar-rappreżentanti tas-settur tal-avjazzjoni kummerċjali fir-Regolament Delegat 2023/2485, tali argument għandu jiġi miċħud, peress li ma jikkonċernax il-ksur ta’ obbligu proċedurali, iżda l-fondatezza tad-dispożizzjoni kkontestata.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

102    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni li jimponi fuqha l-Artikolu 296(2) TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li la t-Taqsima 3.21 u lanqas il-premessi tar-Regolament Delegat 2023/2485 ma jimmotivaw l-esklużjoni tal-avjazzjoni kummerċjali mit-tassonomija.

103    Ir-rikorrenti tirrileva li huwa minnu li d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni bir-referenza SWD(2023) 239 final/2 tal‑4 ta’ Lulju 2023 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni”) fih ġustifikazzjoni għal din l-esklużjoni, iżda ssostni, madankollu, li din ma tikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti, inkwantu, l-ewwel nett, id-dokument ta’ ħidma inkwistjoni huwa att separat mir-Regolament Delegat 2023/2485, it-tieni, dan id-dokument ta’ ħidma huwa att preparatorju u ma għandux l-istess valur legali bħall-imsemmi regolament delegat u, it-tielet, il-Qorti Ġenerali, sabiex tagħmel sens mill-esklużjoni tal-avjazzjoni kummerċjali mit-tassonomija prevista fit-Taqsima 3.21, għandha tinterpreta d-dispożizzjoni kkontestata biss fid-dawl tad-dokument ta’ ħidma, u dan imur kontra l-ġurisprudenza.

104    Fi kwalunkwe każ, il-ġustifikazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni ma tispjegax għaliex l-attività ta’ operat ta’ ġettijiet kummerċjali tista’ tkun allinjata mat-tassonomija, filwaqt li l-manifattura ta’ dawn l-istess ġettijiet ma tista’ qatt tkun hekk allinjata, ħlief fejn jidħlu l-ajruplani b’livell żero ta’ karbonju.

105    EBAA tenfasizza li l-għażla li tiġi eskluża l-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mit-tassonomija ma tistax titqies bħala għażla teknika li ma teħtieġx iktar spjegazzjonijiet, u dan, b’mod partikolari, fid-dawl tal-proposti li kienu saru minnha stess u mir-rikorrenti waqt il-proċedura ta’ konsultazzjoni li jiġu inklużi fit-tassonomija l-inġenji tal-ajru li jġorru mill-inqas 19‑il passiġġier, ikun xi jkun l-użu tagħhom, u li jiġu allinjati mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fejn jidħlu l-emissjonijiet ta’ CO2. Fil-fatt, fid-dawl tad-diversi fehmiet imfissra matul din il-proċedura kontra l-esklużjoni tal-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mit-tassonomija u tal-fatt li Mairead McGuinness, li dak iż-żmien kienet membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-istabbiltà finanzjarja, għas-servizzi finanzjarji u għall-unjoni tas-swieq kapitali, kienet indikat, f’ittra tat‑22 ta’ Marzu 2023, bi tweġiba għat-talbiet f’dan is-sens ta’ tlettax‑il assoċjazzjoni tas-settur ajrunawtiku, li kienet tikkunsidra tinkludi l-avjazzjoni kummerċjali fit-tassonomija, il-Kummissjoni kellha obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż f’dan ir-rigward.

106    Compagnie Daher iżżid tgħid li l-ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tal-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mit-tassonomija li tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna l-attività ta’ operat ta’ inġenji tal-ajru u għalhekk ma tispjegax l-esklużjoni tal-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru għall-avjazzjoni kummerċjali. Fil-fehma ta’ Compagnie Daher, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jinkombi fuq il-Kummissjoni f’dan il-każ huwa iktar oneruż peress li din tal-aħħar adottat ir-Regolament Delegat 2023/2485 fil-kuntest ta’ delegazzjoni li tagħtiha marġni ta’ diskrezzjoni partikolarment wiesa’.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirreferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati”.

109    Il-motivazzjoni meħtieġa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, hekk li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti b’ġuriżdizzjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, Ligue royale belge pour la protection des oiseaux, C‑287/24, EU:C:2025:550, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    B’hekk, att li jikkawża preġudizzju huwa motivat biżżejjed jekk kemm‑il darba jkun adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, hekk li din tal-aħħar tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan il-każ, mill-premessa 3 tar-Regolament Delegat 2023/2485 jirriżulta li s-settur tat-trasport u l-katina tal-valur tiegħu jaqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom fl-iskop tal-attivitajiet ekonomiċi li ma humiex koperti mir-Regolament Delegat 2021/2139 u li għalihom huwa għalhekk neċessarju li jiġu ffissati kriterji tekniċi ta’ skrinjar addizzjonali sabiex jiġu ffaċilitati iktar l-investimenti ambjentalment sostenibbli.

112    Barra minn hekk, fil-premessa 11 tar-Regolament Delegat 2023/2485 huwa indikat li “l-modi kollha tat-trasport huma indispensabbli għas-sistema tat-trasport, u li l-avjazzjoni għandha rwol kruċjali fit-trawwim tal-koeżjoni, tal-konnettività u tal-aċċess għas-suq intern għar-reġjuni kollha” tal-Unjoni. Din l-istess premessa tippreċiża li “[l]-avjazzjoni għandha potenzjal importanti biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha, biex tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, u b’hekk għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” u li għalhekk huwa “meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji tekniċi tal-iskrinjar għall-manifattura ta’ inġenji tal-ajru, għal-lokazzjoni, għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u tal-merkanzija u għal operazzjonijiet ta’ servizzi fuq l-art tat-trasport bl-ajru”. Sa fejn għandha x’taqsam in-natura sostenibbli jew tranżitorja tal-avjazzjoni, il-premessa 11 tar-Regolament Delegat 2023/2485 tiddikjara li “[i]t-trasport kummerċjali bl-ajru b’emissjonijiet żero operat b’żero emissjonijiet diretti żero ta’ CO2 jew kompletament fuq fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli għadu ma huwiex disponibbli teknoloġikament [u li] [s]akemm tali trasport kummerċjali bl-ajru b’emissjonijiet żero ikun teknoloġikament disponibbli, it-trasport bl-ajru jenħtieġ li jitqies bħala attività tranżizzjonali, bil-kriterji tekniċi tal-iskrinjar ibbażati fuq l-aħjar teknoloġiji disponibbli għall-oqsfa tal-inġenji tal-ajru u għall-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tal-magni, u abbażi tal-potenzjal li jitnaqqsu sostanzjalment l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-inġenji tal-ajru permezz tal-użu progressiv ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli”.

113    Għalhekk, mill-premessa 11 tar-Regolament Delegat 2023/2485 jirriżulta, b’mod partikolari, li l-avjazzjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li għalhekk huwa neċessarju li jiġu ffissati kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal ċerti attivitajiet ta’ dan is-settur, fosthom il-manifattura ta’ inġenji tal-ajru u t-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li, inkwantu l-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru “b’emissjonijiet żero” għadhom ma humiex teknoloġikament possibbli, l-attivitajiet ta’ trasport bl-ajru għandhom jitqiesu bħala tranżitorji u li l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati għal dan il-għan għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar teknoloġiji disponibbli fejn tidħol l-effiċjenza taċ-ċelloli u tal-magni f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-fjuwil u mal-potenzjal ta’ tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-inġenji tal-ajru bis-saħħa taż-żieda progressiva fl-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (iktar ’il quddiem is-“SAF”).

114    Għandu jiġi rrilevat li l-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament Delegat 2023/2485 tippreċiża li, “[m]eta [l-imsemmi] Att Delegat jistabbilixxi kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal attivitajiet tranżizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, dawk il-kriterji huma stabbiliti għal attivitajiet ekonomiċi li għalihom bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament fattibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u li tkun meħtieġa fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.”

115    Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament Delegat 2023/2485, huwa indikat li dan ir-regolament delegat huwa “appoġġat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal analitiku [...] li [b’mod partikolari] [...] jispjega l-approċċ meħud għad-definizzjoni tal-kriterji tekniċi speċifiċi tal-iskrinjar, inkluż kif dawk il-kriterji huma mistennija li jaħdmu fil-prattika [u] [....] kwalunkwe diverġenza jew żieda magħmula għar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma”.

116    Il-Kapitolu 4 tal-verżjoni preċedenti tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, ippubblikat fis‑27 ta’ Ġunju 2023, jiġifieri flimkien mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2023/2485, jinkludi t-Taqsima 4.5, intitolata “Kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”, li tinkludi hija stess is-Subtaqsima 4.5.2, li tikkonċerna t-trasport.

117    Fis-Subtaqsima 4.5.2 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, li tikkonċerna t-tip ta’ kontribuzzjoni sostanzjali li kienet intgħażlet fejn jidħol it-trasport bl-ajru, huwa ppreċiżat dan li ġej:

“Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kostruzzjoni u l-kiri ta’ inġenji tal-ajru, kif ukoll it-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, il-[p]jattaforma pproponiet kriterji ta’ kontribuzzjoni sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi inkludiet: (i) l-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet diretti ta’ CO2 żero bħala attivitajiet b’livell baxx ta’ karbonju kif ukoll (ii) it-teknoloġija tal-ajruplani tal-aħħar ġenerazzjoni li toffri titjib sinjifikattiv fil-prestazzjoni f’termini ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ [gassijiet serra] assoċjati meta mqabbla mal-ġenerazzjoni preċedenti ta’ inġenji tal-ajru u (iii) l-operat ta’ inġenji tal-ajru li jużaw [SAF] bħala attivitajiet tranżitorji. Il-kriterji relatati mat-trasport bl-ajru […] ifittxu, fl-ewwel lok, li jgħaġġlu l-iżvilupp u l-introduzzjoni fis-suq ta’ ajruplani b’emissjonijiet diretti ta’ CO2 żero. Fit-tieni lok, dawn ifittxu li jħeġġu l-adozzjoni mis-suq u s-sostituzzjoni tal-ajruplani tal-ġenerazzjoni preċedenti, inqas effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, b’dawk tal-aħħar ġenerazzjoni, li huma iktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, mingħajr ma żżid tikber il-flotta. Fit-tielet lok, huma jfittxu li jħeġġu s-sostituzzjoni tal-kerosin fossilu b’[SAF]. Il-kriterji jħeġġu wkoll il-preparazzjoni teknika tal-flotta tal-ajruplani sabiex tiffunzjona b’100 % ta’ [SAF].

[...] L-inġenji tal-ajru tal-aħħar ġenerazzjoni huma kklassifikati skont l-effiċjenza enerġetika tagħhom u l-prestazzjoni tagħhom fejn jidħlu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fid-dawl tal-marġni ffissata mill-istandard CO2 il-ġdid għat-tipi l-ġodda ta’ inġenji tal-ajru (NT) tal-[ICAO] u huma maqsuma fi tliet kategoriji skont it-toqol massimu tagħhom mat-tluq mill-art u tlugħ. L-inġenji tal-ajru li ma josservawx dawn il-marġnijiet huma tal-ġenerazzjoni preċedenti, li l-effiċjenza enerġetika tagħha hija nettament inferjuri. […]

L-ajruplani tal-aħħar ġenerazzjoni prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju, huma esklużi fid-dawl tal-impronta tagħhom ta’ CO2 għal kull passiġġier‑kilometru meta mqabbla ma’ mezzi oħra ta’ trasport disponibbli. Jenħtieġ iktar xogħol sabiex jintwera kif il-manifattura ta’ dawn l-ajruplani tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tassonomija. Madankollu, il-manifattura ta’ ajruplani b’emissjonijiet diretti ta’ CO2 żero hija kompletament kompatibbli mal-għanijiet tat-tassonomija, ikun xi jkun l-użu finali tagħhom.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

118    Għalhekk, mill-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Delegat 2023/2485 u mit-Taqsima 4.5.2 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar qieset li l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru “prodotti għall-avjazzjoni għall-skopijiet ta’ negozju kummerċjali jew privata” ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija għall-iffissar ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar, u dan fid-dawl tal-impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru tal-ajruplani tal-aħħar ġenerazzjoni prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju meta mqabbla ma’ dik tal-mezzi l-oħra ta’ trasport disponibbli.

119    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ma setgħetx ma kinitx taf il-kuntest li fih kien ġie adottat ir-Regolament Delegat 2023/2485, u dan meta wieħed iqis li hija kienet ipparteċipat fil-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proposti ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar magħmula mill-pjattaforma (ara l-punt 98 iktar ’il fuq).

120    Dan ifisser li r-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunijiet għaliex it-Taqsima 3.21 kienet teskludi l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mill-attivitajiet li għalihom kienu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt l-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ħames motiv tar-rikors, li jikkonċernaw speċifikament l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-dokument ta’ ħidma tagħha.

121    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tingħażel mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, liema kwistjoni tal-aħħar taqa’ fl-iskop tal-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35; ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 389 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn tal-aħħar jivvizzjaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun biżżejjed minkejja li tesprimi raġunijiet żbaljati. Dan ifisser li l-ilmenti u l-argumenti mressqa sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Compagnie Daher li l-ispjegazzjoni fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni għandha x’taqsam mal-operat tal-inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju, u mhux mal-manifattura tagħhom, inkwantu, permezz ta’ dan l-argument, hija essenzjalment tfittex li tikkontesta l-fondatezza ta’ din l-ispjegazzjoni u din hija kwistjoni distinta minn dik tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq.

125    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

126    Ir-rikorrenti ssostni taħt il-ħames motiv li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskludiet l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju minn attivitajiet li għalihom kienu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt l-attivitajiet tranżitorji, minħabba li dawn l-inġenji tal-ajru allegatament għandhom impronta ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull passiġġier‑kilometru ogħla minn dik ta’ mezzi oħra ta’ trasport disponibbli.

127    Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames motiv

128    Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ indikazzjoni, fir-rikors, tad-dispożizzjoni li hija qiegħda tiġi akkużata li għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tagħha jagħmel il-motiv inammissibbli, inkwantu dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tilmenta li r-rikorrenti ma indikatx jekk hija kinitx qiegħda tikkritikaha talli għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar it-tassonomija jew tal-Artikolu 19 ta’ dan l-istess regolament.

129    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jobbligawx lir-rikorrent jiċċita l-artikoli li huwa jinvoka (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2009, Outokumpu u Luvata vs Il‑Kummissjoni, T‑122/04, EU:T:2009:141, punt 53). Huwa biżżejjed li l-fatti, il-motivi u t-talbiet tar-rikorrent ikunu mfissra fir-rikors. Għall-kuntrarju, sabiex motiv ikun ammissibbli, ma huwiex biżżejjed li sempliċement tiġi ċċitata dispożizzjoni tat-Trattat jew tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jenħtieġ, sabiex motiv ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat dan il-motiv jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess, u dan sabiex jiġi evitat li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment li jkun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Kull motiv li ma jkunx żviluppat biżżejjed fir-rikors promotur għandu jitqies bħala inammissibbli (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kampete vs Il‑Kunsill, T‑164/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:542, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma indikatx b’mod espliċitu fir-rikors id-dispożizzjoni li fir-rigward tagħha hija lmentat li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

132    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mir-rikors jirriżulta b’mod ċar biżżejjed li r-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-fondatezza tal-motivi mfissra fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar l-esklużjoni tal-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mill-attivitajiet li għalihom ġew adottati kriterji tekniċi ta’ skrinjar skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

133    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni sostniet fir-risposta tagħha li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 19(1) (d), (f), (h) u (j) u (4) tar-Regolament dwar it-tassonomija, fittxew li juru l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

134    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fir-risposta tagħha għall-ħames motiv (punti 142 sa 146 u 153 tar-risposta), il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija kellha l-ħsieb li tikkontesta l-allegazzjoni li hija għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

135    Dan ifisser li, minkejja li r-rikors fih ċerta impreċiżjoni, il-Kummissjoni fehmet li, għalkemm ir-raba’ motiv kien essenzjalment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 19(1)(d), (f), (h) u (j) u (4) tar-Regolament dwar it-tassonomija, il-ħames motiv kien, min-naħa tiegħu, essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) ta’ dan l-istess regolament.

136    Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, ibbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-ħames motiv, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-fondatezza tal-ħames motiv

137    Ir-rikorrenti ssostni li l-esklużjoni tal-manifattura ta’ ġettijiet kummerċjali mill-attivitajiet tranżitorji ma setgħetx, fid-dawl tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, tkun ibbażata biss fuq il-kriterju tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull passiġġier‑kilometru. Hija ssostni għalhekk li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-użijiet differenti tal-ġettijiet kummerċjali, ir-rwol ta’ leader tal-avjazzjoni kummerċjali fl-innovazzjoni, b’mod partikolari bl-użu ta’ rata għolja ta’ SAF, li tippermetti d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-ajru kollu, bir-rata baxxa ta’ emissjonijiet ta’ CO2 tal-avjazzjoni kummerċjali Ewropea meta mqabbla mas-settur kollu tat-trasport bl-ajru u bil-vantaġġi li tagħti l-avjazzjoni kummerċjali fil-qasam tal-konnettività meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru regolari. Il-fatt li l-Kummissjoni stess tammetti li jenħtieġ iktar xogħol sabiex jintwera l-mod kif il-manifattura tal-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tassonomija jikkonferma, fil-fehma tar-rikorrenti, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha meta hija eskludiet l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju minn attivitajiet li għalihom kienu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt l-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

138    Il-Kummissjoni ssostni li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull passiġġier‑kilometru mill-avjazzjoni kummerċjali, li huma nettament ogħla minn dawk ta’ mezzi oħra ta’ trasport li jistgħu, f’ċerti każijiet, jikkostitwixxu alternattiva għall-avjazzjoni kummerċjali. Hija ssostni li l-fatturi msemmija mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv huma irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju taqax fl-iskop tal-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, jiġifieri attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

139    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza ta’ att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa ma għandux iwassal sabiex l-imsemmija qorti tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni bl-evalwazzjoni tagħha, iżda l-għan tiegħu huwa li jiġi vverifikat li dan l-att ma jkunx ibbażat fuq fatti materjalment ineżatti u li ma jkun ivvizzjat b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni jkollha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta hija tintalab, b’mod partikolari, tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-konsistenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk jistgħux isostnu l-konklużjonijiet miġbuda minnhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Fil-fatt, meta istituzzjoni jkollha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji proċedurali tkun tal-ikbar importanza, inkluż l-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-aspetti rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 117 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija għall-iffissar ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar, u dan fid-dawl tal-impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru tal-ajruplani tal-aħħar ġenerazzjoni prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju meta mqabbla ma’ dik ta’ mezzi oħra ta’ trasport disponibbli.

144    L-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija jipprovdi kif ġej:

“[a]ttività ekonomika li għaliha ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament vijabbli b’livell baxx ta’ karbonju għandha tikkwalifika bħala li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fejn din tappoġġa t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima konsistentement ma’ perkors li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, inkluż bit-tneħħija gradwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari emissjonijiet minn karburanti fossili solidi, u fejn dik l-attività:

(a)      ikollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew fl-industrija;

(b)      ma tfixkilx l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju; [...]

(c)      ma twassalx għal intrappolament ta’ assi b’livell għoli ta’ karbonju, meta titqies il-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu u għall-istabbiliment ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar skont l-Artikolu 19, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kontribut potenzjali u l-fattibbiltà tat-teknoloġiji eżistenti rilevanti kollha.”

145    Għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li, fl-istadju tal-iżvilupp tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-manifattura tal-inġenji tal-ajru użati għat-trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, hija użat l-impronta ta’ CO2 għal kull passiġġier‑kilometru bħala kriterju rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk attività ekonomika kinitx tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif meħtieġ mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

146    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-motivazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, kif tirriżulta mid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni u mill-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Delegat 2023/2485, tikkonċerna, sa fejn għandha x’taqsam l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju, l-osservanza, minn naħa, tal-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, li tipprevedi li l-attivitajiet tranżitorji jistgħu jinkludu attivitajiet li għalihom ma jeżistux alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju fattibbli fuq livell teknoloġiku u ekonomiku u, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(2)(a) ta’ dan l-istess regolament, li jippreċiża li tali attivitajiet għandu jkollhom “livelli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew fl-industrija”.

147    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni għamlitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 146 iktar ’il fuq.

148    Fl-ewwel lok, sa fejn għandha x’taqsam id-dikjarazzjoni fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li, essenzjalment, il-“mezzi l-oħra ta’ trasport disponibbli” jikkostitwixxu alternattivi għall-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ibbażat din l-evalwazzjoni fuq ir-rapport tal-assoċjazzjoni Transport & Environment (T & E), intitolat “Private jets: can the super rich supercharge zero-emission aviation?” (iktar ’il quddiem ir-“rapport T & E”), li minnu jirriżulta li kienu jeżistu alternattivi li jarmu ħafna inqas emissjonijiet ta’ CO2 għal kull passiġġier f’ċerti konnessjonijiet ta’ inqas minn 500 kilometru, jiġifieri f’50 % tat-titjiriet privati kollha ġewwa l-Unjoni, fosthom, prinċipalment, il-ferroviji u l-ajruplani kummerċjali, li allegatament iżidu massimu ta’ tliet sigħat mat-tul tat-traġitt meta mqabbel ma’ traġitt b’ġett kummerċjali, kif ukoll il-karozzi tal-linja u l-karozzi privati. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrileva li, skont ir-rapport T & E, teżisti titjira kummerċjali diretta għal 72 % tat-titjiriet tal-ajru privati. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li jeżistu konnessjonijiet ferrovjarji b’veloċità kbira f’70 sa 80 % tal-għaxar rotot ta’ ajruplani privati l-iktar popolari fl-Unjoni.

149     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija jirriżulta li attivitajiet tranżitorji jistgħu jkunu attivitajiet li ma jkollhomx huma stess livell baxx ta’ karbonju jew inkella attivitajiet li jkollhom livell baxx ta’ karbonju iżda li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar it-tassonomija (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑625/22, taħt appell, EU:T:2025:869, punt 159).

150    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li mill-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija jirriżulta li l-attivitajiet tranżitorji huma, barra minn hekk, attivitajiet ekonomiċi li għalihom ma jeżistux alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju fattibbli fuq livell teknoloġiku u ekonomiku.

151    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li attività ekonomika tiġġenera inqas CO2 minn attività ekonomika oħra mhux neċessarjament ifisser li din tkun attività b’livell baxx ta’ karbonju.

152    B’hekk, il-fatt, jekk kemm‑il darba jitqies stabbilit, li l-ajruplani kummerċjali regolari jarmu ħafna inqas CO2 għal kull passiġġier mill-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni ma jippermettix, bħala tali, li tinġibed il-konklużjoni li t-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri permezz ta’ ajruplani kummerċjali regolari huwa attività b’livell baxx ta’ karbonju.

153    Għall-kuntrarju, mill-premessa 11 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-avjazzjoni kollha kemm hi “għandha potenzjal importanti biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha”, u dan jimplika li din ma hijiex, fl-istat attwali, attività b’livell baxx ta’ karbonju, kif ammettiet il-Kummissjoni stess bi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti Ġenerali waqt is-seduta. Dan ifisser li l-ajruplani prodotti għall-avjazzjoni kummerċjali regolari ma jistgħux jitqiesu bħala “alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju”, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, għall-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni.

154    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni jekk teżistix, għal attività ekonomika partikolari, alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju fattibbli fuq livell teknoloġiku u ekonomiku teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal-attività ekonomika inkwistjoni.

155    F’dan il-każ, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, għalkemm mir-rapport T & E jirriżulta li jeżistu konnessjonijiet ferrovjarji għal ċerti rotot ta’ inqas minn 500 kilometru li jikkorrispondu għar-rotot li fihom parti kbira mill-konnessjonijiet bl-ajru isiru b’ġettijiet kummerċjali fl-Unjoni, dan ma jfissirx li l-ferrovija neċessarjament tikkostitwixxi alternattiva għall-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni.

156    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li ma jeżistux konnessjonijiet ferrovjarji li jikkorrispondu għal kull waħda mir-rotot li jistgħu jintużaw minn ġettijiet kummerċjali bejn żewġ punti tat-territorju tal-Unjoni jew bejn it-territorju tal-Unjoni u Stati terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-gżejjer tat-territorju tal-Unjoni, kif ammettiet il-Kummissjoni fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess ippreċiżat fil-premessa 11 tar-Regolament Delegat 2023/2485 li “l-avjazzjoni għandha rwol kruċjali fit-trawwim tal-koeżjoni, tal-konnettività u tal-aċċess għas-suq intern għar-reġjuni kollha [tal-Unjoni]”.

157    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif sostniet ir-rikorrenti mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, il-ġettijiet kummerċjali jagħtu lill-utenti tagħhom flessibbiltà kbira fejn jidħlu rotot u ppjanar tat-titjiriet, kif ukoll, b’mod ġenerali, iktar ħeffa mit-trasport ferrovjarju. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tat-trasport ferrovjarju, il-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni jippermettu aċċess għall-gżejjer tal-Unjoni.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-ferroviji jikkostitwixxu “alternattiva b’livell baxx ta’ karbonju”, fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, għall-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni.

159    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għall-karozzi tal-linja u għall-vetturi privati, li, anki li kellu jitqies li għandhom “livell baxx ta’ karbonju”, ma għandhomx, rispettivament, il-flessibbiltà u l-ħeffa tal-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni.

160    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-esklużjoni tal-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mill-attivitajiet li għalihom kienu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt l-attivitajiet tranżitorji, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, fuq l-eżistenza ta’ alternattivi teknoloġikament u ekonomikament fattibbli.

161    Fit-tieni lok, sa fejn għandha x’taqsam id-dikjarazzjoni fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li, essenzjalment, il-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni għandhom impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru nettament ikbar minn dik tal-mezzi l-oħra ta’ trasport disponibbli, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ppreċiżat fir-risposta tagħha li l-impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru kienet kriterju stabbilit sew għall-evalwazzjoni tal-impatti tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kalkolatur tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-ICAO, li huwa l-għodda uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi kkwantifikata l-impronta CO2 tat-trasport bl-ajru, juża l-metodu bbażat fuq il-fattur ta’ tagħbija tal-passiġġieri (passenger load factor) u l-proporzjon passiġġieri‑merkanzija sabiex jinħadem il-proporzjon tal-fjuwil totali użat li jista’ jiġi attribwit lill-passiġġieri ttrasportati. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal transport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation) (ĠU L, 2023/2405, rettifiki fil-ĠU L, 2024/90126 u fil-ĠU L, 2025/90825), li jintroduċi skema ta’ ttikkettjar ambjentali volontarju għat-titjiriet, jeżiġi metodu bbażat fuq l-impronta tal-karbonju mistennija għal kull passiġġier u fuq l-effiċjenza mistennija ta’ CO2 ta’ titjira għal kull kilometru.

162    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-kontribuzzjoni dinjija tas-settur tal-avjazzjoni kummerċjali għall-emissjonijiet ta’ CO2 hija waħda minima. Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa importanti li jitqiegħed f’kuntest id-daqs relattivament żgħir tal-popolazzjoni li tibbenefika mill-użu ta’ ġettijiet kummerċjali (jiġifieri 256 000 individwu, jew 0.003 % tal-popolazzjoni adulta dinjija) meta mqabbel mal-kontribuzzjoni sinjifikattiva tal-avjazzjoni kummerċjali għall-emissjonijiet dinjija ta’ CO2 (jiġifieri 1.7 % sa 1.8 % tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-avjazzjoni kummerċjali). Il-Kummissjoni tenfasizza li l-avjazzjoni kummerċjali hija l-forma ta’ trasport bl-ajru li taħli l-iktar enerġija, b’kontribuzzjoni ta’ mill-inqas 15.6 miljun tunnellati ta’ CO2 fl-emissjonijiet diretti, jiġifieri madwar 3.6 tunnellati ta’ CO2 għal kull titjira. Barra minn hekk, l-emissjonijiet ta’ gassijiet iġġenerati mit-titjiriet ta’ ġettijiet kummerċjali allegatament żdiedu b’46 % bejn l‑2019 u l‑2023 u hemm ir-riskju li jkomplu jiżdiedu fid-dawl tal-previżjonijiet li, fis-snin li ġejjin, is-settur ser ikompli jikber ħafna.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kapaċità tal-inġenji tal-ajru tagħha li jużaw SAF. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, anki li kellu jitqies li l-inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju huma iktar avvanzati mill-inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni kummerċjali regolari fl-użu ta’ SAF, ma jkunx iġġustifikat li tiġi inkluża fl-attivitajiet tranżitorji, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, il-manifattura ta’ inġenji tal-ajru, imqar dawk li huma kapaċi joperaw b’taħlita magħmula minn 100 % ta’ SAF, għaliex, fil-fehma tagħha, il-manifatturi ta’ inġenji tal-ajru ma għandhom ebda influwenza fuq l-operat effettiv tagħhom, li jsir minn operaturi li huma entitajiet ekonomiċi distinti. Għalhekk, fil-fehma tagħha, il-manifatturi ta’ inġenji tal-ajru ma għandhom ebda influwenza fuq ir-riskju eċċessiv ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għoli għal kull passiġġier‑kilometru, li jista’ jkun marbut ma’ jekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru jużax SAF jew le.

164    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija jistgħu jkunu attivitajiet li huma stess ma jkollhomx livell baxx ta’ karbonju (ara l-punt 149 iktar ’il fuq). B’hekk, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 19(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija jirriżulta li huma biss l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw kombustibbli fossili solidi li huma, bħala prinċipju, esklużi mill-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ambjentalment sostenibbli. Dan ifisser li l-fatt li l-avjazzjoni kummerċjali ma hijiex attività b’livell baxx ta’ karbonju ma huwiex, fih innifsu, tali li jeskludiha mill-attivitajiet tranżitorji li għalihom għandhom jiġu ffissati kriterji tekniċi ta’ skrinjar.

165    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru hija deskritta fit-Taqsima 3.21 bħala attività ekonomika tal-“manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, it-tiġdid, il-modifika retroattiva, id-disinn, l-adattament għal skop differenti u l-aġġornament ta’ inġenji tal-ajru u l-parts u t-tagħmir tagħhom”.

166    Madankollu, l-impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru għandha tiġi kkalkolata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u n-numru ta’ kilometri vvjaġġati kull titjira. Dan ifisser li dan il-kriterju jaqa’ fl-iskop tal-operat tal-inġenji tal-ajru, li jissemma fit-Taqsima 6.19 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139, intitolata “Trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u merkanzija” (iktar ’il quddiem it-“Taqsima 6.19”), u mhux fl-iskop tal-manifattura tagħhom.

167    Barra minn hekk, fejn jidħol ir-rwol allegatament deċiżiv li għandu l-kriterju tal-impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tranżitorja tal-attivitajiet ekonomiċi li jaqgħu taħt is-settur tal-avjazzjoni, għandu jiġi rrilevat li mit-Taqsima 6.19(e) jirriżulta li l-attività ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri tista’ titqies bħala attività tranżitorja meta din tiġi eżerċitata permezz ta’ inġenju tal-ajru operat bi proporzjon minimu ta’ SAF li jikkorrispondi għal 5 % fl‑2022; il-perċentwali tal-imsemmija fjuwils tiżdied b’żewġ punti perċentwali fis-sena minn hemm ’il quddiem. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għall-kuntrarju tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati fit-Taqsima 6.19(b) sa (d), il-kriterju tekniku ta’ skrinjar iffissat fil-punt (e) ta’ din l-istess taqsima ma jirreferix għall-osservanza tal-kriterju tekniku ta’ skrinjar iffissat fit-Taqsima 3.21(b). Għalhekk, mit-Taqsima 6.19(e) jirriżulta li l-attività ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri tista’ titqies bħala waħda tranżitorja anki meta din tiġi eżerċitata permezz ta’ inġenju tal-ajru prodott għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju, bil-kundizzjoni li dan jiġi operat b’perċentwali speċifika ta’ SAF, u għalhekk indipendentement mill-impronta CO2 tiegħu għal kull passiġġier‑kilometru.

168    It-tielet, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament dwar it-tassonomija jirreferi għal-“livelli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew fl-industrija”, hekk li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, skont din id-dispożizzjoni, l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju fid-dawl tal-aħjar prestazzjoni fil-qasam tas-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u mhux tas-settur ferrovjarju jew tas-settur tat-triq.

169    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-esklużjoni tal-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mill-attivitajiet li għalihom kienu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt l-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija, fuq l-impronta CO2 għal kull passiġġier‑kilometru tal-imsemmija inġenji tal-ajru.

170    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija jipprevedi li, mhux biss għall-finijiet tal-iffissar tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, iżda wkoll ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontribuzzjoni potenzjali u l-fattibbiltà tat-teknoloġiji eżistenti kollha kkonċernati.

171    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-ġettijiet kummerċjali li joperaw b’rata allegatament kbira ta’ SAF, minħabba li l-manifatturi tal-ġettijiet kummerċjali ma għandhom ebda influwenza fuq l-użu tas-SAF mill-operaturi tal-ġettijiet kummerċjali. Madankollu, hija indikat, fir-risposta tagħha, li, fir-reviżjoni li jmiss tal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, hija kienet ser tevalwa l-ħtieġa li jiġu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-ġettijiet kummerċjali li jużaw SAF, fid-dawl tal-bidliet fil-prassi ta’ riforniment bis-SAF mill-operaturi ta’ ġettijiet kummerċjali.

172    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mit-Taqsima 3.21(c) jirriżulta li, mill‑1 ta’ Jannar 2028 sal‑31 ta’ Diċembru 2032, il-manifattura ta’ inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati fit-Taqsima 3.21(b) u ċċertifikati sabiex jaħdmu b’taħlita magħmula minn 100 % ta’ SAF għandha titqies bħala attività tranżitorja.

173    Dan ifisser li l-għażla tal-Kummissjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-ġettijiet kummerċjali li joperaw b’rata kbira ta’ SAF, minkejja li hija ħadet inkunsiderazzjoni din il-kapaċità għall-inġenji tal-ajru l-oħra b’toqol mat-tluq mill-art u tlugħ ta’ iktar minn 5.7 tunnellati, tidher waħda manifestament arbitrarja.

174    Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li mid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni jirriżulta li hija stess tqis li jenħtieġ iktar xogħol sabiex jintwera jekk il-manifattura tal-ġettijiet kummerċjali tal-aħħar ġenerazzjoni tistax tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu għall-għanijiet tat-tassonomija u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet tista’ tagħmel dan.

175    L-argument imressaq mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li din is-silta mid-dokument ta’ ħidma sempliċement turi l-approċċ progressiv li hija segwiet sabiex tiffissa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar, jikkonferma aktarx li, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, din tal-aħħar ma kinitx analizzat il-fatturi rilevanti kollha sabiex jiġi evalwat jekk l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju kinitx taqa’ fl-iskop tal-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

176    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 148 sa 175 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 141 iktar ’il fuq, billi eskludiet l-attività ta’ manifattura ta’ inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju mill-attivitajiet li għalihom kienu previsti kriterji tekniċi ta’ skrinjar taħt l-attivitajiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

177    Dan ifisser li l-ħames motiv huwa fondat.

178    Għandu jiġi ddeterminat jekk l-illegalità kkonstatata tistax twassal għall-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata mitluba mir-rikorrenti.

179    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri l-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2023/2485, inkwantu dan tal-aħħar daħħal it-Taqsima 3.21 fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139.

180    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss inkwantu l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt fejn l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (SAS II; COVID‑19) T‑238/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:247, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tat-tabella tat-Taqsima 3.21, li teskludi l-manifattura tal-inġenji tal-ajru prodotti “għall-avjazzjoni għall-skopijiet ta’ negozju kummerċjali jew privata”, jinsab fis-subdiviżjoni intitolata “Kriterji tekniċi ta’ skrinjar”, li telenka l-kriterji tekniċi ta’ kull tip ta’ inġenju tal-ajru li l-manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, ir-reviżjoni, il-modernizzazzjoni, id-disinn, l-assenjazzjoni mill-ġdid jew it-titjib tiegħu jaqgħu fil-kamp tat-tassonomija.

182    Issa, il-kriterji tekniċi kollha li għandhom jissodisfaw l-inġenji tal-ajru prodotti għall-avjazzjoni privata jew kummerċjali għal skopijiet ta’ negozju jinsabu fit-Taqsima 3.21(b). Fil-fatt, it-Taqsima 3.21(a) sempliċement tirreferi għall-inġenji tal-ajru li l-emissjonijiet diretti tagħhom ta’ CO2 huma żero u t-Taqsima 3.21(c) tikkonċerna, mill‑1 ta’ Jannar 2028 sal‑31 ta’ Diċembru 2032, l-inġenji tal-ajru ċċertifikati sabiex jaħdmu b’taħlita magħmula minn 100 % ta’ SAF u tirreferi direttament għat-Taqsima 3.21(b) għall-kriterji tekniċi. Għalhekk, l-annullament tat-Taqsima 3.21(b) ibiddel is-sustanza tat-Taqsima 3.21 fl-intier tagħha, peress li dan ikollu l-effett li jneħħi l-kriterji tekniċi li ċerti tipi ta’ inġenji tal-ajru għandhom jissodisfaw sabiex l-attivitajiet relatati magħha jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet tranżitorji, imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-tassonomija. Dan ifisser li t-Taqsima 3.21(b) ma hijiex diviżibbli mill-bqija tal-imsemmija taqsima.

183    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2023/2485 daħħal, fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139, minbarra t-Taqsima 3.21, it-Taqsima 3.18, intitolata “Manifattura ta’ komponenti tal-karozzi u tal-mobbiltà”, it-Taqsima 3.19, intitolata “Manifattura ta’ kostitwenti tal-vetturi ferrovjarji”, u t-Taqsima 3.20, intitolata “Manifattura, installazzjoni, u manutenzjoni ta’ tagħmir elettriku b’vultaġġ għoli, medju u baxx għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku li jirriżulta f’kontribut sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew jabilitah”, li jiffissaw kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal dawn l-attivitajiet abbażi tal-Artikolu 10(3) u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar it-tassonomija.

184    Għandu jiġi kkonstatat li, inkwantu t-taqsimiet imsemmija fil-punt 183 iktar ’il fuq huma differenti kemm minħabba l-għan tagħhom kif ukoll minħabba l-kriterji li huma jiffissaw, it-Taqsima 3.21 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139 tista’ tiġi sseparata mit-Taqsimiet 3.18 sa 3.20 ta’ dan ir-regolament.

185    Bl-istess mod, minkejja li l-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tat-tabella tat-Taqsima 6.18 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139, li hija intitolata “Lokazzjoni [Kiri] ta’ inġenji tal-ajru”, u l-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tat-Taqsima 6.19 tal-Anness I tal-istess regolament, li hija intitolata “Trasport bl-ajru tal-passiġġieri u tal-merkanzija” – żewġ taqsimiet li ddaħħlu fl-Anness I tal-imsemmi regolament mill-punt 22 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2023/2485 – jirreferu għall-kriterji tekniċi ta’ skrinjar iffissati fit-Taqsima 3.21(b) u (c), xorta jibqa’ l-fatt li dawn it-taqsimiet għandhom għan differenti, inkwantu jfittxu li jiffissaw kriterji tekniċi ta’ skrinjar għal attivitajiet ekonomiċi differenti minn dik li tissemma fit-Taqsima 3.21. Dan ifisser li t-Taqsima 3.21 tista’ tiġi sseparata mit-Taqsimiet 6.18 u 6.19 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139 u dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti Ġenerali waqt is-seduta.

186    Dan ifisser li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tannulla fl-intier tagħha t-Taqsima 3.21 li ddaħħlet fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2021/2139 mill-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2023/2485.

187    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, dan ir-rikors għandu jintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet, ir-raba’ u s-sitt motiv, u d-dispożizzjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

188    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu. Billi l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, u dan skont it-talbiet tar-rikorrenti, ta’ EBAA u ta’ Compagnie Daher.

189    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom, għalhekk, ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-Taqsima 3.21, intitolata “Manifattura ta’ inġenji tal-ajru” u li ddaħħlet mill-punt 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2485 tas‑27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar addizzjonali biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dawk l-attivitajiet ma jikkawżawx ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal‑4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti minn Dassault Aviation, European Business Aviation Association (EBAA) u Compagnie Daher.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Papasavvas

Buttigieg

Kancheva

Tichy-Fisslberger

 

      Bestagno

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Ġunju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.