European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1791

24.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1791

tal-24 ta’ Ġunju 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi u entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 (1).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aċċess tar-Russja għal oġġetti u teknoloġiji sensittivi b’rilevanza għall-kampijiet tal-battalja jrid ikun ristrett kemm jista’ jkun, inkluż billi jiġu mmirati entitajiet f’pajjiżi terzi li jippermettu iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet permezz ta’ pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Kummissjoni biex iħejju aktar sanzjonijiet, inkluż kontra l-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni ser tkompli taħdem b’mod intensiv mas-sħab reġjonali u internazzjonali biex tipprevjeni eskalazzjoni reġjonali ulterjuri, b’mod partikolari fil-Libanu u l-Baħar l-Aħmar. Il-Kunsill Ewropew appella lill-atturi kollha, partikolarment l-Iran, biex iżommu lura minn azzjonijiet eskalatorji.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa u b’mod inekwivoku l-attakk Iranjan fuq Iżrael u tenna s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael u l-impenn tiegħu għas-sigurtà ta’ Iżrael u għall-istabbiltà tar-reġjun. Il-Kunsill Ewropew appella lill-Iran u lill-forzi bi prokura tiegħu biex iwaqqfu l-attakki kollha u ħeġġeġ lill-partijiet kollha jeżerċitaw l-akbar trażżin u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ żżid it-tensjonijiet fir-reġjun. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni ser tieħu aktar miżuri restrittivi kontra l-Iran, b’mod partikolari fir-rigward tal-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs) u l-missili. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Ewropew tenna li l-Unjoni għadha impenjata bis-sħiħ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjoni u għas-sigurtà fir-reġjun.

(4)

Ir-Russja qed tuża UAVs prodotti mill-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali ta’ dak il-pajjiż, inkluż kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali.

(5)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li entità waħda tiġi inkluża fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi u entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar (ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532, l-entrata li ġejja tiżdied mal-lista li tinsab fit-Taqsima B, intitolata “Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“9.

Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO)

سازمان تحقیقات و جهادخودکفایی سپاه پاسداران

(Ortografija Farsi)

Tip ta’ entità: entità tal-gvern

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Post prinċipali tan-negozju: Iran

Entitajiet assoċjati: Kavan Electronics Behrad LLC

L-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO) hija unità ta’ riċerka u żvilupp li tiżviluppa u timmanifattura radar li jippenetra l-art, sistemi ta’ komunikazzjoni, armi, vetturi tal-ġlied u tagħmir elettroniku tal-gwerra ċibernetika.

Bħala parti mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), l-IRGC SSJO kienet involuta f’attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u akkwist marbuta mal-iżvilupp ta’ UAVs u missili Iranjani.

Għalhekk l-IRGC SSJO hija involuta fil-programmi tal-UAV u tal-missili tal-Iran u fit-trasferiment tal-UAVs Iranjani lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

24.6.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1791/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)