2007R0682 — MT — 19.09.2009 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 682/2007

tat-18 ta’ Ġunju 2007

li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja

(ĠU L 159, 20.6.2007, p.14)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 954/2008 tal-25 ta’ Settembru 2008

  L 260

1

30.9.2008

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 847/2009 tal-15 ta’ Settembru 2009

  L 246

1

18.9.2009


Ikkoreġut b'

 C1

Rettifika, ĠU L 252, 27.9.2007, p. 7  (682/07)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 682/2007

tat-18 ta’ Ġunju 2007

li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod kollettiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 1 ) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:IL-MIŻURI PROVIŻORJI

(1)

Fit-28 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ( 2 ) u tat bidu għall-proċedura antidumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja. Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1888/2006 ( 3 ) (“ir-Regolament proviżorju”) imponiet dazju proviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ l-istess prodott.

Il-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(2)

Sussegwentement għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri proviżorji antidumping, għadd ta’ partijiet interessati taw preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji. Dawk il-partijiet li talbu, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Skond l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku fid-9 ta’ Frar 2007, saret laqgħa fil-bini tal-Kummissjoni bejn produttur esportatur wieħed, Assoċjazzjoni ta’ produtturi Tajlandiżi, il-Gvern Tajlandiż u l-produtturi tal-Komunità. Il-laqgħa kienet iddedikata għall-kwistjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Komunità għall-qamħ ħelu.

(3)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset ta’ ħtieġa għas-sejbiet definittivi.

(4)

Il-partijiet kollha kienu mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni tad-dazji definittivi antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu qamħ ħelu bil-qalba ppreparat jew ippreservat u li joriġina mit-Tajlandja u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju proviżorju. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri.

(5)

Il-kummenti orali u miktuba ppreżentati mill-partijiet interessati kienu meqjusa u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati skond dawn.

(6)

Ta’ min jiftakar li l-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Fir-rigward tat-tendenzi rilevanti għall-istima tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id-data li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2005 (“il-perjodu meqjus”). Il-perjodu użat għas-sejbiet dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet, il-bejgħ taħt il-prezz u t-tneħħija tal-ħsara huwa l-PI msemmi hawn fuq.

IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(7)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti rigward il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (13) sa (15) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

DUMPINGIt-teħid tal-kampjuni u l-eżaminazzjoni individwali

(8)

Għadd ta’ esportaturi u assoċjazzjoni ta’ produtturi Tajlandiżi qajmu oġġezzjonijiet għall-istima tat-teħid tal-kampjuni u ta’ l-analiżi ta’ l-eżami individwali deskritti fil-premessi (16) sa (20) tar-Regolament proviżorju. B'mod partikolari, ġie ddikjarat li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li l-Kummissjoni ma qisitx fatturi oħra bħad-daqs tal-kumpaniji u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-investigazzjoni ta’ aktar kumpaniji mill-erbgħa li ttieћdu bћala kampjun, ma kinitx se tkun ta’ piż bla bżonn.

(9)

Kif spjegat fil-premessi (16) sa (18) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni tqis li sabiex jintlaħaq l-aktar kampjun rappreżentattiv possibbli, filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni, kien xieraq li jiġu inklużi erba’ kumpaniji biss fil-kampjun minħabba li (i) dan jippermetti l-kopertura ta’ volum kbir ta’ esportazzjonijiet u li (ii) l-erba’ kumpaniji setgħu jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku ma jispeċifika l-ebda limitu li lilhinn minnu l-għadd ta’ esportaturi jkun meqjus kbir biżżejjed li jiggarantixxi t-teħid tal-kampjuni, lanqas ma jagħti indikazzjoni preċiża tan-numru xieraq ta’ partijiet li għandhom jiġu inklużi fil-kampjun. Dwar dawn ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni nfisha għandha tiġġudika x'jista’ jiġi investigat fil-limitu ta’ żmien partikolari filwaqt li tiżgura li l-kampjun ikun ikopri l-akbar parti possibbli ta’ l-esportazzjonijiet imsemmija. F'dan ir-rigward, il-kampjun magħżul kien ikopri 52 % tat-total ta’ l-esportazzjonijiet Tajlandiżi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li mil-lat tal-volum huwa meqjus bħala rappreżentattiv ħafna.

(10)

Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kriterju li ġie applikat għall-għażla tal-kampjun kien l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet mit-Tajlandja lejn il-Komunità li jista’ jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Fid-dawl tar-rappreżentattività għolja tal-kampjun magħżul f'termini ta’ volum, ma kienx meqjus ta’ ħtieġa li jkunu eżaminati fatturi oħra bħad-daqs tal-kumpaniji jew il-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

(11)

Kif imsemmi qabel fil-premessa (20) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta’ aktar kumpaniji kienet se tkun ta’ piż bla bżonn fuq l-investigazzjoni u żżommha milli titlesta fil-ħin.

(12)

Id-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn xi partijiet dwar il-premessi (16) sa (20) tar-Regolament proviżorju għaldaqstant ma ġewx milqugħa u dawn il-premessi huma b'dan ikkonfermati.

Il-valur normali

(13)

Produttur esportatur wieħed iddikjara li kienu saru għadd ta’ żbalji matematiċi fil-kalkolu tal-valur normali. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew iċċekkjati bir-reqqa u nstab li ma kienu saru l-ebda żbalji.

(14)

Minħabba li m’hemm l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, il-premessi (21) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

Il-Prezz ta’ l-Esportazzjoni

(15)

Wara l-iżvelar proviżorju, produttur esportatur wieħed ikkontesta l-konklużjonijiet fil-premessa (34) tar-Regolament proviżorju. Din il-parti ddikjarat li kellu jitqies il-bejgħ kollu mill-esportazzjoni tal-kumpanija, inkluż il-bejgħ tal-prodotti manifatturati minn produtturi indipendenti oħra, u mixtrija minnha. Din il-parti ddikjarat li l-prodotti lesti mixtrija mill-kumpanija għandhom jitqiesu parti mill-produzzjoni tagħha minħabba li ġie allegat li dawn ġew immanifatturati fil-qafas ta’ sistema tal-ħlas ta’ nollijiet.

(16)

F'dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-prodotti mmanifatturati mill-produttur esportatur imsemmi biss jistgħu jitqiesu meta jiġu ddeterminati l-marġini ta’ dumping individwali. Jekk produttur esportatur jixtri parti mill-prodott biex dan jerġa’ jinbiegħ fil-Komunità huwa jkun f'pożizzjoni simili għal dik ta’ aġent jew kummerċjant fir-rigward ta’ dan ix-xiri u bejgħ mill-ġdid bħal dan ma jistax jitqies meta jiġi stabbilit il-marġinu ta’ dumping individwali tiegħu.

(17)

Fl-investigazzjoni ġie stabbilit li l-produttur esportatur imsemmi kien qed jixtri minn produtturi oħra parti mill-prodotti mibjugħa fil-Komunità. Instab ukoll li dan l-esportatur dejjem ħallas għal prodotti lesti u li dawn it-tranżazzjonijiet kienu rreġistrati fis-sistema ta’ kontabilità tiegħu bħala xiri tal-prodotti lesti. Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova kuntrattwali jew prova oħra (eż. l-hekk imsejjaħ arranġament tal-ħlas ta’ nollijiet) li tipprova li l-prodotti kienu mill-bidunett proprjetà tal-produttur esportatur u li l-attività tal-kumpaniji l-oħra kienet limitata għal sempliċi trasformazzjoni tal-prodotti msemmija.

(18)

Wara l-iżvelar definittiv, il-produttur esportatur imsemmi tenna d-dikjarazzjoni tiegħu, filwaqt li enfasizza li għandu jitqies bħala ko-produttur tal-prodott mixtri mingħand produtturi oħra. Madankollu, billi l-proprjetà tal-prodotti manifatturati minn partijiet oħra ġiet trasferita lill-produttur esportatur ikkonċernat biss wara t-tlestija tal-proċess ta’ manifattura, kif joħroġ ċar mill-fatturi tax-xiri, hu kkonfermat li dan il-produttur esportatur ma jistax jitqies bħala l-produttur, jew il-ko-produttur, tal-prodott mixtri għall-bejgħ mill-ġdid.

(19)

Fid-dawl ta’ dan kollu, id-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur mhijiex milqugħa u l-premessi (33) u (34) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(20)

Assoċjazzjoni ta’ l-importaturi ddikjarat li kellu jsir aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku biex jitqies li l-għargħar qawwi fit-Tajlandja kien wassal biex il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat ikunu komparattivament baxxi meta mqabbla maż-żieda fin-nefqa tal-materja prima, il-qamħ ħelu, wara l-għargħar. F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li d-dikjarazzjoni ma saret mill-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi nfushom, u lanqas ma ġiet kwantifikata. Madankollu, l-għargħar huwa relattivament komuni fit-Tajlandja u ma jistax jitqies bħala fatt imprevedibbli meta jiġu nnegozjati l-kuntratti u b'mod partikolari l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni. Fl-aħħarnett, l-analiżi turi li l-effett possibbli, jekk hemm, ta’ l-għargħar fuq il-prezz tal-materja prima (qamħ ħelu) kien ikun limitat biss għall-aħħar kwart tal-PI meta, il-maġġoranza vasta tax-xiri ta’ materja prima mill-produtturi esportaturi tkun saret qabel dan il-perjodu. Għalhekk, it-talba għal aġġustament mhijiex milqugħa.

Tqabbil

(21)

Wara l-iżvelar proviżorju, għadd ta’ produtturi esportaturi ddikjaraw li kellhom isiru ċerti konċessjonijiet fuq il-bejgħ domestiku (marbuta l-aktar ma’ maneġġjar, tagħbija u spejjeż anċillari u spejjeż ta’ kreditu) fil-kalkolu tad-dumping. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew eżaminati u fil-każ ta’ kumpanija waħda nstab li kellha tassew tingħata konċessjoni addizzjonali. Wara dan l-aġġustament, il-marġinu ta’ dumping għal din il-kumpanija naqas minn 4,3 % għal 3,1 %.

(22)

Billi d-data tal-kumpanija msemmija fil-premessa (21) hawn fuq kienet użata fil-kalkolu tal-valur normali ta’ kumpanija oħra, kif spjegat fil-premessi (29) u (31) tar-Regolament proviżorju, il-marġinu ta’ dumping tal-kumpanija ta’ l-aħħar naqas ukoll minn 11,2 % għal 11,1 % bħala riżultat tal-konċessjonijiet mogħtija.

(23)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra f’dan ir-rigward, u minbarra l-bdil imsemmi hawn fuq, il-premessi (35) u (36) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

Il-marġini ta’ dumping

(24)

Fid-dawl ta’ l-aġġustament imsemmi hawn fuq, l-ammont ta’ dumping finalment iddeterminat, espress bħala perċentwali tas-CIF nett, prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, huwa kif ġej:



Il-kumpanija

Il-marġini ta' dumping

Karn Corn

3,1 %

Malee Sampran

17,5 %

River Kwai

15,0 %

Sun Sweet

11,1 %

(25)

Għall-pajjiżi li kkoperaw iżda ma ntgħażlux fil-kampjun, il-marġinu ta’ dumping ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġini ta’ dumping b'medja b'piż differenzjat tal-kumpaniji magħżula fil-kampjun, skond l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Il-marġini ta’ dumping b'medja b'piż differenzjat, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, kien ta’ 12.9 %.

(26)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti, il-premessa (40) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

IL-ĦSARA

(27)

Waħda mill-partijiet interessati sostniet li l-istrateġija segwita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-mezzi differenti ta’ bejgħ u deskritta fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament proviżorju, mhijiex konformi mar-Regolament bażiku u mal-Ftehim tad-WTO Antidumping ( 4 ), minħabba li allegatament hija, “maħsuba biex tirrifletti b'mod artifiċjali ħsara ikbar u ma tistax titqies bħala korretta u lanqas oġġettiva u imparzjali”. B'sostenn għat-talba tagħha, il-parti li ressqet l-ilment għamlet referenza għar-rapport tal-Korp ta’ Appell tad-WTO ta’ l-24.7.2001 ( 5 ) fejn jintqal li “l-awtoritajiet li jinvestigaw m'humiex intitolati li jmexxu l-investigazzjoni tagħhom b'mod li r-riżultat tat-tiftix ta’ fatti jew tal-proċess ta’ evalwazzjoni, x'aktarx iwassal biex tkun iddeterminata l-ħsara li saret lill-industrija domestika” (il-paragrafu 196 tal-KA).

(28)

L-ewwelnett, l-eżistenza taż-żewġ mezzi differenti ta’ bejgħ deskritti mill-Kummissjoni fil-premessi (50) u (51) tar-Regolament proviżorju, flimkien ma’ l-implikazzjonijiet li jiġu wara f'termini ta’ l-ispejjeż tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ, mhijiex ikkontestata mill-ebda parti interessata ta’ din il-proċedura, u lanqas mill-parti li ressqet l-ilment. It-tieninett, lanqas huwa kkontestat il-fatt, stabbilit ukoll fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, li l-importazzjonijiet kollha mill-esportaturi Tajlandiżi li kkoperaw għandhom x'jaqsmu mal-mezzi ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Anzi, dan ġie rikonoxxut mill-parti li ressqet l-ilment: “Għandu jiġi mfakkar li l-bejgħ Tajlandiż lill-bejjiegħa bl-imnut fl-Ewropa qiegħed isir bil-marka kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut”.

(29)

Barra minn hekk, ta’ min jinnota wkoll li l-KA jistqarr fil-paragrafu 204 li “jista’ jkun ferm pertinenti li jeżaminaw partijiet, setturi jew segmenti ta’ l-industrija domestika”. Għalhekk kien xieraq li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ mezzi separati ta’ bejgħ, għal ċerti indikaturi ta’ ħsara kif xieraq, biex tkun żgurata l-evalwazzjoni ġusta tal-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità, u jkun stabbilit jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mit-Tajlandja kellhomx impatt dirett fuq il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità. Id-determinazzjoni tal-ħsara kopriet b'mod sistematiku ż-żewġ mezzi ta’ bejgħ flimkien, u barra minn hekk, analizzat b'mod separat, fejn xieraq, il-bejgħ bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(30)

Madankollu, l-KA fil-paragrafu 204 ssokta jgħid li “[…] meta l-awtoritajiet li jinvestigaw jagħmlu eżami ta’ parti waħda ta’ l-industrija domestika, huma għandhom, fil-prinċipju, jeżaminaw, bl-istess mod, il-partijiet l-oħra kollha li jiffurmaw l-industrija, kif ukoll jeżaminaw l-industrija kollha kemm hi.” Is-servizzi tal-Kummissjoni, għalhekk ikkumplimentaw l-analiżi tagħhom tal-ħsara fir-rigward tat-tliet indikaturi ta’ ħsara li kienu analizzati b'mod separat fir-Regolament proviżorju, skond il-mezzi ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Dawn it-tliet indikaturi huma l-volum ta’ bejgħ (il-premessa (56) tar-Regolament proviżorju), il-prezz tal-bejgħ (il-premessa (63) tar-Regolament proviżorju) u l-qligħ (il-premessa (66) tar-Regolament proviżorju). Dawn it-tliet indikaturi ġew eżaminati f'analiżi speċifika tal-ħsara dwar il-mezz ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-produttur.

(31)

Kif stabbilit skond il-premessa (51) tar-Regolament proviżorju, il-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut kien jirrappreżenta madwar 63 % tal-bejgħ totali ta’ l-industrija tal-Komunità (il-marka tal-produttur u l-marka tal-bejjiegħ bl-imnut) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. B'konsegwenza, il-bejgħ bil-marka tal-produttur kien jirrappreżenta 37 % tat-total.

(32)

Il-volum ta’ bejgħ mill-industrija tal-Komunità ta’ prodotti bil-marka tal-produttur fis-suq Komunitarju l-ewwel naqas b'1 % fl-2003, żdied b'6 punti perċentwali fl-2004, u naqas b'6 punti perċentwali fil-PI. Matul il-PI, il-volum ta’ bejgħ bil-marka tal-produttur kien kważi fl-istess livell li kien fl-2002, jiġifieri ftit ‘il fuq minn 68 000 tunnellata.

(33)

Fir-rigward ta’ l-industrija tal-Komunità, il-prezzijiet ta’ unità għall-bejgħ lil konsumaturi indipendenti ta’ prodotti bil-marka tal-produttur baqgħu prattikament fissi matul il-perjodu kkonċernat. Minn livell ta’ 1 380 EUR/tunnellata fl-2002, dawn żdiedu bi 2 % fl-2003, naqsu b'2 punti perċentwali fl-2004, qabel ma naqsu kemm kemm b'punt perċentwali 1 fil-PI, meta laħqu livell ta’ 1 361 EUR/tunnellata.

(34)

Matul il-perjodu kkonċernat, il-qligħ mil-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità ta’ prodotti bil-marka tal-produttur, espress bħala perċentwali tal-bejgħ nett, naqas b'mod gradwali minn kważi 30 % fl-2002 għal 29 % fl-2003, għal madwar 27 % fl-2004 u finalment għal madwar 24 % fil-PI.



 

2002

2003

2004

PI

Volum ta' bejgħ fil-KE (marka tal-produttur) lil konsumaturi indipendenti (tunnellata)

68 778

68 002

72 387

68 193

Indiċi (2002 = 100)

100

99

105

99

Il-prezz ta' l-Unità fis-suq tal-KE ( marka tal-produttur) (EUR/tunnellata)

1 380

1 405

1 386

1 361

Indiċi (2002 = 100)

100

102

100

99

Il-qligħ mill-bejgħ tal-KE għal indipendenti (marka tal-produttur) (% tal-bejgħ nett)

29,7 %

29,0 %

27,4 %

23,6 %

Indiċi (2002 = 100)

100

98

92

79

Sors: Investigazzjoni

(35)

Għalhekk huwa nnutat li l-bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-produtturi baqa’ relattivament fiss kemm f'termini tal-kwantitajiet mibjugħa kif ukoll tal-prezzijiet matul il-perjodu kkonċernat. Bil-maqlub, il-qligħ minn dan il-bejgħ tnaqqar b'mod gradwali matul l-istess perjodu. Din l-istampa tikkuntrasta ma’ l-istampa ċara ta’ ħsara stabbilita fir-Regolament proviżorju fir-rigward tal-bejgħ kollu meħud flimkien, kif ukoll tal-bejgħ bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Madankollu, jidher ċar li l-impatt ta’ l-importazzjonijiet mit-Tajlandja jinħass l-aktar fejn huma kkonċentrati l-importazzjonijiet tagħhom, jiġifieri l-prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(36)

Bħala kumpliment għal dan, l-eżaminazzjoni mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni hija konsistenti mar-Regolament bażiku u tissodisfa l-obbligu ta’ oġġettività stabbilit fl-Artikolu 3.11 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO minħabba li l-indikaturi ta’ ħsara elenkati fl-Artikolu 3.4 tal-Ftehim antidumping tad-WTO ġew eżaminati b'distinzjoni u mingħajr distinzjoni ta’ l-ebda mezzi ta’ bejgħ, fejn dan kien meqjus xieraq fir-rigward ta’ l-ispeċifitajiet tal-każ partikolari. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq mhijiex milqugħa.

(37)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi (41) sa (76) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

IL-KAWŻALITÀIl-prassi ta’ negozju restrittivi

(38)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li l-industrija tal-Komunità kienet involuta fi prassi ta’ negozju restrittiva, li allegatament hija kkaratterizzata, b'mod partikolari, mill-iffissar tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju għal qamħ ħelu. B'sostenn għal dan, waħda minn dawn il-partijiet interessati indikat li: (i) hija ġibdet espressament l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni fil-preżentazzjoni tagħha datata l-21 ta’ Ġunju 2006; (ii) wieħed mill-bejjiegħa bl-imnut Ewopej qajjem tħassib simili fi preżentazzjoni datata s-17 ta’ Mejju 2006; u finalment (iii) fl-1 ta’ Diċembru 2006 din il-parti ppreżentat żewġ e-mails mill-President ta’ l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti msemmija fil-premessa (1) tar-Regolament proviżorju. F'waħda minn dawn l-e-mails, datati t-13 ta’ April 2005, il-President ta’ l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti allegatament jgħarraf lill-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija ta’ l-esportazzjoni Tajlandiża li l-proċessuri ta’ l-Ewropa tal-Punent kienu qablu fuq il-prezzijiet għal tliet preżentazzjonijiet tal-prodott simili.

(39)

Għalhekk il-partijiet interessati msemmija hawn fuq talbu lill-Kummissjoni biex ittemm b'mod immedjat il-proċedura preżenti, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-qagħda ħażina ta’ l-industrija tal-Komunità, billi l-livell ta’ prezzijiet ipprattikati mill-industrija tal-Komunità ma jkunux affidabbli u jogħlew b'mod artifiċjali minħabba l-imġiba allegatament mhux kompetittiva ta’ l-industrija tal-Komunità. Waħda mill-partijiet għamlet referenza espliċita kemm għall-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku kif ukoll għall-każ Mukand ( 6 ), biex titlob lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt potenzjali fuq il-qagħda ħażina ta’ l-industrija tal-Komunità li tirriżulta mill-imġiba allegatament mhux kompetittiva msemmija hawn fuq, qabel kull konklużjoni dwar il-kawżalità.

(40)

Fir-rigward tal-punti (i) u (ii) fil-premessa (38), huwa nnutat li ż-żewġ preżentazzjonijiet jikkonsistu sempliċiment fi ftit allegazzjonijiet mhux issostanzjati. Fil-preżentazzjoni msemmija fil-punt (i), il-parti li ressqet l-ilment kienet indikat hija nfisha li “aktar tagħrif u prova, rigward dawn l-abbużi, li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet serji tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, se jingħataw meta jkun il-waqt.” Il-parti kkonċernata sussegwentement bagħtet l-e-mails imsemmija fil-premessa (38) hawn fuq.

(41)

Hekk kif irċevew dawk l-e-mails, is-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta’ antidumping stiednu b'mod immedjat lill-parti li għamlet l-ilment biex tressaq l-istess materjal lis-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ dawn l-e-mails u b'mod partikolari minħabba li l-President ta’ l-Assoċjazzjoni li tressaq l-ilmenti rrikonoxxa li huwa kien l-awtur tal-messaġġi, is-servizzi tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet ta’ antidumping, eżaminaw mill-qrib il-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi differenti tal-Komunità.

(42)

Il-President ċaħad bil-qawwa li l-industrija tal-Komunità qatt laħqet qbil jew applikat xi prezzijiet ta’ “referenza” kif issuġġerit fl-e-mail. Billi fil-qafas tal-proċedura preżenti antidumping, is-servizzi tal-Kummissjoni jiddisponu minn tagħrif iddettaljat dwar prezzijiet għal kull mudell fuq bażi ta’ tranżazzjoni-bi-tranżazzjoni, mill-produtturi kollha tal-Komunità li kkoperaw, kien ivverifikat jekk jistax jiġi identifikat xi allinjament ta’ prezzijiet.

(43)

F'din l-investigazzjoni dwar l-antidumping ma nstabet l-ebda prova ta’ allinjament ta’ prezzijiet effettiv fost il-produtturi tal-Komunità li kkoperaw. Barra minn hekk, il-prezzijiet attwali, fil-maġġoranza kbira tagħhom, kienu ferm anqas mill-prezzijiet ta’ “referenza” msemmija fl-e-mail hawn fuq datata t-13 ta’ April 2005.

(44)

Għalhekk, f'din l-investigazzjoni dwar l-antidumping l-istituzzjonijiet tal-Komunità ma sabu l-ebda prova li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat kienu inqas minn dawk ta’ l-industrija tal-Komunità prinċipalment minħabba livell artifiċjali ta’ prezzijiet li joħroġ minn imġiba mhux kompetittiva.

(45)

Ġie osservat ukoll li l-Kummissjoni ma ħarġet l-ebda deċiżjoni finali li tistabbilixxi li l-industrija tal-Komunità kienet ipprattikat kartell.

(46)

B'konsegwenza tal-punti kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-investigazzjoni attwali dwar l-antidumping ma sabet l-ebda prova li l-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità u l-indikaturi ta’ ħsara kienu ġew affettwati minn imġiba mhux kompetittiva jew minn prassi ta’ negozju restrittiva. Għaldaqstant din id-dikjarazzjoni mhijiex milqugħa.

L-impatt tal-kundizzjonijiet tat-temp

(47)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li fl-eżaminazzjoni ta’ kawżalità għandu jiġi ttrattat l-impatt li jirriżulta minn kundizzjonijiet tat-temp. B'mod aktar preċiż, dawn il-partijiet għamlu referenza għal: (i) il-mewġa ta’ sħana fis-sajf ta’ l-2003; u (ii) l-għargħar li laqat lill-Ungerija matul il-perjodu bejn Mejju u Awissu 2005.

(48)

Ġie eżaminat b'attenzjoni jekk il-mewġa ta’ sħana ta’ l-2003 fl-Ewropa (id-dikjarazzjoni (i) hawn fuq) u l-għargħar li laqat lill-Ungerija fl-2005 (id-dikjarazzjoni (ii) hawn fuq) setgħux kellhom impatt fuq il-qagħda negattiva ta’ l-industrija tal-Komunità.

(49)

Instab li l-mewġa ta’ sħana ta’ l-2003 u l-għargħar ta’ l-2005 ma kellhom prattikament l-ebda impatt fuq il-kwantità maħsuda ta’ qamħ ħelu fuq livell globali, Komunitarju u industrijali. Tabilħaqq, id-data miksuba mill-produtturi tal-Komunità fil-qafas ta’ l-investigazzjoni turi ċifri stabbli ħafna għall-produzzjoni (f'tunnellati ta’ qamħ ħelu maħsud għal kull ettaru) matul il-perjodu kollu kkonċernat. Huwa mfakkar ukoll li l-Kummissjoni kienet sabet, kif deskritt fil-premessi (86) u (87) tar-Regolament proviżorju, li l-ispiża ta’ produzzjoni għal kull unità ta’ l-industrija tal-Komunità kienet għoliet sempliċiment b'5 % matul il-perjodu mill-2002 sal-PI, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezz ta’ l-azzar (billi l-bott huwa l-aktar element ta’ spiża importanti). Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, id-dikjarazzjonijiet (i) u (ii) imsemmija hawn fuq ma ġewx milqugħa.

(50)

Għalhekk jitqies li l-kundizzjonijiet tat-temp ma setgħux jaqtgħu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara li laqtet l-industrija tal-Komunità.

(51)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra fir-rigward tal-kawżalità, il-premessi (77) sa (99) tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(52)

Fin-nuqqas ta’ xi tagħrif ġdid u ssostanzjat fir-rigward ta’ l-interess tal-Komunità, il-premessi (100) sa (118) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

MIŻURI DEFINITTIVI

(53)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li: (i) l-Kummissjoni għandha tiċċara aktar il-mod kif ikkalkulat il-qligħ ta’ 14 % li jista’ jinkiseb fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kif imsemmi fil-premessa (121) tar-Regolament proviżorju; u (ii) l-qligħ ta’ 14 % imsemmi qabel kien għoli wisq. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ l-aħħar, kienet saret referenza għal proċeduri riċenti ta’ salvagwardja u antidumping marbuta ma’ prodotti agrikoli pproċessati bl-istess mod bħal frott taċ-ċitru ppreservat ( 7 ) u frawli ffriżat ( 8 ), fejn kienu użati marġini ta’ qligħ ta’ 6,8 % u 6,5 % rispettivament. F'dan il-kuntest, parti interessata oħra ddikjarat (iii) li l-qligħ ta’ 14 % kien baxx wisq, u għandu jiġi stabbilit għal 17 % biex jirrifletti l-qligħ miksub fl-2002 fuq il-bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut.

(54)

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet (i) u (iii) imsemmija hawn fuq, il-premessa (121) tar-Regolament proviżorju tispjega li l-qligħ ta’ 21,4 % miksub fl-2002 fuq il-bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-produttur kif ukoll tal-bejjiegħ bl-imnut kien ġie aġġustat għal 14 % biex jirrifletti d-differenza bejn il-firxa ta’ marki kummerċjali ta’ l-industrija tal-Komunità meta mqabbla ma’ dik ta’ l-importazzjonijiet mit-Tajlandja. Il-Kummissjoni tosserva li, kif hu indikat fil-premessa (66) tar-Regolament proviżorju, il-qligħ mill-bejgħ skond il-mezzi ta’ bejgħ ta’ prodotti bil-marka tal-bejjiegħ bl-imnut kien ta’ 17,0 % u 11,1 % fl-2002 u fl-2003 rispettivament, jiġifieri meta l-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ikun l-aktar baxx. Il-Kummissjoni tqis li hu raġonevoli li tittieħed il-medja ta’ dawn iż-żewġ rati ta’ qligħ, li tammonta għal 14 %.

(55)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni (ii) msemmija hawn fuq, huwa meqjus li l-qligħ fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għandu, kemm jista’ jkun, jirrifletti l-ispeċifitajiet attwali ta’ l-industrija tal-Komunità involuta. Fin-nuqqas ta’ dan it-tagħrif biss tista’ titqies ir-rilevanza tad-data minn industriji oħra li jappartjenu għall-istess settur wiesa'. Din l-istrateġija, li l-Kummissjoni tapplika b'mod konsistenti, ġiet milqugħa mill-Qorti ta’ Prim'Istanza fil-każ EFMA ( 9 ).

(56)

Id-dikjarazzjonijiet (i) (ii) u (iii) m'humiex għaldaqstant milqugħa u hija kkonfermata s-sejba li jista’ jinkiseb qligħ ta’ 14 % fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(57)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping, dannu, ikkawżar u interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazji antidumping definittivi għandhom jiġu imposti fil-livell ta’ marġini ta’ dumping misjub, imma mhux aktar għolja mill-marġini ta’ dannu ppreżentati fil-premessa (123) tar-Regolament proviżorju u kkonfermat fir-Regolament preżenti. Minħabba l-livell għoli ta’ koperazzjoni, id-dazju għall-kumpaniji li fadal, li ma kkoperawx fl-investigazzjoni, huwa stabbilit fil-livell ta’ l-ogħla dazju li għandu jiġi impost fuq il-kumpaniji li kkoperaw fl-investigazzjoni. Għaldaqstant, id-dazju residwu huwa stabbilit għar-rata ta’ 12,9 %.

(58)

Id-dazji definittivi għandhom għalhekk ikunu kif ġej:



Il-kumpanija

Marġini ta’ ħsara

Il-marġini ta' dumping

Dazju antidumping

Karn Corn

31,3 %

3,1 %

3,1 %

Malee Sampran

12,8 %

17,5 %

12,8 %

River Kwai

12,8 %

15,0 %

12,8 %

Sun Sweet

18,6 %

11,1 %

11,1 %

Esportaturi li kkoperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun

17,7 %

12,9 %

12,9 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

31,3 %

17,5 %

12,9 %

IMPENJI

(59)

Sussegwentement għall-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji għadd ta’ produtturi esportaturi li kkoperaw esprimew interess li joffru impenji fuq il-prezzijiet. Madankollu wara l-iżvelar definittiv (bl-eċċezzjoni taż-żewġ kumpaniji msemmija fil-premessa (60)), huma naqsu milli jippreżentaw offerti ta’ impenji fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku.

(60)

Produttur esportatur li kkopera naqas milli jippreżenta offerta ta’ impenn issostanzjata biżżejjed fl-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħet tilqa’ l-ebda impenn fuq il-prezz min-naħa ta’ dan l-esportatur. Madankollu, il-Kunsill, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni għall-operatur ekonomiku kkonċernat u għal produtturi esportaturi oħrajn li kkoperaw li jinsabu f'qagħda simili (l-industrija frammentata, il-produtturi esportaturi li jinsabu f'pajjiż li qed jiżviluppa u li spiss joperaw bħala kummerċjanti u produtturi esportaturi u dan iwassal biex il-formulazzjoni ta’ offerta ta’ impenn aċċettabbli ssir aktar kumplessa) kif ukoll tal-livell għoli ta’ koperazzjoni matul l-investigazzjoni jqis li dawn il-produtturi esportaturi għandhom jitħallew b'mod eċċezzjonali jispiċċaw l-offerti ta’ impenn tagħhom wara d-data ta’ skadenza msemmija hawn fuq, iżda fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi emenda għal dan ir-regolament kif meħtieġ.

(61)

Sussegwentement għall-iżvelar definittiv żewġ produtturi esportaturi li kkoperaw offrew impenji fuq il-prezzijiet raġonevoli flimkien ma’ limitu kwantitattiv massimu skond l-Artikoli 8(1) u 8(2) tar-Regolament bażiku. Huma offrew li jbiegħu l-prodott ikkonċernat fi ħdan limitu kwantitattiv massimu daqs jew ogħla mil-livelli ta’ prezzijiet li jeliminaw l-effetti ħżiena tad-dumping. L-importazzjonijiet li jaqbżu l-limitu kwantitattiv massimu se jkunu suġġetti għal dazji antidumping. Il-kumpaniji se jipprovdu wkoll lill-Kumissjoni tagħrif regolari u dettaljat dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità, li jfisser li l-impenji jistgħu jiġu ssorveljati b'mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ bejgħ ta’ dawn il-kumpaniji hija tali li l-Kummissjoni tqis li r-riskju li l-impenn miftiehem ma jiġix irrispettat huwa limitat.

(62)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2007/424/KE ( 10 ) aċċettat l-offerti ta’ impenji msemmija hawn fuq. Id-Deċiżjoni ssemmi f’aktar dettall ir-raġunijiet għaliex ġew aċċettati dawn l-impenji.

(63)

Biex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jissorveljaw b'mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji ma’ l-impenji, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tiġi ppreżentata lill-awtorità tad-dwana rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping tkun bil-kundizzjoni li (i) tiġi ppreżentata fattura ta’ l-impenn, li hija fattura kummerċjali b’ta’ l-inqas il-punti mniżżla u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness II; (ii) il-fatt li l-prodotti importati jiġu manifatturati, mibgħuta u mogħnija b'fattura direttament mill-kumpaniji msemmija lill-ewwel konsumatur indipendenti fil-Komunità; u (iii) il-fatt li l-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ impenn. Meta l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jintlaħqux, jiġi impost id-dazju antidumping xieraq fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

(64)

Kull meta l-Kummissjoni tirtira, skond l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, l-aċċettazzjoni tagħha ta’ l-impenji wara xi ksur billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi ta’ impenji rilevanti, jiġi impost dejn tad-dwana fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

(65)

L-importaturi għandhom ikunu konxji li d-dejn ta’ dwana jista’ jiġi impost, bħala riskju normali ta’ kummerċ, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa kif deskritta fil-premessi (60) u (61) anke jekk l-impenn mill-manifattur li qed jixtru mingħandu, direttament jew indirettament, ġie aċċettat mill-Kummissjoni.

(66)

Skond l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ xi ksur ta’ l-impenji.

(67)

Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq l-impenji offruti mill-produtturi esportaturi Tajlandiżi huma għalhekk meqjusa aċċettabbli mill-Kummissjoni u l-kumpaniji kkonċernati ġew infurmati bil-fatti, il-kunsiderazzjonijiet u l-obbligazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata l-aċċettazzjoni.

(68)

Fil-każ ta’ xi ksur jew irtirar ta’ l-impenji jew fil-każ ta’ l-irtirar ta’ aċċettazzjoni ta’ l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni, id-dazju antidumping li kien impost mill-Kunsill, skond l-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament permezz ta’ l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku.

ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVIŻORJU

(69)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġini tad-dumping misjub għall-produtturi esportaturi fit-Tajlandja u minħabba l-livell ta’ ħsara kkawżat lill-industrija tal-Komunità, jeħtieġ li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju proviżorju antidumping impost mir-Regolament proviżorju jinġabru b'mod definittiv sa l-ammont tad-dazji definittivi imposti.

(70)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta’ kumpanija individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Gћalhekk, dawn jirriflettu l-qagħda ta’ dawn il-kumpaniji li nstabet matul l-investigazzjoni. Dawn ir-rati ta’ dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklussivament għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(71)

Kull talba għall-applikazzjoni ta’ rati ta’ dazju antidumping ta’ dawn il-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ta’ produzzjoni jew bejgħ ġodda) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni flimkien mat-tagħrif kollu rilevanti, b'mod partikolari, kull modifika għall-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u bejgħ bl-esportazzjoni assoċjat per eżempju ma’ dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ. Jekk xieraq, ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat b'aġġornament tal-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn dazji individwali.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  Qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat permezz tal-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li huma ddikjarati fil-kodiċi NM ex200190 30 (Kodiċi TARIC 2001903010) u qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat mhux bil-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti bl-intestatura 2006, iddikjarati fil-kodiċi NM ex200580 00 (il-Kodiċi TARIC 2005800010), li joriġinaw mit-Tajlandja.

▼M1

2.  Ir-rata tad-dazju ta’ l-anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:



Kumpanija

Dazju ta’ l-anti-dumping (%)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

Karn Corn Co, Ltd., 68 Moo 7 Tambol Saentor,Thamaka, Kanchanaburi 71130, it-Tajlandja

3,1

A789

Kuiburi Fruit Canning Co., Ltd., 236 Krung Thon Muang Kaew Building, Sirindhorn Rd., Bangplad, Bangkok 10700, it-Tajlandja

14,3

A890

Malee Sampran Public Co., Ltd., Abico Bldg. 401/1 Phaholyothin Rd., Lumlookka, Pathumthani 12130, it-Tajlandja

12,8

A790

River Kwai International Food Industry Co., Ltd., 52 Thaniya Plaza, 21st. Floor, Silom Rd., Bangrak, Bangkok 10500, it-Tajlandja

12,8

A791

Sun Sweet Co., Ltd., 9 M. 1, Sanpatong,Chiangmai, it-Tajlandja 50120

11,1

A792

Il-produtturi elenkati fl-Anness I

12,9

A793

Il-kumpaniji l-oħra kollha

14,3

A999

▼M2 —————

▼B

►M2  3. ◄   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji tad-dwana li huma fis-seħħ.

▼M2 —————

▼B

Artikolu ►M2  2 ◄

Se jinġabru b'mod definittiv l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazji proviżorji antidumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1888/2006 fuq l-importazzjonijiet ta’ qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat permezz tal-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, li huma ddikjarati fil-kodiċi NM ex200190 30 (Kodiċi TARIC 2001903010) u qamħ ħelu (Zea mays var. saccharata) bil-qalba ppreparat jew ippreservat mhux bil-ħall jew aċtu aċetiku, mhux iffriżat, għajr prodotti bl-intestatura 2006, iddikjarati fil-kodiċi NM ex200580 00 (Il-Kodiċi TARIC 2005800010). L-ammonti żgurati li jaqbżu d-dazji definittivi kif stipulat fl-Artikolu 1(2) se jinħelsu.

Artikolu ►M2  3 ◄

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS I

Lista tal-manufatturi li jikkooperaw imsemmija fl-Artikolu 1(2) taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A793:



Isem

Indirizz

Agro-on (Thailand) Co., Ltd.

50/499-500 Moo 6, Baan Mai, Pakkret,Monthaburi 11120, Thailand

B.N.H. Canning Co., Ltd.

425/6-7 Sathorn Place Bldg., Klongtonsai,Klongsan, Bangkok 10600, Thailand

Boonsith Enterprise Co., Ltd.

7/4 M.2, Soi Chomthong 13, Chomthong Rd.,Chomthong, Bangkok 10150, Thailand

Erawan Food Public Company Limited

Panjathani Tower 16th floor, 127/21 Nonsee Rd.,Chongnonsee, Yannawa, Bangkok 10120, Thailand

Great Oriental Food Products Co., Ltd.

888/127 Panuch Village, Soi Thanaphol 2,Samsen-Nok, Huaykwang, Bangkok 10310, Thailand

Lampang Food Products Co., Ltd.

22K Building, Soi Sukhumvit 35, Klongton Nua,Wattana, Bangkok 10110, Thailand

O.V. International Import-Export Co., Ltd.

121/320 Soi Ekachai 66/6, Bangborn,Bangkok 10500, Thailand

Pan Inter Foods Co., Ltd.

400 Sunphavuth Rd., Bangna,Bangkok 10260, Thailand

Siam Food Products Public Co., Ltd.

3195/14 Rama IV Rd., Vibulthani Tower 1, 9th Fl.,Klong Toey, Bangkok, 10110, Thailand

Viriyah Food Processing Co., Ltd.

100/48 Vongvanij B Bldg, 18th Fl, Praram 9 Rd.,Huay Kwang, Bangkok 10310, Thailand

Vita Food Factory (1989) Ltd.

89 Arunammarin Rd., Banyikhan, Bangplad,Bangkok 10700, Thailand

▼M2 —————



( 1 ) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

( 2 ) ĠU C 75, 28.3.2006, p. 6.

( 3 ) ĠU L 364, 20.12.2006, p. 68.

( 4 ) Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994.

( 5 ) WT/DS184/AB/R, 23.8.2001, l-Istati Uniti – Il-Miżuri antidumping fuq Ċerti Prodotti ta’ l-Azzar Imremblin bis-Sħana mill-Ġappun.

( 6 ) Il-Każ T-58/99 Mukand u oħrajn v. il-Kunsill [2001] ECR II-2521.

( 7 ) Ir-Regolament (KE) Nru 658/2004 (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67) (ara l-premessa (115)).

( 8 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1551/2006 (ĠU L 287, 18.10.2006, p. 3) (ara l-premessa (144)).

( 9 ) Il-Każ T-210/95 EFMA v Il-Kunsill, [1999] ECR II-3291 (paragrafu 54 et seq.).

( 10 ) Ara paġna 41 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.