17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 407/27


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2007

tas-16 ta’ Novembru 2021

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 17(2), 32(2), 37a(2) u 37b(4) tiegħu,

Billi:

(1)

It-Titolu XII, il-Kapitolu 1, tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2), li jipprevedi skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, ġie emendat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3).

(2)

Id-Direttiva (UE) 2020/285 emendat ukoll ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 li jistabbilixxi regoli għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). L-Artikolu 17(1), il-punt (g), l-Artikolu 21(2b), l-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 37a u 37b ta’ dak ir-Regolament jikkonċernaw speċifikament il-ħażna, it-tiftix awtomatizzat u t-trażmissjoni tal-informazzjoni relatata ma’ dik l-iskema speċjali. Il-miżuri meħtieġa għall-konformità ma’ dawk l-emendi għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-tiftix awtomatizzat, huwa meħtieġ li jiġu definiti speċifikazzjonijiet u dettalji prattiki rigward l-aċċess li Stat Membru għandu jagħti lill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-informazzjoni, bħad-dettalji tal-identifikazzjoni u l-valur tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-iskema speċjali kif applikata mill-Istat Membru fejn tkun saret il-provvista.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li jsir skambju b’mod uniformi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 37a(1) u l-Artikolu 37b(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, il-Kummissjoni għandha tadotta arranġamenti prattiċi għal tali skambju, inkluż messaġġ elettroniku komuni. Dan ikun jista’ jippermetti wkoll l-iżvilupp uniformi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u funzjonali, għaliex ikunu qed isegwu qafas regolat.

(5)

B’mod partikolari, dawn l-arranġamenti prattiċi jenħtieġ li jiżguraw trażmissjoni effettiva u pproċessar b’mod effettiv tal-informazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni ta’ impriżi żgħar, li hija meħtieġa għalihom biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-iskema speċjali lil hinn mill-Istat Membru ta’ stabbiliment, billi l-Istati Membri jkun jeħtiġilhom jimmodifikaw l-interfaċċi elettroniċi tagħhom li attwalment huma mfassla sabiex l-iskema tippermetti li tiġi konċessa eżenzjoni biss lill-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru fejn tkun dovuta l-VAT, b’tali mod li l-informazzjoni tkun tista’ tiġi skambjata b’mod uniformi.

(6)

Jenħtieġ ukoll li jsir skambju b’mod uniformi tal-informazzjoni b’rabta ma’ bidliet fid-dettalji tal-identifikazzjoni, bħall-esklużjoni mill-iskema speċjali, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali fit-territorju tagħhom u jiġġieldu l-frodi. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu previsti arranġamenti komuni għall-iskambju elettroniku ta’ tali informazzjoni.

(7)

Sabiex il-piż amministrattiv fuq il-persuni taxxabbli jkun kemm jista’ jkun mill-inqas, filwaqt li tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti minimi għall-interfaċċa elettronika f’każ ta’ sottomissjoni ta’ notifiki mill-persuni taxxabbli. Jenħtieġ madankollu li l-Istati Membri ma jkunux prevenuti milli jipprovdu funzjonalitajiet addizzjonali li jkomplu jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

(8)

Jenħtieġ li jiġu ddeterminati wkoll l-arranġamenti prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-għoti tad-dettalji dwar il-miżuri approvati minn kull Stat Membru fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 167a, it-Titolu XI, il-Kapitolu 3, u t-Titolu XII, il-Kapitolu 1, tad-Direttiva 2006/112/KE.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn dakinhar li japplikaw l-Artikolu 17(1), il-punt (g), l-Artikolu 21(2b), l-Artikolu 32(1) u l-Artikoli 37a u 37b tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“skema speċjali” tfisser l-iskema speċjali ta’ eżenzjonijiet għall-impriżi ż-żgħar prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, tad-Direttiva 2006/112/KE;

(2)

“Stat Membru ta’ eżenzjoni” tfisser l-Istat Membru li jikkonċedi l-eżenzjoni mill-VAT għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi li jsiru fit-territorju tiegħu minn persuni taxxabbli eliġibbli għall-eżenzjoni skont l-iskema speċjali;

(3)

“Stat Membru ta’ stabbiliment” tfisser l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-iskema speċjali.

Artikolu 2

Funzjonalitajiet tal-interfaċċi elettroniċi

L-interfaċċa elettronika fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, li biha persuna taxxabbli jaf ikollha l-obbligu li, skont l-Artikolu 284c(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, tippreżenta notifika minn qabel, kwalunkwe aġġornament ta’ dik in-notifika u tirrapporta l-valur tal-provvisti għall-użu tal-iskema speċjali fi Stat Membru ieħor, għandha toffri l-faċilità li tiġi ssejvjata l-informazzjoni u kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni, li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 284(3) u (4) u l-Artikoli 284a u 284b tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 3

Skambju awtomatizzat ta’ informazzjoni

Skont l-Artikolu 21(2b) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, l-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jagħti lill-awtorità kompetenti ta’ Stati Membri oħra aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni segwenti miġbura u maħżuna f’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (g), ta’ dak ir-Regolament, permezz tan-network CCN/CSI jew permezz ta’ network jew sistema sigura ekwivalenti:

(a)

in-numru individwali li bih persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-eżenzjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawk l-Istati Membri l-oħra hija identifikata skont l-Artikolu 284(3) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

l-isem, l-attività u s-settur tan-negozju jekk rilevanti skont l-Artikolu 284(1), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-forma ġuridika u l-indirizz ta’ dik il-persuna taxxabbli;

(c)

fl-eventwalità ta’ bidla fil-post ta’ stabbiliment, id-data minn meta tali bidla tidħol fis-seħħ u, jekk disponibbli, l-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli tkun iddeċidiet li tistabbilixxi ruħha;

(d)

l-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli jkun beħsiebha tagħmel użu mill-eżenzjoni fir-rigward tan-notifika minn qabel jew l-aġġornament ta’ notifika minn qabel, kif imsemmija fl-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(e)

l-Istat Membri li fih il-persuna taxxabbli tagħmel użu mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 284(2) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(f)

id-data tal-bidu tal-eżenzjoni f’kull wieħed mill-Istati Membri li fih il-persuna taxxabbli tagħmel użu mill-eżenzjoni;

(g)

il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija u/jew servizzi mwettqa fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-persuna taxxabbli u f’kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra, speċifikat skont is-settur tan-negozju jekk rilevanti skont l-Artikolu 284c(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2006/112/KE, matul is-sena kalendarja tan-notifika u matul is-snin kalendarji ta’ qabel in-notifika, skont l-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(h)

il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija u/jew servizzi, inkluża kwalunkwe emenda tiegħu, imwettqa skont kull trimestru kalendarju fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-persuna taxxabbli u f’kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra, speċifikat skont is-settur tan-negozju jekk rilevanti skont l-Artikolu 284c(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2006/112/KE, jew “0” jekk ma tkun saret l-ebda provvista;

(i)

id-data li fiha l-fatturat annwali fl-Unjoni jkun qabeż l-ammont imsemmi fl-Artikolu 284(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE u l-valur totali tal-provvisti mwettqa fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-persuna taxxabbli u f’kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra, speċifikat skont is-settur tan-negozju jekk rilevanti skont l-Artikolu 284c(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2006/112/KE, jew “0” jekk ma tkun saret l-ebda provvista, mill-bidu tat-trimestru kalendarju sad-data li fiha kien inqabeż il-limitu tal-fatturat annwali fl-Unjoni;

(j)

id-data li fiha l-persuna taxxabbli ma tkunx aktar eliġibbli li tapplika l-eżenzjoni u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fih/fihom il-waqfien isir effettiv, wara notifika mill-Istati Membri ta’ eżenzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 284e, il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE;

(k)

id-data li fiha ssir effettiva d-deċiżjoni tal-persuna taxxabbli li volontarjament tieqaf tapplika l-iskema ta’ eżenzjoni u l-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn il-waqfien isir effettiv;

(l)

id-data li fiha l-attivitajiet tal-persuna taxxabbli jkunu waqfu u l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 4

Trażmissjoni ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu d-dettalji elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u l-aġġornamenti tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 167a, it-Titolu XI, il-Kapitolu 3, u t-Titolu XII, il-Kapitolu 1, tad-Direttiva 2006/112/KE, f’konformità mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata permezz tal-portal web stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jittrażmetti l-informazzjoni li ġejja permezz tan-network CCN/CSI, jew permezz ta’ network jew sistema sigura ekwivalenti, bħala messaġġ elettroniku komuni stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżenzjoni, fi żmien 15-il jum tax-xogħol mid-data li fiha l-informazzjoni ssir disponibbli, skont l-Artikolu 37a(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010:

(a)

fir-rigward tan-notifika minn qabel jew l-aġġornament ta’ notifika minn qabel, kif imsemmija fl-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex l-Istat Membru kkonċernat jiġi infurmat b’persuna taxxabbli li tkun qed tfittex l-eżenzjoni:

(i)

in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jew jekk ma jkunx għadu disponibbli;

(ii)

kwalunkwe numru ieħor għall-fini tal-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli;

(b)

fir-rigward tan-notifika minn qabel jew l-aġġornament ta’ notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE, wara li jinforma lill-persuna taxxabbli bin-numru ta’ identifikazzjoni individwali tagħha jew wara li jikkonferma n-numru lill-persuna taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 284(5) tad-Direttiva 2006/112/KE:

(i)

in-numru ta’ identifikazzjoni individwali assenjat lil dik il-persuna taxxabbli msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, u

(ii)

id-data tal-bidu tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 21(2b), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-persuna taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat;

(c)

fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna taxxabbli b’fatturat annwali fl-Unjoni li jkun qabeż l-ammont imsemmi fl-Artikolu 284(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE:

(i)

in-numru ta’ identifikazzjoni individwali ta’ dik il-persuna taxxabbli msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, u

(ii)

id-data li fiha l-fatturat annwali fl-Unjoni ta’ dik il-persuna taxxabbli jkun qabeż l-ammont imsemmi fl-Artikolu 284(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)

fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun naqset milli tikkonforma mal-obbligi ta’ rappurtar stipulati fl-Artikolu 284b tad-Direttiva 2006/112/KE:

(i)

in-numru ta’ identifikazzjoni individwali ta’ dik il-persuna taxxabbli msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, u

(ii)

il-fatt tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi.

3.   L-Istat Membru ta’ eżenzjoni għandu jittrażmetti l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment permezz tan-network CCN/CSI, jew permezz ta’ network jew sistema sigura ekwivalenti, bħala messaġġ elettroniku komuni stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 37b(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010:

(a)

fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a):

(i)

in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jew jekk ma jkunx għadu disponibbli, kwalunkwe numru ieħor riċevut mill-Istat Membru ta’ stabbiliment għall-fini tal-identifikazzjoni;

(ii)

informazzjoni dwar jekk inqabiżx jew le l-limitu tal-fatturat annwali applikabbli fis-sena kurrenti f’dak l-Istat Membru għall-eżenzjoni, imsemmi fl-Artikolu 284(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE;

(iii)

informazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE humiex issodisfati;

(iv)

kwalunkwe talba għal kjarifika addizzjonali meħtieġa fid-dawl tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt il-punti (ii) u (iii);

(b)

mingħajr dewmien, in-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli, imsemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, u d-data li fiha ma baqgħetx eliġibbli għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(c)

mingħajr dewmien, id-data li fiha l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar waqfet tapplika f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).


ANNESS I

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

1.   Skema speċjali għall-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet

L-Artikolu 167a tad-Direttiva 2006/112/KE — skema fakultattiva għall-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet

Mistoqsija 1. Huwa possibbli li fl-Istat Membru tiegħek isir użu mill-iskema speċjali għall-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet?

Mistoqsija 2. Jekk iva, liema huwa l-limitu fis-seħħ? Jekk jogħġbok indikah f’EUR u fil-munita nazzjonali tiegħek.

2.   Skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar

It-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 1, tad-Direttiva 2006/112/KE

L-Artikolu 281 – Proċeduri simplifikati għall-impożizzjoni u l-ġbir

Mistoqsija 3. Tapplika proċeduri simplifikati, bħall-iskemi b’rata fissa, għall-impożizzjoni u l-ġbir tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar?

Mistoqsija 4a. Jekk iva, liema proċeduri simplifikati tapplika għall-impriżi ż-żgħar?

Mistoqsija 4b. Taħt liema kundizzjonijiet jew limiti tapplika proċeduri simplifikati bħal dawn?

It-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, tad-Direttiva 2006/112/KE

L-Artikoli 282-290 tad-Direttiva 2006/112/KE— Eżenzjonijiet

Mistoqsija 5. Tapplika l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar kif stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, tad-Direttiva 2006/112/KE?

Mistoqsija 6a. Jekk iva, minn liema data?

Mistoqsija 6b. Jekk le, iżda applikajtha fil-passat, sa liema data?

L-Artikolu 283(2) tad-Direttiva 2006/112/KE – Esklużjonijiet

Mistoqsija 7. Liema tranżazzjonijiet huma esklużi mill-eżenzjoni skont l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar kif applikata mill-Istat Membru tiegħek?

L-Artikolu 284(1) tad-Direttiva 2006/112/KE – Limitu

Mistoqsija 8. Liema huwa/huma l-livell(i) tal-limitu/i tal-fatturat annwali fis-seħħ biex tibbenefika mill-eżenzjoni (limitu/i tal-eżenzjoni) fl-Istat Membru tiegħek? Jekk jogħġbok indikah f’EUR u fil-munita nazzjonali tiegħek.

Mistoqsija 9. Il-livell(i) attwali tal-limitu/i tal-eżenzjoni, minn liema data ilu/ilhom fis-seħħ?

Mistoqsija 10. Jekk tapplika aktar minn limitu wieħed, jekk jogħġbok indika l-kriterji għall-ikkwalifikar għall-kategoriji rispettivi ta’ provvisti li għalihom japplikaw il-limiti differenti u indika d-data minn meta dawk il-kriterji japplikaw

L-Artikolu 284(3) tad-Direttiva 2006/112/KE — Numru ta’ identifikazzjoni individwali

Mistoqsija 11. Għall-fini tal-identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 284(3), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE, tuża n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali diġà allokat lill-persuna taxxabbli fir-rigward tal-obbligi ta’ dik il-persuna skont is-sistema interna jew tapplika l-istruttura ta’ numru tal-VAT jew ta’ kwalunkwe numru ieħor?

L-Artikolu 284c(1) tad-Direttiva 2006/112/KE — Munita

Mistoqsija 12. Għall-finijiet tal-Artikolu 284c(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE, tesiġi li l-valuri jiġu espressi fil-munita nazzjonali tiegħek?

L-Artikolu 284c(2) tad-Direttiva 2006/112/KE — Sottomissjoni tal-informazzjoni

Mistoqsija 13. Tesiġi li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 284(3) u (4) u fl-Artikolu 284b(1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi sottomessa mill-persuna taxxabbli permezz ta’ mezzi elettroniċi?

Mistoqsija 14. Jekk iva, soġġetta għal liema kundizzjonijiet?

L-Artikolu 284d(3) tad-Direttiva 2006/112/KE — Nuqqas ta’ konformità

Mistoqsija 15. Fil-każijiet li fihom persuna taxxabbli tonqos milli tikkonforma mal-obbligi previsti fl-Artikolu 284b tad-Direttiva 2006/112/KE, tesiġi li tali persuna taxxabbli tissodisfa l-obbligi tal-VAT fir-rigward tat-tranżazzjonijiet eżenti mwettqa fl-Istat Membru tiegħek?

Mistoqsija 16. Jekk iva, liema obbligi?

L-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE — Perjodu tranżitorju

Mistoqsija 17. Fl-Istat Membru tiegħek, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tieqaf tapplika minn meta jinqabeż il-limitu stipulat f’konformità ma’ dak il-paragrafu, skont l-Artikolu 288a(1), ir-raba’ subparagrafu?

Mistoqsija 18. Jekk dan mhuwiex il-każ u inti tippermetti lill-persuna taxxabbli tkompli tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284(1) tad-Direttiva 2006/112/KE matul is-sena kalendarja meta jinqabeż il-limitu, tapplika limitu massimu?

Mistoqsija 19. Jekk iva, tapplika limitu massimu ta’ 10 % jew 25 %?

Mistoqsija 20. Għal kemm snin il-persuna taxxabbli tiġi eskluża mill-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar wara li tkun qabżet il-limitu tal-eżenzjoni?

L-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE — Opzjoni għall-persuni taxxabbli li huma intitolati għal eżenzjoni

Mistoqsija 21. Għandek xi kundizzjonijiet jew regoli dettaljati fis-seħħ għall-applikazzjoni tal-opzjoni prevista fl-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE?

Mistoqsija 22. Jekk iva, liema regoli u kundizzjonijiet tapplika?

It-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2a, tad-Direttiva 2006/112/KE

L-Artikoli 292a-292d tad-Direttiva 2006/112/KE – Simplifikazzjoni tal-obbligi għall-impriżi ż-żgħar eżenti

Mistoqsija 23. Lill-impriżi ż-żgħar stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru tiegħek, li jagħmlu użu mill-eżenzjoni fl-Istat Membru tiegħek, tneħħilhom kwalunkwe obbligu?

Mistoqsija 24. Jekk iva, liema obbligi?

Mistoqsija 25. Lill-impriżi ż-żgħar eżenti tneħħilhom kwalunkwe obbligu minn dawk imsemmija fl-Artikoli 217 sa 271 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont l-Artikolu 292d tad-Direttiva 2006/112/KE?

Mistoqsija 26. Jekk iva, liema obbligi?


ANNESS II

Informazzjoni li għandha tiġi trażmessa mill-Istat Membru ta’ stabbiliment lill-Istat(i) Membru/i li jikkonċedi/u l-eżenzjoni skont l-Artikolu 37a(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

li għandha tiġi trażmessa permezz ta’ mezzi elettroniċi fi żmien 15-il jum tax-xogħol mid-data li fiha l-informazzjoni ssir disponibbli

1.

Fir-rigward tan-notifika minn qabel jew l-aġġornament ta’ notifika minn qabel kif imsemmija fl-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE:

a.

Sabiex l-Istat Membru kkonċernat jiġi infurmat bl-intenzjoni tal-persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-eżenzjoni f’dak l-Istat Membru:

i.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jew jekk ma jkunx għadu disponibbli, kwalunkwe numru ieħor għall-fini tal-identifikazzjoni.

 

 

b.

Wara li jkun irċieva konferma mill-Istat Membru ta’ eżenzjoni li l-persuni taxxabbli huma eliġibbli għall-eżenzjoni u wara li jkun innotifika lill-persuni taxxabbli:

i.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli li tagħmel użu mill-eżenzjoni, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

 

 

ii.

L-Istati Membri li fihom il-persuna taxxabbli tagħmel użu mill-eżenzjoni b’indikazzjoni tad-data tal-bidu tal-eżenzjoni f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati:

 

Ripetibbli

ii.1.

L-Istat Membru

 

 

ii.2.

Id-data tal-bidu tal-eżenzjoni

 

 

2.

Fir-rigward tal-persuni taxxabbli b’fatturat annwali fl-Unjoni li jaqbeż EUR 100 000 kif imsemmi fl-Artikolu 284(2), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE:

a.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli kkonċernata, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

 

b.

Id-data li fiha l-fatturat annwali fl-Unjoni tal-persuna taxxabbli jkun qabeż EUR 100 000

 

3.

Fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi ta’ rappurtar stipulati fl-Artikolu 284b tad-Direttiva 2006/112/KE:

a.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli kkonċernata, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

 

b.

Il-fatt tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ rappurtar.

 


ANNESS III

Informazzjoni li għandha tiġi trażmessa mill-Istat(i) Membru/i li jikkonċedi/u l-eżenzjoni lill-Istat Membru ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 37b(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

li għandha tiġi trażmessa permezz ta’ mezzi elettroniċi fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara li tiġi riċevuta l-informazzjoni msemmija fil-punt 1(a) tal-Anness II

1.

Fir-rigward tan-notifika minn qabel jew aġġornament ta’ notifika minn qabel, kif imsemmija fl-Artikolu 284(3) jew (4) tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex l-Istat Membru ta’ stabbiliment jiġi infurmat bl-eliġibbiltà ta’ persuna taxxabbli għall-eżenzjoni f’dak l-Istat Membru:

a.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jew jekk ma jkunx għadu disponibbli, kwalunkwe numru ieħor riċevut mill-Istat Membru ta’ stabbiliment għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ dik il-persuna taxxabbli.

 

b.

Jekk inqabiżx jew le l-limitu tal-fatturat annwali msemmi fl-Artikolu 284(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/112/KE matul is-sena kalendarja kurrenti

 

c.

Jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE humiex issodisfati

 

d.

Talba għal kjarifika addizzjonali meħtieġa fid-dawl tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt il-punti (b) u (c).

Informazzjoni fakultattiva

li għandha tiġi trażmessa permezz ta’ mezzi elettroniċi mingħajr dewmien

2.

Fir-rigward tal-persuni taxxabbli li ma baqgħux eliġibbli għall-eżenzjoni:

a.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli, maħruġ mill-Istat Membru ta’ stabbiliment u msemmi fl-Artikolu 21(2b), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

 

b.

Id-data li fiha l-persuna taxxabbli ma baqgħetx eliġibbli għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 288a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE

 

3.

Fir-rigward tal-waqfien tal-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar fl-Istat Membru li jikkonċedi l-eżenzjoni, imsemmi fl-Artikolu 284e(b) tad-Direttiva 2006/112/KE:

a.

Id-data li fiha l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar waqfet tapplika f’dak l-Istat Membru