Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 3.Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0210 - 0224
3. PROTOKOLL DWAR L-ISTATUT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, BIX-XEWQA li jistabbilixxu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea previst fl-Artikolu III-381 tal-Kostituzzjoni, FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika: Artikolu 1 Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea hija kostitwita u teżerċita l-funzjonijiet tagħha skond il-Kostituzzjoni, t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (Trattat tal-KEEA u dan l-Istatut. TITOLU I L-ISTATUT TA' L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI Artikolu 2 Qabel ma jassumi l-kariga, kull Imħallef għandu, f'seduta pubblika tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaħlef li jwettaq id-dmirijiet tiegħu b'imparzjalità u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti. Artikolu 3 L-Imħallfin igawdu l-immunità minn proċedimenti legali kontrihom. Wara li jkunu spiċċaw mill-kariga, jibqgħu jgawdu l-immunità rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f'seduta plenarja, tista' tneħħi din l-immunità. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, l-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tkun ikkonsultat lill-qorti kkonċernata. Meta l-immunità tkun tneħħiet u jittieħdu proċeduri kriminali kontra mħallef, dan jista' jkun ġustizzjat biss minn qorti kompetenti biex tiġġudika l-membri ta' l-ogħla ġudikatura nazzjonali, f'xi wieħed mill-Istati Membri. L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali, għar-Reġistraturi u għall-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-immunità ta' l-Imħallfin minn proċedimenti legali li huma previsti fl-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi ta' dan l-Artikolu. Artikolu 4 L-Imħallfin ma jista' jkollhom l-ebda kariga politika jew amministrattiva. Ma jistgħu jeżerċitaw ebda attività professjonali, bi ħlas jew mingħajr, ħlief bl-eżenzjoni eċċezzjonali mogħtija b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Meta jassumu d-doveri tagħhom, dawn għandhom jintrabtu solennement li kemm matul il-perjodu tal-kariga tagħhom, kif ukoll wara li din tkun intemmet, jirrispettaw l-obbligi marbuta magħha, b'mod partikolari d-doveri ta' l-integrità u d-diskrezzjoni fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni, wara li jkunu temmew il-kariga, ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji. F'każ ta' dubju dwar dan tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk id-deċiżjoni tikkonċerna membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, l-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tkun ikkonsultat il-qorti kkonċernata. Artikolu 5 Apparti s-sostituzzjoni normali, jew il-mewt, id-dmirijiet ta' Mħallef jintemmu individwalment meta dan jirriżenja. Meta Mħallef jirriżenja, l-ittra tar-riżenja għandha tiġi ndirizzata lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tintbagħat lill-President tal-Kunsill. Din in-notifika ġġib magħha li titbattal sedja. Ħlief fejn ikun japplika l-Artikolu 6, l-Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu. Artikolu 6 Imħallef jista' jiġi mneħħi mill-kariga tiegħu jew miċħud mid-dritt tiegħu għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f'każ biss li, fuq opinjoni unanima ta' l-Imħallfin u ta' l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunx iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfax iktar l-obbligi tal-kariga tiegħu. L-Imħallef ikkonċernat ma jieħux parti f'deliberazzjoni bħal din. Jekk il-persuna kkonċernata tkun membru tal-Qorti Ġenerali jew ta' qorti speċjalizzata, l-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tkun ikkonsultat lill-qorti kkonċernata. Ir-Reġistratur għandu jikkomunika din id-deċiżjoni tal-Qorti lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni u għandu jgħarraf biha wkoll lill-President tal-Kunsill. F'każ ta' deċiżjoni li jitneħħa Mħallef mill-kariga, n-notifika ġġib magħha li titbattal sedja. Artikolu 7 Imħallef li l-funzjoni tiegħu tintemm qabel l-iskadenza tal-mandat tiegħu jiġi sostitwit għall-bqija taż-żmien tal-mandat. Artikolu 8 Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 sa 7 għandhom japplikaw għall-Avukati Ġenerali. TITOLU II ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA Artikolu 9 Meta ssir is-sostituzzjoni parzjali ta' l-Imħallfin, li sseħħ kull tlett snin, jiġu sostitwiti, alternattivament, tlettax u tnax-il Imħallef. Fis-sostituzzjoni parzjali ta' l-Avukati Ġenerali, li sseħħ kull tliet snin, imiss erba' Avukati Ġenerali kull darba. Artikolu 10 Ir-Reġistratur jieħu ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jaqdi dmirijietu b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet. Artikolu 11 Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi għas-sostituzzjoni tar-Reġistratur f'każ li dan ma jkunx jista' jattendi. Artikolu 12 Uffiċjali u impjegati oħra għandhom jiġu addetti mal-Qorti tal-Ġustizzja biex din tkun tista' tiffunzjona. Huma għandhom ikunu responsabbli lejn ir-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President. Artikolu 13 Liġi Ewropea tista' tipprovdi għall-ħatra ta' Assistenti Relaturi, u tistabbilixxi r-regoli dwar is-servizz tagħhom. Din għandha tiġi adottata fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Assistenti Relaturi jistgħu jiġu msejjħa, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, biex jipparteċipaw fl-istruzzjoni tal-kawzi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u biex jikkoperaw ma' l-Imħallef Relatur. L-Assistenti Relaturi għandhom jintgħażlu minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom u li jippossjedu l-kwalifiki legali meħtieġa; huma għandhom jinħatru b'deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi. Huma jieħdu ġurament quddiem il-Qorti li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza, u li jħarsu s-segretezza tad-deliberazzjonijiet. Artikolu 14 L-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur għandhom joqogħdu fil-lokalità fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha s-sede. Artikolu 15 Il-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa' b'mod permanenti. It-tul tal-ferjat jiġi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja billi tqis il-ħtiġiet tax-xogħol tagħha. Artikolu 16 Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistitwixxi fi ħdanha awli komposti minn tliet u ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta' l-awli. Il-Presidenti ta' l-awli b'ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss. L-Awla Manja tikkonsisti minn tlettax-il Imħallef. Din tkun presjeduta mill-President tal-Qorti. Il-Presidenti ta' l-awli ta' ħames Imħallfin kif ukoll Imħallfin oħra maħtura skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura jagħmlu wkoll parti mill-Awla Manja. Il-Qorti tiltaqa' f'Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni ta' l-Unjoni, li jkunu parti fil-kawża, hekk jitolbu. Il-Qorti tiltaqa' bħala Qorti plenarja meta jinġiebu quddiemha rikorsi skond l-Artikolu III-335(2), it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-347, l-Artikolu III-349 jew l-Artikolu III-385(6) tal-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, meta jidhrilha li każ pendenti quddiemha jkun ta' importanza eċċezzjonali, l-Qorti tista' tiddeċiedi, wara li tisma' lill-Avukat Ġenerali, li tirreferi l-kawża lill-Qorti plenarja. Artikolu 17 Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi validament biss meta tkun komposta bil-fard. Id-deċiżjonijiet ta' l-awli komposti minn tlieta jew minn ħames Imħallfin ikunu validi biss jekk mogħtija minn tliet Imħallfin. Id-deċiżjonijiet ta' l-Awla Manja jkunu validi biss jekk l-Imħallfin sedenti jkunu disgħa. Id-deċizjonijiet tal-Qorti plenarja jkunu validi biss jekk ikun hemm ħmistax-il Imħallef sedenti. Fil-każ ta' impediment ta' wieħed mill-Imħallfin ta' awla, Imħallef ta' awla oħra jista' jissejjaħ biex jieħu s-sedja skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Artikolu 18 Ebda Mħallef jew Avukat Ġenerali ma jista' jieħu sehem fit-trattazzjoni ta' kawża li jista' jkun ħa parti fiha qabel bħala aġent jew konsulent jew ikun aġixxa għal waħda mill-partijiet, jew li jkun ġie msejjaħ biex jippronunzja ruħu bħala membru tal-qorti jew ta' tribunal, ta' Kummissjoni ta' inkjesta jew f'kapaċità oħra. Jekk, għal xi raġuni speċjali, xi mħallef jew Avukat Ġenerali jikkunsidra li m'għandux jieħu sehem fis-sentenza jew fl-eżami ta' xi kawża partikolari, hu għandu jinforma lill-President. Jekk il-President jikkunsidra li xi Mħallef jew Avukat Ġenerali għal xi raġuni speċjali m'għandux jisma' jew jagħti sentenza f'kawża partikolari, huwa għandu jgħarrfu b'dan. F'każ ta diffikultà fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, din għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Parti ma tistax titlob il-bidla fil-komposizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ta' waħda mill-awli tagħha għar-raġuni la taċ-ċittadinanza ta' Imħallef u lanqas ta' l-assenza mill-Qorti jew mill-awla ta' Mħallef taċ-ċittadinanza ta' dik il-parti. TITOLU III PROĊEDURA QUDDIEM IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA Artikolu 19 L-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ. L-aġent jista' jkun assistit minn konsulent jew minn avukat. L-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-Assoċazzjoni Ewropea għall-Kummerċ ħieles (EFTA) prevista f'dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod. Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat. Avukat jista' jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti biss jekk ikun awtorizzat biex jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Meta jidhru quddiem il-Qorti dawn l-aġenti, l-konsulenti u l-avukati, għandhom igawdu d-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Fir-rigward ta' dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, l-Qorti għandu jkollha s-setgħat li ġeneralment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Għalliema ta' l-Università li jkunu ċittadini ta' l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta' udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati. Artikolu 20 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonsisti f'żewġ partijiet: dik miktuba u dik orali. Il-proċedura miktuba tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-aġenziji ta' l-Unjoni li l-azzjonijiet tagħhom ikunu qed jiġu mistħarrġa, ta' rikorsi, dikjarazzjonijiet dwar il-każ, difiżi u osservazzjonijiet, u ta' repliki, jekk ikun hemm, kif ukoll ta' skritturi u dokumenti miġjuba biex isaħħu l-każ jew ta' kopji awtentikati tagħhom. Il-komunikazzjonijiet għandhom isiru mir-Reġistratur fl-ordni u fit-termini stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Il-proċedura orali għandha tikkonsisti fil-qari tar-rapport ippreżentat minn Imħallef li jkun jaġixxi bħala Relatur, fis-smigħ mill-Qorti ta' aġenti, konsulenti u avukati u fis-sottomissjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, kif ukoll fis-smigħ, jekk ikun hemm, ta' xhieda u esperti. Meta l-Qorti tqis li l-kawża ma tqajjimx xi punt ġdid ta' dritt, hija tista' tiddeċiedi, wara li tisma' l-Avukat Ġenerali, illi l-kawża tista' tinqata' mingħajr sottomissjoni mill-Avukat Ġenerali. Artikolu 21 Każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' rikors bil-miktub li jintbagħat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz permanenti tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, l-isem tal-parti jew tal-partijiet li kontrihom ikun qed isir ir-rikors, l-materja tal-kwistjoni, l-konklużjonjiet u dikjarazzoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Ir-rikors għandu jkun akkompanjat, meta jkun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew, fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu III-367 tal-Kostituzzjoni, minn xhieda dokumentata li tiċċertifika d-data meta istituzzjoni tkun ġiet mitluba taġixxi, skond dak l-Artikolu. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew sottomessi mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lill-parti interessata biex tipproduċihom fi żmien raġonevoli, iżda bla ma tkun tista tiġi eċċepita l-iskadenza tat-terminu meta d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors. Artikolu 22 Il-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KEEA għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' rikors li jintbagħat lir-Reġistratur. L-appell għandu jkun fih l-isem u l-indirizz permanenti tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, referenza għad-deċiżjoni li kontriha jkun qed jitressaq l-appell, l-ismijiet tal-partijiet li kontrihom ikun qed isir l-appell, l-oġġett tal-kawża, s-sottomissjonijiet u dikjarazzjoni fil-qosor tal-motivi ta' l-appell. Mar-rikors għandu jkun hemm kopja awtentikata tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ li tkun qed tiġi kontestata. Jekk il-Qorti tiċħad ir-rikors, is-sentenza tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ tkun definittiva. Jekk il-Qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' l-Arbitraġġ, il-proċedura tista' terġa' tinfetaħ, jekk ikun il-każ, fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-partijiet fil-kawża, quddiem il-Kumitat ta' l-Arbitraġġ. Dan għandu jikkonforma mad-deċiżjonijiet dwar punti ta' dritt mogħtija mill-Qorti. Artikolu 23 Fil-każijiet regolati mill-Artikolu III-369 tal-Kostituzzjoni, d-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal nazzjonali li tissospendi l-proċedimenti u tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi notifikata lill-Qorti mill-qorti jew mit-tribunal ikkonċernat. Id-deċiżjoni għandha mbagħad tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija li jkunu adottaw l-att, li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun qed tiġi kontestata. Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, l-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummisjoni u, meta jkun il-każ, l-istituzzjoni, l-korp jew l-aġenzija li jkunu adottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun qed tiġi kontestata għandhom id-dritt li jissottomettu memoranda dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti. Minbarra dan, id-deċiżjoni tal-qorti jew tat-tribunal nazzjonali għandha tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti, lill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-Ftehim, li fi żmien xahrejn min-notifika, jistgħu jissottomettu dikjarazzjonijiet dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti, meta jikkonċerna wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim. Dan il-paragrafu ma japplikax għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' l-applikazzjoni tat-Trattat tal-KEEA. Meta xi ftehim li għandu x'jaqsam ma' materja speċifika, konkluż mill-Kunsill u pajjiż terz wieħed jew iktar, jipprovdi li dawk il-pajjiżi jkollhom id-dritt li jissottomettu memoranda dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub, meta qorti jew tribunal ta' Stat Membru jagħmel rikors quddiem il-Qorti għal deċiżjoni preliminari dwar xi kwistjoni li taqa' fil-qasam ta' applikazzjoni tal-ftehim, id-deċizjoni tal-qorti jew tat-tribunal nazzjonali li tinkludi dik il-kwistjoni għandha wkoll tiġi notifikata lill-pajjiż terz konċernat. Fi żmien xahrejn min-notifika, dawk il-pajjiżijistgħu jressqu memoranda dwar il-każ jew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Artikolu 24 Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' titlob lill-partijiet biex jipproduċu d-dokumenti kollha u biex jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq. F'każ ta rifjut, għandha tittieħed nota formali. Il-Qorti tista' wkoll titlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, il-korpi u lill-aġenziji ta' l-Unjoni li ma jkunux parti fil-kawża, illi jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess. Artikolu 25 Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' f'kull żmien tordna li ssir perizja minn kull persuna, korp, awtorità, kumitat jew organu ieħor li tagħżel hi. Artikolu 26 Ix-xhieda jistgħu jinstemgħu skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Artikolu 27 Rigward xhieda li jonqsu li jidhru, l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-poteri li ġeneralment jingħataw lill-qrati u lill-Qorti Ġenerali u tista' timponi pieni ta' flus skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Artikolu 28 Ix-xhieda u l-esperti jistgħu jinstemgħu bil-ġurament li jittieħed skond il-forma stabbilita fir-Regoli tal-Proċedura jew bil-mod kif stabbilit fil-liġijiet tal-pajjiż tax-xhud jew tal-espert. Artikolu 29 Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tordna li xhud jew espert jinstema' mill-awtorità ġudizzjarja tal-post tar-residenza permanenti tiegħu. L-ordni tintbagħat għall-eżekuzzjoni lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Id-dokumenti riżultanti mill-esekuzzjoni tar-rogatorji għandhom jiġu rritornati lill-Qorti bl-istess kondizzjonijiet. Il-Qorti tassumi r-responsabbiltà ta' l-ispejjeż, mingħajr preġudizzju għad-dritt li tgħaddihom, jekk ikun il-każ, lill-partijiet. Artikolu 30 Kull Stat Membru għandu jqis kull ksur tal-ġurament minn xhud jew minn espert bħallikieku r-reat kien kommess quddiem qorti nazzjonali tiegħu f'materji ċivili. Fuq denunzja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi kontra l-awturi ta' dak ir-reat quddiem il-qorti kompetenti nazzjonali. Artikolu 31 Is-smigħ fil-qorti għandu jkun pubbliku, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-partijiet kkonċernati, ma tiddeċiedix mod ieħor għal raġunijiet serji. Artikolu 32 Waqt is-smigħ il-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina l-esperti, x-xhieda kif ukoll il-partijiet stess. Madankollu dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jindirizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief permezz tar-rappreżentanti tagħhom. Artikolu 33 Għal kull smigħ għandu jinżamm verbal iffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Artikolu 34 Il-lista tal-kawżi għandha tiġi ffissata mill-President. Artikolu 35 Id-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu u għandhom jibqgħu sigrieti. Artikolu 36 Is-sentenzi għandhom ikunu motivati. Għandu jkun fihom l-ismijiet ta' l-Imħallfin li jkunu ħadu parti fid-deliberazzjonijiet. Artikolu 37 Is-sentenzi għandhom jiġu ffirmati mill-President u mir-Reġistratur. Għandhom jinqraw fil-Qorti bil-miftuħ. Artikolu 38 Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Artikolu 39 Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista', skond proċedura sommarja li tista' tidderoga safejn meħtieġ, minn xi wħud mir-regoli ta' dan l-Istatut u li hija stabbilita minn Regoli tal-Proċedura, jiddeċiedi dwar rikorsi għas-sospensjoni prevista fl-Artikolu III-379(1) tal-Kostituzzjoni u fl-Artikolu 157 tat-Trattat tal-KEEA, jew jippreskrivi miżuri proviżorji skond l-Artikolu III-379(2) tal-Kostituzzjoni, jew jissospendi l-eżekuzzjoni furzata skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu III-401 tal-Kostituzzjoni jew skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA. F'każ ta' impediment tal-President, dan għandu jiġi sostitwit minn Imħallef ieħor skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Id-deċiżjoni tal-President jew ta' l-Imħallef li jkun issostitwih tkun biss ta' karattru proviżorju u bl-ebda mod ma tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu. Artikolu 40 L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għandu jkollhom dan l-istess dritt il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni u kwalunkwe persuna oħra li tista' tiġġustifika interess fir-riżultat ta' xi każ miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jintervjenu f'kawzi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet ta' l-Unjoni jew bejn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu, l-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorita ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-Ftehim, jistgħu jintervjenu fil-kawżi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Rikorsi għal intervent għandu jkollhom bħala oġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet. Artikolu 41 Meta l-parti konvenuta, imħarrka skond kif suppost, tonqos milli tressaq sottomissjonijiet bil-miktub, is-sentenza għandha tingħata fil-kontumaċja tagħha. Tista' ssir opposizzjoni għas-sentenza fi żmien xahar min-notifika tagħha. Salv deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opposizzjoni ma għandhiex twaqqaf l-esekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja. Artikolu 42 L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni u kull persuna oħra fiżika jew ġuridika jistgħu, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, jistgħu jagħmlu opposizzjoni tat-terzi kontra sentenzi mogħtija mingħajr ma huma jkunu ġew imsejjħa fil-kawża, meta dawk is-sentenzi jippreġudikaw id-drittijiet tagħhom. Artikolu 43 F'każ ta' dubju dwar it-tifsir jew il-kamp ta' l-applikazzjoni ta' sentenza, l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpretaha fuq talba ta' xi parti jew ta' xi istituzzjoni ta' l-Unjoni li turi li jkollha interess f'dan. Artikolu 44 Ir-reviżjoni ta' sentenza tista' tintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja biss meta jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel ma ngħatat s-sentenza, ma kienx magħruf mill-Qorti u mill-parti li titlob ir-reviżjoni. Il-proċedura tar-reviżjoni tinfetaħ b'sentenza tal-Qorti li tikkonstata espressament l-eżistenza ta' fatt ġdid, hija u tirrikonoxxi li dan hu ta' karattru li jagħti lok għar-reviżjoni u tiddikjara li għal din ir-raġuni t-talba tkun ammissibbli. Ebda talba għar-reviżjoni ma tista' ssir wara li jgħaddu għaxar snin mid-data tas-sentenza. Artikolu 45 Il-perjodi ta' grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta' distanza huma stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura. Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta' l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta' każ fortuwitu jew ta' forza maġġuri. Artikolu 46 L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f'materja ta' responsabiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b'ħames snin li jibdew jgħoddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta bil-preżentazzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew b'talba li ssir qabel ir-rikors mill-parti leża lill-istituzzjoni kkonċernata ta' l-Unjoni. F'dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu III-367 tal-Kostituzzjoni għandu japplika. Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal rikorsi kontra l-Bank Ċentrali Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam ma' responsabbiltà non-kontrattwali. TITOLU IV IL-QORTI ĠENERALI Artikolu 47 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9, l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, r-raba' u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 17 u l-Artikolu 18 japplikaw għall-Qorti Ġenerali u l-membri tagħha. L-Artikoli 10, 11 u 14 japplikaw għar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali mutatis mutandis. Artikolu 48 Il-Qorti Ġenerali tikkonsisti minn ħamsa u għoxrin Imħallef. Artikolu 49 Il-membri tal-Qorti Ġenerali jistgħu jissejħu biex jeżerċitaw il-funzjoni ta' Avukat Ġenerali. L-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità kollha u bl-indipendenza kollha, sottomissjonijiet motivati fuq ċerti materji mressqin quddiem il-Qorti Ġenerali bl-iskop li jassistiha fix-xogħol tagħha. Il-kriterji tal-għażla ta' dawn il-materji, kif ukoll il-modalitajiet biex jiġu nominati l-Avukati Ġenerali, huma stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Membru tal-Qorti li jiġi msejjaħ biex jeżerċita l-funzjoni ta' Avukat Ġenerali f'kawża ma jistax jieħu sehem fid-deċiżjoni ta' dik il-kawża. Artikolu 50 Il-Qorti Ġenerali tiltaqa' f'awli komposti minn tlieta jew ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta' l-awli. Il-Presidenti ta' l-awli b'ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss. Il-komposizzjoni ta' l-awli u t-tqassim tal-kawżi bejniethom isiru skond ir-Regoli tal-Proċedura. F'ċerti każi, determinati mir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti Ġenerali tista' tiltaqa' f'seduta plenarja jew tkun kostitwita minn Imħallef wieħed. Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu wkoll jipprovdu li l-Qorti Ġenerali tiltaqa' f'Awla Manja fil-każi u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fihom. Artikolu 51 B'deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu III-358(1) tal-Kostituzzjoni, huma reservati għall-Qorti tal-Ġustizzja dawk ir-rikorsi previsti fl-Artikoli III-365 u III-367 tal-Kostituzzjoni meta dawn huma miġjuba minn Stat Membru: a) - deċiżjonijiet Ewropej meħuda mill-Kunsill taħt it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu III-168(2) tal-Kostituzzjoni; - atti tal-Kunsill adottati skond att tal-Kunsill rigward miżuri ta' difiża kummerċjali fis-sens ta' l-Artikolu III-315 tal-Kostituzzjoni; - atti tal-Kunsill li bihom il-Kunsill jeżerċita setgħat ta' implimentazzjoni skond l- Artikolu I-37(2) tal-Kostituzzjoni. b) kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu III-420(1) tal-Kostituzzjoni. Meta r-rikorsi previsti f'dawn l-istess Artikoli jsiru minn istituzzjoni ta' l-Unjoni kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, ta' dawn iż-żewġ istituzzjonijiet meta jaġixxu flimkien, jew mill-Kummissjoni jew minn istituzzjoni tal-Komunitajiet kontra att jew nuqqas ta' azzjoni tal-Bank ċentrali Ewropew, il-ġurisdizzjoni hija wkoll riservata għall-Qorti tal-ġustizzja'. Article 52 Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti Ġenerali għandhom jistabbilixxu, bi qbil bejniethom, il-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra addetti mal-Qorti għandhom jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Qorti Ġenerali biex jassiguraw il-funzjonament tagħha. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra huma responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali. Artikolu 53 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija regolata bit-Titolu III. Il-proċedura hija definita u kompletata, kif ikun meħtieġ fir-Regoli tal-Proċedura tagħha. Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jidderogaw mir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 biex jieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-litigazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. B'deroga mir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 20, l-Avukat Ġenerali jista' jippreżenta s-sottomissjonijiet motivati tiegħu bil-miktub. Artikolu 54 Jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti Ġenerali jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur tal-Qorti. Meta l-Qorti Ġenerali issib li ma tkunx kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta' rikors li jidħol fil-kompetenza tal-Qorti, hi għandha tirreferi dak ir-rikors lill-Qorti. Bl-istess mod, meta l-Qorti ssib li rikors jidħol fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, hija għandha tirreferi dak ir-rikors lil din ta' l-aħħar, li imbagħad ma tkunx tista' tirrifjuta l-kompetenza tagħha. Meta jitressqu quddiem il-Qorti u l-Qorti Ġenerali kawżi li jkollhom l-istess oġġett, li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew li fihom jiġi sollevat dubju dwar il-validità ta' l-istess att, il-Qorti Ġenerali tista', wara li tisma lill-partijiet, tissospendi l-proċediment sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti, jew, jekk huwa rikors magħmul skond l-Artikolu III-365 tal-Kostituzzjoni jew l-Artikolu 146 tat-Trattat tal-KEEA, tirrifjuta l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti tkun tista' tiddeċiedi dwar ir-rikors. Fl-istess ċirkustanzi, l-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tiddeċiedi li tissospendi l-proċediment li jkollha quddiemha. F'dak il-każ, għandhom jitkomplew il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Meta Stat Membru u istituzzjoni jagħmlu rikors kontra l-istess att, il-Qorti Ġenerali għandha tirrinunzja l-kompetenza tagħha sabiex il-Qorti tkun tista' tiddeċiedi dwar ir-rikors. Artikolu 55 Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment, id-deċiżjonijiet li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammisibbiltà, għandhom jiġu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni anke jekk dawn ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Artikolu 56 Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni li minnha jsir l-appell, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tiegħu li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibilità. Dan l-appell jista' jitressaq minn kwalunkwe parti li ma tkunx irnexxiet, parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. Madankollu, dawk li jintervjenu, ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tolqothom direttament. Ħlief fil-każ ta' kawżi bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħha, appell jista' wkoll jitressaq minn Stati Membri u istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ikunu fl-istess posizzjoni bħal dik ta' Stati Membri jew istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fi prim' istanza. Artikolu 57 Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda. Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra kull sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija skond l-Artikolu III-379(1) jew (2), jew skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu III-401 tal-Kostituzzjoni jew skond l-Artikolu 157 jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. L-appell previst fl-ewwel żewġ paragrafi għandu jiġi deċiż skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 39. Artikolu 58 Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta' dritt. Jista' jkun ibbażat fuq motivi ta' l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li jista' jagħmel ħsara lill-interessi ta' l-appellant kif ukoll ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali. Ma jistax isir appell fuq il-kap ta' l-ispejjeż biss, dwar min ibagħtihom u l-ammonti tagħhom. Artikolu 59 Fil-każ ta' appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tista' tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali. Artikolu 60 Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu III-379(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni jew l-Artikolu 157 tat-Trattat tal-KEEA, appell ma għandux ikollu effett sospensiv. B'deroga għall-Artikolu III-380 tal-Kostituzzjoni, d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw liġi Ewropea jew regolament Ewropew, illi jorbtu fl-intier tagħhom u li huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, għandu jkollhom effett biss mid-data ta' l-għeluq tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 56 ta' dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f'dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju għall-fakultà ta' parti li tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu III-379(1) jew (2) tal-Kostituzzjoni, jew skond l-Artikolu 157 tat-Trattat tal-KEEA għas-sospensjoni ta' l-effetti tal-liġi Ewropea jew tar-regolament Ewropew annullat jew għall-adozzjoni ta' kull miżura proviżorja oħra. Artikolu 61 Jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista' allura tiddeċiedi hija stess il-kawża definittivament, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċiedi. F'każ ta' rinviju, l-Qorti Ġenerali għandha tkun marbuta bil-punti ta' dritt li jkunu ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta appell magħmul minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni, li ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jkun fondat, il-Qorti tista', jekk ikun jidhrilha meħtieġ, tindika dawk l-effetti tad-deċiżjoni annullata tal-Qorti Ġenerali li għandhom jiġu kunsidrati definittivi fil-konfront tal-partijiet fil-kawża. Artikolu 62 Fil-każijiet previsti fl-Artikolu III-358(2) u (3) tal-Kostituzzjoni, meta l-Avukat Ġenerali Prinċipali jidhirlu li jeżisti riskju serju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt ta' l-Unjoni, huwa jista' jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Il-proposta għandha ssir fi żmien xahar mill-għoti tad-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali. Fi zmien xahar minn meta tirċievi l-proposta magħmula mill-Avukat ġenerali Prinċipali, l-Qorti għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni. TITOLU V DISPOSIZZJONIJIET FINALI Artikolu 63 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali għandu jkun fihom id-disposizzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi applikat u, fejn meħtieġ, kompletat dan l-Istatut. Artikolu 64 In-normi li jirregolaw ir-reġim lingwistiku applikabbli fil-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu stabbiliti b'regolament Ewropew tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu. Dan ir-Regolament għandu jiġi adottat jew fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-Parlament Ewropew. Sakemm dawk ir-regoli jiġu adottati, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jirregolaw l-arranġamenti tal-lingwi. B'deroga mill-Artikoli III-355 u III-356 tal-Kostituzzjoni, dawk id-disposizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew imħassra biss bl-approvazzjoni unanima tal-Kunsill. Artikolu 65 1. B'deroga mill-Artikolu IV-437 tal-Kostituzzjoni, kull emenda għall-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mat-Trattat tal-KEEA, li tiġi adottata fiż-żmien bejn l-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u l-bidu fis-seħħ tiegħu, għandha tibqa' fis-seħħ. 2. Sabiex l-emendi previsti fil-paragrafu 1 jiġu nkorporati fit-termini normativi ta' dan l-Istatut, huma għandhom jiġu kodifikati uffiċjalment b'liġi Ewropea tal-Kunsill, li tkun adottata fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta din il-liġi kodifikanti Ewropea tibda sseħħ, dan l-Artikolu għandu jitħassar. --------------------------------------------------