European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4853

18.9.2026

DEĊIŻJONI TAR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ

tal-20 ta’ Lulju 2026

li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

ADMIN(2026) 18

(C/2026/4853)

IR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

1.

L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (id-“Deċiżjoni tal-Kunsill”) jipprevedi li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”) jista’, f’każijiet speċifiċi, jirrikorri għal għadd limitat ta’ esperti nazzjonali sekondati speċjalizzati (“SNEs”).

2.

Ir-regoli li jinsabu fid-Deċiżjoni HR (2014) 01 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-4 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali ssekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif emendata bid-Deċiżjoni HR (2014) 11 tas-16 ta’ Diċembru 2014, jeħtieġ li jiġu aġġornati billi titqies l-esperjenza kostruttiva miksuba bil-ġestjoni tal-SNEs matul l-aħħar tnax-il sena.

3.

L-issekondar ta’ esperti nazzjonali sekondati għandu jagħmilha possibbli li s-SEAE jibbenefika mil-livell għoli tal-għarfien u l-esperjenza professjonali tagħhom, b’mod partikolari f’oqsma fejn għarfien espert bħal dan mhux disponibbli faċilment fis-SEAE nnifsu. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, huwa xieraq li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-issekondar ta’ SNEs li jiżguraw li jkollhom l-għarfien espert meħtieġ fil-livell xieraq. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-esperti sekondati jkunu marbuta b’mod attiv mal-amministrazzjoni jew l-organizzazzjoni nazzjonali prinċipali tagħhom.

4.

Filwaqt li s-SEAE għandu jipprijoritizza l-attrazzjoni ta’ għarfien espert mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, jista’ jkun ukoll fl-interess tas-servizz li jaċċetta, f’każijiet eċċezzjonali, persunal minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ mill-Istati Membri tal-UE, bħal ċentri ta’ riċerka, universitajiet jew gruppi ta’ riflessjoni. Jista’ jkun ukoll fl-interess tas-servizz li jaċċetta persunal minn pajjiżi mhux fl-UE. Tali ssekondar eċċezzjonali għandu jitqies bir-reqqa, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-UE ma jiġux kompromessi minn interessi privati jew interessi oħra.

5.

Ir-regoli dwar l-għażla tal-SNEs għandhom jiżguraw trasparenza akbar, bilanċ ġeografiku u bejn il-ġeneri adegwat, u proċess tal-għażla bbażat fuq il-mertu.

6.

Il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-SNEs għandhom jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-SEAE, mingħajr preġudizzju għall-ispeċifiċitajiet tal-istatus tagħhom. F’dan il-kuntest, is-superjuri għandhom jiġu mħeġġa jorganizzaw djalogu annwali mal-SNEs taħt ir-responsabbiltà tagħhom, sabiex jipprovdulhom reazzjoni dwar ir-rendiment tagħhom u jaqsmu informazzjoni dwar l-ambjent tax-xogħol tagħhom.

7.

Għandha ssir enfasi fuq l-etika u b’mod partikolari fuq il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jiġu identifikati jew matul il-proċess tal-għażla, l-iskambju ta’ ittri jew matul il-perjodu tal-issekondar. Tali obbligi għandhom ikunu simili għal dawk għall-uffiċjali tas-SEAE skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”), sabiex jiġi żgurat li l-SNEs iwettqu dmirijiethom biss fl-interessi tas-SEAE.

8.

Għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-issekondar bl-għan li tiġi pprovduta aktar ċarezza.

9.

Huwa xieraq li l-SNEs jitħallew jibbenefikaw mil-liv tal-ġenituri skont ir-regoli nazzjonali jew tal-impjegatur tagħhom, permezz ta’ sospensjoni mhux imħallsa tal-issekondar.

10.

B’kont meħud tad-dmir ta’ diliġenza tas-SEAE, għandha tiġi stabbilita protezzjoni aktar effiċjenti tal-SNEs kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali skont it-tifsira tal-Artikolu 12(a)(3) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-regoli applikabbli fis-SEAE għall-uffiċjali dwar talbiet għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom għandhom ikunu applikabbli b’analoġija għall-SNEs.

11.

L-impjegatur jibqa’ primarjament responsabbli għal kwalunkwe indennizz tas-sussistenza jew benefiċċji għall-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-perjodi ta’ sekondar ta’ esperti nazzjonali mas-SEAE; għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu previsti benefiċċji li għandhom jingħataw mis-SEAE lill-SNEs biss sa fejn l-ebda benefiċċju ekwivalenti ma tkun diġà tħallset mill-impjegatur. F’każ ta’ kwalunkwe duplikazzjoni, huwa f’idejn is-SEAE li jnaqqas l-ammonti ekwivalenti li jkunu ngħataw fil-livell nazzjonali mill-benefiċċji mogħtija mis-SEAE jew li jirkupra kif xieraq, parzjalment jew kompletament, il-benefiċċji previsti f’din id-Deċiżjoni.

12.

Id-dritt għall-indennizzi ta’ kuljum għandu jkun ibbażat fuq l-istess kriterji ta’ eliġibbiltà bħall-benefiċċju ta’ espatrijazzjoni għall-uffiċjali tas-SEAE msemmija fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

13.

Għandha ssir dispożizzjoni speċjali għal SNEs mogħtija lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Id-differenzi fit-trattament bejn SNEs minn istituzzjonijiet differenti fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu evitati kemm jista’ jkun, sakemm tali differenzi fit-trattament ma jkunux debitament ġustifikati u proporzjonati.

14.

Fil-każ ta’ evakwazzjoni ta’ pajjiż, għandha ssir referenza għall-miżuri finanzjarji u amministrattivi applikabbli għall-SNEs.

15.

L-istatus diplomatiku tal-SNEs għandu jiġi ddeterminat b’kont meħud ta’ jekk l-issekondar iseħħx fil-Kwartieri Ġenerali tas-SEAE jew f’Delegazzjoni tal-Unjoni.

16.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet speċjali għal persunal militari ssekondat mas-SEAE biex jissieħeb mal-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea (“EUMS”) jew mad-Direttorat Maniġerjali għall-Paċi, is-Sigurtà u d-Difiża.

17.

Il-persunal militari u mhux militari sekondat, fil-prinċipju għandu jkun soġġett għal regoli simili li jappartjenu għat-tul ta’ żmien tal-issekondar, kif ukoll għall-perjodu ta’ preklużjoni.

18.

L-issekondar ta’ Diplomatiċi Subalterni li għandhom inqas minn tliet snin esperjenza professjonali fis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE għandu jkun possibbli biex jiżdied l-għarfien tagħhom tal-politiki barranin tal-UE u jingħataw l-opportunità li jifhmu aħjar il-metodi ta’ ħidma tas-SEAE u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin.

19.

Għandu jiġi previst l-issekondar ta’ Uffiċjali tal-Protezzjoni mill-Qrib (“CPOs”) f’Delegazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati każijiet fejn l-użu ta’ kumpaniji tas-sigurtà privati ma jkunx possibbli jew xieraq, inkluż minħabba restrizzjonijiet skont il-liġi lokali. L-Uffiċjali tal-Protezzjoni mill-Qrib issekondati, b’mod ġenerali, għandhom jingħataw it-titolu diplomatiku ta’ “Attaché”, sakemm ma jkunx hemm qbil differenti għal kull każ individwali.

20.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet rigward ir-regoli applikabbli għall-għażla u l-issekondar ta’ Konsulenti Militari.

21.

L-issekondar tal-Persunal tal-Forzi tas-Sigurtà għall-Kapaċità ta’ Għassa tal-EUMS għandu jkun previst, wara l-ftuħ progressiv mill-Istati Membri tal-UE ta’ funzjonijiet ta’ sigurtà, li qabel kienu riżervati għal persunal militari, għal persunal mhux militari b’kompetenza simili.

22.

Għandu jiġi ċċarat li l-SNEs kollha jibqgħu soġġetti għar-regoli dixxiplinarji nazzjonali tagħhom,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għal esperti nazzjonali ssekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”) mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, minn hawn ’il quddiem imsejħa esperti nazzjonali ssekondati (“SNEs”).

2.   F’każijiet eċċezzjonali, awtorizzati fl-interess tas-servizz mid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi msemmi fl-Artikolu 4(3)(a), it-tieni subparagrafu, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (id-“Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi”), din id-Deċiżjoni għandha tapplika wkoll għal esperti ssekondati lis-SEAE minn:

(a)

amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ pajjiżi mhux tal-UE; jew

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali; jew

(c)

organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ stabbiliti fi Stati Membri tal-UE, bħal ċentri ta’ riċerka, universitajiet u gruppi ta’ riflessjoni.

L-esperti li l-issekondar tagħhom huwa awtorizzat skont dan il-paragrafu għandhom, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jissejħu wkoll “SNEs”.

3.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

—

“Delegazzjoni tal-Unjoni” tfisser Delegazzjoni jew Uffiċċju rappreżentattiv tal-UE għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 221 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”);

—

“Impjegatur” tfisser l-amministrazzjoni pubblika tal-Istat Membru tal-UE jew tal-pajjiż mhux tal-UE, jew l-organizzazzjoni internazzjonali, jew l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li timpjega l-espert issekondat lis-SEAE f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

—

“Amministrazzjoni pubblika” tfisser is-servizzi amministrattivi kollha fil-livell ċentrali, federali u reġjonali tal-Istat Membru jew tal-pajjiż mhux tal-UE, inkluż b’mod partikolari f’ministeri, servizzi tal-gvern u tal-parlament u s-servizzi amministrattivi tal-awtoritajiet lokali, aġenziji, kif ukoll is-servizzi amministrattivi deċentralizzati tal-Istat u ta’ tali awtoritajiet.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-issekondar

1.   Fid-data li fiha jibgħat l-espressjoni ta’ interess tiegħu għal issekondar, espert kandidat għandu:

(a)

ikollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-UE, sakemm ma tingħatax deroga mid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi għal raġunijiet debitament ġustifikati fl-interess tas-servizz. Deroga bħal din tista’ tingħata biss għal SNEs assenjati għal karigi fi Brussell;

(b)

ikollu livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-anqas tliet snin attestati minn diploma, jew, fejn ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti;

(c)

ikollu mill-inqas tliet snin esperjenza full-time ta’ funzjonijiet amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, konsultattivi jew superviżorji ekwivalenti, kif xieraq, għal dawk tal-gruppi ta’ funzjoni AD jew AST fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”);

(d)

ikun fis-servizz attiv tal-impjegatur tagħhom fuq bażi permanenti jew kuntrattwali;

(e)

ikollu l-kapaċità li jaħdem bil-lingwi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (“PESK”) u r-relazzjonijiet esterni (2) f’livell meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijiethom, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’arranġament amministrattiv dwar l-issekondar ta’ kategoriji speċifiċi ta’ SNEs;

(f)

jikkonforma mar-regoli dwar ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tas-sigurtà applikabbli għas-SEAE (3).

2.   Nuqqas ta’ konformità minn SNE ma’ kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet matul l-issekondar tiegħu għandu jintitola lis-SEAE biex itemm l-issekondar skont l-Artikolu 10(2)(b).

3.   Is-SEAE għandu jeżamina jekk il-kandidati għandhomx xi kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jew interess personali li jista’ jxekkel l-indipendenza tagħhom. Għal dan il-għan, il-kandidati, bl-użu ta’ formola apposta, għandhom jinfurmaw lis-SEAE bi kwalunkwe kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali, filwaqt li jqisu wkoll is-sitwazzjoni professjonali tagħhom u ċ-ċirkostanzi tal-familja tagħhom, b’mod partikolari l-attivitajiet professjonali tal-familja tagħhom jew l-interessi finanzjarji tagħhom stess jew tal-familja tagħhom. Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa, is-SEAE jista’ jiddeċiedi li ma jipproċedix bl-issekondar.

Artikolu 3

Għażla

1.   Is-SEAE jaċċetta l-issekondar ta’ SNEs soġġett għar-rekwiżiti speċifiċi u l-possibbiltajiet baġitarji tiegħu.

2.   Id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi għandu jawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess għal pożizzjoni ta’ SNE, wara verifika tal-allokazzjoni tal-baġit disponibbli għall-pożizzjoni. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandha tintbagħat lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri tal-UE u/jew, fejn applikabbli, lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2). Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandha tindika n-numru tal-kariga, id-deskrizzjoni tal-impjieg, il-post tal-issekondar, il-kundizzjonijiet għall-issekondar, il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-espressjonijiet ta’ interess.

3.   Il-proċedura tal-għażla għandha ssir minn bord tal-għażla maħtur mill-Kap tad-Diviżjoni inkarigat mill-għażla u r-reklutaġġ u ppresedut mill-Kap tad-Diviżjoni jew mill-Kap tad-Delegazzjoni fejn għandu jiġi assenjat l-SNE. Kull bord għandu jkun magħmul minn mhux inqas minn tliet membri tal-persunal tas-SEAE fil-livell xieraq u għandu jinkludi mill-inqas raġel wieħed u mara waħda. Il-bord tal-għażla għandu jistabbilixxi lista ta’ kandidati li għandhom jiġu intervistati abbażi tal-kundizzjonijiet stipulati fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess u f’konformità mal-politika tas-SEAE dwar l-opportunitajiet indaqs. Il-bord tal-għażla għandu jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani, li għandu jieħu deċiżjoni finali dwar l-għażla.

4.   L-Istati Membri tal-UE u s-SEAE għandhom jikkooperaw biex jiżguraw, kemm jista’ jkun, li l-issekondar ta’ SNEs mas-SEAE jkun ibbażat fuq il-mertu, filwaqt li jiżguraw bilanċ ġeografiku u bejn il-ġeneri, b’mod partikolari biex jiżguraw preżenza sinifikanti ta’ ċittadini mill-Istati Membri kollha tal-UE.

5.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati u fl-interess tas-servizz, id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi jista’ jawtorizza l-għażla ta’ SNE mingħajr ma jsegwi l-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

6.   Il-proċedura tal-għażla għall-SNEs li għandhom jiġu assenjati liċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (“INTCEN tal-UE”) għandha titwettaq b’mod konġunt mis-servizz tal-intelligence jew tas-sigurtà li jkun qed jissekonda tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat u l-INTCEN tal-UE, skont il-proċedura stipulata fis-subparagrafu li ġej.

Is-servizz tal-intelligence jew tas-sigurtà tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat jipproponi, permezz ta’ korrispondenza uffiċjali lill-INTCEN tal-UE, espert f’qasam speċifiku ta’ għarfien espert, b’kont meħud tal-ħtiġijiet tal-INTCEN tal-UE, li ser jiġi nnotifikat perjodikament mill-INTCEN tal-UE lill-Istati Membri kollha tal-UE. Wara li jkun intervista lill-kandidat propost, l-INTCEN tal-UE jippreżenta r-rakkomandazzjoni tiegħu u jibgħat id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-iskambju ta’ korrispondenza mas-servizz tal-intelligence jew tas-sigurtà, lid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani, li jieħu deċiżjoni finali dwar l-għażla.

Artikolu 4

Skambju ta’ ittri

1.   L-issekondar ta’ espert mas-SEAE għandu jiġi implimentat permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani u l-impjegatur tal-espert rappreżentat għal dan il-għan mir-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat, jew, fejn applikabbli, l-awtorità tal-pajjiż jew l-organizzazzjoni elenkati taħt l-Artikolu 1(2) mogħtija s-setgħa għal dan il-għan.

2.   L-iskambju ta’ ittri għandu jiddetermina l-post(ijiet) ta’ oriġini u l-issekondar kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), id-deskrizzjoni tal-impjieg, jekk it-taħriġ minn qabel huwiex obbligatorju, il-livell ta’ approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġ, l-obbligi tal-impjegatur u t-tul ta’ żmien tal-issekondar inkluż, fejn xieraq, id-data indikattiva tal-bidu tal-issekondar. L-iskambju ta’ ittri għandu jispeċifika wkoll jekk l-issekondar huwiex mingħajr spejjeż skont il-Kapitolu V jew kofinanzjat bejn is-SEAE u l-impjegatur.

3.   Minbarra d-dikjarazzjoni tal-SNE dwar kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali skont l-Artikolu 2(3) u f’konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 8, l-iskambju ta’ ittri għandu jikkonferma li l-impjegatur ma għandu l-ebda għarfien ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali jew attwali.

4.   Fl-iskambju ta’ ittri, l-impjegatur għandu jimpenja ruħu li jżomm l-SNE fl-impjieg, flimkien mas-salarju u d-drittijiet soċjali korrispondenti tagħhom (inkluż is-sigurtà soċjali f’konformità mal-Artikolu 11, l-assigurazzjoni tal-mard u d-drittijiet tal-pensjoni), matul l-issekondar, u li jastjeni milli jagħti struzzjonijiet jew jitlob informazzjoni mill-SNE fir-rigward tal-ħidma tiegħu mas-SEAE fi kwalunkwe forma, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika legalment.

Artikolu 5

Tul ta’ żmien tal-issekondar

1.   Minkejja kwalunkwe data indikattiva li tista’ tissemma fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4, id-data tal-bidu tal-issekondar għandha tkun l-ewwel jum ta’ servizz fil-post tal-issekondar. Din id-data għandha tiġi kkomunikata formalment lill-impjegatur u lill-SNE mill-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ.

2.   Il-perjodu inizjali tal-issekondar ma jistax ikun aktar minn sentejn u jista’ jiġi estiż b’mod suċċessiv għal perjodu li b’kollox ma jaqbiżx l-erba’ snin. Fuq it-talba tad-Direttur Maniġerjali rilevanti jew l-ekwivalenti tiegħu, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’, f’każijiet eċċezzjonali u fl-interessi tas-servizz, jawtorizza estensjoni waħda jew aktar tal-issekondar b’massimu ta’ sentejn oħra fi tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. It-tul massimu totali tal-issekondar ma għandu fl-ebda każ jaqbeż is-sitt snin.

3.   L-estensjoni tal-issekondar imsemmi fil-paragrafu 2 għandha tiġi miftiehma permezz ta’ skambju ġdid ta’ ittri.

4.   Għandu jgħaddi perjodu ta’ mhux inqas minn sentejn bejn it-tmiem tal-perjodu preċedenti ta’ ssekondar ta’ espert u l-issekondar il-ġdid tagħhom mas-SEAE.

B’deroga mis-subparagrafu preċedenti, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ b’mod eċċezzjonali jaċċetta l-issekondar ta’ espert inqas minn sentejn wara tmiem l-ewwel perjodu ta’ ssekondar tiegħu meta dak l-ewwel perjodu ta’ ssekondar ikun dam inqas minn sitt snin. F’dak il-każ, l-issekondar il-ġdid ma għandux jaqbeż il-parti li tkun għadha ma skadietx tal-perjodu totali ta’ sitt snin.

Artikolu 6

Post ta’ sekondar u tal-oriġini

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

il-“post ta’ sekondar” għandu jkun il-post fejn l-SNE huwa meħtieġ iwettaq dmirijiet għas-SEAE, determinat b’analoġija mal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati mis-SEAE; għalhekk għandha tkun Brussell, jew il-post fejn tinsab id-Delegazzjoni tal-Unjoni li għaliha jkun ser jiġi assenjat l-SNE;

(b)

il-“post tal-oriġini” għandu jkun il-kwartieri ġenerali tal-impjegatur.

2.   Il-post ta’ sekondar u l-post tal-oriġini għandhom jiġu ddeterminati fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, bidla fil-post tal-issekondar tista’ tiġi miftiehma permezz ta’ skambju ieħor ta’ ittri, wara li jkun instema’ l-SNE kkonċernat.

3.   Fil-każ ta’ evakwazzjoni ta’ Delegazzjoni tal-Unjoni ordnata mill-Awtorità tas-Sigurtà tas-SEAE f’konformità mar-regoli tas-sigurtà rilevanti tas-SEAE (4), il-post ta’ sekondar jista’ jinbidel mill-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ, wara li titqies id-deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sigurtà tas-SEAE dwar il-post tal-evakwazzjoni. Kif imsemmi fl-Artikolu 23(3), jistgħu jiġu adottati miżuri finanzjarji u amministrattivi addizzjonali mis-SEAE f’każ ta’ evakwazzjoni ta’ SNE mill-post ta’ sekondar. L-impjegatur għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe bidla fil-post ta’ sekondar.

4.   Wara bidla fil-post ta’ sekondar skont il-paragrafi 2 jew 3, is-SEAE jista’ jadatta l-benefiċċji u l-ispejjeż f’konformità mal-Kapitoli III u IV, u skont it-termini miftiehma tal-issekondar.

Artikolu 7

Deskrizzjoni tal-impjiegi, kompiti u dmirijiet

1.   L-SNE għandu jassisti lis-SEAE u jwettaq il-kompiti u d-dmirijiet assenjati lilu f’konformità mad-deskrizzjoni tal-impjieg determinata fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4. Bidliet fid-deskrizzjoni tal-impjieg jew il-post matul l-issekondar tista’ tiġi miftiehma permezz ta’ skambju ieħor ta’ ittri wara li jkun instema’ l-SNE kkonċernat.

2.   L-SNE għandu jassisti u jagħti pariri lis-superjur li jkun ġie assenjat miegħu u għandu jkun responsabbli lejn dan is-superjur għat-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet assenjati.

3.   Is-SEAE jista’ jesiġi li l-SNE jwettaq missjonijiet fuq perjodu qasir jew jattendi laqgħat barra l-post ta’ sekondar.

4.   Sakemm ma jkunx awtorizzat mid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani li jaġixxi fuq il-proposta tad-Direttur Maniġerjali tas-servizz li għalih jiġi assenjat l-SNE, l-SNE ma għandux jirrappreżenta lis-SEAE bil-ħsieb li jidħol f’impenji, ikunux finanzjarji jew oħra, f’isem is-SEAE.

5.   Is-superjur jista’ jorganizza djalogu annwali mal-SNE sabiex jipprovdi feedback lill-SNE dwar ir-rendiment tiegħu u biex jaqsam fehmtu dwar l-ambjent tax-xogħol, l-objettivi jew l-isfidi tax-xogħol li ġejjin.

Artikolu 8

Drittijiet u obbligi tal-SNEs

1.   Matul l-issekondar, l-SNEs għandhom:

(a)

ikunu intitolati għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-benefiċċji u l-ispejjeż stipulati fil-Kapitoli II, III u IV, sakemm mhux previst mod ieħor;

(b)

iwettqu l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom u jaġixxu biss fl-interessi tal-Unjoni. Huma la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-impjegatur tagħhom jew minn kwalunkwe gvern, organizzazzjoni jew persuna barra mis-SEAE u lanqas iwettqu attivitajiet għalihom. Huma għandhom iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom b’mod oġġettiv, imparzjali u konformi mad-dmir tagħhom ta’ lealtà lejn l-Unjoni;

(c)

jinformaw minnufih lis-superjur tagħhom jekk, fil-qadi ta’ dmirijiethom, isiru jafu b’kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali, jew jintalbu jagħtu deċiżjoni dwar it-trattament jew l-eżitu ta’ kwistjoni li fiha, direttament jew indirettament, ikollhom interess personali tali li jxekkel l-indipendenza tagħhom, u, b’mod partikolari, l-attivitajiet professjonali tal-familja tagħhom jew l-interessi finanzjarji tagħhom stess jew tal-familja tagħhom;

(d)

joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni, espressjoni pubblika ta’ opinjoni jew imġiba li tista’ tirrifletti b’mod negattiv fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-SEAE;

(e)

joqogħdu lura minn kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali;

(f)

joqogħdu lura minn kwalunkwe attività esterna, kemm jekk imħallsa kif ukoll jekk mhux imħallsa, sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni espliċita mill-impjegatur u mid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi, wara li jkunu kkonsultaw lis-superjur. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata mid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi f’każ ta’ rifjut tal-impjegatur, jew jekk l-attività inkwistjoni tkun tali li tfixkel it-twettiq ta’ dmirijiethom jew ma tkunx kompatibbli mal-interessi tas-SEAE jew, b’mod aktar ġenerali, tal-Unjoni;

(g)

joqogħdu lura minn kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni riċevuta waqt il-qadi ta’ dmirijiethom jew b’rabta ma’ dmirijiethom, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx saret pubblika jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku b’xi mod ieħor jew sakemm ma tingħatax awtorizzazzjoni minn qabel mid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani. L-SNE għandu jfittex li jikseb dokumenti jew informazzjoni biss meta dan ikun direttament rilevanti u meħtieġ għall-qadi tad-dmirijiet professjonali tiegħu fis-SEAE, jew sakemm ma jkunx awtorizzat mis-superjur. L-SNE għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, b’kont debitu għall-prinċipji ta’ lealtà u imparzjalità, u l-permess għandu għalhekk jiġi rrifjutat biss fejn il-pubblikazzjoni maħsuba tista’ tippreġudika l-interessi tal-Unjoni. Id-drittijiet kollha fuq kwalunkwe xogħol magħmul minn SNE fil-qadi ta’ dmirijietu għandhom ikunu proprjetà tas-SEAE;

(h)

jirrisjedu fil-post ta’ sekondar, jew f’distanza mhux aktar ’il bogħod minn dik li hija kompatibbli mat-twettiq adatt tal-attivitajiet tiegħu;

(i)

jikkonformaw mar-regoli tas-sigurtà fis-seħħ fis-SEAE;

(j)

jikkonformaw ma’ kwalunkwe obbligu legali u fiskali fl-Istat riċeventi.

2.   Id-dmir ta’ diskrezzjoni taħt il-paragrafu 1(g) għandu jkompli japplika wara tmiem l-issekondar. Jekk l-SNE ma jiġix integrat mill-ġdid fis-servizz tal-impjegatur tiegħu, l-SNE għandu jinforma lis-SEAE bil-miktub.

3.   Jekk l-SNE jonqos milli jikkonforma mal-obbligi skont dan l-Artikolu matul jew, fejn rilevanti, wara t-tmiem tas-sekondar tiegħu, is-SEAE jista’ jinforma lill-impjegatur u, jekk l-issekondar ikun għadu għaddej, jista’ jitterminah f’konformità mal-Artikolu 10(2)(b).

In-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan l-Artikolu jista’ jitqies għall-finijiet tal-Artikolu 28(c) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 12(2)(c) u 82(3)(c) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-UE, fil-każ ta’ applikazzjonijiet futuri ppreżentati mill-SNE fi żmien tliet snin wara tmiem l-issekondar tagħhom.

4.   L-SNEs li l-post tal-issekondar tagħhom huwa Brussell ma għandhomx jitqiesu bħala membri ta’ missjoni diplomatika u għalhekk ma għandhomx jibbenefikaw minn privileġġi u immunitajiet korrispondenti previsti fil-ftehimiet ta’ stabbiliment, ħlief jekk jiġi deċiż mod ieħor unilateralment mill-awtoritajiet Belġjani.

Artikolu 9

Sospensjoni tal-issekondar

1.   Id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ jissospendi, fuq inizjattiva tiegħu stess, l-issekondar fl-interess tas-servizz, wara li jkun sema’ lill-SNE kkonċernat. L-impjegatur għandu jiġi nnotifikat kif xieraq.

Fuq talba motivata mill-SNE u wara konsultazzjoni mal-impjegatur, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ jissospendi l-issekondar għal perjodu ta’ mhux inqas minn xahar u mhux aktar minn tliet xhur.

Fiż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni li jiġi sospiż l-issekondar għandha tispeċifika t-termini applikabbli għas-sospensjoni.

2.   Il-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 12(4), 17, 23(2) u (3), l-assigurazzjoni komplementari għall-inċidenti msemmija fl-Artikolu 11(3) u l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 40(3) m’għandhomx jitħallsu matul il-perjodu ta’ sospensjoni tal-issekondar.

3.   It-tul ta’ żmien tas-sospensjoni tal-issekondar għandu jingħadd bħala parti mit-tul ta’ żmien tal-issekondar stabbilit fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4 u ma għandux imur lil hinn mit-tul ta’ żmien tal-issekondar inizjalment miftiehem f’dan l-iskambju ta’ ittri.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 13 u 15, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba motivata mill-SNE jew mill-impjegatur, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’, wara li jqis l-interess tas-servizz u soġġett għall-qbil ta’ min iħaddem, jawtorizza l-estensjoni tal-issekondar għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur li jikkorrispondi għat-tul tas-sospensjoni.

Artikolu 10

Terminazzjoni tal-issekondar

1.   Id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ jtemm l-issekondar b’avviż ta’ tliet xhur:

(a)

fl-interess tas-servizz, wara li jkun sema’ lill-SNE u avża lill-impjegatur; jew

(b)

fuq talba tal-SNE u wara li jkun ikkonsulta lill-impjegatur.

L-issekondar jista’ jintemm ukoll b’deċiżjoni tal-impjegatur.

2.   F’ċirkustanzi eċċezzjonali, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ jtemm l-issekondar ta’ SNE mingħajr avviż:

(a)

fuq talba debitament ġustifikata mill-SNE għal raġunijiet ta’ interessi personali jew professjonali rilevanti, u wara li jkun ikkonsulta lill-impjegatur; jew

(b)

wara konsultazzjoni mad-Direttur Amministrattiv rilevanti jew l-ekwivalenti tiegħu u wara li jkun sema’ lill-SNE, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-SNE ma’ kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet għall-issekondar stipulati fl-Artikolu 2 jew fil-każ ta’ nuqqas intenzjonali jew negliġenti mill-SNE li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont din id-Deċiżjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskambju ta’ ittri, jew, fejn adatt, f’arranġament amministrattiv. L-impjegatur għandu jiġi nnotifikat kif xieraq.

L-issekondar jista’ jiġi tterminat ukoll mingħajr avviż minn qabel b’deċiżjoni tal-impjegatur, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’arranġament amministrattiv.

KAPITOLU II

KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL

Artikolu 11

Sigurtà soċjali

1.   Qabel ma jibda l-issekondar, l-impjegatur għandu jiċċertifika lis-SEAE li, matul il-perjodu tal-issekondar, l-SNE għandu jibqa’ soġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(2) li timpjega l-SNE.

Għal dan l-għan, għall-SNEs koperti mill-iskemi tas-sigurtà soċjali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (5), l-impjegatur għandu jipprovdi lid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani bl-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009 (6).

Għal SNEs oħra li l-post ta’ oriġini tagħhom ma jkunx jinsab fi Stat Membru tal-UE, l-impjegatur għandu jipprovdi lid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani b’attestazzjoni ekwivalenti għal dik prevista skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009 u li tiggarantixxi li l-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sigurtà soċjali tipprovdi kopertura suffiċjenti għar-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa mġarrba barra mill-pajjiż.

2.   Sabiex l-SNE jiġi assenjat f’Delegazzjoni tal-Unjoni, l-impjegatur għandu jiċċertifika wkoll li l-SNE għandu assigurazzjoni li tkopri l-kura tas-saħħa fil-post ta’ sekondar, inkluż l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa, u li l-oġġetti personali huma assigurati kontra s-serq.

3.   Mill-bidu tal-issekondar tagħhom, l-SNEs għandhom ikunu koperti mis-SEAE kontra r-riskju ta’ inċident permezz ta’ polza tal-assigurazzjoni komplementari. Is-SEAE għandu jipprovdi lill-SNE b’kopja tat-termini ta’ din il-kopertura fil-jum li fih hu jirrapporta lis-SEAE biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi relatati mal-issekondar.

4.   Meta tkun meħtieġa assigurazzjoni addizzjonali jew speċifika għal missjoni prevista skont l-Artikolu 7(3), l-ispejjeż għandhom jiġġarbu mis-SEAE.

Artikolu 12

Ħin tax-xogħol

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1)(h) dwar l-obbligu ta’ residenza fil-post ta’ sekondar, ir-regoli fis-seħħ fis-SEAE għall-uffiċjali fir-rigward tal-ħin tax-xogħol u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli għandhom japplikaw b’analoġija għall-SNEs. Kull referenza għall-Awtorità tal-Ħatra f’dawn ir-regoli għandha, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, tfisser il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin.

2.   L-SNE għandu jservi fuq bażi full-time matul it-tul ta’ żmien tal-issekondar.

Soġġett għall-kompatibbiltà mal-interess tas-servizz, il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin jista’ jawtorizza xogħol part-time għal SNE, wara li jkun ikkonsulta lill-impjegatur. L-awtorizzazzjoni biex wieħed jaħdem part-time m’għandhiex twassal għal xi estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-issekondar.

3.   Meta jiġi awtorizzat xogħol part-time, l-SNEs għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji skont din id-Deċiżjoni mnaqqsa fuq bażi prorata. Il-leave annwali skont l-Artikolu 14 għandu jitnaqqas ukoll fuq bażi prorata.

4.   Id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ jawtorizza l-ħlas lill-SNEs ta’ benefiċċji speċifiċi għal xogħol bix-xift jew dmir ta’ standby b’analoġija mar-regoli fis-seħħ fis-SEAE għall-uffiċjali.

Artikolu 13

Assenza minħabba mard jew inċident

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, ir-regoli fis-seħħ fis-SEAE għall-uffiċjali rigward leave għal raġunijiet ta’ mard jew inċident (“liv minħabba mard”) għandhom japplikaw għall-SNEs. Kull referenza għall-Awtorità tal-Ħatra f’dawn ir-regoli għandha, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, tfisser il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin.

2.   Ħlief fil-każ ta’ mard marbut mat-tqala, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(2), it-tieni inċiż, metal-perjodu ta’ liv minħabba mard jaqbeż it-tliet xhur jew il-perjodu ta’ servizz imwettaq mill-SNE fis-SEAE, skont liema jkun l-itwal, il-ħlas tal-benefiċċji previsti fl-Artikoli 12(4) u 17 għandu jiġi sospiż awtomatikament. F’każijiet bħal dawn, l-impjegatur għandu jiġi nnotifikat mis-SEAE. Il-liv minħabba mard ma jistax jestendi aktar miż-żmien ta’ sekondar tal-SNE kkonċernat.

3.   SNE li hu vittma ta’ korriment relatat max-xogħol li jseħħ waqt l-issekondar għandu jkompli jirċievi, fl-intier tagħhom, il-benefiċċji previsti fl-Artikolu 17 u 23(2) matul il-perjodu li matulu ma jkunx jista’ jaħdem u sa tmiem it-tul ta’ żmien tal-issekondar.

Artikolu 14

Liv annwali, liv speċjali u btajjel

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, ir-regoli fis-seħħ fis-SEAE dwar il-liv annwali, il-liv speċjali u l-btajjel għall-uffiċjali għandhom japplikaw għall-SNEs b’analoġija. Kull referenza għall-Awtorità tal-Ħatra f’dawn ir-regoli għandha, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, tfisser il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin.

2.   Fuq talba debitament ġustifikata mill-impjegatur, jistgħu jingħataw sa tlett ijiem ta’ leave speċjali addizzjonali f’perjodu ta’ 12-il xahar mill-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin, wara li jkun ġie kkonsultat is-superjur tal-SNE.

3.   Il-jiem ta’ liv annwali li ma jkunux ittieħdu sa tmiem l-issekondar għandhom jintilfu u ma għandhomx jagħtu lok għal dritt ta’ kumpens monetarju.

4.   L-SNEs huma intitolati għal jiem ta’ liv għad-dar, ikkalkulati fuq bażi annwali, bl-għan li jżuru l-post tal-oriġini tagħhom skont l-Artikolu 6(1)(b). It-tul ta’ żmien ta’ tali liv huwa kkalkolat abbażi tad-distanza ġeografika bejn il-post tal-issekondar u l-post ta’ oriġini u b’analoġija mar-regoli għall-uffiċjali tas-SEAE li jimplimentaw l-Artikolu 7 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 15

Liv tal-maternità u tal-ġenituri

1.   Ir-regoli fis-seħħ fis-SEAE dwar il-liv tal-maternità għall-uffiċjali għandhom japplikaw b’analoġija għall-SNEs. Kull referenza għall-Awtorità tal-Ħatra f’dawn ir-regoli għandha, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, tfisser il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin.

2.   Fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ir-regoli rilevanti applikabbli għall-impjegatur jagħtu liv tal-maternità itwal mir-regoli fis-seħħ fis-SEAE, l-issekondar jista’, fuq talba motivata mill-SNE, jiġi sospiż f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 9, għall-perjodu li jeċċedi dak mogħti mis-SEAE.

3.   Fuq talba motivata mill-SNE, u b’deroga mill-Artikolu 9(3), id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’, wara li jqis l-interess tas-servizz u soġġett għall-qbil tal-impjegatur, jawtorizza l-estensjoni tal-perjodu tal-issekondar għal perjodu ekwivalenti ta’ dak tal-liv tal-maternità skont il-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk il-leġiżlazzjoni jew ir-regoli nazzjonali applikabbli għall-impjegatur jipprevedu liv tal-ġenituri, SNE jista’ jippreżenta talba motivata biex jieħu tali liv. Wara konsultazzjoni mal-impjegatur u b’kont meħud tal-interess tas-servizz, il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin jista’ jawtorizza l-liv tal-ġenituri u jissospendi l-issekondar għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Il-paragrafu 3 għandu japplika b’analoġija għal-liv tal-ġenituri.

Artikolu 16

Ġestjoni u kontroll tal-liv u l-ħin tax-xogħol

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni rigward il-ġestjoni tal-ħin, l-approvazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli applikabbli dwar il-liv, il-ġestjoni tal-ħin u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli għandhom ikunu r-responsabbiltà tas-superjur tal-SNE jew, fejn applikabbli, il-Kap tad-Delegazzjoni, b’analoġija mar-regoli applikabbli fis-SEAE għall-uffiċjali. Kull referenza għall-Awtorità tal-Ħatra f’dawn ir-regoli għandha, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, tfisser il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-ħin.

KAPITOLU III

BENEFIĊĊJI U SPEJJEŻ

Artikolu 17

Benefiċċji

1.   SNE għandu jkun intitolat għal benefiċċju ta’ kull xahar matul it-tul ta’ żmien tal-issekondar għall-ispejjeż tat-trasport, biex titqies id-distanza ġeografika bejn il-post tal-oriġini u l-post ta’ sekondar. Mingħajr preġudizzju għall-aġġornamenti skont il-paragrafi 6 u 7, l-ammont ta’ dan il-benefiċċju huwa stabbilit f’konformità mat-tabella li ġejja:

Distanza bejn il-post ta’ oriġini u l-post ta’ sekondar (km)

Ammont f’euro

0 -150

0,00

> 150

116,11

> 300

206,42

> 500

335,47

> 800

541,91

> 1 300

851,57

> 2 000

1 019,33

2.   SNE għandu wkoll ikollu dritt għal indennizz ta’ kuljum matul iż-żmien tas-sekondar, soġġett għall-istess kriterji bħall-benefiċċju ta’ espatrijazzjoni għall-uffiċjali tas-SEAE msemmija fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk dawk il-kriterji jiġu ssodisfati, l-indennizz ta’ kuljum għandu jkun ta’ EUR 180,65, mingħajr preġudizzju għal aġġornamenti ta’ dan l-ammont skont il-paragrafi 6 u 7.

Dan l-indennizz ta’ kuljum huwa maħsub bħala indennizz tas-sussistenza biex ikopri l-ispejjeż tal-għajxien tal-SNE fil-post ta’ sekondar. Nofs l-indennizz ta’ kuljum huwa maħsub biex ikopri spejjeż ta’ akkomodazzjoni marbuta ma’ residenza temporanja fil-post ta’ sekondar, filwaqt li n-nofs l-ieħor ta’ dan l-indennizz huwa maħsub biex ikopri spejjeż oħra ta’ sussistenza fil-post ta’ sekondar.

3.   L-indennizzi ta’ kuljum u ta’ kull xahar skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom jitħallsu kull xahar, mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar, fuq bażi ta’ rata fissa, u ma għandhomx jitqiesu bħala remunerazzjoni mħallsa mis-SEAE. Dawn il-benefiċċji għandhom jitħallsu għal kull jum kalendarju tal-perjodu tal-issekondar, inkluż matul perjodi ta’ liv annwali, liv speċjali u btajjel taħt l-Artikolu 14, perjodi ta’ liv tal-maternità taħt l-Artikolu 15(1) u matul missjonijiet taħt l-Artikolu 7(3). Ma għandhomx jitħallsu matul perjodi ta’ sospensjoni tal-issekondar skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 15(2) u (4). L-awtorità kompetenti li tawtorizza l-ħlas tal-indennizzi ta’ kuljum u ta’ kull xahar skont il-paragrafi 1 u 2 hija l-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ.

4.   Fuq talba motivata tal-SNE u b’kont meħud tal-interess tas-servizz, il-Kap tad-Diviżjoni inkarigat mill-għażla u r-reklutaġġ jista’ jawtorizza l-ħlas lill-SNE ta’ ammont bil-quddiem ekwivalenti għal 75 jum tal-indennizzi ta’ kuljum u ta’ kull xahar skont il-paragrafi 1 u 2 u, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 23(2) mid-data tal-bidu tal-issekondar, f’liema każ l-intitolament għal kwalunkwe benefiċċju ieħor bħal din għandu jieqaf matul il-perjodu korrispondenti. Jekk l-issekondar jintemm qabel l-iskadenza tal-perjodu li ttieħed kont tiegħu għall-kalkolu tal-ammont li ngħata minn qabel, l-SNE għandu jagħti lura l-ammont li jikkorrispondi għall-parti li jifdal ta’ dak il-perjodu.

5.   Fiż-żmien tal-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4, l-impjegatur għandu jikkwantifika u jipprovdi dettalji ta’ kull pagament għajr is-salarji magħmula lill-SNE. Kull bidla f’dawn il-pagamenti matul l-issekondar għandha tiġi nnotifikata mill-impjegatur lis-SEAE.

Fejn jiġi stabbilit li l-SNE jirċievi benefiċċji mill-impjegatur tiegħu li n-natura u l-għan tagħhom huma simili għal dawk l-indennizzi ta’ kuljum jew ta’ kull xahar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għall-benefiċċju għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imsemmija fl-Artikolu 23(2), għall-miżuri finanzjarji msemmija fl-Artikolu 23(3), jew għall-benefiċċji għax-xogħol bix-xift jew dmir ta’ standby imsemmija fl-Artikolu 12(4), is-SEAE għandu jnaqqas jew jirkupra, f’konformità mal-Artikolu 48, il-benefiċċji korrispondenti mħallsa mis-SEAE matul l-issekondar. It-tnaqqis jew l-irkupru tal-indennizz ta’ kuljum ma għandux jaqbeż il-parti korrispondenti ta’ dak il-benefiċċju li jkollu l-istess natura u skop. Meta parti biss mill-benefiċċji mogħtija mill-impjegatur tkun simili għal dawk normalment mogħtija mis-SEAE, l-ammont li jikkorrispondi għall-parti simili tal-benefiċċji mogħtija mill-impjegatur għandu jitnaqqas jew jiġi rkuprat mill-ammont imħallas mis-SEAE.

6.   L-indennizzi ta’ kuljum u ta’ kull xahar skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu soġġetti għall-koeffiċjent stabbilit skont l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif aġġornat kull sena.

7.   L-aġġustamenti għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tas-SEAE li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu applikati, mutatis mutandis, għall-indennizzi ta’ kuljum u ta’ kull xahar skont il-paragrafi 1 u 2 mix-xahar ta’ wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għandu jinforma lill-SNEs dwar l-ammonti l-ġodda permezz tas-sit web tal-Intranet tas-SEAE.

8.   L-ispejjeż relatati man-nurseries u ċ-ċentri ta’ wara l-iskola ġestiti miċ-ċentru għat-tfal żgħar tal-Kummissjoni Ewropea jew minn kwalunkwe istituzzjoni oħra tal-UE, kif ukoll l-ispejjeż tat-trasport lejn l-iskola, m’għandhomx ikunu koperti mis-SEAE. L-ispejjeż tal-iskola relatati mar-reġistrazzjoni fi Skola Ewropea tat-Tip I għandhom ikunu koperti mis-SEAE f’konformità mal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej tal-21 ta’ Ġunju 1994 (7).

Artikolu 18

Spejjeż tal-ivvjaġġar

1.   SNE għandu jkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, mal-preżentazzjoni tal-prova tax-xiri, fil-bidu tal-issekondar bejn il-post tal-oriġini u l-post ta’ sekondar, u fi tmiem l-issekondar, bejn il-post ta’ sekondar u l-post tal-oriġini, sakemm:

(a)

is-sekondar ma jkunx ġie miftiehem fuq bażi mingħajr spejjeż skont l-Artikolu 24; jew

(b)

il-post ta’ sekondar ma jkunx l-istess bħall-post tal-oriġini; jew

(c)

l-SNE ma jkunx diġà residenti fil-post ta’ sekondar immedjatament qabel l-issekondar; jew

(d)

l-SNE ma jkunx intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar mill-impjegatur.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, SNE li jistabbilixxi li ser jirriloka għal post li mhuwiex il-post tal-oriġini tiegħu fi tmiem l-issekondar tiegħu għandu jkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn dak il-post il-ġdid. Madankollu, ir-rimborż ma jistax jaqbeż l-ammont li kien jitħallas li kieku l-SNE kien ser jirritorna għall-post tal-oriġini tiegħu.

3.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati mis-SEAE, wara awtorizzazzjoni mill-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ, b’analoġija mar-regoli applikabbli fis-SEAE għall-uffiċjali, skont l-Artikolu 7(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati mis-SEAE.

Artikolu 19

Spejjeż tal-missjoni

L-ispejjeż tal-missjonijiet għandhom jiġu rimborżati mis-SEAE b’analoġija mar-regoli applikabbli fis-SEAE għall-uffiċjali, u b’mod partikolari mal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom adottati mis-SEAE.

Artikolu 20

Taħriġ

SNE jista’ jiġi offrut jew mitlub mis-superjur tiegħu biex jattendi korsijiet ta’ taħriġ organizzati mis-SEAE. Il-korsijiet ta’ taħriġ għandhom jiġu determinati f’konformità mal-interess tas-SEAE, filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-interessi personali tal-SNEs, b’kont meħud b’mod partikolari tat-twettiq tad-dmirijiet professjonali tagħhom.

Artikolu 21

Formalitajiet amministrattivi

1.   SNE li l-post ta’ sekondar tiegħu huwa Brussell għandu jirrapporta lid-Direttorat responsabbli għar-riżorsi umani fl-ewwel jum tal-issekondar biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa.

2.   SNE li l-post ta’ sekondar tiegħu huwa Delegazzjoni tal-Unjoni għandu jirrapporta lill-Kap tad-Delegazzjoni fl-ewwel jum tal-issekondar biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa.

3.   Il-ħlas ta’ benefiċċji skont l-Artikoli 12 (4), 17 u 23 u r-rimborżi tal-ispejjeż skont din id-Deċiżjoni għandhom isiru mis-SEAE, f’euro, permezz ta’ trasferiment f’kont bankarju ma’ istituzzjoni bankarja fi Stat Membru tal-UE.

4.   Fuq talba tal-SNE, il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ jista’ jagħti ċertifikat tal-issekondar.

KAPITOLU IV

SNEs ASSENJATI LIL DELEGAZZJONI TAL-UNJONI

Artikolu 22

Regoli li japplikaw għal SNEs assenjati għal Delegazzjonijiet tal-Unjoni

1.   Soġġett għar-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu, id-dispożizzjonijiet għal din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal SNEs assenjati lil Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Għal SNEs assenjati lil Delegazzjoni tal-Unjoni, is-SEAE għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex dawn jiġu nnotifikati lill-Istat riċeventi f’konformità mal-Artikolu 10(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961 u jirċievu privileġġi u immunitajiet diplomatiċi, bħala membri tal-persunal diplomatiku tad-Delegazzjoni, skont il-ftehim ta’ stabbiliment ta’ dik id-Delegazzjoni fl-Istat riċeventi.

3.   Bħala regola ġenerali, l-SNEs ma għandhomx jiġu assenjati lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni f’kumplessi limitati, sakemm tali assenjazzjoni ma tkunx ġustifikata b’kont meħud tal-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni.

4.   Is-SEAE għandu jikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istat riċeventi fejn tinsab id-Delegazzjoni tal-Unjoni sabiex jikseb l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa biex l-SNEs jaqdu dmirijiethom. Id-data tal-bidu tal-issekondar tal-SNE skont l-Artikolu 5(1) f’Delegazzjoni tal-Unjoni hija soġġetta għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet u/jew l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-viża tad-dħul stabbiliti mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat riċeventi, sabiex l-SNE ikun jista’ jibda jaqdi dmirijietu fil-post ta’ sekondar.

Jekk xi waħda minn dawn l-awtorizzazzjonijiet u/jew viża tiġi miċħuda jew ma tinkisibx fi żmien raġonevoli li jqis tal-interess tas-servizz, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani għandu jirtira l-offerta ta’ sekondar. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz, id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’, minflok, jiddetermina post ieħor ta’ sekondar permezz ta’ skambju ieħor ta’ ittri.

Artikolu 23

Benefiċċji u spejjeż

1.   Il-Kap tad-Diviżjoni inkarigat mill-għażla u r-reklutaġġ jista’, fuq talba mill-SNE, jawtorizza l-benefiċċji skont l-Artikoli 17 u 23(2), u r-rimborżi tal-ispejjeż skont din id-Deċiżjoni, li għandhom jitħallsu fil-munita tal-post ta’ sekondar jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati u sabiex tinżamm il-kapaċità tal-akkwist, f’munita oħra. Il-benefiċċji għandhom imbagħad ikunu soġġetti għall-koeffiċjent previst fl-Artikolu 12 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, kif applikati b’analoġija u kkonvertiti bir-rata tal-kambju medja fix-xahar korrispondenti kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-benefiċċju għall-kundizzjonijiet tal-għajxien stabbilita għall-uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati mis-SEAE għandhom jiġu applikati b’analoġija għall-SNEs assenjati lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi. L-indennizz ta’ kuljum imsemmi fl-Artikolu 17(2) għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

Id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani għandu jissospendi d-dritt għall-benefiċċju għall-kundizzjonijiet tal-għajxien f’każijiet ta’ assenza fit-tul ta’ aktar minn xahar mill-post ta’ sekondar għal raġunijiet oħra minbarra l-liv annwali, sakemm ma jkunux japplikaw ċirkostanzi eċċezzjonali, jew membru tal-familja dipendenti jkun preżenti fil-post ta’ sekondar. Is-sospensjoni għandha tapplika għall-perjodu ta’ assenza ta’ aktar minn xahar. F’każijiet bħal dawn, il-benefiċċju għall-kundizzjonijiet tal-għajxien għandu jitnaqqas b’wieħed minn tletin għal kull jum ta’ assenza mill-post ta’ sekondar, mill-bidu tad-data tas-sospensjoni.

3.   B’analoġija mar-regoli applikabbli fis-SEAE għall-uffiċjali, f’każ ta’ evakwazzjoni ta’ Delegazzjoni tal-Unjoni, il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-evakwazzjonijiet jista’ jadotta miżuri finanzjarji u amministrattivi applikabbli għall-SNEs, inkluż fejn xieraq għal “SNEs mingħajr spejjeż” kif definit fl-Artikolu 24(2) u sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi skambju ta’ ittri; dawn il-miżuri jistgħu jinkludu spejjeż tal-ivvjaġġar, rimborż temporanju tal-akkomodazzjoni fil-post tal-evakwazzjoni, benefiċċji għall-evakwazzjoni ta’ kuljum, il-benefiċċji għall-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-liv ta’ mistrieħ, tneħħija u ħżin, kopertura tat-tariffi tal-iskola fil-post tal-evakwazzjoni, il-ġestjoni tal-ħin u t-telexogħol, missjonijiet u l-arranġament ta’ xogħol alternattiv.

L-impjegatur għandu jiġi mgħarraf bil-miżuri finanzjarji u amministrattivi adottati. L-impjegatur għandu jinforma lis-SEAE dwar kwalunkwe pagament li jsir lill-SNEs li essenzjalment għandu natura u skop simili għal tali miżuri finanzjarji u amministrattivi.

4.   Fil-prinċipju, l-akkomodazzjoni ma għandhiex tiġi pprovduta mis-SEAE u l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni għandhom jiġu koperti mill-SNEs bl-indennizzi ta’ kuljum u ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 17(1) u (2).

5.   B’deroga mill-paragrafu preċedenti, fejn meħtieġ għall-interessi tas-sigurtà tas-servizz, l-Awtorità tas-Sigurtà tas-SEAE tista’ tagħmel disponibbli akkomodazzjoni f’komposti konfinati jew soluzzjonijiet dedikati simili, f’konformità mar-regoli tas-sigurtà rilevanti tas-SEAE. F’każijiet bħal dawn, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni relatati jistgħu jitħallsu kompletament jew parzjalment mis-SEAE, f’konformità mat-termini stipulati fi skambju ta’ ittri bejn is-SEAE u l-impjegatur.

6.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-SNE mġarrba għall-fini tal-ħruġ ta’ laissez-passer fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-forma tal-laissez-passer maħruġin mill-Unjoni Ewropea (8) u/jew sabiex jattendi taħriġ obbligatorju ta’ qabel l-inkarigu, għandhom jiġu rimborżati skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18, sakemm l-SNE ma jkunx intitolat għal rimborż għal tali spejjeż tal-ivvjaġġar mill-impjegatur.

Minbarra r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar imsemmija fil-paragrafu preċedenti, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza mġarrba mill-SNEs fi Brussell matul il-perjodu awtorizzat tal-ivvjaġġar għall-ħruġ ta’ laissez-passer u/jew sabiex jattendu taħriġ obbligatorju ta’ qabel l-inkarigu, għandhom jiġu rimborżati fuq preżentazzjoni ta’ fatturi u/jew dokumenti ta’ sostenn, sakemm l-SNE ma jkunx intitolat għal rimborż għal tali spejjeż ta’ akkomodazzjoni u sussistenza mill-impjegatur. Tali rimborż mis-SEAE fi kwalunkwe każ ma għandux ikun aktar mil-limiti ta’ kuljum previsti fl-Artikolu 13(2)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-awtorità kompetenti li tawtorizza l-ħlas ta’ dawn ir-rimborżi hija l-Kap tad-Diviżjoni responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ.

KAPITOLU V

ESPERTI NAZZJONALI SEKONDATI MINGĦAJR SPEJJEŻ

Artikolu 24

“SNEs mingħajr spejjeż”

1.   Soġġett għar-regoli stipulati f’dan il-Kapitolu, id-dispożizzjonijiet għal din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal “SNEs mingħajr spejjeż”.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim differenti bejn is-SEAE u l-impjegatur, “SNE mingħajr spejjeż” għandha tfisser SNE li għalih, sakemm mhux previst mod ieħor, is-SEAE ma jħallas l-ebda benefiċċju previst fl-Artikoli 17 u 23 (2), u ma jkopri ebda rimborż tal-ispejjeż previsti f’din id-Deċiżjoni għajr dawk previsti fl-Artikolu 17(8) u dawk relatati mal-qadi ta’ dmirijiethom matul l-issekondar tagħhom skont l-Artikoli 19 u 20. L-Artikolu 23(5) għandu japplika għal “SNEs mingħajr spejjeż”.

3.   Id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi jista’, fuq talba mid-Direttur Maniġerjali rilevanti jew ekwivalenti, jawtorizza l-issekondar ta’ “SNEs mingħajr spejjeż” lis-SEAE fl-interess tas-servizz, skont il-każ, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, l-iskop tal-issekondar tagħhom, in-natura tal-għarfien espert tagħhom, il-ħidma li għandha titwettaq u l-bilanċ ġeografiku tal-persunal fis-SEAE.

KAPITOLU VI

PERSUNAL MILITARI NAZZJONALI SEKONDAT

Artikolu 25

Regoli li japplikaw għal persunal militari sekondat

1.   Soġġett għar-regoli stipulati f’dan il-Kapitolu, id-dispożizzjonijiet għal din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal:

(a)

persunal militari sekondat assenjat lill-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (“EUMS”) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK tat-22 ta’ Jannar 2001 dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (9), kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2005/395/PESK (10) u 2008/298/PESK (11) (id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK, kif emendata”);

(b)

persunal militari sekondat assenjat lid-Direttorat Maniġerjali għall-Paċi, is-Sigurtà u d-Difiża tas-SEAE (“MD-PSD”).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu preċedenti, id-Direttur Ġenerali tal-EUMS u d-Direttur Maniġerjali responsabbli għall-MD-PSD jistgħu jiddeterminaw arranġamenti addizzjonali għall-persunal militari sekondat li għandu jiġi assenjat lis-servizz rispettiv tagħhom.

Artikolu 26

Kundizzjonijiet għall-issekondar

1.   Persunal militari sekondat għandu jkun f’servizz rimunerat fil-forzi armati ta’ Stat Membru matul l-issekondar tiegħu.

2.   Id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi jista’ jawtorizza l-issekondar mas-SEAE ta’ membru tal-forzi armati ta’ Stat Membru tal-UE li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (b) u (e) tal-Artikolu 2(1) iżda li għandu esperjenza professjonali rilevanti fil-livell amministrattiv jew konsultattiv u juri livell għoli ta’ għarfien espert f’qasam meħtieġ għas-SEAE.

Artikolu 27

Għażla tal-persunal militari sekondat lill-MD-PSD

1.   Skont il-livell tal-pożizzjoni vakanti, id-Direttur Maniġerjali responsabbli għall-MD-PSD jew id-Direttur tas-servizz bil-pożizzjoni vakanti għandu jawtorizza l-pubblikazzjoni mill-EUMS ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess fir-Rapport tal-EUMS dwar il-Forniment u l-Fatturat.

2.   Il-proċedura tal-għażla għandha titwettaq:

—

minn bord tal-għażla li l-membri tiegħu jinħatru mill-Kap tad-Diviżjoni tar-Riżorsi Umani responsabbli għall-għażla u r-reklutaġġ, u li huwa ppresedut mill-Kap tad-Diviżjoni li fiha għandu jiġi assenjat il-membru tal-persunal militari sekondat; jew

—

fil-każ tal-għażla ta’ Konsulent Militari Għoli jew Uffiċjal tal-Persunal Personali għall-Konsulent Militari Superjuri, minn bord tal-għażla li l-membri tiegħu jinħatru mid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi u li jkun ippresedut mid-Direttur Maniġerjali responsabbli għall-MD-PSD.

Fiż-żewġ każijiet, il-bord tal-għażla għandu jikkonsisti f’mhux inqas minn ħames membri tal-persunal tas-SEAE fil-livell xieraq, inkluż il-president, uffiċjal AD wieħed mill-MD-PSD, mill-inqas rappreżentant militari wieħed mill-EUMS u membru wieħed minn diviżjoni oħra. Il-bord tal-għażla għandu jinkludi mill-inqas raġel wieħed u mara waħda.

3.   Il-bord tal-għażla għandu jistabbilixxi lista ta’ kandidati li għandhom jiġu intervistati abbażi tal-kundizzjonijiet stipulati fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess u f’konformità mal-politika tas-SEAE dwar l-opportunitajiet indaqs.

4.   Il-bord tal-għażla għandu jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal deċiżjoni finali dwar l-għażla li għandha tittieħed:

—

mid-Direttur Maniġerjali responsabbli għall-MD-PSD jew mid-Direttur tas-servizz bil-pożizzjoni vakanti; jew

—

fil-każ tal-għażla ta’ Konsulent Militari Għoli jew Uffiċjal Personali tal-Persunal għall-Konsulent Militari Anzjan, mill-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (“EUMC”).

Artikolu 28

Skambju ta’ ittri

1.   Għal persunal militari ssekondat, l-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4 għandu jkun kif ġej:

(a)

għall-issekondar ta’ membru tal-forzi armati ta’ Stat Membru tal-UE bħala Direttur Ġenerali tal-EUMS, id-Deputat Direttur Ġenerali tal-EUMS, id-Direttur tal-EUMS jew il-Konsulent Militari Għoli jew l-Uffiċjal Personali tal-Persunal għall-Konsulent Militari Għoli fl-MD-PSA tas-SEAE: bejn id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat;

(b)

għall-issekondar l-ieħor kollu ta’ persunal militari sekondat assenjat lill-EUMS: bejn id-Direttur Ġenerali tal-EUMS u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat;

(c)

għal persunal militari sekondat assenjat lill-MD-PSD: bejn id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat;

(d)

għal persunal militari sekondat lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni: bejn id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat.

2.   L-iskambju ta’ ittri għandu jsemmi kwalunkwe kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tal-membru tal-persunal militari sekondat f’missjonijiet.

Artikolu 29

Tul ta’ żmien tal-issekondar

1.   B’deroga mill-Artikolu 5(2), it-tul ta’ żmien inizjali tal-issekondar ma għandux jaqbeż l-erba’ snin. L-issekondar jista’ jiġi estiż aktar b’deċiżjoni tal-awtorità kompetenti taħt l-Artikolu 28(1), sakemm it-tul ta’ żmien totali tiegħu ma jaqbiżx is-sitt snin.

2.   Għandu jgħaddi perjodu ta’ mhux inqas minn sentejn bejn tmiem il-perjodu preċedenti ta’ sekondar ta’ membru tal-persunal militari u l-issekondar il-ġdid tagħhom mas-SEAE, sakemm, għall-SNEs assenjati lill-EUMS, ma tiġix awtorizzata deroga mid-Direttur Ġenerali tal-EUMS, f’każijiet eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz.

Artikolu 30

Kompiti

1.   Persunal militari sekondat assenjat lill-EUMS jew l-MD-PSD għandu jwettaq il-missjoni, iwettaq il-kompiti u jwettaq id-dmirijiet assenjati lilu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tal-impjieg tiegħu, u, għall-persunal militari sekondat assenjat lill-EUMS, f’konformità wkoll mal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK, kif emendata.

2.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor b’istruzzjoni tal-EUMS jew tal-MD-PSD, il-limitazzjoni tas-setgħat ta’ rappreżentanza stabbilita fl-Artikolu 7(4) ma tapplikax għal persunal militari sekondat assenjat lill-EUMS jew lill-MD-PSD.

Artikolu 31

Approvazzjoni tas-sigurtà

Il-livell adatt tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal militari sekondat, għandu jiġi stipulat fl-iskambju ta’ ittri fl-Artikoli 4 u 28.

Ma għandux ikun inqas minn EU SECRET/SECRET UE.

Artikolu 32

Sospensjoni u terminazzjoni ta’ sekondar

1.   Għall-finijiet tas-sospensjoni tal-issekondar skont l-Artikoli 9, 13 u 15, ir-rwoli u s-setgħat tad-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 28(1).

2.   Għall-finijiet tat-terminazzjoni tal-issekondar skont l-Artikolu 10, ir-rwoli u s-setgħat tad-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 28(1).

Artikolu 33

Ħinijiet tax-xogħol

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2) m’għandux japplika għal persunal militari sekondat.

Artikolu 34

Liv speċjali

1.   Għall-finijiet tal-għoti ta’ liv speċjali previst fl-Artikoli 14(2), ir-rwoli u s-setgħat tad-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 28(1).

2.   Jista’ jingħata liv speċjali addizzjonali mhux imħallas mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 28(1) għat-taħriġ mill-impjegatur, soġġett għal talba ġustifikata kif dovut mill-impjegatur.

Artikolu 35

Benefiċċji

L-iskambju ta’ ittri skont l-Artikoli 4 u 28 jista’ jistipula li l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 12(4) u 17 ma għandhomx jitħallsu lill-membru tal-persunal militari sekondat, u li l-ispejjeż previsti f’din id-Deċiżjoni minbarra dawk previsti fl-Artikolu 17(8) u dawk relatati mal-qadi ta’ dmirijiethom matul l-issekondar tagħhom skont l-Artikoli 19 u 20 ma għandhomx jiġu rimborżati mis-SEAE.

KAPITOLU VII

ESPERTI SEKONDATI OĦRA

Taqsima 1

TAĦRIĠ TAL-ISSEKONDAR GĦAL DIPLOMATIĊI SUBALTERNI MINN STATI MEMBRI TAL-UE

Artikolu 36

Eliġibbiltà

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, “Diplomatiċi Subalterni” għandha tfisser diplomatiċi li għandhom inqas minn tliet snin esperjenza professjonali fis-servizz diplomatiku tal-Istat Membru tal-UE tagħhom.

2.   Soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4, Diplomatiċi Subalterni jistgħu jkunu eliġibbli għal sekondar ta’ taħriġ fi Brussell jew f’Delegazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 37

Statut mingħajr spejjeż

1.   Fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni, id-Diplomatiċi Subalterni għandhom jitqiesu bħala “SNEs mingħajr spejjeż”, skont it-tifsira tal-Artikolu 24, u huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom.

2.   Meta Diplomat Subaltern jintgħażel għal sekondar ta’ taħriġ f’Delegazzjoni tal-Unjoni, il-Kap tad-Diviżjoni inkarigat mill-għażla u r-reklutaġġ jista’ jawtorizza r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikolu 18, soġġett għad-disponibbiltà tal-baġit.

Artikolu 38

Regoli ta’ implementazzjoni

Id-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani jista’ jiddetermina arranġamenti addizzjonali għal sekondar ta’ taħriġ għal Diplomatiċi Subalterni.

Taqsima 2

UFFIĊJALI TAL-PROTEZZJONI MILL-QRIB

Artikolu 39

Sekondar ta’ Uffiċjali tal-Protezzjoni mill-Qrib

Uffiċjali tal-Protezzjoni mill-Qrib (“CPOs”) għandhom livell għoli ta’ għarfien espert fil-qasam tal-protezzjoni armata li mhuwiex disponibbli fost il-persunal tas-SEAE. Huma jistgħu jiġu ssekondati lis-SEAE mill-Istati Membri tal-UE jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali u assenjati lil Delegazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ ċerti membri tal-persunal.

Artikolu 40

Regoli li japplikaw għal CPOs sekondati

1.   Fejn xieraq, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE jista’ jikkonkludi qafas ta’ arranġamenti amministrattivi mal-impjegatur, irrappreżentat mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru tal-UE jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata, sabiex jiġu stabbiliti r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-issekondar tas-CPOs lis-SEAE biex jiġu assenjati lil Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-issekondar tas-CPOs:

—

id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, soġġetti għar-regoli stipulati f’din it-taqsima,

—

it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4, u

—

l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet deskritti fl-arranġamenti amministrattivi, is-SEAE jista’ jkopri l-ispiża tal-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 41

Kundizzjonijiet u tul ta’ żmien tal-issekondar

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1)(e), is-CPOs għandhom ikunu eliġibbli wkoll jekk ikollhom għarfien profond ta’ lingwa waħda tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra, preferibbilment il-Franċiż jew l-Ingliż, għall-qadi ta’ dmirijiethom.

2.   It-tul ta’ żmien tas-sekondar tas-CPOs għandu jiġi definit fl-arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Artikolu 40(1) u fl-iskambju ta’ ittri skont l-Artikolu 4.

Artikolu 42

Approvazzjoni tas-sigurtà

Il-livell adatt tal-approvazzjoni tas-sigurtà tas-CPOs sekondati għandu jiġi stipulat fl-iskambju ta’ ittri fl-Artikolu 4.

Ma għandux ikun inqas minn EU SECRET/SECRET UE.

Taqsima 3

KONSULENTI MILITARI

Artikolu 43

Regoli li japplikaw għal Konsulenti Militari sekondati

1.   Konsulenti Militari jistgħu jiġu ssekondati mill-Istati Membri tal-UE lis-SEAE biex jiġu assenjati lil Delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jipprovdu l-għarfien u l-għarfien espert militari tagħhom.

2.   Soġġett għar-regoli stipulati f’din it-taqsima, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal Konsulenti Militari sekondati.

3.   L-għażla ta’ Konsulenti Militari sekondati hija soġġetta għall-proċedura prevista għall-persunal militari sekondat assenjat lill-EUMS.

4.   L-issekondar ta’ Konsulenti Militari huwa soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-iskambju ta’ ittri fl-Artikolu 4. Il-perjodu inizjali tal-issekondar m’għandux jaqbeż l-erba’ snin u kull estensjoni tal-issekondar teħtieġ l-approvazzjoni tal-EUMC, taħt proċedura ta’ silenzju.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 22(2), Konsulenti Militari sekondati għandhom jiġu notifikati bħala “Attachés tad-Difiża” f’konformità mal-prattika diplomatika abitwali u f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961. Il-bidu tal-issekondar skont l-Artikolu 5(1) huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-ħatra tagħhom u, jekk applikabbli, l-issodisfar ta’ rekwiżiti oħra stipulati mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat riċeventi.

Artikolu 44

Approvazzjoni tas-sigurtà

Il-livell xieraq tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-Konsulenti Militari sekondati għandu jiġi stipulat fl-iskambju ta’ ittri fl-Artikolu 4.

Ma għandux ikun inqas minn EU SECRET/SECRET UE.

Taqsima 4

PERSUNAL TAL-FORZI TAS-SIGURTÀ

Artikolu 45

Sekondar ta’ Persunal tal-Forzi tas-Sigurtà

1.   Il-Persunal tal-Forzi tas-Sigurtà jista’ jiġi ssekondat lis-SEAE biex jiġi assenjat lill-Kapaċità ta’ Sorveljanza tal-EUMS sabiex jipprovdi punt ta’ kuntatt 24/7 għall-informazzjoni kollha relatata ma’ operazzjonijiet, missjonijiet u attivitajiet ta’ appoġġ militari u ċivili attwali jew ippjanati tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni.

2.   Persunal tal-Forzi tas-Sigurtà sekondat huwa inkarigat minn dmirijiet tas-sigurtà pubblika u għandu jkun fuq servizz imħallas minn Stat Membru tal-UE matul l-issekondar tiegħu.

3.   Persunal tal-Forzi tas-Sigurtà sekondat huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ħlief il-Kapitolu IV u l-Artikoli 26(1), 27 u 30(2).

4.   L-għażla ta’ Persunal Militari tal-Unjoni sekondati hija soġġetta, b’analoġija, għall-proċedura prevista għal persunal militari sekondat assenjat lill-EUMS.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 46

Ilmenti

1.   SNE jista’ jippreżenta lment lid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi kontra att adottat mis-SEAE skont din id-Deċiżjoni li jaffettwahom b’mod negattiv, bl-eċċezzjoni ta’ atti jew deċiżjonijiet li huma konsegwenzi diretti ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-impjegatur. Meta l-att ikkontestat ikun ġie adottat mid-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi, l-ilment għandu jitressaq lis-Segretarju Ġenerali.

2.   L-ilment għandu jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-SNE. Fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment, id-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi jew, fejn applikabbli, is-Segretarju Ġenerali, għandu jinnotifika lill-SNE bid-deċiżjoni motivata tiegħu. Jekk fl-aħħar ta’ dan il-perjodu ma tkun waslet l-ebda tweġiba għall-ilment, dan għandu jitqies li jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita li l-każ ġie miċħud.

3.   F’każ ta’ rifjut tal-ilment tagħhom, l-SNE jista’ jibda proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE u, jekk applikabbli, l-Artikolu 268 TFUE.

Artikolu 47

Talbiet għall-għajnuna

L-SNE jista’ jitlob assistenza mis-SEAE, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa soġġett minħabba l-pożizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

SNE jista’ jitlob kumpens għad-danni li jkun sofra f’dawn il-każijiet, sakemm l-SNE ma jkunx, jew intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza gravi, ikkawża d-danni u ma setgħax jikseb il-kumpens mill-persuna li kkawżathom.

Artikolu 48

Irkupru ta’ ħlas żejjed

Kwalunkwe somma mħallsa żejda għandha tiġi rkuprata jekk l-SNE kien konxju li ma kien hemm l-ebda raġuni dovuta għall-ħlas jew jekk tant kien ovvju li l-ħlas kien żejjed li dak li jkun rċevih ma setax ma jindunax b’dan.

It-talba għall-irkupru għandha ssir mid-Direttur responsabbli għar-riżorsi umani mhux aktar tard minn ħames snin mid-data li fiha tkun tħallset is-somma. Fejn is-SEAE jista’ jistabbilixxi li l-SNE jkun żgwida apposta lill-amministrazzjoni bil-ħsieb li jikseb is-somma konċernata, it-talba għall-irkupru ma għandiex tiġi invalidata anki jekk dan il-perjodu jkun għadda.

Artikolu 49

Regoli dixxiplinari

L-SNEs għandhom ikomplu jkunu soġġetti għar-regoli dixxiplinarji nazzjonali tagħhom.

Artikolu 50

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandha tapplika għal kull issekondar ġdid jew għal kull estensjoni ta’ ssekondar mill-ewwel jum tax-xahar wara li tidħol fis-seħħ.

3.   Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni HR DEC (2014) 01 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-4 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali ssekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif emendata bid-Deċiżjoni HR (2014) 11 tas-16 ta’ Diċembru 2014, għandha tkompli tapplika għal sekondar li jkun għaddej mhux kopert mill-paragrafu 2 sa tmiemu.

4.   Din id-Deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni HR DEC (2014) 01 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-4 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-Esperti Nazzjonali sekondati lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif ukoll id-Deċiżjoni HR (2014) 11 tas-16 ta’ Diċembru 2014.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Lulju 2026.

Kaja KALLAS

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni

għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà


(1)   ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(2)  L-Ingliż u l-Franċiż.

(3)  Id-Deċiżjoni ADMIN(2025) 42 tas-Segretarju Ġenerali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-20 ta’ Novembru 2025 dwar ir-Regoli u l-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni għall-miżuri ta’ Sigurtà tal-Persunal għall-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata tal-UE.

(4)  Fis-seħħ bħalissa: Deċiżjoni ADMIN(2023) 18 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Ġunju 2023 dwar ir-regoli tas-sigurtà għas-SEAE; Deċiżjoni ADMIN(2015) 33 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-14 ta’ Settembru 2015 dwar l-eżerċizzju, id-delega u s-sottodelega tas-setgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-Persunal, Finanzjarji u Amministrattivi fi ħdan is-SEAE; Deċiżjoni ADMIN(2015) 34 tas-Segretarju Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2015 dwar l-eżerċizzju u s-sottodelega tal-funzjonijiet tas-sigurtà fis-SEAE; Deċiżjoni DEC(2014) 008 tal-Uffiċjal Kap Operattiv tas-SEAE tal-11 ta’ April 2014 dwar l-eżerċizzju mis-SEAE tar-responsabbiltà tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu għall-persunal fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni f’każ ta’ evakwazzjoni ta’ pajjiż.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(7)  Il-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-istatut tal-iskejjel Ewropej (ĠU L 212, 17.8.1994, p. 3).

(8)   ĠU L 353, 28.12.2013, p. 26.

(9)   ĠU L 27, 30.01.2001, p. 7.

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/395/PESK ta’ l- 10 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 132, 26.5.2005, p. 17).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/298/PESK tas- 7 ta’ April 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2001/80/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 102, 12.4.2008, p. 25).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4853/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)