European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1231

20.6.2025

DEĊIŻJONI Nru 1/2025 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦAS-SAJD STABBILIT BL-ARTIKOLU 8(1)(Q) TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

tad-19 ta’ Ġunju 2025

fir-rigward tal-arranġamenti dwar il-livell u l-kundizzjonijiet tal-aċċess mogħti minn kull Parti lill-bastimenti tal-Parti l-oħra biex jistadu fl-ilmijiet tagħha mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2038 [2025/1231]

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦAS-SAJD,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 508(2)(d) tiegħu u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija datata 18 ta’ Ġunju 2025 li tinterpreta dak l-Artikolu,

Billi:

(1)

Il-perjodu ta’ aġġustament previst fl-Anness 38 tal-Ftehim, li matulu kull Parti tagħti aċċess sħiħ lill-bastimenti tal-Parti l-oħra għall-ilmijiet tagħha biex jistadu, jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2026.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 500(1) tal-Ftehim, li japplika mit-30 ta’ Ġunju 2026, kull Parti għandha tagħti aċċess lill-bastimenti tal-Parti l-oħra biex jistadu fl-ilmijiet tagħha fis-subżoni rilevanti tal-ICES għas-sena rilevanti f’livell u skont kundizzjonijiet determinati fil-konsultazzjonijiet annwali, dment li jkun intlaħaq qbil dwar it-TACs.

(3)

Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu arranġamenti dwar il-livell u l-kondizzjonijiet ta’ aċċess mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2038, li għandhom jitqiesu bħala l-livell u l-kondizzjonijiet ta’ aċċess determinati għall-finijiet tal-Artikolu 500(1), (4) u (5) tal-Ftehim u jipprovdu aċċess pluriennali għall-ilmijiet għas-sajd ta’ xulxin matul dak il-perjodu, inkluż fil-każ ta’ TACs proviżorji stabbiliti skont l-Artikolu 499 tal-Ftehim.

(4)

L-ishma rispettivi tal-Partijiet stabbiliti fl-Annessi 35 u 36 għall-2026 ’il quddiem u d-dispożizzjonijiet tal-Anness 37 tal-Ftehim mhumiex affettwati minn din id-Deċiżjoni.

(5)

Fil-Fehim Komuni tad-19 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit innutaw il-ftehim politiku li wassal għal aċċess reċiproku sħiħ għall-ilmijiet għas-sajd sat-30 ta’ Ġunju 2038,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti dwar il-livell u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess mogħti minn kull Parti lil bastimenti tal-Parti l-oħra biex jistadu fl-ilmijiet tagħha, li għandhom jitqiesu bħala l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess determinati għall-finijiet tal-Artikolu 500(1), (4) u (5) tal-Ftehim. Għal aktar ċertezza, l-Artikolu 500(2) tal-Ftehim mhuwiex affettwat minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Sakemm it-TACs ikunu ġew miftiehma, kull Parti għandha tagħti lill-bastimenti tal-Parti l-oħra:

(a)

aċċess sħiħ għall-ħut tal-istokkijiet elenkati fl-Anness 35 u t-tabelli A, B u F tal-Anness 36 tal-Ftehim ŻEE ta’ xulxin u fl-ilmijiet tal-Partijiet bejn sitt u tnax-il mil nawtiku mil-linji bażi fid-diviżjonijiet 4c u 7d-g tal-ICES f’livell li huwa raġonevolment proporzjonat mal-ishma rispettivi tal-Partijiet tat-TACs;

(b)

aċċess sħiħ għall-ħut tal-istokkijiet mingħajr kwota fiż-ŻEE ta’ xulxin u fl-ilmijiet tal-Partijiet bejn sitt u tnax-il mil nawtiku mil-linji bażi fid-diviżjonijiet 4c u 7d-g tal-ICES f’livell li tal-anqas ikun daqs it-tunnellaġġ medju mistad minn dik il-Parti fl-ilmijiet tal-Parti l-oħra matul il-perjodu 2012-2016.

Għall-finijiet tas-subpunti (a) u (b), l-aċċess sħiħ għall-ħut bejn sitt u tnax-il mil nawtiku mil-linji bażi fid-diviżjonijiet 4c u 7d-g tal-ICES japplika għall-bastimenti li jikkwalifikaw sal-punt li l-bastimenti kwalifikanti ta’ kull Parti kellhom aċċess għal dawk l-ilmijiet fl-31 ta’ Diċembru 2020. “Bastiment li jikkwalifika” għandu jkollha l-istess tifsira bħal “bastiment li jikkwalifika” fl-Artikolu 500(4) kif definit għall-finijiet tal-Artikolu 500(4)(c).

2.   L-aċċess stabbilit fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jingħata wkoll meta stokk elenkat fl-Anness 35 jew fit-tabelli A u B tal-Anness 36 jibqa’ mingħajr TAC miftiehma fl-20 ta’ Diċembru ta’ kwalunkwe sena partikolari u kull Parti tkun stabbiliet TAC proviżorja, skont l-Artikolu 499 tal-Ftehim. L-istess għandu japplika, mutatis mutandis, għall-aċċess stabbilit fis-subpunt (b) tal-paragrafu 1 għall-istokkijiet tal-ħut mingħajr kwota.

3.   L-arranġamenti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jinkludu impenji finanzjarji u trasferimenti ta’ kwoti bejn il-Partijiet.

Artikolu 3

Il-partijiet jistgħu, għal raġunijiet ta’ trasparenza, jinkorporaw l-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 2 fir-Rekords bil-Miktub tal-konsultazzjonijiet annwali dwar is-sajd imsemmija fl-Artikolu 498(6) tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2026. Għandha tieqaf tapplika fit-30 ta’ Ġunju 2038 sakemm il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd ma jadottax deċiżjoni biex jestendiha.

Magħmul fi Brussell u f’Londra, id-19 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd

Il-Kopresidenti

Eva María CARBALLEIRA FERNANDEZ

Mike DOWELL


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1231/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)