Strasburgu, 17.6.2025

COM(2025) 823 final/2

2025/0177(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE, fir-rigward tas-simplifikazzjoni tat-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża u s-simplifikazzjoni tal-akkwist fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża

{SWD(2025) 820 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja enfasizzat il-ħtieġa ta’ suq imsaħħaħ fl-Unjoni kollha għall-prodotti tad-difiża, li jkun jista’ jappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri fid-dawl tat-theddid emerġenti għas-sigurtà. Il-kunflitt li għaddej espona l-vulnerabbiltajiet fix-xenarju tad-difiża Ewropew , filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ bażi industrijali tad-difiża koeżiva u reżiljenti. Huwa essenzjali li jkun hemm suq tad-difiża Ewropew li jiffunzjona tajjeb biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-kapaċitajiet, it-teknoloġiji u l-prodotti tad-difiża neċessarji biex jirreaġixxu b’mod effettiv għall-isfidi attwali u futuri għas-sigurtà.

L-impatt tax-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel fuq is-suq tad-difiża Ewropew kien sinifikanti, b’interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista, żieda fid-domanda għall-prodotti tad-difiża, u ħtieġa dejjem akbar ta’ soluzzjonijiet interoperabbli u innovattivi. Madankollu, il-leġiżlazzjoni eżistenti li għandha impatt fuq is-suq tad-difiża Ewropew mhijiex adattata bis-sħiħ għall-isfidi attwali, u dan ixekkel il-kapaċità tal-Istati Membri li jirreaġixxu b’mod rapidu u effettiv għat-theddid emerġenti.

B’reazzjoni għal dawn l-isfidi, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tieħu passi biex issaħħaħ is-suq fl-UE kollha għall-prodotti tad-difiża, filwaqt li tippromwovi bażi industrijali tad-difiża aktar integrata u kompetittiva. Billi toħloq suq tad-difiża Ewropew aktar robust u reżiljenti, l-Unjoni tista’ tappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri, tippromwovi l-awtonomija strateġika Ewropea, u tikkontribwixxi għal ambjent Ewropew tas-sigurtà aktar stabbli u sigur.

Kif indikat fil-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 1 , il-“bini mill-ġdid tad-difiża Ewropea jeħtieġ, bħala punt tat-tluq, investiment massiv fuq perjodu sostnut. Flimkien jeħtiġilna naċċelleraw il-ħidma fil-fergħat kollha biex inżidu b’mod urġenti l-prontezza tad-difiża Ewropea biex niżguraw li l-Ewropa jkollha pożizzjonament ta’ difiża Ewropea b’saħħitha u suffiċjenti sa mhux aktar tard mill-2030”. Barra minn hekk, “abbażi tal-projezzjonijiet ta’ adozzjoni gradwali” tal-istrumenti proposti skont il-pjan ReArm Europe/Prontezza 2030, “l-investiment fid-difiża jista’ jilħaq mill-inqas EUR 800 biljun matul l-4 snin li ġejjin”.

Il-bini mill-ġdid tad-difiża Ewropea se jirrikjedi investiment massiv, kemm pubbliku kif ukoll privat, fuq perjodu sostnut. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u b’segwitu għall-appell tal-Kunsill lill-Kummissjoni Ewropea biex taċċellera l-ħidma fuq il-linji kollha biex tiżdied deċiżivament il-prontezza tad-difiża tal-Ewropa sal-2030, din il-proposta għandha l-għan li tagħmel il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni favorevoli għall-attivitajiet ta’ prontezza tad-difiża u li b’mod ġenerali, iżżid il-prontezza tad-difiża għal livell li jista’ jiskoraġġixxi b’mod kredibbli kwalunkwe riskju ta’ aggressjoni armata.

Għandha l-għan li tindirizza l-fatt li hemm ħtieġa urġenti li jiġu koperti d-diskrepanzi importanti fl-investiment fid-difiża li akkumulaw matul dawn l-aħħar deċennji, billi tallinja aħjar il-qafas regolatorju mal-isforzi straordinarji meħtieġa f’dan il-qasam. B’mod aktar speċifiku, permezz tal-proposta attwali, il-Kummissjoni tressaq proposti ta’ simplifikazzjoni biex tneħħi l-ostakli regolatorji, tiffaċilita u tħaffef l-akkwist fil-qasam tad-difiża u t-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża u tiffaċilita l-prontezza tad-difiża Ewropea u t-tisħiħ industrijali.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta għandha l-għan li tadatta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-suq tad-difiża fl-UE kollha għax-xenarju tas-sigurtà attwali, billi tintroduċi aġġustamenti mmirati li jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, inaqqsu l-burokrazija, u jipprovdu soluzzjonijiet aktar flessibbli. Permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tnaqqis tal-ostakli burokratiċi, il-proposta hi maħsuba biex toħloq suq tad-difiża Ewropew aktar aġli u risponsiv, mgħammar aħjar biex jappoġġa l-isforzi tal-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri, u biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva u innovattiva. Il-proposta ssegwi l-viżjoni u l-objettivi ddefiniti fil-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 u għandha l-għan li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Pjan ReArm Europe – Prontezza 2030. Din tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li speċifikament għandhom l-għan li jallinjaw aħjar ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist u t-trasferimenti fil-qasam tad-difiża mal-ħtiġijiet tal-implimentazzjoni tal-programmi industrijali tad-difiża tal-UE, bħall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF, European Defence Fund).

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżuri proposti biex jissaħħaħ is-suq tad-difiża tal-UE huma mfassla biex jibbażaw fuq id-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti, u jikkomplementawhom, bil-għan li jtejbu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa u jappoġġaw il-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri. L-aġġustamenti introdotti minn dawn il-miżuri huma limitati għal dak li huwa neċessarju biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu l-livell meħtieġ ta’ prontezza tad-difiża fil-futur qrib, b’reazzjoni għax-xenarju tas-sigurtà li qed jevolvi u l-ħtieġa li jiġu skoraġġuti t-theddidiet emerġenti.

Il-proposta hija parti minn pakkett ta’ miżuri biex id-dispożizzjonijiet li attwalment jibbenefikaw minnhom oqsma oħra jiġu estiżi għas-settur tad-difiża u b’mod aktar speċifiku għal finijiet ta’ prontezza tad-difiża, inklużi l-katina tal-produzzjoni u tal-provvista tad-difiża. L-għan tagħha huwa li twettaq l-impenn tal-Kummissjoni li; 1) issaħħaħ il-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa b’reazzjoni għat-tħassib dwar l-aggressjoni tar-Russja u; 2) tiżviluppa l-industrija tad-difiża tal-UE u tappella għal investimenti massivi fit-tul fil-kapaċitajiet tad-difiża biex it-theddid jiġi skoraġġut permezz ta’ proċess ta’ simplifikazzjoni ħalli jiġi indirizzat il-piż amministrattiv u titnaqqas il-burokrazija.

Fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT, Regulatory Fitness and Performance Programme), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha tkun adegwata għall-użu tagħha, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, u li timminimizza l-piżijiet filwaqt li tikseb l-objettivi tagħha. Għalhekk, din il-proposta hija parti mill-programm REFIT, u tnaqqas il-piżijiet bla bżonn għas-settur tad-difiża, billi tallinjahom mar-regoli attwalment applikabbli għall-proċeduri u l-iskemi differenti.

Il-proposta attwali tiffoka fuq il-ħtiġijiet reali tas-sitwazzjoni tal-prontezza tad-difiża, u b’hekk il-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjonijiet issir aktar effiċjenti u inqas ta’ piż għall-intrapriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-proposta temenda d-direttivi eżistenti. Għalhekk, il-bażi legali għall-proposta hija l-istess bħall-bażi legali tad-direttivi emendati, jiġifieri l-Artikolu 53(2), l-Artikolu 62, u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 114 tat-TFUE huwa bażi legali ġenerali bl-objettiv li jistabbilixxi jew jiżgura l-funzjonament tas-suq uniku. Sa fejn din id-Direttiva temenda d-Direttiva 2009/43/KE 2 , il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 114 tat-TFUE. Sa fejn din id-Direttiva temenda d-Direttiva 2009/81/KE 3 , il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 53(2), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-TFUE.

Il-biċċiet kollha tal-leġiżlazzjoni affettwati minn din il-proposta fihom dispożizzjonijiet simili li huma maħsuba biex inaqqsu l-piż għall-Istati Membri u għall-industrija jew jipprovdulhom assistenza ħalli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom permezz tal-atti rilevanti, bil-għan li din il-leġiżlazzjoni ssir aktar faċli biex tiġi applikata u tkun inqas ta’ piż. Fid-dawl tal-estensjoni ta’ din il-proporzjonalità fir-rigward tal-piż amministrattiv, jitqies neċessarju li d-dispożizzjonijiet jiġu estiżi għas-suq tad-difiża fl-UE kollha biex jappoġġaw il-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri u jrawmu l-iżvilupp ta’ industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva u innovattiva.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta għandha l-għan li temenda l-leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza direttament is-suq tad-difiża fl-UE kollha. Dan ma setax jinkiseb fil-livell tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta titqies ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-Istati Membri, li huwa ta’ importanza kritika għal simplifikazzjoni effettiva.

•Proporzjonalità

Fil-kuntest tal-emendi tad-Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE, il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-qafas regolatorju attwalment applikabbli u li tikkodifika ċerti elementi tal-liġi dwar l-akkwist stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

•Għażla tal-istrument

Id-Direttivi kollha skont din il-proposta huma leġiżlazzjonijiet armonizzati skont ir-regoli tal-UE. Dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fihom dispożizzjonijiet li jqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet dejjem akbar tas-settur tad-difiża u jiżguraw li r-rekwiżiti jevitaw l-impożizzjoni ta’ piż bla bżonn fuq il-proċessi tal-prontezza tad-difiża, tal-produzzjoni u tal-ktajjen tal-provvista. L-għan ta’ din il-proposta hu li fl-aħħar mill-aħħar, din il-leġiżlazzjoni ssir aktar faċli biex tiġi applikata u tkun inqas ta’ piż.

Għalhekk, fl-interess tal-effiċjenza, jidher li l-aktar soluzzjoni xierqa hija proposta konġunta għad-diversi dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli għas-settur tad-difiża fil-forma tal-proposta tal-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża. B’mod partikolari, l-għażla ta’ Direttiva għal din il-proposta hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jintuża l-istess strument legali bħall-atti legali li għandhom jiġu emendati.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

M/A

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kien komprensiv, u kien jikkonsisti fi stħarriġ pubbliku li kien miftuħ sat-22 ta’ April 2025, u f’sensiela ta’ laqgħat immirati mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti mill-Unjoni, u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. Permezz ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, flimkien mal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, ġew identifikati ostakli u sfidi ewlenin fl-ambjent regolatorju tal-UE. Abbażi tal-kontribut siewi li wasal u l-għarfien espert tal-Kummissjoni, il-proposti deskritti f’din id-Direttiva għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet ewlenin u jtejbu l-effettività ġenerali tal-qafas regolatorju tal-UE.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-miżuri proposti ġew identifikati wara proċess ta’ skrutinju intern tal-leġiżlazzjoni eżistenti u abbażi tal-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet tal-prontezza tad-difiża li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-iskrutinju ta’ dan il-piż u tal-impatt tiegħu fuq il-partijiet ikkonċernati se jibqa’ għaddej.    

Valutazzjoni tal-impatt

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew appella lill-Kummissjoni biex taċċellera l-“ħidma fuq il-linji kollha biex tiżdied deċiżivament il-prontezza tal-Ewropa fir-rigward tad-difiża fil-ħames snin li ġejjin” u biex tagħmel segwitu malajr b’simplifikazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża. Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, li hija mfassla biex tappoġġa l-adattament rapidu tal-industrija tad-difiża Ewropea għall-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u tgħin pajjiż li ilu fi gwerra mill-bidu tal-2023, ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni tal-impatt fil-perjodu ta’ żmien disponibbli biex jiġi ppreżentat l-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża. Fi żmien 3 xhur wara l-adozzjoni ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni se tippreżenta Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal biex tippreżenta l-ġustifikazzjoni għal din l-azzjoni leġiżlattiva u tispjega kif inhi xierqa biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika identifikati f’konformità mar-regoli rilevanti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati fil-leġiżlazzjoni. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, il-Komunikazzjoni mehmuża teżamina l-elementi dwar l-impatt ta’ dawn il-miżuri, inkluż l-analiżi tar-riżultati ta’ stħarriġ pubbliku tal-UE mwettaq f’dan il-kuntest.

• Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati.    

Drittijiet fundamentali

M/A

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

M/A

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

M/A

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

M/A

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Għad-Direttiva 2009/43/KE

·Il-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet mill-awtorizzazzjoni minn qabel għat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża se jiġu estiżi biex jinkludu t-trasferimenti neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-programmi industrijali tad-difiża tal-UE, it-trasferimenti fil-qafas ta’ sħubijiet industrijali transfruntieri strutturati, it-trasferimenti lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE u lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u t-trasferimenti fil-każ ta’ emerġenza li tirriżulta minn kriżi.

·Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tiddefinixxi ċerti elementi mhux essenzjali tal-qafas ta’ trasferiment permezz tal-adozzjoni ta’ atti delegati.

·Il-liċenzja ġenerali ta’ trasferiment se tiġi estiża biex tkopri t-trasferimenti mill-entitajiet iċċertifikati, minbarra t-trasferiment lill-impriżi tad-difiża Ewropej iċċertifikati.

·L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jippermettu l-possibbiltà li jiġu introdotti Liċenzji Ġenerali ta’ Trasferiment minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 5(2).

·Se jiġu introdotti Liċenzji Ġenerali ta’ Trasferiment għal proġetti industrijali tad-difiża tal-UE, bħall-EDF, biex ikopru l-prodotti kollha relatati mad-difiża u t-trasferimenti kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġett.

·Modifika tad-dispożizzjoni dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-fornituri ta’ prodotti relatati mad-difiża biex jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa, filwaqt li jinżammu t-trasparenza u l-kontroll.

Għad-Direttiva 2009/81/KE

·Il-limiti tad-Direttiva 2009/81/KE se jiżdiedu biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffokaw fuq kuntratti kritiċi u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-industrija għal proċeduri ta’ akkwist iżgħar.

·Se jiġu introdotti l-proċedura miftuħa u s-sistema dinamika ta’ xiri, abbażi tad-Direttiva 2014/24, biex tittejjeb il-firxa ta’ għodod għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

·Il-proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni: se tiġi introdotta proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni modifikata u aktar flessibbli, abbażi tad-Direttiva 2014/24, biex tappoġġa l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi.

·Proċedura simplifikata għall-akkwist tar-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka u żvilupp kompetittivi paralleli: se tiġi introdotta proċedura simplifikata għall-akkwist dirett ta’ prodotti jew servizzi innovattivi li jirriżultaw minn proġetti ta’ riċerka u żvilupp kompetittivi paralleli.

·Se tiġi introdotta deroga temporanja li tippermetti lill-Istati Membri jużaw il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel għall-akkwisti komuni, inkluż l-akkwist kummerċjalment disponibbli. Din se tkun disponibbli għall-akkwist ta’ prodotti tad-difiża identiċi jew prodotti soġġetti biss għal modifiki żgħar li jsir tal-inqas minn tliet Stati Membri.

·Id-dispożizzjonijiet relatati mal-Istati Membri li jissieħbu fi programmi kooperattivi bbażati fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż) wara t-tmiem tal-fażi tar-R&Ż se jiġu kkodifikati fid-Direttiva 2009/81/KE.

·Ir-regoli li jirregolaw il-ftehimiet qafas dwar l-akkwist se jiġu ċċarati, u d-durata massima ta’ ftehim qafas se tiġi estiża minn 7 għal 10 snin.

·L-obbligi ta’ rapportar statistiku relatat mal-akkwist fil-qasam tad-difiża se jitnaqqsu biex jittaffa l-piż amministrattiv għall-Istati Membri.



2025/0177 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE, fir-rigward tas-simplifikazzjoni tat-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża u s-simplifikazzjoni tal-akkwist fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(2), l-Artikolu 62, u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni qed tiffaċċja theddida gravi u dejjem akbar, kif enfasizzat fil-White Paper għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 4 , marbuta b’mod partikolari mar-ritorn ta’ kunflitt fuq skala sħiħa fl-Ewropa. B’reazzjoni għall-isfidi għas-sigurtà li qed jeskalaw, huwa essenzjali li l-Unjoni tieħu azzjoni deċiżiva biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tad-difiża tagħha. Aspett kruċjali ta’ dan l-isforz huwa l-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża tal-Unjoni fl-Unjoni stess, biex tkun tista’ tirreaġixxi b’mod effettiv għad-domandi emerġenti tas-sigurtà. Hemm sens ta’ urġenza biex tiżdied il-prontezza tad-difiża Ewropea ħalli jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha pożizzjonament tad-difiża Ewropew b’saħħtu u suffiċjenti sa mhux aktar tard mill-2030.

(2)Sabiex jinkiseb l-għan li tiżdied il-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri u tal-Unjoni, huwa essenzjali li jkun hemm simplifikazzjoni u armonizzazzjoni regolatorji. Permezz tas-simplifikazzjoni u tal-allinjament tal-oqfsa regolatorji, l-Unjoni tista’ toħloq ambjent aktar favorevoli għall-industriji tad-difiża biex joperaw, iwettqu innovazzjonijiet, u jipproduċu l-kapaċitajiet neċessarji biex jiżguraw il-prontezza Ewropea fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża. Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 5 iddeskriviet l-objettivi għal din is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li għandha impatt fuq il-prontezza tad-difiża.

(3)It-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fl-Unjoni huma soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel permezz ta’ liċenzji ġenerali, globali jew individwali ta’ trasferiment mogħtija jew ippubblikati mill-Istat Membru li mit-territorju tiegħu, il-fornitur ikun jixtieq jittrasferixxi prodotti relatati mad-difiża. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fil-każijiet speċifiċi elenkati fid-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 . Fid-dawl tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-introduzzjoni ta’ programmi industrijali tad-difiża tal-Unjoni, li għandhom l-għan b’mod partikolari li jsaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera fl-Unjoni, jixraq li tiġi estiża l-lista ta’ każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-trasferimenti minn awtorizzazzjoni minn qabel. B’mod partikolari, jenħtieġ li tingħata tali possibbiltà fir-rigward tat-trasferimenti neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-programmi industrijali tad-difiża tal-Unjoni, it-trasferimenti fil-qafas ta’ sħubijiet industrijali transfruntieri strutturati, it-trasferimenti lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni u lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, it-trasferimenti fil-każ ta’ emerġenza li tirriżulta minn kriżi u t-trasferimenti marbuta mal-assistenza militari u tad-difiża li jirriżultaw minn azzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 28 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. .

(4)Sistema ta’ trasferiment li tiffunzjona tajjeb bejn l-Istati Membri hija prerekwiżit għal suq tad-difiża fil-livell tal-Unjoni kollha. Ix-xenarju tas-sigurtà li qed jevolvi malajr jirrikjedi flessibbiltà addizzjonali li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirreaġixxu b’mod immirat u aġli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tiddefinixxi ċerti elementi mhux essenzjali tal-qafas ta’ trasferiment. Tali atti delegati jistgħu jiddefinixxu approċċ armonizzat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(8), bħad-definizzjoni ta’ komponenti “sensittivi” jew bl-introduzzjoni ta’ regola de minimis. Barra minn hekk, jixraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, jew fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva proprja, li żżid każijiet ġodda li fihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, u b’hekk jippermettu żieda fil-flessibbiltà u fil-potenzjal ta’ trasferimenti intra-Unjoni simplifikati u aċċellerati ta’ prodotti relatati mad-difiża.

(5)Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-premessa 4, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet armonizzati għall-Istati Membri biex jiddeterminaw liema tip ta’ liċenzja ta’ trasferiment jenħtieġ li tiġi applikata għal prodotti speċifiċi relatati mad-difiża jew għal kategoriji ta’ prodotti relatati mad-difiża.

(6)Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv u effiċjenti tar-reġim ta’ trasferiment intra-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-fornituri kollha li jixtiequ jittrasferixxu prodotti relatati mad-difiża mit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jużaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment jew japplikaw għal liċenzji globali jew individwali ta’ trasferiment. Kwalunkwe prekundizzjoni li tista’ tiġi imposta mill-Istati Membri jenħtieġ li tkun ibbażata biss fuq kriterji ta’ rilevanza diretta għall-kapaċità tal-fornituri li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasferiment u tal-kontroll tal-esportazzjoni. Il-kriterji, bħall-forma jew l-istatus legali tal-fornituri, ma jistgħux jiċħdu l-possibbiltà għal xi kategoriji ta’ fornituri li jużaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment jew li japplikaw għal liċenzji globali jew individwali ta’ trasferiment.

(7)Sabiex jitrawwem l-użu taċ-ċertifikazzjoni mir-riċevituri u biex jiġu ffaċilitati l-kollaborazzjoni transfruntiera u l-ftuħ tal-ktajjen tal-provvista fl-Unjoni, jixraq li tiġi estiża l-liċenzja ġenerali ta’ trasferiment għat-trasferimenti lil riċevituri ċċertifikati sabiex tkopri wkoll it-trasferimenti minn entitajiet iċċertifikati. Dawn l-impriżi wrew kapaċità qawwija li jikkonformaw mar-regoli dwar it-trasferiment u l-kontroll tal-esportazzjoni u appoġġaw ukoll kostijiet importanti biex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni. Jenħtieġ li jitħallew jibbenefikaw minn possibbiltajiet simplifikati u inqas ta’ piż biex iwettqu trasferimenti intra-Unjoni.

(8)Kif stipulat fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/43/KE, dik id-Direttiva ma taffettwax id-diskrezzjoni tal-Istati Membri rigward il-politika dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża.

(9)Id-Direttiva 2009/43/KE tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu liċenzji ġenerali ta’ trasferiment minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, dik il-possibbiltà tista’ tiġi imxekkla minn regoli nazzjonali li jillimitaw il-flessibbiltà u l-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-istrumenti introdotti mid-Direttiva 2009/43/KE. Pereżempju, tipi addizzjonali ta’ liċenzji ġenerali ta’ trasferiment jistgħu jikkonċernaw trasferimenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati minn programmi industrijali tad-difiża tal-Unjoni, trasferimenti intragrupp jew trasferimenti fil-każ ta’ urġenza li tirriżulta minn kriżi. Għalhekk, jixraq li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippermettu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-introduzzjoni ta’ liċenzji ġenerali ta’ trasferiment minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/43/KE.

(10)L-implimentazzjoni tal-programmi industrijali tad-difiża tal-Unjoni, bħall-EDF, spiss tiġi mxekkla minn dewmien sinifikanti fit-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża, minħabba l-proċessi twal u kumplessi biex jinkisbu liċenzji ta’ trasferiment mill-Istati Membri. Dak id-dewmien jista’ jkollu impatt detrimentali fuq l-effiċjenza u l-effettività ġenerali ta’ dawn il-programmi u jista’ jimmina l-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jiżviluppaw u jiksbu l-kapaċitajiet tad-difiża li jeħtieġu fil-waqt u b’mod kosteffettiv. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, huwa neċessarju li jiġu introdotti liċenzji ġenerali ta’ trasferiment għal dawn il-programmi. L-ambitu ta’ dawn il-liċenzji ġenerali ta’ trasferiment jenħtieġ li jkopri l-prodotti kollha relatati mad-difiża stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva 2009/43/KE u jenħtieġ li jkopri wkoll it-trasferimenti kollha, kemm dawk tanġibbli kif ukoll dawk intanġibbli, li l-fornitur irid jagħmel għall-implimentazzjoni tal-proġett. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li tali liċenzji jistgħu japplikaw għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott żviluppat fi proġett partikolari, inklużi l-fażijiet tal-produzzjoni, tal-manutenzjoni u tal-aġġornament. L-introduzzjoni ta’ tali liċenzji ġenerali ta’ trasferiment tnaqqas id-dewmien, iżżid l-effiċjenza u tiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’dawn il-proġetti, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ta’ industrija tad-difiża tal-Unjoni b’saħħitha u kompetittiva. It-terminoloġija użata f’dak il-kuntest jenħtieġ li tinftiehem li hija identika għal dik ta’ Mudell ta’ Ftehim ta’ Għotja 7 għall-programmi ta’ difiża tal-Unjoni.

(11)Barra minn hekk, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni teknoloġika, huwa neċessarju li r-regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-fornituri ta’ prodotti relatati mad-difiża jiġu adattati, peress li d-dispożizzjonijiet kurrenti jistgħu jkunu ta’ piż f’każ ta’ trasferimenti tat-teknoloġija mhux tanġibbli. Jixraq li l-fornituri jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa filwaqt li jinżammu t-trasparenza u l-kontroll, sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment effiċjenti u effettiv tal-prodotti tad-difiża fl-Unjoni. Il-ħtieġa li r-rekwiżit ta’ informazzjoni jiġi mmodifikat għal trasferimenti mhux tanġibbli tat-teknoloġija tirrikjedi valutazzjoni każ b’każ. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li japplikaw tali rekwiżiti tal-informazzjoni biss sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma tirriżultax f’obbligi ta’ rapportar li huma ta’ piż żejjed għall-fornituri.

(12)Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa tul il-ħidma preparatorja tagħha u fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 8 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(13)Sa fejn din id-Direttiva temenda d-Direttiva 2009/43/KE, il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 114 tat-Trattat.

(14)Sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet u l-prontezza militari neċessarji biex tiġi skoraġġuta b’mod kredibbli l-aggressjoni armata u jiġi assigurat il-futur tal-Unjoni, hija meħtieġa żieda massiva fl-investiment Ewropew fid-difiża. Abbażi tal-projezzjonijiet tal-adozzjoni gradwali, l-investiment fid-difiża jista’ jilħaq mill-inqas it-EUR 800 biljun matul l-4 snin li ġejjin, u dan jinkludi n-nefqa ffinanzjata mill-EUR 150 biljun mill-istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE, Security Action for Europe) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 9 . Dawk l-investimenti sinifikanti fid-difiża mill-Istati Membri jinvolvu akkwist pubbliku sostanzjali. Għalhekk, jixraq li jiġu ssimplifikati ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 , li tirregola l-akkwist ta’ xogħlijiet, oġġetti u servizzi fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà sensittiva, filwaqt li jinżamm suq tad-difiża li jiffunzjona tajjeb fl-Unjoni kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw kemm il-flessibbiltà li jirrikostitwixxu malajr l-istokkijiet tagħhom kif ukoll il-kapaċità li jagħmlu dan b’mod sostenibbli, u l-aħjar mod kif dan jinkiseb hu billi jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern. Bis-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-aġilità neċessarja biex jirreaġixxu għall-ħtiġijiet emerġenti tas-sigurtà, filwaqt li jiġi promoss ukoll suq tad-difiża Ewropew kompetittiv u integrat biex jappoġġa l-kapaċitajiet ta’ difiża fit-tul tagħhom.

(15)Sabiex jintlaħaq dak l-għan, huwa neċessarju li jiżdiedu l-ammonti ta’ limitu għall-kuntratti koperti mid-Direttiva 2009/81/KE. Dan l-aġġustament jippermetti lill-Istati Membri jiffokaw ir-riżorsi tagħhom fuq l-aktar kuntratti kritiċi, biex ikun jista’ jkun hemm allokazzjoni aktar effettiva tal-baġits tal-akkwist tagħhom. Fl-istess ħin, dan jiffaċilita l-piż amministrattiv fuq l-industrija għal proċeduri ta’ akkwist iżgħar, li se jgħin biex jitnaqqsu l-kumplessità u l-kostijiet regolatorji assoċjati ma’ dawk il-kuntratti.

(16)Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw il-flessibbiltà li jibbenefikaw mill-għodod kollha disponibbli relatati mal-akkwist pubbliku. Sabiex jiżdied l-għadd ta’ modi kif l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jwettqu l-akkwist pubbliku, jenħtieġ li tiżdied il-possibbiltà li jintużaw il-proċedura miftuħa u s-sistema dinamika ta’ xiri. Dawk iż-żewġ proċeduri huma bbażati fuq dawk previsti fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 .

(17)Hemm sens ta’ urġenza għall-Unjoni biex timmobilizza l-kapaċità tal-innovazzjoni ġenerali tagħha u tidderieġi investimenti sinifikanti biex terġa’ tikseb il-vantaġġ u tipprevjeni li tkun teknoloġikament dipendenti. Id-Direttiva 2009/81/KE jenħtieġ li tiġi adattata wkoll biex tappoġġa aħjar l-akkwist tal-innovazzjoni, ħalli jiġi żgurat li l-investimenti sinifikanti li jsiru mill-Istati Membri biex iżidu l-prontezza tad-difiża tagħhom ikunu validi għall-futur u jagħtu benefiċċji fit-tul. Billi tiffaċilita l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi tad-difiża, l-Unjoni tista’ tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u kapaċitajiet mill-aktar avvanzati, u fl-aħħar mill-aħħar tittrasforma d-difiża permezz ta’ innovazzjoni fixkiela u ssaħħaħ l-effettività u r-reżiljenza tas-sistemi tad-difiża tagħha. Sabiex jiġi appoġġat aħjar l-akkwist tar-riċerka u l-iżvilupp u ta’ soluzzjonijiet innovattivi, jenħtieġ li fid-Direttiva 2009/81/KE, tiġi introdotta proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni modifikata u aktar flessibbli abbażi tad-Direttiva 2014/24/UE. Jenħtieġ li tiżdied ukoll proċedura simplifikata għall-akkwist dirett ta’ prodotti u servizzi innovattivi li jirriżultaw minn proġetti ta’ riċerka u żvilupp kompetittivi paralleli. Dan jippermetti lill-Istati Membri jibqgħu fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija tad-difiża, filwaqt li jippromwovi wkoll il-kollaborazzjoni u l-kompetizzjoni fost is-sħab tal-industrija. Il-benefiċċji ta’ dan l-approċċ jinkludu aċċess aktar rapidu għal soluzzjonijiet innovattivi, tnaqqis fir-riskji għall-iżvilupp u żieda fil-kosteffettività, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal kapaċitajiet tad-difiża msaħħa u Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB, European Defence Technological and Industrial Base) aktar kompetittiva.

(18)Sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà neċessarja biex jirreaġixxu għall-isfidi emerġenti tas-sigurtà, huwa essenzjali li tiġi introdotta possibbiltà limitata fiż-żmien għall-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel għall-akkwisti komuni, inkluż l-akkwisti kummerċjalment disponibbli. Dik id-deroga temporanja tippermetti lill-Istati Membri jiksbu malajr il-kapaċitajiet tad-difiża li jeħtieġu, filwaqt li tippermetti wkoll grad ta’ flessibbiltà fil-proċeduri tal-akkwist, u b’hekk tappoġġa r-rikostituzzjoni rapida tal-istokkijiet tagħhom u t-titjib tal-prontezza tad-difiża tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Membri jitħallew jakkwistaw prodotti identiċi tad-difiża jew prodotti soġġetti biss għal modifiki żgħar, inkluż il-manutenzjoni komuni, jikkontribwixxi għall-approfondiment tal-interoperabbiltà u tal-interkambjabbiltà tat-tagħmir tal-forzi armati tal-Istati Membri, u b’hekk tissaħħaħ aktar il-prontezza għad-difiża tal-Unjoni u tittejjeb is-sigurtà tal-provvista.

(19)Hemm ħtieġa ta’ aktar investiment kollaborattiv u investiment aħjar, mir-riċerka sal-iżvilupp ta’ sistemi kumplessi, permezz tal-kummerċjalizzazzjoni sal-akkwist, bil-għan li tiżdied is-sovranità teknoloġika tal-Unjoni. L-akkwist komuni mill-Istati Membri huwa kruċjali biex jittejbu l-effiċjenza, l-effettività u l-interoperabbiltà tal-kapaċitajiet tad-difiża, u b’hekk jikkontribwixxi għal difiża Ewropea aktar b’saħħitha u koeżiva. Abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-gwida għall-akkwist kooperattiv fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà 12 , huwa neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet relatati mas-sħubija tal-Istati Membri fi programmi kooperattivi bbażati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp wara t-tmiem tal-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp għall-fażijiet aktar tard fiċ-ċiklu tal-ħajja. Barra minn hekk, u sabiex jiġu appoġġati l-fażijiet sussegwenti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp dwar id-difiża ffinanzjati mill-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni għal programmi kooperattivi bbażati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp taħt l-istess kundizzjonijiet anke għal proġetti ffinanzjati minn programmi ta’ riċerka u żvilupp dwar id-difiża, bħall-EDF. Dan jipprovdi ċ-ċertezza legali neċessarja u jiżgura li l-flessibbiltà permessa permezz tal-esklużjoni tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-proġetti tal-EDF f’qafas kooperattiv anke wara t-tlestija tal-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn hekk, dan jiċċara l-fatt li l-Istati Membri li jissieħbu wara l-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp bħala parteċipanti ġenwini fil-programm kooperattiv ukoll jibbenefikaw mill-esklużjoni.

(20)Sabiex jiġi appoġġat aktar l-akkwist komuni u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli fid-Direttiva 2009/81/KE dwar l-akkwist li jinvolvi awtoritajiet/entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti.

(21)Sabiex l-Istati Membri jiġu pprovduti aktar prevedibbiltà u stabbiltà fl-ippjanar tagħhom tal-akkwist fil-qasam tad-difiża, huwa neċessarju li jiġu mmodifikati r-regoli li jirregolaw il-ftehimiet qafas. B’mod partikolari, biex jiġu riflessi l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, huwa neċessarju li d-durata massima possibbli tal-ftehimiet qafas tiġi estiża għal 10 snin, u dan jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu sħubijiet aktar fit-tul mal-industrija u jippjanaw il-ħtiġijiet tal-akkwist fil-qasam tad-difiża tagħhom b’aktar ċertezza, filwaqt li jiżgura wkoll li r-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist fil-qasam tad-difiża jibqgħu flessibbli u adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tad-difiża.

(22)Id-Direttiva 2009/81/KE jenħtieġ li tirrifletti wkoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tallinja mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE dwar il-modifika tal-kuntratti. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-modifika tal-ftehim qafas jenħtieġ li jiġu applikati bl-istess mod fid-Direttiva 2009/81/KE bħal fid-Direttiva 2014/24/UE.

(23)Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li jitnaqqsu l-obbligi ta’ rapportar statistiku b’rabta mal-akkwist fil-qasam tad-difiża, biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-politiki tad-difiża tagħhom u l-użu effiċjenti tar-riżorsi tagħhom. Sa fejn din id-Direttiva temenda d-Direttiva 2009/81/KE, il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 53(2), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat.

(24)Għalhekk, id-Direttivi 2009/43/KE u 2009/81/KE jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 
Emendi tad-Direttiva 2009/43/KE

Id-Direttiva 2009/43/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8. ‘kriżi’ tfisser kriżi kif definita fl-Artikolu 1, il-punt (10) tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*”;

______________________________

*Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).”;

(2)l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej

(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbilit f’dak il-paragrafu f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a) il-fornitur jew ir-riċevitur ikun korp governattiv jew parti mill-forzi armati;

(aa) ir-riċevitur ikun istituzzjoni tal-Unjoni, korp tal-Unjoni, jew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

(b) il-provvisti jsiru mill-Unjoni, in-NATO, l-IAEA jew organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

(c) it-trasferiment ikun neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ armamenti kollaborattiv bejn l-Istati Membri;

(ca) it-trasferiment ikun neċessarju għall-implimentazzjoni ta’ proġett iffinanzjat minn programm industrijali tad-difiża tal-Unjoni;

(cb) it-trasferiment isir fil-qafas ta’ sħubija industrijali transfruntiera strutturata;

(cc) it-trasferiment isir fil-każ ta’ urġenza li tirriżulta minn kriżi;

(d) it-trasferiment ikun marbut ma’ għajnuna umanitarja f’każ ta’ diżastru jew ikun donazzjoni f’każ ta’ emerġenza;

(da) it-trasferiment ikun marbut ma’ assistenza militari u tad-difiża li tirriżulta minn azzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 28 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fejn il-Kunsill jiddeċiedi b’mod unanimu, skont l-Artikolu 41(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(e) it-trasferiment ikun neċessarju għat-tiswija, il-manutenzjoni, il-wiri jew id-dimostrazzjoni, jew wara dawn.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta din id-Direttiva f’konformità mal-Artikolu 13a, fuq it-talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, li jemendaw il-paragrafu 2, sabiex jiġu inklużi każijiet addizzjonali fejn:

(a) it-trasferiment isir taħt kundizzjonijiet li ma jaffettwawx l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika;

(b) l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ikun sar inkompatibbli mal-impenji internazzjonali tal-Istati Membri sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-Direttiva;

(c) ikun neċessarju għall-kooperazzjoni intergovernattiva, kif imsemmi fl-Artikolu 1(4);

(d) it-trasferiment ikun neċessarju għall-kooperazzjoni transfruntiera;”

(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri li jixtiequ jittrasferixxu prodotti relatati mad-difiża mit-territorju tagħhom ikunu jistgħu jużaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment jew japplikaw għal liċenzji globali jew individwali ta’ trasferiment f’konformità mal-Artikoli 5, 6 u 7. Ma għandhomx jiġu imposti prekundizzjonijiet, li jkollhom l-effett li jipprevjenu lill-fornituri milli jużaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment jew japplikaw għal liċenzji globali jew individwali ta’ trasferiment, abbażi ta’ kriterji li mhumiex marbuta mal-kapaċità tagħhom li jwettqu l-obbligi tagħhom fl-oqsma tat-trasferiment u tal-kontroll tal-esportazzjoni.”

(d)jiddaħħal il-paragrafu 8a li ġej:

“8a. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a, fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet armonizzati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 5 u 8 ta’ dan l-Artikolu”.

(3)l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i) il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) ir-riċevitur jew il-fornitur ikun impriża ċċertifikata f’konformità mal-Artikolu 9;”;

(ii) jiddaħħal il-punt (e) li ġej:

“(e) il-pubblikazzjoni tkun meħtieġa mill-Artikolu 5a.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

“2a. Fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li jiġu introdotti liċenzji ġenerali ta’ trasferiment minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 5(2).

2b. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta din id-Direttiva f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13a, sabiex tarmonizza l-ambitu minimu tal-liċenzji ġenerali ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 5(2).”;

(4)jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a 
Liċenzji għat-trasferimenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati fil-qafas ta’ programmi industrijali tad-difiża tal-Unjoni 

1.L-Istati Membri għandhom jippubblikaw liċenzji ġenerali ta’ trasferiment għat-trasferimenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati fil-qafas ta’ programm industrijali tad-difiża tal-Unjoni. Dawk il-liċenzji għandhom japplikaw għall-prodotti kollha relatati mad-difiża u għandhom ikopru t-trasferimenti kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġett.

2.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li s-sistema ta’ liċenzjar imsemmija fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għall-fażijiet sussegwenti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti li jseħħu wara l-istadji ffinanzjati minn programm industrijali tad-difiża tal-Unjoni.

3.L-Istati Membri ma għandhom jirrikjedu l-ebda impenn addizzjonali, bħal ċertifikati relatati mal-użu finali jew limitazzjonijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti relatati mad-difiża, jekk ftehim ta’ finanzjament jew kuntratt konkluż skont programm industrijali tad-difiża tal-Unjoni jkun fih impenn li l-prodotti relatati mad-difiża marbuta mal-implimentazzjoni ta’ proġett partikolari ma jiġux kondiviżi mingħajr awtorizzazzjoni, lil hinn mill-parteċipanti fil-ftehim ta’ finanzjament jew mill-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni, mill-awtorità kontraenti jew ta’ finanzjament, jew meta rilevanti, mill-Kummissjoni meta din ma tkunx l-awtorità kontraenti jew ta’ finanzjament u l-Qorti tal-Awdituri kif imsemmi fil-paragrafu 4.

4.Il-ftehim jew il-kuntratt ta’ finanzjament jista’ jiddefinixxi l-modalitajiet skont liem il-prodotti relatati mad-difiża marbuta mal-implimentazzjoni ta’ proġett partikolari jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Qorti tal-Awdituri meta l-parteċipanti, l-awtoritajiet kontraenti jew ta’ finanzjament, jew meta jkun rilevanti, il-Kummissjoni, jekk ma tkunx l-awtorità kontraenti jew ta’ finanzjament, ikunu legalment meħtieġa jagħmlu dan.”;

(5)fl-Artikolu 8, jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3), il-punti (b) u (c), kif xieraq, għandhom japplikaw għal trasferimenti tat-teknoloġija mhux tanġibbli biss sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma tirriżultax f’obbligi ta’ rapportar sproporzjonati għall-fornituri.”;

(6)l-Artikolu 13a huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(8a) għal perjodu ta’ 5 snin minn [id-data tal-adozzjoni tad-direttiva emendatorja]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa sa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(8a) jew l-Artikolu 13 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;

(c)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(8a) jew l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 2
Emendi tad-Direttiva 2009/81/KE

Id-Direttiva 2009/81/KE hija emendata kif ġej:

(1)l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punti 15 sa 16 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“15. ‘Kandidat’ tfisser operatur ekonomiku li jkun talab stedina biex jieħu sehem fi proċedura ristretta jew innegozjata, fi djalogu kompetittiv, jew fi sħubija għall-innovazzjoni;

16.    ‘Offerent’ tfisser operatur ekonomiku li jkun issottometta offerta fi proċedura miftuħa, fi proċedura ristretta jew innegozjata, fi djalogu kompetittiv, jew fi sħubija għall-innovazzjoni;”;

(b)jiddaħħlu l-punti 17a u 17b li ġejjin:

“17a. ‘Attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist’ tfisser attivitajiet imwettqa fuq bażi permanenti, f’waħda mill-forom li ġejjin:

(a) l-akkwist ta’ provvisti u/jew servizzi maħsuba għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti,

(b) l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew il-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti;”

17b. ‘Attivitajiet anċillari ta’ akkwist’ tfisser l-attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ appoġġ għal attivitajiet ta’ akkwist, b’mod partikolari fil-forom li ġejjin:

(a) infrastruttura teknika li tippermetti lill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti pubbliċi jew jikkonkludu ftehimiet qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi;

(b) parir dwar it-tmexxija jew it-tfassil ta’ proċeduri tal-akkwist pubbliku;

(c) preparazzjoni u ġestjoni tal-proċeduri tal-akkwist f’isem u akkont tal-awtorità/entità kontraenti kkonċernata;”;

(c)il-punt 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“18. ‘Korp ċentrali għall-akkwisti’ tfisser awtorità/entità kontraenti li tipprovdi attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist u, possibbilment, attivitajiet anċillari ta’ akkwist;”;

(d)jiddaħħal il-punt 18a li ġej:

“18a. ‘Proċedura miftuħa’ tfisser proċedura li fiha kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jissottometti offerta;”;

(e)jiddaħħal il-punt 21a li ġej:

“21a. ‘Sistema dinamika ta’ xiri’ tfisser proċess kompletament elettroniku biex għax-xiri ta’ oġġetti użati b’mod komuni, li l-karatteristiċi tiegħu, kif ġeneralment ikun disponibbli fis-suq, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti, li jkun limitat fit-tul u miftuħ matul il-validità tiegħu għal kull operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla u li jkun issottometta offerta indikattiva li tikkonforma mal-ispeċifikazzjoni.”;

(f)jiżdied il-punt 29 li ġej:

“29. ‘manutenzjoni’ tfisser l-azzjonijiet kollha meħuda biex jiġu żgurati l-prontezza u l-kapaċità operazzjonali ta’ prodott tad-difiża, b’mod partikolari biex it-tagħmir jinżamm f’kundizzjonijiet speċifikati jew jiġi restawrat għalihom sa tmiem l-użu tiegħu, inkluż il-prontezza għal missjonijiet, il-lonġevità u l-aġġornamenti, il-personalizzazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni, l-ispezzjoni, it-tiġdid, l-ittestjar, il-manutenzjoni, il-modifiki, il-klassifikazzjoni fir-rigward tal-kapaċità għas-servizz, it-tiswija, l-irkupru, il-bini mill-ġdid, ir-reklamazzjoni, is-salvataġġ u l-kannibalizzazzjoni.”;

(2)l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (a), “EUR 443 000” hija sostitwita b’“EUR 900 000”;

(b)fil-punt (b), “EUR 5 538 000” hija sostitwita b’“EUR 7 000 000”;

(3)l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9. Fir-rigward tal-ftehimiet qafas u s-sistemi dinamiċi ta’ xiri, il-valur stmat li għandu jiġi kkunsidrat għandu jkun il-valur massimu stmat, eskluża l-VAT, tal-kuntratti kollha previsti matul it-terminu kollu tal-ftehim qafas jew is-sistema dinamika ta’ xiri.”;

(b)jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:

“10. Fil-każ ta’ sħubijiet għall-innovazzjoni, il-valur li għandu jiġi kkunsidrat għandu jkun il-valur massimu stmat, eskluża l-VAT, tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li għandhom isiru matul l-istadji kollha tas-sħubija prevista kif ukoll tal-provvisti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet li għandhom jiġu żviluppati u akkwistati fl-aħħar tas-sħubija prevista.”;

(4)L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Kuntratti u ftehimiet qafas mogħtija minn korpi ċentrali għall-akkwisti

1.L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jakkwistaw xogħlijiet, provvisti u/jew servizzi minn korp ċentrali għall-akkwisti, jew permezz tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jakkwistaw xogħlijiet, provvisti u servizzi billi jużaw kuntratti mogħtija minn korp ċentrali għall-akkwisti, billi jużaw sistemi dinamiċi ta’ xiri operati minn korp ċentrali ta’ xiri jew, sal-punt stabbilit fl-Artikolu 29(2), it-tieni subparagrafu, billi jużaw ftehim qafas konkluż minn korp ċentrali għall-akkwisti li joffri l-attività ċentralizzata ta’ akkwist. Meta sistema dinamika ta’ xiri operata minn korp ċentrali għall-akkwisti tkun tista’ tintuża minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti oħra, dan għandu jiġi indikat fis-sejħa għal kompetizzjoni li tistabbilixxi dik is-sistema dinamika ta’ xiri.

Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ċerti akkwisti għandhom isiru b’rikors għall-korpi ċentrali għall-akkwisti jew permezz ta’ korp ċentrali għall-akkwisti speċifiku wieħed jew aktar.

2.L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li jixtru xogħlijiet, provvisti u/jew servizzi minn korp ċentrali għall-akkwisti jew permezz tiegħu għandhom jitqiesu li kkonformaw ma’ din id-Direttiva sa fejn:

(a)il-korp ċentrali għall-akkwisti jkun ikkonforma magħha, jew,

(b)meta l-korp ċentrali għall-akkwisti ma jkunx l-awtorità/entità kontraenti, ir-regoli tal-għoti tal-kuntratt applikati minnu jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u l-kuntratti li jingħataw jistgħu jkunu soġġetti għal rimedji effiċjenti komparabbli ma’ dawk previsti fit-Titolu IV.

Barra minn hekk, awtorità/entità kontraenti għandha titqies li tkun issodisfat ukoll l-obbligi tagħha skont din id-Direttiva meta takkwista xogħlijiet, provvisti jew servizzi billi tuża kuntratti mogħtija mill-korp ċentrali għall-akkwisti, billi tuża sistemi dinamiċi ta’ xiri operati mill-korp ċentrali għall-akkwisti jew, sa fejn stabbilit fl-Artikolu 29(2), it-tieni subparagrafu, billi tuża ftehim qafas konkluż mill-korp ċentrali għall-akkwisti.

Madankollu, l-awtorità/entità kontraenti kkonċernata għandha tkun responsabbli li tissodisfa l-obbligi tagħha skont din id-Direttiva fir-rigward tal-partijiet li tmexxi hija stess, b’mod partikolari:

(a)l-għoti ta’ kuntratt skont sistema dinamika ta’ xiri, li tkun operata minn korp ċentrali għall-akkwisti;

(b)it-tmexxija tal-ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni skont ftehim qafas li jkun ġie konkluż minn korp ċentrali għall-akkwisti;

(c)skont l-Artikolu 29(4), id-determinazzjoni ta’ liema mill-operaturi ekonomiċi, li huma partijiet fil-ftehim qafas, għandhom iwettqu kompitu partikolari skont ftehim qafas li jkun ġie konkluż minn korp ċentrali għall-akkwisti.

3.Mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratt pubbliku ta’ servizzi għall-provvista ta’ attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist lil korp ċentrali għall-akkwisti.

Tali kuntratti pubbliċi ta’ servizzi jistgħu jinkludu wkoll il-provvista ta’ attivitajiet anċillari ta’ akkwist.”;

(5)jiddaħħal l-Artikolu 10a li ġej:

“Artikolu 10a
Akkwist li jinvolvi awtoritajiet/entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti

1.L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jistgħu jaġixxu b’mod konġunt fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ma għandhomx jużaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu sabiex jevitaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji tad-dritt pubbliku f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li għalih ikunu soġġetti fl-Istat Membru tagħhom.

2.Stat Membru ma għandux jipprojbixxi lill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tiegħu milli jużaw attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist offruti mill-korpi ċentrali għall-akkwisti li jinsabu fi Stat Membru ieħor jew milli joffru attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist lil awtoritajiet/entitajiet kontraenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

Fir-rigward ta’ attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist offruti minn korp ċentrali għall-akkwisti li jinsab fi Stat Membru ieħor li mhuwiex tal-awtorità/entità kontraenti, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tagħhom jistgħu jużaw biss l-attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist kif definiti jew fl-Artikolu 1(17b)(a) jew (b).

3.Il-provvista tal-attivitajiet ċentralizzati ta’ akkwist minn korp ċentrali għall-akkwisti li jinsab fi Stat Membru ieħor għandha titmexxa f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali għall-akkwisti.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali għall-akkwisti għandhom japplikaw ukoll għall-għoti ta’ kuntratt skont sistema dinamika ta’ xiri u għat-twettiq ta’ ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni skont ftehim qafas.

4.Diversi awtoritajiet/entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jistgħu jagħtu kuntratt pubbliku, jikkonkludu ftehim qafas jew joperaw sistema dinamika ta’ xiri b’mod konġunt. Huma jistgħu wkoll, sal-punt stabbilit fl-Artikolu 29(2), it-tieni subparagrafu, jagħtu kuntratti abbażi tal-ftehim qafas jew tas-sistema dinamika ta’ xiri.

Sakemm l-elementi neċessarji ma jkunux ġew regolati minn ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri kkonċernati, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti parteċipanti għandhom jikkonkludu ftehim li jiddetermina:

(a) ir-responsabbiltajiet tal-partijiet u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli rilevanti;

(b) l-organizzazzjoni interna tal-proċedura ta’ akkwist, inklużi l-ġestjoni tal-proċedura, id-distribuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvisti jew servizzi li se jiġu akkwistati, u l-konklużjoni tal-kuntratti.

Awtorità/entità kontraenti parteċipanti għandha titqies li tkun issodisfat l-obbligi tagħha skont din id-Direttiva meta tixtri xogħlijiet, provvisti jew servizzi mingħand awtorità/entità kontraenti li tkun responsabbli mill-proċedura ta’ akkwist. Fid-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet u tad-dritt nazzjonali applikabbli kif imsemmi fit-tieni subparagrafu, il-punt (a), l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti parteċipanti jistgħu jallokaw responsabbiltajiet speċifiċi fosthom u jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri rispettiv tagħhom. L-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u d-dritt nazzjonali applikabbli għandhom jissemmew fid-dokumenti ta’ akkwist għall-kuntratti pubbliċi li jingħataw b’mod konġunt.

5.Meta diversi awtoritajiet/entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jkunu stabbilew entità konġunta stabbilita skont id-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti parteċipanti għandhom, b’deċiżjoni tal-korp kompetenti tal-entità konġunta, jaqblu dwar ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar l-akkwist ta’ wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:

(a) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha;

(b) id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-entità konġunta qed twettaq l-attivitajiet tagħha.

Il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jew japplika għal perjodu mhux determinat, fejn dan ikun stabbilit fl-att kostituttiv tal-entità konġunta, jew jiġi limitat għal ċertu perjodu ta’ żmien, għal ċerti tipi ta’ kuntratti jew għal għotja ta’ kuntratt individwali waħda jew aktar.”;

(6)fl-Artikolu 13, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c) kuntratti mogħtija fil-qafas ta’ programm kooperattiv ibbażat fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, immexxi b’mod konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri għall-iżvilupp ta’ prodott ġdid jew għal aġġornament li jwassal għal bidliet sostanzjali jew titjib sostanzjali ta’ prodott eżistenti u, meta jkun applikabbli, il-partijiet sussegwenti kollha jew ta’ partijiet miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dan il-prodott. Meta Stat Membru jsir membru sħiħ ta’ programm kooperattiv wara t-tlestija tal-fażi ta’ riċerka u żvilupp ta’ dak il-programm, għall-fażijiet sussegwenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, dan l-Artikolu għandu japplika għall-Istat Membru li jkun se jissieħeb. Proġett ta’ riċerka u żvilupp ġestit minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni u implimentat f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, jikkostitwixxi programm kooperattiv imwettaq b’mod konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri u jista’ jitkompla għall-fażijiet wara l-fażi tar-riċerka u żvilupp, f’liema każ il-kuntratti mogħtija fil-qafas tal-programm ta’ segwitu jistgħu jiġu esklużi wkoll skont dan l-Artikolu;

(d) il-kuntratti mogħtija f’pajjiż terz, inklużi dawk għal xiri għal skopijiet ċivili, li jsiru meta l-forzi jiġu skjerati jew ikunu qed jitħarrġu barra mit-territorju tal-Unjoni, fejn il-ħtiġijiet operazzjonali jirrikjedu li dawn jiġu konklużi ma’ operaturi ekonomiċi li jinsabu fiż-żona tal-operazzjonijiet;”;

(7)fl-Artikolu 25, it-tieni u t-tielet paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu l-kuntratti billi japplikaw il-proċedura miftuħa, il-proċedura ristretta jew il-proċedura nnegozjata mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 27 jew fl-Artikolu 27a, huma jistgħu jagħtu kuntratti permezz ta’ djalogu kompetittiv jew sħubija għall-innovazzjoni.”;

(8)fl-Artikolu 27, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li fejn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jikkunsidraw li l-użu tal-proċedura miftuħa, tal-proċedura ristretta jew tal-proċedura nnegozjata mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt ma jippermettix l-għoti tal-kuntratt, dawk l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jirrikorru għad-djalogu kompetittiv f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Kuntratt għandu jingħata fuq il-bażi unika tal-kriterju tal-għoti tal-offerta li tkun l-aktar ekonomikament vantaġġuża.”;

(9)jiddaħħal l-Artikolu 27a li ġej:

“Artikolu 27a
Sħubija għall-innovazzjoni

1.Kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jissottometti talba biex jieħu sehem fi sħubija għall-innovazzjoni wara avviż ta’ kuntratt billi jipprovdi l-informazzjoni għas-selezzjoni kwalitattiva li ġiet rikjesta mill-awtorità/entità kontraenti.

Fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità/entità kontraenti għandha tidentifika l-ħtieġa ta’ prodott, servizz jew xogħlijiet innovattivi li ma tistax tiġi ssodisfata billi jinxtraw prodotti, servizzi jew xogħlijiet li diġà huma disponibbli fis-suq. Hija għandha tindika liema elementi ta’ din id-deskrizzjoni jirrappreżentaw rekwiżiti minimi indikattivi li l-offerti kollha għandhom jissodisfaw. L-informazzjoni mogħtija għandha tkunu preċiża biżżejjed biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidentifikaw in-natura u l-ambitu tas-soluzzjoni meħtieġa u jkunu jistgħu jiddeċiedu jitolbux li jieħdu sehem fil-proċedura.

L-awtorità/entità kontraenti tista’ tiddeċiedi li tistabbilixxi s-sħubija għall-innovazzjoni ma’ sieħeb wieħed jew aktar li jwettqu attivitajiet separati ta’ riċerka u żvilupp.

Il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tat-talbiet għal parteċipazzjoni għandu jkun ta’ 30 jum mid-data li fiha jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt. L-awtorità/entità kontraenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi ekonomiċi u għandha tistieden lill-kandidati xierqa biex jieħdu sehem fil-proċedura. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jillimitaw in-numru ta’ kandidati xierqa li għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-proċedura. Il-kuntratti għandhom jingħataw fuq il-bażi unika tal-kriterju tal-għoti tal-offerta li tippreżenta l-aqwa bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità f’konformità mal-Artikolu 47.

2.L-għan tas-sħubija għall-innovazzjoni għandu jkun l-iżvilupp ta’ prodott, servizz jew xogħlijiet innovattivi u x-xiri sussegwenti tal-provvisti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet li jirriżultaw, dment li dawn jikkorrispondu għal-livelli ta’ prestazzjoni u l-kostijiet massimi miftiehma bejn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti u l-parteċipanti.

Is-sħubija għall-innovazzjoni għandha tiġi strutturata f’fażijiet suċċessivi li jsegwu s-sekwenza ta’ passi fil-proċess tar-riċerka u l-innovazzjoni, li tista’ tinkludi l-manifattura tal-prodotti, il-provvista tas-servizzi jew it-tlestija tax-xogħlijiet. Is-sħubija għall-innovazzjoni għandha tistabbilixxi miri intermedji li għandhom jintlaħqu mis-sħab u tipprevedi l-ħlas tar-remunerazzjoni f’pagamenti parzjali xierqa.

Abbażi ta’ dawk il-miri, l-awtorità/entità kontraenti tista’ tiddeċiedi wara kull fażi li ttemm is-sħubija għall-innovazzjoni jew, f’każ ta’ sħubija għall-innovazzjoni b’diversi sħab, li tnaqqas in-numru ta’ sħab billi ttemm il-kuntratti individwali, dment li l-awtorità/entità kontraenti tkun indikat fid-dokumenti ta’ akkwist dawk il-possibiltajiet u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom.

3.Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan l-Artikolu, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinnegozjaw mal-offerenti l-offerti inizjali u dawk kollha sussegwenti sottomessi minnhom, għajr l-offerta finali, biex jittejjeb il-kontenut tagħhom.

Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati.

4.Matul in-negozjati, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw it-trattament ugwali tal-offerenti kollha. Għal dak il-għan, ma għandhomx jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li jista’ jagħti vantaġġ lil xi offerenti fuq oħrajn. Huma għandhom jinformaw bil-miktub lill-offerenti kollha li l-offerti tagħhom ma jkunux ġew eliminati, skont il-paragrafu 5, dwar kwalunkwe bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew f’dokumenti tal-akkwist oħra. Wara dawk il-bidliet, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jagħtu biżżejjed ħin lill-offerenti biex jimmodifikaw u jerġgħu jissottomettu l-offerti emendati, kif xieraq.

F’konformità mal-Artikolu 6, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ma għandhomx jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħra informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn kandidat jew offerent li jkun qed jieħu sehem fin-negozjati mingħajr il-qbil tiegħu. Qbil bħal dan ma għandux jieħu l-forma ta’ eżenzjoni ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni intenzjonata ta’ informazzjoni speċifika.

5.In-negozjati matul il-proċeduri tas-sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż ta’ kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-avviż ta’ kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità/entità kontraenti għandha tindika jekk hijiex se tirrikorri għal dik l-għażla. Qabel it-tmiem ta’ fażi li tkun għaddejja, l-awtorità/entità kontraenti tista’ tispeċifika l-kriterji għall-għoti u l-kostijiet massimi li għandhom jintużaw biex jintgħażlu l-offerti li se jipparteċipaw fil-fażi li jmiss. Dawk il-kriterji tal-għoti u l-kostijiet massimi għandhom ikunu proporzjonati mar-riżultati mistennija tal-fażi li tkun għaddejja u l-objettivi tas-sħubija għall-innovazzjoni. F’każ li offerent eliminat f’fażi preċedenti jsir eliġibbli għall-fażi li jmiss bħala riżultat ta’ dawk il-kriterji tal-għoti u l-kostijiet massimi, dak l-offerent għandu jiġi mistieden jieħu sehem fil-fażi li jmiss.

6.Fl-għażla tal-kandidati, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom, b’mod partikolari, japplikaw il-kriterji li jikkonċernaw il-kapaċità tal-kandidati fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi.

Huma biss dawk l-atturi ekonomiċi mistiedna mill-awtorità/entità kontraenti wara l-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni mitluba li jistgħu jissottomettu proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati mill-awtorità/entità kontraenti li ma jistgħux jiġu ssodisfati mis-soluzzjonijiet eżistenti.

Fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità/entità kontraenti għandha tiddefinixxi l-arranġamenti applikabbli għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fil-każ ta’ sħubija għall-innovazzjoni ma’ diversi sħab, l-awtorità/entità kontraenti ma għandhiex, f’konformità mal-Artikolu 6, tiżvela lis-sħab l-oħra s-soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni kunfidenzjali oħra kkomunikata minn sieħeb fil-qafas tas-sħubija mingħajr il-qbil ta’ dak is-sieħeb. Qbil bħal dan ma għandux jieħu l-forma ta’ eżenzjoni ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni intenzjonata ta’ informazzjoni speċifika.

7.L-awtorità/entità kontraenti għandha tiżgura li l-istruttura tas-sħubija u, b’mod partikolari, id-durata u l-valur tal-fażijiet differenti għandhom jirriflettu l-grad ta’ innovazzjoni tas-soluzzjoni proposta u s-sekwenza tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp ta’ soluzzjoni innovattiva li għadha mhijiex disponibbli fis-suq. Il-valur stmat tal-provvisti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet ma għandux ikun sproporzjonat fir-rigward tal-investiment meħtieġ għall-iżvilupp tagħhom.”;

(10)l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1) għal kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ provvisti u kuntratti ta’ servizzi:

(a) meta ma jkunux ġew sottomessi offerti jew offerti xierqa jew applikazzjonijiet b’reazzjoni għal proċedura miftuħa, għal proċedura ristretta, għal proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, għal djalogu kompetittiv jew għal sħubija għall-innovazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux ġew mibdula sostanzjalment u bil-kundizzjoni li jintbagħat rapport lill-Kummissjoni, jekk titolbu;

(b) fil-każ ta’ offerti irregolari jew fil-każ tas-sottomissjoni ta’ offerti li ma jkunux aċċettabbli skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali kompatibbli mal-Artikoli 5, 19, 21 sa 24 u l-Kapitolu VII tat-Titolu II, b’reazzjoni għal proċedura miftuħa, proċedura ristretta, proċedura nnegozjata b’pubblikazzjoni, djalogu kompetittiv jew sħubija għall-innovazzjoni, sakemm:

(i) it-termini oriġinali tal-kuntratt ma jkunux inbidlu sostanzjalment, u

(ii) jinkludu fil-proċedura nnegozjata lill-offerenti kollha, u lilhom biss, li jkunu ssodisfaw il-kriterji tal-Artikoli 39 sa 46 u li, matul il-proċedura miftuħa, il-proċedura ristretta, id-djalogu kompetittiv jew is-sħubija għall-innovazzjoni preċedenti, ikunu ssottomettew offerti f’konformità mar-rekwiżiti formali tal-proċedura tal-offerti;

(c) meta l-limiti ta’ żmien stabbiliti għall-proċedura miftuħa, il-proċedura ristretta u l-proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, inklużi l-limiti ta’ żmien imqassra msemmija fl-Artikolu 33(7), ma jkunux kompatibbli mal-urġenza li tirriżulta minn kriżi. Dan jista’ japplika, pereżempju, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23, it-tieni paragrafu, il-punt (d);

(d) sa fejn ikun strettament neċessarju meta, minħabba raġunijiet ta’ urġenza estrema minħabba avvenimenti mhux mistennija mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti involuti, il-limiti ta’ żmien għall-proċedura miftuħa, il-proċedura ristretta jew il-proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, inklużi l-limiti ta’ żmien imqassra msemmija fl-Artikolu 33(7), ma jkunux jistgħu jiġu rrispettati. Iċ-ċirkonstanzi invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ urġenza estrema fl-ebda każ ma jridu jkunu attribwibbli lill-awtorità/entità kontraenti;

(e) meta, minħabba raġunijiet tekniċi jew raġunijiet relatati mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, il-kuntratt ikun jista’ jingħata biss lil operatur ekonomiku partikolari;”;

(b)fil-punt (2), jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c) konklużi wara proġetti ta’ riċerka u żvilupp paralleli f’kompetizzjoni b’diversi operaturi ekonomiċi akkwistati minn awtorità/entità kontraenti dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(I)il-kuntratti ta’ riċerka u żvilupp paralleli f’kompetizzjoni jkunu ngħataw mill-awtorità/entità kontraenti li takkwista l-prodotti jew is-servizzi wara proċedura nnegozjata b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, proċedura ristretta jew proċedura miftuħa;

(II)il-prodotti jew is-servizzi akkwistati jkunu r-riżultat ta’ wieħed mill-kuntratti ta’ riċerka u żvilupp;

(III)il-valur tal-prodotti jew tas-servizzi ma jaqbiżx 10 darbiet il-valur tal-kuntratt ta’ riċerka u żvilupp li jirriżulta minnu;

(IV)il-kuntratturi u s-sottokuntratturi tagħhom ikunu stabbiliti, ikollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom, u jeżegwixxu l-kuntratt ta’ riċerka u żvilupp u l-kuntratt ta’ provvista bl-użu ta’ riżorsi li jinsabu fi Stat Membru jew fi Stat taż-ŻEE-EFTA;

(V)l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi tagħhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA, jew fl-Ukrajna;

(VI)il-kuntratturi u s-sottokuntratturi ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz li mhuwiex Stat taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz li mhijiex stabbilita fi Stat taż-ŻEE-EFTA;

(VII)il-prodotti jkunu ġew imfassla fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA, jew fl-Ukrajna u ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz li mhuwiex Stat taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna jew minn entità ta’ pajjiż terz li mhijiex stabbilita fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna;”;

(c)fil-punt (3), jiżdied il-punt (d) li ġej.

“(d) għall-akkwist komuni ta’ tagħmir militari konkluż qabel l-1 ta’ Jannar 2031 mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti minn tal-inqas tliet Stati Membri, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(I)l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti mill-Istati Membri kkonċernati jakkwistaw prodotti tad-difiża identiċi jew prodotti soġġetti biss għal modifiki żgħar;

(II)il-kuntratt ikopri tal-inqas il-manutenzjoni konġunta għall-prodotti tad-difiża akkwistati minbarra l-akkwist tal-prodotti tad-difiża. Ir-rekwiżit tal-kuntratt li jkopri l-manutenzjoni konġunta jista’ jiġi rrinunzjat f’każ li l-prodott tad-difiża akkwistat tipikament ma jkunx jirrikjedi manutenzjoni;

(III)il-kuntratturi involuti fl-akkwist komuni għandhom jiġu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna. Ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz li mhuwiex Stat taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna;

(IV)l-Artikolu 16(5), (6) u (9) tar-Regolament (UE) 2025/1106 tal-Kunsill* japplika sa fejn jirreferi għall-kuntratturi;

(V)il-kuntratturi involuti fl-akkwist komuni jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà msemmija fil-punt (ii) u (iii) meta jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti skont ir-Regolamenti (UE) 2018/1092**, (UE) 2021/697***, (UE) 2023/1525**** jew (UE) 2023/2418***** tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dment li l-ebda bidla sussegwenti ma tpoġġi f’dubju l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet;

(VI)l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni li jintużaw għall-finijiet tal-akkwist komuni għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA. Meta l-kuntratturi jew is-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni ma jkollhomx alternattivi disponibbli faċilment jew infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi rilevanti fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA, huma jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew jinżammu barra minn dawk it-territorji, dment li dan l-użu ma jkunx imur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(VII)il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni jew mill-Istati taż-ŻEE-EFTA ma għandux ikun aktar minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott finali;”;

__________

* Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: ).

** Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30–43, ELI: ).

*** Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).

**** Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: ).

(d)il-punt (4)(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) għal xogħlijiet jew servizzi ġodda li jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta’ xogħlijiet jew servizzi simili fdati lill-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt oriġinali mill-istess awtoritajiet/entitajiet kontraenti, bil-kundizzjoni li tali xogħlijiet jew servizzi jkunu konformi ma’ proġett bażiku li għalih ikun ingħata l-kuntratt oriġinali skont il-proċedura miftuħa, il-proċedura ristretta, il-proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, djalogu kompetittiv, jew sħubija għall-innovazzjoni.

Hekk kif issir is-sejħa għall-offerti fir-rigward tal-ewwel proġett, jiġi żvelat l-użu possibbli ta’ din il-proċedura, u l-kost totali stmat ta’ xogħlijiet jew servizzi sussegwenti għandu jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti meta japplikaw l-Artikolu 8.

Din il-proċedura tista’ tintuża biss matul il-perjodu ta’ 5 snin wara t-tmiem tal-kuntratt oriġinali, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali ddeterminati billi jitqiesu t-tul tas-servizz mistenni ta’ kull oġġett, installazzjoni jew sistema mwassla, u d-diffikultajiet tekniċi li l-bidla fil-fornitur tista’ toħloq;”;

(e)il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5) għal kuntratti relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru jew bil-baħar għall-forzi armati jew għall-forzi tas-sigurtà ta’ Stat Membru skjerati jew li se jiġu skjerati barra mit-territorju tagħhom, meta l-awtorità/entità kontraenti jkollha takkwista dawn is-servizzi mingħand operaturi ekonomiċi li jiggarantixxu l-validità tal-offerti tagħhom biss għal perjodi tant qosra li l-limiti ta’ żmien għall-proċedura miftuħa, għall-proċedura ristretta jew għall-proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, inklużi l-limiti ta’ żmien imqassra kif imsemmi fl-Artikolu 33(7), ma jkunux jistgħu jiġu rrispettati.”;

(11)fl-Artikolu 29(2), ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-terminu ta’ ftehim qafas ma jistax ikun itwal minn 10 snin, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali determinati billi jitqiesu t-tul tas-servizz mistenni ta’ kull oġġett, installazzjoni jew sistema mwassla, u d-diffikultajiet tekniċi li bidla fil-fornitur tista’ toħloq.”;

(12)jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej fit-Titolu II, il-Kapitolu V:

“Artikolu 29a
Sistema dinamika ta’ xiri

1.Għax-xiri ta’ oġġetti użati b’mod komuni li l-karatteristiċi tiegħu, kif ġeneralment ikun disponibbli fis-suq, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jużaw sistema dinamika ta’ xiri. Is-sistema dinamika ta’ xiri għandha tiġi operata bħala proċess kompletament elettroniku u għandha tkun miftuħa matul il-perjodu ta’ validità tas-sistema tax-xiri għal kull operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla. Hija tista’ tiġi diviża f’kategoriji ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi li huma definiti oġġettivament abbażi ta’ karatteristiċi tal-akkwist li għandhom jitwettqu taħt il-kategorija kkonċernata. Tali karatteristiċi jistgħu jinkludu referenza għad-daqs massimu permissibbli tal-kuntratti speċifiċi sussegwenti jew għal żona ġeografika speċifika fi fiha se jiġu eżegwiti kuntratti speċifiċi sussegwenti.

2.Sabiex isir akkwist skont sistema dinamika ta’ xiri, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom isegwu r-regoli tal-proċedura ristretta. Il-kandidati kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla għandhom jiġu ammessi fis-sistema. Fejn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu ddividew is-sistema f’kategoriji ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma għandhom jispeċifikaw il-kriterji ta’ selezzjoni applikabbli għal kull kategorija.

Minkejja l-Artikolu 33, għandhom japplikaw il-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a)il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tat-talbiet għal parteċipazzjoni għandu jkun ta’ 30 jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż ta’ kuntratt jew, fejn jintuża avviż ta’ informazzjoni minn qabel bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, l-istedina għall-konferma tal-interess. Ma għandu japplika ebda limitu ta’ żmien ieħor għall-wasla tat-talbiet għal parteċipazzjoni ladarba l-istedina għal offerti għall-ewwel akkwist speċifiku skont is-sistema dinamika ta’ xiri tkun intbagħtet;

(b)il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tal-offerti għandu jkun tal-inqas 10 ijiem mid-data li fiha tintbagħat l-istedina għal offerti.

3.Il-komunikazzjonijiet kollha fil-kuntest ta’ sistema dinamika ta’ xiri għandhom isiru biss b’mezzi elettroniċi.

4.Għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratti taħt sistema dinamika ta’ xiri, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom:

(a)jippubblikaw sejħa għal kompetizzjoni billi jagħmluha ċara li hemm sistema dinamika ta’ xiri involuta;

(b)jindikaw fid-dokumenti ta’ akkwist, tal-inqas in-natura u l-kwantità stmata tax-xiri previst, kif ukoll l-informazzjoni kollha neċessarja li tikkonċerna s-sistema dinamika ta’ xiri inkluż kif topera s-sistema dinamika ta’ xiri, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ konnessjonijiet tekniċi;

(c)jindikaw kwalunkwe diviżjoni f’kategoriji ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi u l-karatteristiċi li jiddefinuhom;

(d)joffru aċċess dirett mingħajr restrizzjonijiet u sħiħ, sakemm is-sistema tkun valida, għad-dokumenti tal-akkwist.

5.L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jagħtu lil kwalunkwe operatur ekonomiku, matul il-perjodu kollu ta’ validità tas-sistema dinamika ta’ xiri, il-possibbiltà li jagħmlu talba biex jieħu sehem fis-sistema taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jiffinalizzaw il-valutazzjoni tagħhom ta’ dawn it-talbiet f’konformità mal-kriterji tal-għażla fi żmien 10 ijiem wara l-wasla tagħhom. Dik l-iskadenza tista’ tiġi estiża għal 15-il jum ta’ xogħol f’każijiet individwali meta jkun iġġustifikat, b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li tiġi eżaminata dokumentazzjoni addizzjonali jew b’xi mod ieħor issir verifika dwar jekk il-kriterji tal-għażla ġewx issodisfati.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, sakemm ma tkunx intbagħtet l-istedina għall-offerti għall-ewwel akkwist speċifiku skont is-sistema dinamika ta’ xiri, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jestendu l-perjodu ta’ evalwazzjoni dment li ma tkun ħarġet l-ebda stedina għall-offerti matul il-perjodu estiż ta’ evalwazzjoni. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jindikaw fid-dokumenti ta’ akkwist it-tul tal-perjodu estiż li huma beħsiebhom japplikaw.

L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinformaw lill-operatur ekonomiku kkonċernat malajr kemm jista’ jkun dwar jekk ġiex ammess fis-sistema dinamika ta’ xiri jew le.

6.L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jistiednu lill-parteċipanti ammessi kollha biex jissottomettu offerta għal kull akkwist speċifiku taħt is-sistema dinamika ta’ xiri, f’konformità mal-Artikolu 34. Meta s-sistema dinamika ta’ xiri tkun ġiet diviża f’kategoriji ta’ xogħlijiet, prodotti jew servizzi, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jistiednu lill-parteċipanti kollha li jkunu ġew ammessi fil-kategorija li tikkorrispondi għall-akkwist speċifiku kkonċernat biex jissottomettu offerta.

Huma għandhom jagħtu l-kuntratt lill-offerent li jkun issottometta l-aqwa offerta abbażi tal-kriterji tal-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt għas-sistema dinamika ta’ xiri jew, fejn jintuża avviż ta’ informazzjoni minn qabel bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, fl-istedina għall-konferma tal-interess. Meta jkun xieraq, dawk il-kriterji jistgħu jiġu fformulati bi preċiżjoni akbar fl-istedina għall-offerti.

7.L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jindikaw il-perjodu ta’ validità tas-sistema dinamika ta’ xiri fis-sejħa għall-kompetizzjoni. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fil-perjodu ta’ validità, billi jużaw il-formoli standard li ġejjin:

(a)meta l-perjodu ta’ validità jinbidel mingħajr ma titwaqqaf is-sistema, il-formola użata inizjalment għas-sejħa għall-kompetizzjoni għas-sistema dinamika ta’ xiri;

(b)meta s-sistema titwaqqaf, avviż tal-għoti ta’ kuntratt imsemmi fl-Artikolu 30(3).

8.Ma tista’ tiġi imposta l-ebda tariffa qabel jew waqt il-perjodu ta’ validità tas-sistema dinamika ta’ xiri fuq l-operaturi ekonomiċi interessati fis-sistema dinamika ta’ xiri jew li jkun parti għaliha.”;

(13)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li beħsiebhom jagħtu kuntratt jew ftehim qafas permezz ta’ proċedura miftuħa, proċedura ristretta, proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, djalogu kompetittiv jew sħubija għall-innovazzjoni għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż ta’ kuntratt.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jibagħtu avviż tal-għoti ta’ kuntratt fi żmien 30 jum mill-għoti ta’ kull kuntratt ibbażat fuq sistema dinamika ta’ xiri. Madankollu huma jistgħu jiġbru dawn l-avviżi flimkien fuq bażi trimestrali. F’dak il-każ, għandhom jibagħtu l-avviżi miġbura flimkien fi żmien 30 jum minn tmiem kull trimestru.”;

(14)fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, l-użu ta’ djalogu kompetittiv u l-użu ta’ sħubija għall-innovazzjoni, il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tat-talbiet għal parteċipazzjoni għandu jkun ta’ 37 jum mid-data ta’ meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

Fil-każ ta’ proċeduri ristretti, il-limitu ta’ żmien minimu għall-wasla tal-offerti għandu jkun 40 jum mid-data li fiha tintbagħat l-istedina.”;

(15)fl-Artikolu 34, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, id-djalogi kompetittivi, u s-sħubijiet għall-innovazzjoni, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jistiednu fl-istess ħin u bil-miktub lill-kandidati magħżula biex jissottomettu l-offerti tagħhom jew biex jinnegozjaw, f’każ ta’ djalogu kompetittiv, biex jieħdu sehem fid-djalogu, jew, f’każ ta’ sħubija għall-innovazzjoni, biex jissottomettu talba biex jipparteċipaw.”;

(16)l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinformaw, fl-iqsar żmien possibbli, lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas jew l-ammissjoni f’sistema dinamika ta’ xiri, inklużi r-raġunijiet li għalihom huma ddeċidew li ma jagħtux kuntratt, li ma jikkonkludux ftehim qafas li għalih kien hemm sejħa kompetittiva għall-offerti, jew li jibdew il-proċedura mill-ġdid jew ma jimplimentawx sistema dinamika ta’ xiri; dik l-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub fuq talba lill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma jikkomunikawx ċerta informazzjoni dwar l-għoti tal-kuntratti, il-konklużjoni tal-ftehimiet qafas jew l-ammissjoni f’sistema dinamika ta’ xiri msemmija fil-paragrafu 1 meta l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkun ta’ ostaklu għall-infurzar tal-liġi jew b’xi mod ieħor imur kontra l-interess pubbliku, b’mod partikolari l-interessi tad-difiża u/jew tas-sigurtà, ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi kemm pubbliċi kif ukoll privati, jew għandu mnejn jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni leali bejniethom.

(17)l-Artikoli 46a u 46b li ġejjin jiddaħħlu fit-Titolu II, il-Kapitolu VII, it-Taqsima 2:

“Artikolu 46a
Tnaqqis tan-numru ta’ kandidati kwalifikati mod ieħor li għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem

1.Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, il-proċeduri ta’ djalogu kompetittiv u s-sħubijiet għall-innovazzjoni, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jillimitaw in-numru ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla li se jistiednu għall-offerti jew biex imexxu djalogu, dment li jkun disponibbli n-numru minimu, f’konformità mal-paragrafu 2, ta’ kandidati kwalifikati.

2.Fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-istedina għall-konferma tal-interess, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jindikaw il-kriterji jew ir-regoli oġġettivi u mhux diskriminatorji li beħsiebhom japplikaw, in-numru minimu ta’ kandidati li beħsiebhom jistiednu u, meta jkun xieraq, in-numru massimu.

Fil-proċedura ristretta, in-numru minimu ta’ kandidati għandu jkun ħamsa. Fil-proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv u fis-sħubija għall-innovazzjoni, in-numru minimu ta’ kandidati għandu jkun tlieta. Fi kwalunkwe każ in-numru ta’ kandidati mistiedna għandu jkun biżżejjed biex jiżgura kompetizzjoni ġenwina.

L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jistiednu numru ta’ kandidati tal-inqas daqs in-numru minimu. Madankollu, meta n-numru ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla u l-livelli minimi ta’ abbiltà, kif imsemmi fl-Artikolu 38(3), ikun inqas min-numru minimu, l-awtorità/entità kontraenti tista’ tkompli l-proċedura billi tistieden il-kandidati bil-kapaċitajiet meħtieġa. Fil-kuntest tal-istess proċedura, l-awtorità/entità kontraenti ma għandhiex tinkludi operaturi ekonomiċi li ma talbux li jieħdu sehem, jew kandidati li ma għandhomx il-kapaċitajiet meħtieġa.

Artikolu 46b 
Tnaqqis tan-numru ta’ offerti u soluzzjonijiet

Meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jirrikorru għall-għażla li jnaqqsu n-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati kif previst fl-Artikolu 26(3) jew ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi kif previst fl-Artikolu 27(4), huma għandhom jagħmlu dan billi japplikaw il-kriterji tal-għoti ddikjarati fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-istadju finali, in-numru finali għandu jkun biżżejjed biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina billi jkun hemm biżżejjed offerti, soluzzjonijiet jew kandidati kwalifikati.”;

(18)l-Artikolu 49a li ġej jiddaħħal fit-Titolu II, il-Kapitolu VII, it-Taqsima 3:

“Artikolu 49a 
Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom

1.Il-kuntratti u l-ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ta’ akkwist ġdida f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)meta l-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti inizjali tal-akkwist fi klawżoli ta’ rieżami ċari, preċiżi u inekwivoki, li jistgħu jinkludi klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, jew għażliet. Dawn il-klawżoli għandhom jiddikjaraw l-ambitu u n-natura tal-modifiki jew l-għażliet possibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom dawn jistgħu jintużaw. Ma għandhomx jipprevedu modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura ġenerali tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;

(b)għal xogħlijiet, servizzi jew provvisti addizzjonali mill-kuntrattur oriġinali li saru neċessarji u li ma kinux inklużi fl-akkwist inizjali fejn bidla fil-kuntrattur:

(I) ma tistax issir minħabba raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi bħalma huma r-rekwiżiti ta’ interkambjabbiltà jew ta’ interoperabbiltà ma’ tagħmir, ma’ servizzi jew ma’ installazzjonijiet eżistenti akkwistati fl-akkwist inizjali; u

(II)tikkawża inkonvenjenza sinifikanti jew duplikazzjoni sostanzjali tal-kostijiet għall-awtorità/entità kontraenti;

Madankollu, kwalunkwe żieda fil-prezz ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-valur tal-kuntratt oriġinali. Meta jsiru diversi modifiki suċċessivi, dik il-limitazzjoni għandha tapplika għall-valur ta’ kull modifika. Tali modifiki konsekuttivi ma għandhomx ikunu mmirati lejn iċ-ċirkomvenzjoni ta’ din id-Direttiva;

(c)meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(I)il-ħtieġa ta’ modifika hija dovuta għal ċirkostanzi li awtorità/entità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi;

(II)il-modifika ma tibdilx in-natura ġenerali tal-kuntratt;

(III)kwalunkwe żieda fil-prezz mhijiex ogħla minn 50 % tal-valur tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas oriġinali. Meta jsiru diversi modifiki suċċessivi, dik il-limitazzjoni għandha tapplika għall-valur ta’ kull modifika. Tali modifiki konsekuttivi ma għandhomx ikunu mmirati lejn iċ-ċirkomvenzjoni ta’ din id-Direttiva;

(d)meta kuntrattur ġdid jissostitwixxi lil dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità/entità kontraenti bħala konsegwenza ta’ waħda minn dawn:

(IV)klawżola ta’ rieżami jew għażla inekwivoka f’konformità mal-punt (a);

(V)suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara ristrutturar korporattiv, inkluż take-over, fużjoni, akkwiżizzjoni jew insolvenza, ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva stabbiliti inizjalment, dment li dan ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra għall-kuntratt u ma jkunx immirat lejn iċ-ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; jew

(VI)f’każ li l-awtorità/entità kontraenti nnifisha tassumi l-obbligi tal-kuntrattur prinċipali fil-konfront tas-sottokuntratturi tiegħu meta din il-possibbiltà tkun prevista skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 21;

(e)meta l-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, ma jkunux sostanzjali fis-sens tal-paragrafu 2.

L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li jkunu mmodifikaw kuntratt fil-każijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) għandhom jippubblikaw avviż dwar dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali avviż għandu jkun fih, mutatis mutandis, l-informazzjoni meħtieġa f’avviż tal-għoti ta’ kuntratt.

2.Għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), il-prezz aġġornat għandu jkun il-valur ta’ referenza meta l-kuntratt ikun jinkludi klawżola ta’ indiċjar

3.Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-paragrafu 1, il-punt (e), meta din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali meta tiġi ssodisfata waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-modifika tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ kandidati oħra minbarra dawk magħżula inizjalment jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura tal-akkwist;

(b)il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt jew fil-ftehim qafas inizjali;

(c)il-modifika testendi l-ambitu tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;

(d)meta kuntrattur ġdid jissostitwixxi lil dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità/entità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti fil-paragrafu 1, il-punt (d).

4.Għandha tkun meħtieġa proċedura ta’ akkwist ġdida f’konformità ma’ din id-Direttiva għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku jew ftehim qafas matul it-terminu tiegħu minbarra dawk previsti skont il-paragrafu 1.”;

(19)L-Artikoli 65, 66 u 68 jitħassru.

Artikolu 3

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn […], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn […].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fi […] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030: JOIN/2025/120 final, 19.03.2025.
(2)    Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1–36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj)
(3)    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76–136, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj ).
(4)    JOIN(2025) 120 final, 19 ta’ Marzu 2025.
(5)    Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030: JOIN/2025/120 final, 19.03.2025.
(6)    Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj).
(7)    Il-Mudell ta’ Ftehim ta’ Għotja tal-EDF huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/edf/agr-contr/mga_edf_v1.0-01052023_en.pdf
(8)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj .
(9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).
(10)    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(11)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65–242, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).
(12)    L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-gwida għall-akkwist kooperattiv fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà (ĠU C 157, 8.5.2019, p. 1–9).