SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Kundizzjonijiet tal-Impjieg – Proċedura dixxiplinari – Awtorità kompetenti – Delega – Ċertezza legali – Preskrizzjoni tal-azzjoni dixxiplinari – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Proċeduri kriminali – Żnaturament – Assenza”
Fil-Kawża C‑513/21 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-19 ta’ Awwissu 2021,
DI, irrappreżentat minn L. Levi, avukat,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentata minn F. von Lindeiner, F. Malfrère u M. Van Hoecke, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, DI jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2021, DI vs BĊE (T‑514/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:332), li tiċħad ir-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiż, l-ewwel, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas‑7 ta’ Mejju 2019 li tkeċċih mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg minħabba raġunijiet dixxiplinari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija”) u d-deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tiftaħ il-proċeduri mill-ġdid (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), it-tieni, li r-reintegrazzjoni tiegħu tiġi ordnata mill-11 ta’ Mejju 2019 u, t-tielet, għall-kumpens għad-dannu morali li allegatament sofra bħala riżultat ta’ dawn id-deċiżjonijiet kontenzjużi u minħabba t-tul tal-proċedura dixxiplinari. |
Il‑kuntest ġuridiku
L‑Istatut tas‑SEBĊ
|
2 |
L-Artikolu 12.3 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2016, C 202, p. 230), anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem l-“Istatuti tas-SEBĊ”), jipprovdi: “Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta’ Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tagħha.” |
|
3 |
Skont l-Artikolu 36.1 ta’ dawn l-Istatuti: “Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.” |
Ir‑Regoli tal‑Proċedura
|
4 |
Abbażi tal-Artikolu 12.3 tal-Istatuti tas‑SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju adotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, emendati fit‑22 ta’ April 1999 (ĠU 1999, L 125, p. 34, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”). Taħt it-titolu “Kundizzjonijiet tal-Impjieg”, l-Artikolu 21 ta’ dawn ir-Regoli jipprovdi li: “21.1. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u r-Regoli Applikabbli għall-Persunal għandhom jiddeterminaw ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-[BĊE] u l-persunal tiegħu. 21.2. Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv, għandu japprova u jemenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi kkonsultat skont il-proċedura prevista minn dawn ir-Regoli tal-Proċedura. 21.3. Ir-Regoli Applikabbli għall-Persunal għandhom jimplimentaw il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, li huma adottati u emendati mill-Bord Eżekuttiv. 21.4. Il-Kumitat tal-persunal għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ Kundizzjonijiet tal-Impjieg ġodda jew Regoli Applikabbli għall-Persunal ġodda. L-opinjoni tiegħu għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill Regolatorju jew il-Bord Eżekuttiv.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il‑Kundizzjonijiet tal‑Impjieg
|
5 |
Abbażi tal-Artikolu 36.1 tal-Istatuti tas-SEBĊ, il-Kunsill Regolatorju adotta, fid‑9 ta’ Ġunju 1998, id-Deċiżjoni dwar l-Adozzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 1999, L 125, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-Impjieg”). |
|
6 |
Skont l-Artikolu 9(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg: “Ir-relazzjonijiet tal-impjieg bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu huma rregolati permezz tal-kuntratti tax-xogħol konklużi skont dawn il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg. Ir-Regoli Applikabbli għall-Persunal adottati mill-Bord Eżekuttiv jippreċiżaw it-termini dettaljati ta’ dawn il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7 |
L-Artikolu 44 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jipprevedi li: “Is-sanzjonijiet dixxiplinari li ġejjin jistgħu jittieħdu, skont il-każ, fir-rigward ta’ membri tal-persunal jew ta’ ex membri tal-persunal li għalihom japplikaw dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqsu milli jwettqu l-obbligi professjonali tagħhom:
[…]” |
Ir‑Regoli Applikabbli għall‑Persunal
|
8 |
Abbażi tal-Artikolu 21.3 tar-Regoli ta’ Proċedura u tal-Artikolu 9(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE adotta l-“European Central Bank Staff Rules” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Applikabbli għall-Persunal”), li l-Artikolu 8.3.2 tagħhom jipprevedi: “Billi jibbaża ruħu fuq rapport li jesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali […], il-Bord Eżekuttiv jew is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, li jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv, skont il-każ, jista’ jiddeċiedi:
[…]
|
|
9 |
L-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal jipprovdi li “[l]-membri tal-Kumitat Dixxiplinari għandhom jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom b’indipendenza sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
10 |
L-Artikolu 8.3.17 tal-imsemmi Regoli jipprevedi: “Is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, li jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv, għall-membri tal-persunal fil-grad ta’ salarju I jew inqas, jew il-Bord Eżekuttiv, għall-membri tal-persunal li jinsabu taħt il-grad ta’ salarju I, għandu jiddeċiedi dwar is-sanzjoni dixxiplinari l-iktar xierqa […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
11 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 26 tas-sentenza appellata bit-termini li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
12 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Lulju 2019, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, għar-reintegrazzjoni tiegħu kif ukoll għall-kumpens ta’ dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba dawn id-deċiżjonijiet u minħabba t-tul tal-proċeduri dixxiplinari. |
|
13 |
Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, l-appellant invoka formalment disa’ motivi, iżda l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-kontenut tar-rikors, elenkat għaxra, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-massima “l-proċedura dixxiplinari li toħroġ minn reat kriminali għandha tistenna l-eżitu tal-kawża kriminali”, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ imparzjalità stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-ħames wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, is-sitt wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta, it-tmien wieħed, fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u tad-dmir ta’ premura, id-disa’ wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, l-għaxar wieħed, ifformulat sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
14 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-għaxar motivi mqajma u, għaldaqstant, it-talbiet għal annullament, it-tieni u t-tielet kapijiet tat-talbiet kif ukoll, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
15 |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
16 |
Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
17 |
L-appellant iqajjem ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, it-tieni wieħed, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna l-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.7 ta’ dawn ir-regoli u tal-prinċipju ta’ imparzjalità u, il-ħames wieħed, fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
Fuq l‑ewwel aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
18 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punti 45 sa 53 tas-sentenza appellata, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, l-ewwel motiv tiegħu fl-ewwel istanza bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord Eżekuttiv sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
19 |
Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018, minkejja li setgħet titqies bħala att individwali, emendat, billi rtirat id-delega mogħtija lis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, att ġenerali, jiġifieri l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal. Issa, minħabba n-natura doppja ta’ tali deċiżjoni, il-Kumitat tal-Persunal kellu jiġi kkonsultat. |
|
20 |
Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Bord Eżekuttiv jista’ jbiddel b’mod individwali r-regola stabbilita f’dan l-artikolu billi jirtira din id-delega timplika li t-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan il-BĊE ma huwiex iddefinit b’mod ċar, kuntrarjament għar-rekwiżiti tas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2008, Kuchta vs BĊE (F‑89/07, EU:F:2008:97, punt 62). Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u r-regoli ta’ amministrazzjoni tajba ma ġewx osservati, mingħajr ma l-fatt li l-appellant ġie informat bid-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 huwa biżżejjed sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni. |
|
21 |
Fit-tielet lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li huwa ma kien ġie mċaħħad minn ebda garanzija peress li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn korp kolleġġjali, filwaqt li tikkostitwixxi garanzija ta’ imparzjalità, ma tipprovdix il-garanziji legali kollha. |
|
22 |
Il-BĊE jqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, l-appellant ma jidentifikax bi preċiżjoni suffiċjenti l-punti kkritikati tas-sentenza appellata u sempliċement jirrepeti l-perspettiva esposta fl-ewwel istanza u jipprova jikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 ma wasslitx għal emenda tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal. |
|
24 |
Fuq il-mertu, il-BĊE jikkontesta l-argument tal-appellant billi jsostni b’mod partikolari li, fid-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018, il-Bord Eżekuttiv ma emendax l-Artikolu 8.3.17 ta’ dawn ir-regoli u sempliċement applika dak li huwa inerenti għal din id-dispożizzjoni. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
25 |
Preliminarjament, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il-Kummissjoni, C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Fil-każ ineżami, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-BĊE, l-appell jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza appellata fil-kuntest tal-ewwel aggravju kif ukoll il-motivi li minħabba fihom dawn il-punti huma, skont l-appellant, allegatament żbaljati, li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. |
|
27 |
Barra minn hekk, sa fejn il-BĊE jikkritika lill-appellant talli sempliċement irrepeta l-argumenti li huwa espona quddiem il-Qorti Ġenerali u talli talab, għalhekk, sempliċi eżami mill-ġdid ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellant jikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. |
|
28 |
Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid f’appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma setax jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, DK vs SEAE, C‑851/19 P, EU:C:2021:607, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fl-aħħar nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, bil-kontra ta’ dak li jidher li jissuġġerixxi l-BĊE, id-determinazzjoni tan-natura ġuridika ta’ att adottat mill-amministrazzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli u tal-effetti prodotti minnu jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
30 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli. |
|
31 |
Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan il-motiv, fl-ewwel lok, l-argument tal-appellant li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2018 kienet teħtieġ il-konsultazzjoni minn qabel tal-Kumitat tal-Persunal huwa bbażat fuq il-premessa li, skont l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, il-Bord Eżekuttiv irrinunzja għas-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 44(ii) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg li jimponi huwa stess sanzjoni dixxiplinari bħat-tkeċċija fuq il-membri tal-persunal tal-BĊE li jinsabu fil-grad ta’ salarju I jew inqas. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, taħt il-qafas ta’ dawn ir-regoli, adottati mill-Bord Eżekuttiv stess u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 21.3 tar-Regoli ta’ Proċedura, japplikaw il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, il-Bord Eżekuttiv jibqax kompetenti sabiex jimponi s-sanzjoni tat-tkeċċija. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8.3.17 tal-imsemmija regoli, b’mod partikolari l-kliem “f’isem il-Bord Eżekuttiv” li jinsabu fih, turi b’mod ċar li d-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi fil-qasam dixxiplinari jesprimu dawk tal-Bord Eżekuttiv, li jassumi b’mod sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom u li għalih huma imputabbli legalment, hekk kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata u li ma huwiex ikkontestat mill-appellant fl-appell tiegħu. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet meħuda mis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi skont din id-dispożizzjoni jżommu l-istatus ta’ deċiżjonijiet li jesprimu dawk tal-Bord Eżekuttiv. |
|
33 |
Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni letterali ta’ dan l-Artikolu 8.3.17 jirriżulta li, bil-kontra tal-premessa li fuqha huwa bbażat l-argument tal-appellant, bl-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Bord Eżekuttiv ma ttrasferiex setgħa ta’ deċiżjoni proprja lis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi li tipprekludih milli jiddeċiedi huwa stess, f’każ partikolari, dwar is-sanzjoni l-iktar xierqa li għandha tiġi applikata għall-membri tal-persunal. |
|
34 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, l-Artikolu 8.3.2 ta’ dawn ir-Regoli jipprevedi li l-Bord Eżekuttiv (għall-membri tal-persunal li jinsabu taħt il-grad ta’ salarju L) jew, “f’isem il-Bord Eżekuttiv”, is-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, għall-membri tal-persunal li jinsabu f’dan il-grad ta’ salarju jew inqas, jista’ jiddeċiedi li jiftaħ proċedura dixxiplinari. Skont dan l-Artikolu 8.3.2, meta l-proċedura tinfetaħ mis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi, il-Bord Eżekuttiv għandu jiġi informat immedjatament. |
|
35 |
Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 u 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan jirriżulta li l-imsemmi obbligu ta’ informazzjoni huwa intiż li jippermetti lill-Bord Eżekuttiv, jekk ikun il-każ, jintervjeni fil-proċedura u jiddeċiedi huwa stess dwar is-sanzjoni dixxiplinari. Tali fakultà ta’ intervent tal-Bord Eżekuttiv fi proċedura miftuħa mis-Segretarju Ġenerali tas-Servizzi hija għalhekk inerenti għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8.3.17 tal-imsemmija regoli. |
|
36 |
L-Artikolu 44(ii) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg fil-fatt jirriżerva lill-Bord Eżekuttiv bħala awtorità kolleġġjali d-deċiżjoni tas-sanzjonijiet l-iktar gravi, b’żewġ sanzjonijiet inqas severi biss, jiġifieri t-twissija bil-miktub u ċ-ċanfira bil-miktub, li jistgħu jiġu imposti minn persuna waħda, jiġifieri d-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani jew membru tal-Bord Eżekuttiv, skont il-grad tal-membri tal-persunal ikkonċernat, li jirriżulta wkoll mill-imsemmi Artikolu 8.3.2. |
|
37 |
Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jitqies li, bl-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu 8.3.17, il-Bord Eżekuttiv irrinunzja għas-setgħa deċiżjonali tiegħu f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet individwali fil-qasam ta’ sanzjonijiet dixxiplinari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punti 60 u 61). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali interna wiesgħa sabiex jorganizzaw ruħhom fil-funzjonijiet tagħhom u fil-bżonnijiet tagħhom. Il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-organu deċiżjonali jkun jista’ jiffunzjona tikkorrispondi wkoll għal prinċipju inerenti għal kull sistema istituzzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord Eżekuttiv jibqa’ kompetenti, taħt ir-Regoli Applikabbli għall-Persunal, sabiex jeżerċita huwa stess is-setgħa dixxiplinari fir-rigward tal-membri tal-persunal li jinsabu fil-grad ta’ salarju I jew inqas bħall-appellant, kif iddeċieda fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, permezz tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018. |
|
40 |
Minn dan jirriżulta li din id-deċiżjoni ma hijiex ta’ natura doppja u li l-adozzjoni tagħha ma kinitx teħtieġ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal. |
|
41 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk, kif isostni l-appellant, tali interpretazzjoni għandhiex l-effett li t-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam dixxiplinari fi ħdan il-BĊE ma jkunx iddefinit b’mod ċar, li jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom, peress li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 41). |
|
42 |
L-imsemmi prinċipju u t-trasparenza neċessarja tad-deċiżjonijiet amministrattivi jeżiġu, bħala prinċipju, li t-tqassim tal-kompetenzi u d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet jiġu ppubblikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 5/85, EU:C:1986:328, punt 39). |
|
43 |
Issa, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal huwa ppubblikat u l-BĊE ġġustifika l-għażla li ma jirrendix pubblika d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 fl-interess tal-appellant, u tali għażla ma hijiex ikkontestata minn dan tal-aħħar fl-appell tiegħu. |
|
44 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem u tal-kuntest tiegħu, kif eżaminati fil-punti 31 sa 37 tas-sentenza preżenti, dan l-Artikolu 8.3.17 huwa suffiċjentement ċar, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jippermetti lill-membri tal-persunal jifhmu li s-sanzjonijiet dixxiplinari għadhom jiġu imposti f’isem il-Bord Eżekuttiv li jassumi r-responsabbiltà għalihom u li, jekk ikun il-każ, il-Bord Eżekuttiv jista’ jintervjeni fi proċedura dixxiplinari sabiex jimponi tali sanzjoni. |
|
45 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 45 u 51 tas-sentenza appellata, li, taħt ir-Regoli Applikabbli għall-Persunal, il-Bord Eżekuttiv ma kienx obbligat, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2018 u tad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija li ma kinux emendaw dawn ir-regoli, li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Persunal. |
|
46 |
Fit-tielet lok, l-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, qieset li dan tal-aħħar ma kien ġie mċaħħad minn ebda garanzija minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mill-Bord Eżekuttiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab f’dan il-punt hija ta’ natura superfluwa. |
|
47 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ appell, ilmenti diretti kontra motivi superfluwi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din is-sentenza u għalhekk għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tieni aggravju
Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju
– L‑argumenti tal‑partijiet
|
49 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punti 93 sa 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti fid-dawl tal-kunċett ta’ “skoperta tal-fatti” imsemmi fl-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal, li wassalha sabiex tiċħad, b’mod żbaljat, it-tieni motiv tiegħu fl-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-istess żball ta’ liġi jivvizzja l-punti 132 u 241 ta’ din is-sentenza. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, l-appellant isostni li l-fajl personali tiegħu la kien jinkludi “ħlasijiet” u lanqas “provi ta’ ħlas”, li l-fatti kif magħrufa abbażi ta’ dan il-fajl kienu kompletament disponibbli sa mhux iktar tard mix-xahar ta’ Ottubru 2014 u li l-BĊE kien għalhekk f’pożizzjoni li jwettaq, f’din id-data, l-evalwazzjoni prima facie meħtieġa mill-kunċett ta’ “skoperta tal-fatti”, ħaġa li huwa astjena milli jagħmel. Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fl-imsemmija punti, il-fatti relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku kienu preskritti fid-data tal-ftuħ, fid‑19 ta’ Settembru 2017, tal-parti tal-proċedura dixxiplinari li tikkonċernahom. Barra minn hekk, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li n-natura sensittiva tad-data fil-fajl personali tiegħu kellha effett f’dan ir-rigward u jsostni li ma kienx hemm, għall-Kumitat Dixxiplinari, raġuni reali sabiex jagħmel eżami fid-dettall ta’ dan il-fajl. |
|
51 |
Fir-replika tiegħu, l-appellant iżid li, billi rreferiet għall-fatturi ta’ sostenn skolastiku b’rabta mal-evalwazzjoni tal-affermazzjoni li huwa kien iħallas lil B fi flus kontanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “skoperta tal-fatti”, il-Qorti Ġenerali mhux biss interpretat b’mod żbaljat l-imsemmi Artikolu 8.3.2 iżda żnaturat ukoll il-proċess. |
|
52 |
Il-BĊE jsostni li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, sussidjarjament, infondata. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
53 |
Qabelxejn, huwa meħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti jew, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawk il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, EU:C:2005:306, punt 78, kif ukoll tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Camerin vs Il-Kummissjoni, C‑63/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:516, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha wkoll ġurisdizzjoni sabiex teżerċita stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u fuq il-konsegwenzi ta’ dritt li jkunu ġew misluta minn dawn mill-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-appellant jinvoka klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “skoperta tal-fatti” li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, huwa ma jikkontestax, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat lil dan il-kunċett, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li “għandu jiġi ammess […] li l-iskoperta tal-fatti fis-sens tal-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal isseħħ fil-mument meta l-fatti magħrufa jkunu suffiċjenti sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni prima facie tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi professjonali”. |
|
55 |
Fil-fatt, permezz tal-argument tiegħu, huwa għandu biss l-għan li jistabbilixxi li l-fatti suffiċjenti sabiex jippermettu tali evalwazzjoni kienu magħrufa mhux iktar tard mix-xahar ta’ Ottubru 2014, billi jallega li l-fatturi ta’ sostenn skolastiku kienu jinsabu fil-fajl personali tiegħu u li dan il-fajl ma kienx jinkludi provi ta’ ħlas. |
|
56 |
Issa, permezz ta’ tali argument, l-appellant ifittex li jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors tiegħu, li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, DK vs SEAE, C‑851/19 P, EU:C:2021:607, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Barra minn hekk, sa fejn tali argument huwa intiż sabiex jikkontesta l-fatti kif ikkonstatati u evalwati mill-Qorti Ġenerali, tali argument huwa wkoll inammissibbli skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. |
|
58 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellant isostni, fir-replika tiegħu, li l-Qorti Ġenerali “żnaturat il-proċess” huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Issa, peress li l-appellant seta’ jinvoka tali żnaturament fl-appell tiegħu, tali argument huwa inammissibbli. |
|
59 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it‑tieni parti tat‑tieni aggravju
– L‑argumenti tal-partijiet
|
60 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, ippreżentata sussidjarjament, l-appellant isostni li, fil-punti 98 sa 100 u 203 tas-sentenza appellata, sa fejn dan l-aħħar punt jirreferi għall-punt 99 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet, fl-ewwel lok, elementi mad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija u marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha billi qieset li l-preskrizzjoni tal-ewwel u tat-tieni parti tal-kawża ma kinitx suffiċjenti sabiex jintlaqa’ t-tieni motiv tiegħu fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu u tannulla dik id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-appellant isostni li xejn ma spjega, f’dik id-deċiżjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-raġuni għalfejn kull waħda mit-tliet sensiliet ta’ fatti affettwat b’mod irrimedjabbli mir-relazzjoni ta’ fiduċja tagħhom u hija biżżejjed sabiex tiġġustifika tkeċċija. |
|
61 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-ilmenti li huwa kien ippreżenta fil-punt 158 tar-rikors tiegħu, fil-kuntest tal-għaxar motiv tal-ewwel istanza tiegħu, li jipprovdi li l-BĊE ma kienx spjega għaliex kull waħda minn dawn it-tliet sensiliet ta’ fatti kienet affettwat irrimedjabbilment din ir-relazzjoni fir-rigward ta’ dan il-prinċipju. |
|
62 |
Fir-replika tiegħu, l-appellant jippreċiża li huwa n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-proċess deċiżjonali li huwa jikkontesta u li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita billi żiedet motiv li ma kinitx tinkludi d-deċiżjoni kkontestata ta’ tkeċċija kif ukoll meta kklassifikat it-telf ta’ fiduċja bħala ċirkustanza aggravanti fil-punti 212 sa 241 tas-sentenza appellata. |
|
63 |
Il-BĊE jitlob li din il-parti tiġi miċħuda. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
64 |
Minn naħa, fir-rigward tal-argument tal-appellant ibbażat fuq ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrispondi għall-ilmenti li huwa kien qajjem fil-punt 158 tar-rikors tiegħu, fil-kuntest tal-għaxar motiv tal-ewwel istanza, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrispondiet sew, fil-punti 208 sa 214 tas-sentenza appellata, għall-ilment li ċ-ċirkustanza aggravanti relatata mat-telf tar-rabta ta’ fiduċja li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija ma kinitx distinta min-nuqqasijiet allegati fil-konfront tiegħu fihom innifishom u kienet manifestament żbaljata. Il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll, fil-punti 98 u 99 ta’ dik is-sentenza, l-ilment li l-BĊE ma kienx spjega kif kull waħda mit-tliet sensiliet ta’ fatti, meħuda waħedhom, kienet “affettwat irrimedjabbilment ir-relazzjoni ta’ fiduċja”, kif jammetti l-appellant stess fil-punt 38 tal-appell tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stħarrġet il-proporzjonalità tad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija, fid-dawl tan-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-fatti relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku fil-kuntest ta’ dan l-għaxar aggravju, miċħud fil-punt 244 tas-sentenza appellata, u vverifikat in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, fil-punti 182 sa 193 tal-imsemmija sentenza, mhux ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ilment dirett kontra l-punt 99 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tal-appellant hija bbażata fuq qari iżolat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet il-motivi adottati mill-BĊE fid-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija sabiex jispjega r-raġuni għalfejn kull wieħed mit-tliet aspetti tal-kawża kellu jiġi kkunsidrat bħala li affettwa b’mod irriversibbli l-fiduċja li fuqha hija bbażata r-relazzjoni tiegħu mal-persunal tiegħu. |
|
66 |
Għall-bqija, l-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali żiedet elementi mad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija, marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha u ddeċidiet ultra petita għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma jindikax bil-preċiżjoni meħtieġa minn din il-ġurisprudenza l-elementi li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tagħha, żiedet ma’ din id-deċiżjoni u lanqas ir-raġunijiet li għalihom hija marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha jew iddeċidiet ultra petita. |
|
67 |
Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju u, konsegwentement, it-tieni aggravju kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it‑tielet aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
68 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 119 sa 121, 124, 125 u 132 tas-sentenza appellata, is-seba’ motiv tal-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-Artikolu 48 tal-Karta, peress li dan l-iżball ta’ liġi jaffettwa bl-istess mod il-punti 163 u 164 ta’ din is-sentenza. Għalkemm id-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija ma imputatx formalment lill-appellant ir-responsabbiltà għall-fatt li l-fatturi ta’ sostenn skolastiku ma kinux ġenwini u reali, din id-deċiżjoni kklassifikathom bħala mhux awtentiċi u d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu neċessarjament ibbażati fuq dan il-fatt, filwaqt li l-proċeduri kriminali mressqa kontrih għall-istess fatti kienu ngħalqu fl-assenza ta’ suspetti ta’ ħtija. |
|
69 |
Għalhekk, huwa permezz ta’ żnaturament manifest tal-proċess u ta’ dawn id-deċiżjonijiet li l-Qorti Ġenerali ma qisitx li n-nuqqas ta’ awtentiċità ta’ dawn il-fatturi kienet kundizzjoni essenzjali għat-tkeċċija tiegħu, li hija kklassifikathom bħala “mhux xierqa” u li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-BĊE kien ġie informat li ma seta’ jeżisti ebda suspett ta’ frodi, b’tali mod li l-imsemmija fatturi ma setgħux jitqiesu bħala mhux awtentiċi. Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li d-dritt tiegħu għall-preżunzjoni tal-innoċenza ma kienx inkiser bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
70 |
Fir-replika tiegħu, l-appellant iżid jgħid li, billi ddeċieda li jagħlaq l-investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur neċessarjament qies li l-fatturi ta’ sostenn skolastiku ma setgħux jitqiesu bħala ffalsifikati u li l-BĊE jsostni, b’mod żbaljat, li dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikkonferma l-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-għalliema C kif ukoll ta’ numru fiskali. |
|
71 |
Il-BĊE jitlob li dan l-aggravju jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
72 |
Qabelxejn, permezz tal-argument żviluppat insostenn tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant qiegħed fir-realtà jipprova jikseb kunsiderazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u tal-konstatazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha fil-kuntest tal-appell, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom. |
|
73 |
Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda tali żnaturament, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-appellant għandu jindika preċiżament il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali kif ukoll juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, allegatament wassluha għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr il-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, C‑447/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:612, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa aggravju bbażat fuq żnaturament ta’ prova huwa limitat għall-verifika li l-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq din il-prova, ma marritx manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ din il-prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019,LS Cable & System vs Il-Kummissjoni, C‑596/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1025, punt 25, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2023, PV vs Il-Kummissjoni, C‑640/20 P, EU:C:2023:232, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Fil-każ ineżami, l-appellant essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-proċess u d-deċiżjonijiet kontenzjużi billi kklassifikat il-fatturi ta’ sostenn skolastiku, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, bħala “mhux xierqa”. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li n-nuqqas ta’ awtentiċità tagħhom kienet kundizzjoni essenzjali għat-tkeċċija tiegħu u li, wara għeluq il-proċeduri kriminali minħabba frodi kontrih u l-konstatazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-BĊE ma setax iktar iqis dawn il-fatturi bħala mhux awtentiċi. |
|
76 |
Fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset dan li ġej:
|
|
77 |
Issa, peress li dawn iż-żewġ punti jinkludu għalhekk sunt fidil tal-kontenut tal-punti 29 sa 32 tad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija, huma ma juru ebda żnaturament ta’ din tal-aħħar. |
|
78 |
Barra minn hekk, minn dawn l-istess punti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallega l-appellant, in-nuqqas ta’ awtentiċità tal-fatturi ta’ sostenn skolastiku ma kinitx kundizzjoni essenzjali għat-tkeċċija tiegħu, peress li l-BĊE bbaża l-imsemmija deċiżjoni, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 120, mhux fuq tali nuqqas ta’ awtentiċità, iżda fuq negliġenza tal-appellant meqjusa partikolarment gravi. |
|
79 |
Barra minn hekk, għalkemm, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rifjut tal-Bord Eżekuttiv li jiftaħ mill-ġdid il-proċedura wara li sar jaf bl-għeluq l-investigazzjoni fuq il-fatturi ta’ sostenn skolastiku kien b’mod partikolari bbażat fuq il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien ikkonferma li ma kinitx teżisti reġistrazzjoni uffiċjali ta’ C u li n-numru fiskali li jinsab fuq il-fatturi tagħha ma kienx minnu, ebda żnaturament ma jirriżulta b’mod manifest minn tali konstatazzjoni bbażata, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din l-istess sentenza, fuq l-ittra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur indirizzata lill-BĊE fit‑30 ta’ April 2019 u rreġistrata fil‑15 ta’ Mejju ta’ wara, u lanqas ebda qari żbaljat ta’ din l-ittra mill-Qorti Ġenerali. |
|
80 |
Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta. Dan il-prinċipju jinkiser meta deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni uffiċjali dwar akkużat tkun tinkludi dikjarazzjoni ċara, magħmula fin-nuqqas ta’ kundanna definittiva, skont liema l-persuna kkonċernata wettqet il-ksur inkwistjoni. F’dan il-kuntest, hekk kif ġustament fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 118 tas-sentenza appellata, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-għażla tal-kliem użati mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dan ġie fformulat u tan-natura u l-kuntest tal-proċeduri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
Hekk kif irrilevat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-preżunzjoni tal-innoċenza għandha b’mod partikolari l-għan li tipprekludi li individwi li jkunu bbenefikaw minn irtirar tal-akkużi jiġu ttrattati mill-awtoritajiet pubbliċi daqslikieku kienu fil-fatt ħatja tar-reat li kien imputat lilhom (Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2018, G.I.E.M. S.R.L. et vs L-Italja, CE:ECHR:2018:0628JUD000182806, punt 314). |
|
82 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li ma hemmx awtomatikament ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza meta persuna tiġi ddikjarata ħatja ta’ ksur dixxiplinari minħabba fatti identiċi għal dawk imsemmija f’akkuża kriminali preċedenti li ma tkunx wasslet għal kundanna. Fil-fatt, bil-kundizzjoni li ma jikkonfermawx ir-responsabbiltà kriminali ta’ din il-persuna, il-korpi dixxiplinari għandhom is-setgħa u l-kapaċità li jistabbilixxu b’mod indipendenti l-fatti tal-kawżi mressqa quddiemhom (Qorti EDB, 13 ta’ April 2021, Istrate vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2021:0413JUD004454613, punt 59). |
|
83 |
Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 120 u 125 ta’ din is-sentenza, ebda konstatazzjoni ta’ ħtija fir-rigward tar-reat ta’ frodi li kien is-suġġett tal-investigazzjoni kriminali ma tirriżulta mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, b’tali mod li din tal-aħħar ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 121 u 125 ta’ din is-sentenza, li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kisritx id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza tal-appellant. |
|
84 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq ir‑raba’ aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
85 |
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punti 139 sa 146 tas-sentenza appellata, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat ir-raba’ motiv tal-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli Applikabbli għall-Persunal u tal-prinċipju ta’ imparzjalità. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kumitat Dixxiplinari ma kienx aġixxa b’mod irraġonevoli u lanqas wettaq riċerka parzjali meta vverifika l-affermazzjoni tal-appellant li huwa kellu d-drawwa jħallas il-fatturi tiegħu fi flus kontanti, filwaqt li l-kwistjoni legali li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina kienet dik dwar jekk il-proċedura prevista kinitx tawtorizza lil dan il-kumitat iwettaq dawn il-verifiki. Issa, il-Qorti Ġenerali kien messha kkonstatat li dan ma kienx il-każ, peress li l-mandat li l-imsemmi kumitat kien irċieva kien jikkonċerna biss il-fatturi ta’ fiżjoterapija u l-irċevuti mill-ispiżerija. |
|
86 |
L-appellant iżid jgħid li l-imsemmi kumitat wera ruħu parzjali, li l-fajl personali tiegħu ma setax jiżvela informazzjoni u li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali ma tissostanzjax il-kunsiderazzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-proċess sa fejn il-fatt, irrilevat minnha fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li l-avukat preċedenti tiegħu kien iddubita li kull pagament ta’ B kien jikkorrispondi għal ġbid ta’ flus ma kienx jinsab fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, u ssostitwixxiet ruħha għall-Kumitat Dixxiplinari billi tat raġunijiet li ma kinux dawk li ggwidawha. Minn dan isegwi li l-fatturi ta’ sostenn skolastiku nġabru bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali meħtieġa u jikkostitwixxu provi illegali. |
|
87 |
Il-BĊE jargumenta li dan l-aggravju ma huwiex fondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
88 |
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-proċedura segwita mill-Kumitat Dixxiplinari sabiex jinġabru l-fatturi ta’ sostenn skolastiku bħala provi kienet illegali u li dawn il-fatturi ma nkisbux b’mod regolari, ħaġa li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, huwa ammissibbli fil-kuntest ta’ appell. |
|
89 |
Madankollu, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li la evalwat din il-kwistjoni ġuridika u lanqas il-motiv imqajjem quddiemha, l-imsemmi argument ma jistax jintlaqa’. |
|
90 |
Fil-fatt, mill-punt 145 tas-sentenza appellata jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Qorti Ġenerali neċessarjament qieset li dan il-kumitat kien awtorizzat jikkonsulta l-fajl personali tiegħu u jipproċedi għal investigazzjonijiet f’dan il-fajl, u li l-proċedura li huwa kien segwa sabiex jiġbor il-fatturi ta’ sostenn skolastiku kienet legali. |
|
91 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li hija tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn l-argumenti tagħhom ma ntlaqgħux u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, li huwa l-każ f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni, C‑100/16 P, EU:C:2017:194, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
92 |
Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-appellant, tali motivazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi. |
|
93 |
Fil-fatt, għalkemm it-termini ta’ riferiment tal-Kumitat Dixxiplinari kienu jkopru, ċertament, il-fatturi ta’ fiżjoterapija u l-irċevuti mill-ispiżerija, hekk kif sostna l-appellant fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, b’mod partikolari fil-punti 136 u 145 tas-sentenza appellata, li dan il-kumitat għandu l-kompitu, skont ir-Regoli Applikabbli għall-Persunal, li jfittex u li jistabbilixxi l-fatti bl-iktar mod iddettaljat possibbli, li jagħti opinjoni dwar il-materjalità tagħhom, li jevalwa l-gravità tagħhom kif ukoll li jipproponi sanzjoni eventwali. Issa, sabiex iwettaq din il-missjoni, l-imsemmi kumitat jista’ jkollu bżonn jaċċedi għall-fajl personali tal-persuna inkwistjoni. |
|
94 |
Barra minn hekk, meta għamlet tali konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ssostitwixxiet ruħha għall-Kumitat Dixxiplinari, kuntrarjament għal dak li jallega l-appellant. |
|
95 |
Mill-bqija, jidher li l-appellant sempliċement jirrepeti argumenti li huwa kien ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma jispjega preċiżament kif din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdithom u li b’hekk qiegħed jipprova jikseb evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja, fatt li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha fil-kuntest tal-appell hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 tas-sentenza preżenti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament eventwali tagħhom. |
|
96 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellant iqajjem tali lment ta’ żnaturament, huwa ma jindikax b’mod preċiż il-provi li ġew allegatament żnaturati mill-Qorti Ġenerali u lanqas a fortiori ma juri żbalji ta’ analiżi eventwali li din tal-aħħar wettqet, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 73 tas-sentenza preżenti. |
|
97 |
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq il‑ħames aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
98 |
Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet is-sitt motiv tal-ewwel istanza, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Minbarra l-fatt li l-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata huma żbaljati għar-raġunijiet invokati insostenn tat-tielet aggravju tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 165, 166 u 173 ta’ dik is-sentenza, sa fejn l-appellant kien wera li l-BĊE ma kienx ħa inkunsiderazzjoni diversi provi, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tal-konjuġi tiegħu u tal-bniet tiegħu. L-appellant iżid jgħid li, bil-kontra ta’ dak li huwa indikat fil-punt 160 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ma żguratx l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, peress li hija la eżerċitat stħarriġ sħiħ fuq il-materjalità tal-fatti u l-valur probatorju tal-provi, la vverifikat l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, u lanqas ma wettqet eżami fid-dettall tal-imsemmija provi. |
|
99 |
Il-BĊE jsostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
100 |
Hekk kif jirriżulta mill-punti 158 sa 162 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkritikati fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kklassifikat mill-ġdid is-sitt motiv tal-ewwel istanza bħala li huwa bbażat mhux fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-BĊE li jivvizzjaw il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża ta’ tkeċċija iżda fuq eżami inkomplet taċ-ċirkustanzi tal-kawża minn dan tal-aħħar, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-provi u fuq żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li tali klassifikazzjoni mill-ġdid kienet neċessarja peress li, konformement mar-rekwiżit ta’ effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, hija għandha b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 160 tas-sentenza appellata, teżerċita stħarriġ sħiħ fuq il-materjalità tal-fatti, tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom kif ukoll twettaq stħarriġ sħiħ tal-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ dokument u għal eżami fid-dettall tal-provi. |
|
101 |
Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata, l-ilment tar-rikorrent li l-BĊE ma kienx ħa inkunsiderazzjoni -għeluq il-proċeduri kriminali relatati mal-fatturi ta’ sostenn skolastiku, ilment li kien jikkoinċidi mat-tielet u mas-seba’ motivi tal-ewwel istanza, meqjusa infondati. Fil-punti 165 u 166 ta’ din is-sentenza, hija indikat li, għalkemm l-appellant kien jallega li l-BĊE kien injora d-dikjarazzjonijiet tiegħu u dawk tal-familja tiegħu billi qies li l-fatturi tal-għalliema C ma kinux ġenwini u reali, huwa b’hekk sempliċement jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet tiegħu u dawk tal-konjuġi tiegħu magħmula matul il-proċedimenti amministrattivi, mingħajr ma spjega għaliex il-BĊE wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta ma qieshomx konvinċenti u meta rrileva li ma kienx ipproduċa provi li jissostanzjawhom. Barra minn hekk, fil-punt 173 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellant isostni għalxejn li l-BĊE ma kkunsidrax il-fatt li l-kundizzjoni ta’ wieħed minn uliedu ma kienx jeħtieġ li jkun jaf id-dettalji ta’ C sabiex jiġu organizzati l-lezzjonijiet. |
|
102 |
Issa, qabel kollox, sa fejn, fl-appell tiegħu, l-appellant jirreferi għall-argument ippreżentat insostenn tat-tielet aggravju sabiex jikkontesta l-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata, dan l-argument għandu jiġi miċħud għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 72 sa 84 tas-sentenza preżenti. |
|
103 |
Barra minn hekk, sa fejn l-appellant jikkritika l-punti 165, 166 u 173 tas-sentenza appellata minħabba li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni diversi provi bħad-dikjarazzjonijiet tiegħu u dawk tal-familja tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, minbarra dawn id-dikjarazzjonijiet li għalihom l-appellant jirreferi b’mod ġenerali, dan tal-aħħar ma jippreċiżax liema provi huwa allegatament ipproduċa lill-BĊE jew lill-Qorti Ġenerali u li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, jidher li, permezz ta’ dan l-argument, l-appellant sempliċement jirrepeti argumenti li huwa kien ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali u fir-realtà jfittex li jikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi kif ukoll tal-valur li ngħatalhom mill-Qorti Ġenerali, li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 tas-sentenza preżenti. Issa, l-appellant ma jinvokax tali żnaturament fil-kuntest ta’ dan l-aggravju. |
|
104 |
Fl-aħħar nett, għalkemm l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-istħarriġ komplet li kellha twettaq skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 160 tas-sentenza appellata, fl-appell tiegħu, huwa jillimita ruħu għal dikjarazzjoni ġenerali mingħajr ma jippreċiża liema punti ta’ dik is-sentenza huma intiżi u lanqas ma jiżviluppa argumenti legali f’dan ir-rigward. Issa, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 tas-sentenza preżenti, appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-aggravju kkonċernat. Minn dan isegwi li tali affermazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
105 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
106 |
Peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
107 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jipprevedi li kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn jintalbu. |
|
108 |
Peress li l-appellant tilef l-appell tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.