|
25.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 226/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1038
tat-23 ta’ Ġunju 2021
li tagħti perjodu tranżitorju lir-Renju tan-Netherlands skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-medda ta’ frekwenzi 2 500–2 690 MHz
(notifikata bid-dokument C(2021) 4433)
(It-test bin-Netherlandiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(5) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE tat-13 ta’ Ġunju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500–2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (2), u partikolarment l-Artikolu 2(2) tagħha,
Wara li kkunsidrat it-talba li saret min-Netherlands fis-6 ta’ Jannar 2021,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 2008/477/KE tipprevedi li l-Istati Membri jeħtieġ li jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli, fuq bażi mhux esklużiva, il-medda ta’ frekwenzi 2 500–2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika f’konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2008/477/KE jipprevedi li l-Istati Membri li jimplimentaw l-użu ta’ dupleks permezz ta’ diviżjoni tal-ħin (TDD) jew ta’ “downlink biss” ’il barra mill-sottomedda 2 570–2 620 MHz fid-data meta din id-Deċiżjoni ssir effettiva jistgħu jitolbu perjodu tranżizzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE. |
|
(3) |
Ir-Renju tan-Netherlands informa lill-Kummissjoni li, filwaqt li ngħataw awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ parti kbira tas-sottomedda 2 570–2 620 MHz, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/636 (3), żewġ taqsimiet limitati tal-medda, jiġifieri l-lottijiet 2 565–2 570 MHz u 2 685–2 690 MHz, għadhom suġġetti għal żewġ awtorizzazzjonijiet li jimplimentaw id-dupleks permezz ta’ diviżjoni tal-ħin (TDD) minflok id-dupleks tad-diviżjoni tal-frekwenza (FDD) li ngħataw fl-2010 skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE u li se jiskadu fl-2030. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittra lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2021, in-Netherlands talbu perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2008/477/KE sabiex tinżamm il-validità taż-żewġ awtorizzazzjonijiet imsemmija hawn fuq li jimplimentaw TDD sal-iskadenza tagħhom. Dawn l-awtorizzazzjonijiet ingħataw permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Agentschap Telecom van het Ministerie van Economische Zaken en Klimaat. Waħda mill-awtorizzazzjonijiet ingħatat bin-numru ta’ referenza AT-EZK/7635162, in-numru tad-dossier 6781570-G1 u hija valida mit-3 ta’ Jannar 2013 sat-2 ta’ Jannar 2030 u l-awtorizzazzjoni l-oħra ngħatat bin-numru ta’ referenza AT-EZK/7937970, in-numru tad-dossier 6697351 u hija valida mill-11 ta’ Mejju 2010 sal-11 ta’ Mejju 2030. |
|
(5) |
B’appoġġ għat-talba tagħhom, in-Netherlands ipprovdew biżżejjed informazzjoni u ġustifikazzjonijiet. Billi jżommu ż-żewġ awtorizzazzjonijiet eżistenti li jintużaw għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni matul il-perjodu tranżitorju, l-awtoritajiet Olandiżi jevitaw li jinterrompu l-għoti tas-servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli mid-detenturi ta’ dawn iż-żewġ awtorizzazzjonijiet u jevitaw li jfixklu s-sitwazzjoni attwali tal-kompetizzjoni ugwali fis-settur tal-komunikazzjonijiet mobbli fin-Netherlands. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet estensivi tal-użu marbuta mal-użu taż-żewġ lottijiet tal-ispettru korrispondenti kienu jeħtieġu li dawn l-awtorizzazzjonijiet ma jiġux inklużi fid-definizzjoni u fid-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-ispettru applikabbli b’mod ġenerali. B’konsegwenza ta’ dan, il-perjodu tranżitorju se jiżgura l-istabbiltà fis-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq tal-komunikazzjonijiet mobbli u mhux se jiddiferixxi bla bżonn l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/477/KE fin-Netherlands. |
|
(6) |
Barra minn hekk, il-limiti tal-potenza tal-emissjonijiet marbuta mal-użu ta’ dak l-ispettru skont l-awtorizzazzjonijiet rilevanti huma konformi mal-ftehimiet internazzjonali ta’ koordinazzjoni konklużi mal-Istati Membri ġirien sabiex jiġi żgurat li ma tinħoloq l-ebda interferenza f’dawk l-Istati Membri. Konsegwentement, il-perjodu tranżitorju mhux se jiddiferixxi l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/477/KE fl-Istati Membri ġirien. |
|
(7) |
Il-perjodu tranżitorju ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex ma jiġix evitat l-istabbiliment ta’ qafas komuni u kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-medda ta’ frekwenzi 2 500–2 690 MHz; ir-restrizzjonijiet fil-medda 2 685–2 690 MHz huma pprovduti biex jipproteġu s-servizzi tar-radjuastronomija fil-medda ta’ biswit u l-użu tal-frekwenza 2 565–2 570 MHz huwa ristrett biex jipproteġi l-użu FDD kontigwu. |
|
(8) |
Għalhekk, dan il-perjodu tranżizzjonali jiżgura li l-objettivi ta’ politika tal-UE fil-medda 2 500–2 690 MHz jintlaħqu b’kost minimu għal kull Stat Membru u operatur. |
|
(9) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-perjodu tranżitorju mitlub jidher ġustifikat u proporzjonat u mhux se jiddiferixxi bla bżonn l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/477/KE fin-Netherlands jew fl-Istati Membri l-oħra jew joħloq differenzi bla bżonn fis-sitwazzjoni kompetittiva jew regolatorja bejn l-Istati Membri. |
|
(10) |
Il-membri tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju ġew ikkonsultati u indikaw fil-laqgħat tagħhom tad-9 u tal-10 ta’ Marzu 2021 li huma ma joġġezzjonawx għal dak il-perjodu tranżitorju. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Qed jingħata b’dan perjodu tranżitorju lin-Netherlands skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
In-Netherlands qed tiġi awtorizzata b’dan li timplimenta, sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2030, dupleks permezz ta’ diviżjoni tal-ħin (TDD) minflok dupleks tad-diviżjoni tal-frekwenza (FDD) fis-sottomeded 2 565–2 570 MHz u 2 685–2 690 MHz.
Artikolu 3
In-Netherlands għandhom ikomplu jiżguraw li l-implimentazzjoni tat-TDD skont l-Artikolu 2 ma tiddifferixxix bla bżonn l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/477/KE, ma toħloqx differenzi bla bżonn fis-sitwazzjonijiet kompetittivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri u ma taffettwax is-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li huma operattivi diġà jew li se jiġu varati fil-medda ta’ frekwenzi 2 500–2 690 MHz f’konformità mal-parametri tekniċi armonizzati mid-Deċiżjoni 2008/477/KE fi Stati Membri oħra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.
(2) ĠU L 163, 24.6.2008, p. 37.
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/636 tat-8 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2008/477/KE fir-rigward ta’ aġġornament tal-kundizzjonijiet tekniċi rilevanti applikabbli għall-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz (ĠU L 149, 12.5.2020, p. 3).