02013R0807 — MT — 11.07.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 807/2013

tas-26 ta’ Awwissu 2013

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ ta’ prezzijiet ta’ ċerti annimali bovini fis-swieq rappreżentattivi tal-Unjoni

(ĠU L 228 27.8.2013, p. 5)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017

  L 171

113

4.7.2017




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 807/2013

tas-26 ta’ Awwissu 2013

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ ta’ prezzijiet ta’ ċerti annimali bovini fis-swieq rappreżentattivi tal-Unjoni



Artikolu 1

1.  Il-prezz medju tal-Unjoni, għal kull ras, ta’ għoġġiela maskili li jkollhom bejn tmint ijiem u erba’ ġimgħat għandu jkun il-medja tal-prezzijiet irreġistrati għal għoġġiela maskili għat-trobbija għall-ħalib u għoġġiela maskili għat-trobbija għaċ-ċanga fis-swieq rappreżentattivi tal-Istati Membri b’sehem importanti fil-produzzjoni u l-kummerċ ta’ dawk l-għoġġiela kif imsemmi fl-Anness I, li għandha tkun ikkoreġuta b’koeffiċjenti stabbiliti fuq il-bażi ta’:

(a) fir-rigward ta’ għoġġiela maskili għat-trobbija għall-ħalib, in-numru ta’ baqar tal-ħalib irreġistrati fl-Unjoni, kif trażmess f’konformità mal-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1165/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għoġġiela maskili għat-trobbija għaċ-ċanga, in-numru ta’ baqar irreġistrati fl-Unjoni, kif trażmess f’konformità mal-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1165/2008.

2.  Il-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati għal kull tip ta’ għoġġiela msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fis-swieq pubbliċi jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinnegozjaw numru sostanzjali ta’ dawk it-tipi ta’ għoġġiela u jkunu maħtura mill-Istat Membru.

Dawk il-prezzijiet għandhom ikunu l-medja tal-prezzijiet imħallsa f’dak l-Istat Membru fl-istess l-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa, bit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) mhux inkluża, għat-tip ikkonċernat u kkoreġuta b’koeffiċjenti li jirriflettu l-proporzjon relattiv tal-kwalitajiet differenti ta’ għoġġiela maskili għat-trobbija definiti mill-Istat Membru u l-importanza relattiva ta’ kull suq.

3.  Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a) “għoġol maskili għat-trobbija tat-tip tal-ħalib” tfisser għoġol maskili għat-trobbija minn razza ta’ baqar għall-ħalib;

(b) “għoġol maskili għat-trobbija tat-tip taċ-ċanga” tfisser għoġol maskili għat-trobbija minn razza ta’ baqar għal-laħam, minn razza ta’ baqar biż-żewġ użi, jew imwieled minn taħlit ma’ razza ta’ baqar għal-laħam.

Artikolu 2

1.  Il-prezz medju tal-Unjoni, għal kull kilogramma ta’ piż ħaj, ta’ bovini għat-tismin għandu jkun il-medja tal-prezzijiet irreġistrati għal bovini għat-tismin ta’ età żgħira, bovini maskili għat-tismin ta’ sena u bovini femminili għat-tismin ta’ sena fis-swieq rappreżentattivi tal-Istati Membri b’sehem importanti fil-produzzjoni u l-kummerċ ta’ dawk il-baqar kif imsemmi fl-Anness II, li għandha tkun ikkoreġuta b’koeffiċjenti stabbiliti fuq il-bażi ta’:

(a) fir-rigward tal-bovini għat-tismin ta’ età żgħira, in-numru ta’ bovini li ma jkollhomx aktar minn sena u ma jkunux għall-qatla irreġistrati fl-Unjoni, kif trażmess skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1165/2008;

(b) fir-rigward ta’ bovini maskili għat-tismin ta’ sena, in-numru ta’ bovini maskili li jkollhom iktar minn sena iżda inqas minn sentejn irreġistrati fl-Unjoni, kif trażmess skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1165/2008;

(c) fir-rigward ta’ bovini femminili għat-tismin ta’ sena, in-numru ta’ bovini maskili li jkollhom iktar minn sena iżda inqas minn sentejn u li jkunu għadhom ma kellhomx għoġġiela, irreġistrati fl-Unjoni, kif trażmess skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1165/2008.

2.  Il-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati għal kull tip ta’ bovini għat-tismin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fis-swieq pubbliċi jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinnegozjaw numru sostanzjali tal-bovini għat-tismin rilevanti u jkunu maħtura mill-Istat Membru.

Dawk il-prezzijiet għandhom ikunu l-medja tal-prezzijiet imħallsa f’dak l-Istat Membru fl-istess l-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa, bit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) mhux inkluża, għat-tip ikkonċernat u ikkoreġuta b’koeffiċjenti li jirriflettu l-proporzjon relattiv tal-kwalitajiet differenti tal-bovini għat-tismin definiti mill-Istat Membru u l-importanza relattiva ta’ kull suq.

3.  Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a) “bovini għat-tismin ta’ età żgħira” tfisser bovini maskili jew femminili li jkollhom sitt xhur jew aktar iżda anqas minn 12-il xahar, mixtrija wara li jinfatmu biex jissemmnu;

(b) “bovini għat-tismin ta’ sena” tfisser bovini maskili jew femminili li jkollhom 12-il xahar jew aktar iżda inqas minn 24 xahar, mixtrija biex jissemmnu.

Artikolu 3

1.  Il-prezz medju tal-Unjoni, għal kull 100 kg ta’ piż tal-karkassa, ta’ għoġġiela maqtula fl-età ta’ inqas minn tmien xhur għandu jkun il-medja tal-prezzijiet irreġistrati għal dawk l-għoġġiela fis-swieq rappreżentattivi tal-Istati Membri b’sehem importanti fil-produzzjoni kif imsemmi fl-Anness III, li għandha tkun ikkoreġuta b’koeffiċjenti stabbiliti fuq il-bażi tal-produzzjoni netta ta’ dawk l-għoġġiela fl-Unjoni.

2.  Il-prezz li jiġi rrappurtat għall-karkassi tal-għoġġiela msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati mill-operaturi ta’ kull biċċerija li toqtol tali għoġġiela jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibagħtu numru sostanzjali ta’ tali għoġġiela għat-tbiċċir u li jkunu maħtura mill-Istat Membru.

Dak il-prezz għandu jkun il-medja tal-prezzijiet imħallsa f’dak l-Istat Membru fl-istadju tad-dħul fil-biċċerija, mingħajr VAT, għall-karkassi tal-għoġġiela kkonċernati u ikkoreġuta b’koeffiċjenti li jirriflettu l-proporzjon relattiv tal-kwalitajiet differenti ta’ karkassi definiti mill-Istat Membru u l-importanza relattiva ta’ kull suq.

3.  Bl-iskop tal-istabbiliment tal-prezzijiet tas-suq li għandhom jiġu rrapportati, il-karkassa għandha tiġi ppreżentata:

(a) mingħajr ir-ras u mingħajr is-saqajn; ir-ras għandha tkun isseparata mill-karkassa fil-ġog atlojdo-oċċipitali u s-saqajn għandhom jinqatgħu minn mal-ġogi karpometakarpali jew tarsometatarsali;

(b) mingħajr l-organi li jinstabu fil-vojt toraċiku u dak addominali, u mingħajr il-kliewi, ix-xaħam tal-kliewi, ix-xaħam pelviku, u l-falda l-irqiqa u l-ħoxna;

(c) mingħajr l-organi sesswali u l-muskoli mwaħħlin magħhom;

(d) mingħajr ma jitneħħa x-xaħam ta’ barra.

Meta, fil-mument tal-użin, il-preżentazzjoni tal-karkassa tvarja mill-preżentazzjoni prevista fl-ewwel sottoparagrafu, il-piż tal-karkassa għandu jkun aġġustat bl-applikazzjoni ta’ fatturi korrettivi speċifikati mill-Istat Membru sabiex ikun hemm konformità mal-preżentazzjoni ta’ referenza. F’dan il-każ, il-prezz għal kull 100 kg tal-piż tal-karkassa għandu jkun aġġustat kif xieraq.

4.  Il-piż tal-karkassa li għandu jitqies għar-rappurtar tal-prezzijiet tas-suq għandu jkun il-piż kiesaħ tal-karkassa.

Il-piż kiesaħ tal-karkassa għandu jikkorrispondi mal-piż sħun li jittieħed mhux aktar tard minn siegħa wara li l-annimal jiddendel, bi tnaqqis ta’ 2 %.

Artikolu 4

1.  Fin-nuqqas tar-reġistrazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq pubbliċi jew mill-operaturi tal-biċċeriji jew mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 1(2), 2(2) u 3(2), il-prezzijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-kmamar tal-agrikoltura, iċ-ċentri tal-kwotazzjoni, il-kooperattivi tal-bdiewa jew il-unions tal-bdiewa fl-Istat Membru kkonċernat.

Madankollu, fejn Stat Membru jkun stabbilixxa kumitat biex jiddetermina l-prezzijiet għal reġjun, u fejn is-sħubija ta’ dan il-kumitat tkun magħmula b’mod indaqs minn xerrejja u bejjiegħa ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali bovini jew karkassi ta’ dawn l-annimali, dak l-Istat Membru jista’ jużahom għall-kalkolu tal-prezzijiet li għandhom jiġu rrapportati.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-koeffiċjenti ta’ kalkolu mniżżla fl-Artikoli 1(1), 2(1) u 3(1) biex iqisu x-xejriet irreġistrati fil-livelli nazzjonali u l-livell tal-Unjoni.

Wara kull reviżjoni l-Kummissjoni għandha tikkomunika l-koeffiċjenti tal-korrezzjoni riveduti lill-Istati Membri.

Artikolu 6

Meta Stat Membru jieħu l-miżuri għar-raġunijiet veterinarji u ta’ protezzjoni ta’ saħħa li jaffettwaw il-moviment normali fil-prezzijiet reġistrati fis-suq jew swieq rappreżentattivi tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizzah jew li jinjora l-prezzijiet reġistrati fis-suq jew swieq inkwistjoni, jew li juża l-aħħar prezzijiet reġistrati fis-suq jew swieq inkwistjoni qabel ma dawn il-miżuri daħħlu fis-seħħ.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 8

Ir-Regolament (KE) Nru 2273/2002 huwa rrevokat.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-1 ta’ Lulju 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Lista tal-Istati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-għoġġiela maskili għat-trobbija tat-tip tal-ħalib u taċ-ċanga kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)

A. Stati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-għoġġiela maskili għat-trobbija tat-tip tal-ħalib:

Il-Belġju

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

L-Irlanda

Spanja

Franza

L-Italja

Il-Pajjiżi l-Baxxi

L-Awstrija

Il-Polonja

Ir-Rumanija

Ir-Renju Unit

B. Stati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-għoġġiela maskili għat-trobbija tat-tip taċ-ċanga:

Il-Belġju

Il-Ġermanja

L-Irlanda

Spanja

Franza

L-Italja

Il-Pajjiżi l-Baxxi

L-Awstrija

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Ir-Renju Unit




ANNESS II

Lista tal-Istati Membri li rrappurtaw il-prezzijiet tal-bovini għat-tismin ta’ età zgħira u bovini għat-tismin ta’ sena kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)

A. Stati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-bovini għat-tismin ta’ età zgħira:

Il-Belġju

Il-Ġermanja

L-Irlanda

Spanja

Franza

L-Italja

L-Awstrija

Il-Polonja

L-Isvezja

Ir-Renju Unit

B. Stati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-bovini maskili għat-tismin ta’ sena:

Il-Belġju

L-Irlanda

Spanja

Franza

L-Italja

L-Awstrija

L-Isvezja

Ir-Renju Unit

C. Stati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-bovini femminili għat-tismin ta’ sena:

Il-Belġju

L-Irlanda

Spanja

Franza

L-Italja

L-Awstrija

L-Isvezja

Ir-Renju Unit




ANNESS III

Lista tal-Istati Membri li jirrappurtaw il-prezzijiet tal-għoġġiela maqtula fl-età ta’ inqas minn tmien xhur kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)

Il-Belġju

Il-Ġermanja

Spanja

Franza

L-Italja

Il-Pajjiżi l-Baxxi



( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1165/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE (ĠU L 321, 1.12.2008, p. 1).