European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/103

10.1.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2024

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/103)

Relatur:

Petru Sorin DANDEA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.3.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

11.10.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.10.2024

Sessjoni plenarja Nru

591

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

246/1/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li t-tisħiħ tal-koordinazzjoni fiskali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro huwa kruċjali biex jiġu żgurati konverġenza ’l fuq, stabbiltà u reżiljenza reali. Dan jista’ jinvolvi koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji nazzjonali, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ strumenti fiskali komuni. F’dan is-sens, il-KESE jemmen li n-Next Generation EU wera kemm huwa importanti u jirrakkomanda li strumenti simili jkunu parti mill-QFP futur. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa kemm il-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-UE biex imexxu kwistjonijiet fiskali fit-triq lejn is-sostenibbiltà u joħolqu spazju fiskali għal skossi futuri.

1.2.

Il-KESE jappella għal azzjoni kollettiva dwar kif għandha titlesta l-unjoni finanzjarja. Id-dimensjonijiet żgħar u l-frammentazzjoni tas-swieq kapitali fl-UE qed iwasslu biex l-investituri jemigraw lejn swieq globali oħra, speċjalment is-suq fl-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija prijorità. Madankollu, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju u l-protezzjoni komprensiva tal-konsumatur se jkunu kruċjali.

1.3.

Id-differenzi regolatorji u ta’ prattika li jeżistu fis-settur bankarju fost l-Istati Membri jikkawżaw frammentazzjoni finanzjarja u jipprevjenu li r-riżorsi finanzjarji jiġu mobilizzati b’mod effettiv, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali importanti fil-livell Ewropew. Għaldaqstant, it-tlestija tal-unjoni bankarja trid tkun prijorità fil-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.

1.4.

Il-KESE jemmen li għandu jiġi żviluppat pjan ta’ miżuri biex titħaffef il-konverġenza reali, u l-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tokkupa post ċentrali fil-QFP.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tisfrutta l-vantaġġ kompetittiv li s-suq uniku joffri. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 %, peress li dawn ir-rekwiżiti huma wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. It-tnaqqis tal-burokrazija u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi jistimulaw is-settur tan-negozju Ewropew u jagħmluh aktar effiċjenti u effettiv. Madankollu, dan m’għandux ikun għad-detriment tal-istandards soċjali u ambjentali, u d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi.

1.6.

Wieħed mill-akbar nuqqasijiet taż-żona tal-euro huwa n-nuqqas ta’ proċess kredibbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-KESE jqis li hemm bżonn urġenti ta’ approċċ ġdid fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.7.

Hekk kif ikompli l-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni, l-UE jeħtiġilha tlesti s-suq uniku tal-elettriku. Il-ħolqien ta’ network interkonness bis-sħiħ fil-livell Ewropew huwa essenzjali. Dan se jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, tiġi miġġielda l-inflazzjoni u jgħin lill-kumpaniji tal-UE jżidu l-kompetittività tagħhom.

1.8.

Il-KESE jqis li aġenda ta’ politika komprensiva għaż-żona tal-euro fl-2024 jeħtieġ li tibbilanċja l-imperattivi fuq terminu qasir, bħall-irkupru ekonomiku, ma’ prijoritajiet fit-tul, bħall-investiment, is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

Minkejja kuntest globali estremament diffiċli, b’żewġ kunflitti militari fuq il-fruntieri tagħha u żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi, l-ekonomija tal-UE wriet reżiljenza partikolari u saħansitra wriet sinjali ta’ rkupru fl-ewwel kwart tal-2024.

2.2.

Fit-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa (1) ppreżentat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea, it-tkabbir tal-PDG huwa stmat li huwa 1 % għall-UE u 0,8 % għaż-żona tal-euro fl-2024, li huwa inqas b’mod sinifikanti mill-medja ta’ ekonomiji żviluppati.

2.3.

Ir-rata tal-inflazzjoni hija mbassra li tkun 2,7 % fl-2024 u 2,2 % fl-2025 għall-UE, u 2,5 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025 għaż-żona tal-euro. Madankollu, l-inflazzjoni bażi hija mistennija li tilħaq il-mira sa nofs l-2025.

2.4.

B’2 miljun impjieg ġdid fl-2023, l-impjiegi fl-UE laħqu rekord ta’ 75,5 % waqt li l-qgħad baqa’ f’livell baxx rekord ta’ 6 %. Madankollu, hemm disparità sinifikanti f’termini ta’ qgħad bejn l-Istati Membri tal-UE. Minkejja l-fatt li l-pagi reali żdiedu b’5,6 % fl-2023, dawn għadhom taħt il-livell tal-2021. It-Tbassir Ekonomiku Ewropew tar-Rebbiegħa juri li wara nofs l-2021 se jkun possibbli ritorn tal-pagi reali għal-livell tal-2025.

2.5.

Għalkemm hemm dawn is-sinjali ta’ ritorn għat-tkabbir għall-ekonomija tal-UE, f’dawn l-aħħar xhur ir-riskji fil-livell globali mmultiplikaw. Il-proċess attwali ta’ frammentazzjoni globali, inkluża l-adozzjoni ta’ miżuri protezzjonisti (tariffi) fuq il-kummerċ globali, u volatilità għolja fis-swieq tal-enerġija jidhru li huma l-isfidi ewlenin. L-inflazzjoni persistenti fl-Istati Uniti se tikkawża dewmien fit-tnaqqis tar-rati tal-imgħax, li se jwassal biex il-Bank Ċentrali Ewropew jipposponi t-tnaqqis tar-rati tal-imgħax tiegħu. Dawn iż-żewġ fatturi negattivi sfortunatament se jdewmu t-tnedija mill-ġdid tal-investimenti, minkejja li huma meħtieġa aktar minn qatt qabel biex jiffinanzjaw l-isforzi tagħna għall-kompetittività u d-difiża, u naturalment it-tranżizzjoni doppja klimatika u diġitali. Barra minn hekk, ir-riżorsi pubbliċi se jkunu limitati minħabba żieda fin-nefqa fuq it-tibdil fil-klima, id-difiża, il-proċess ta’ tranżizzjoni u l-kostijiet tas-self, kif ukoll il-kostijiet relatati mat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-KESE jinnota l-qbil tal-Istati Membri dwar ir-riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Ir-regolamenti l-ġodda jiżguraw sjieda nazzjonali akbar, iżda wkoll regoli aktar favorevoli għall-kalkolu tad-defiċit baġitarju billi jitqiesu l-programmi ta’ kofinanzjament b’finanzjament Ewropew. Madankollu, il-KESE jemmen li r-regoli fiskali jistgħu jiġu applikati b’mod riġidu u jaffettwaw il-kapaċità tal-Istati Membri li jużaw il-politika fiskali biex jindirizzaw it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u jinkoraġġixxu l-investiment. Lanqas ma tista’ tiġi eskluża fażi ġdida ta’ politika ta’ awsterità. Peress li ż-żona tal-euro ma għandhiex awtorità fiskali ċentralizzata, fil-kuntest ġeopolitiku kumpless u diffiċli huma meħtieġa passi ulterjuri lejn politika fiskali aktar koordinata. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni fiskali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro huwa kruċjali biex jiġu żgurati l-konverġenza ’l fuq, l-istabbiltà u r-reżiljenza. Dan jista’ jinvolvi koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji nazzjonali, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ strumenti fiskali komuni. F’dan is-sens, il-KESE jemmen li n-Next Generation EU wera kemm huwa importanti u jirrakkomanda li strumenti simili jkunu parti mill-QFP futur. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda forma bbilanċjata ta’ konsolidazzjoni fiskali, li tiżgura li dawk l-aktar vulnerabbli u l-persuni bi dħul baxx u medju ma jitgħabbewx bil-piż. It-tnaqqis fl-infiq fuq l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u s-saħħa huwa problema serja għal eluf ta’ nies, u jdgħajjef il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà politika.

3.2.

Konxju tal-importanza tal-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju, il-KESE jemmen li l-Patt Ekoloġiku ġust u d-Diġitalizzazzjoni għandhom jibqgħu l-politiki ewlenin fit-tul tal-UE. B’xorti ħażina, it-tnejn li huma jbatu minn nuqqas ta’ finanzjament, bil-Bank Ċentrali Ewropew jistma rekwiżit ta’ finanzjament annwali addizzjonali ta’ aktar minn EUR 740 biljun. Id-dimensjonijiet żgħar u l-frammentazzjoni tas-swieq kapitali fl-UE qed iwasslu biex l-investituri jemigraw lejn swieq globali oħra, speċjalment is-suq fl-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija prijorità, u jtenni r-rakkomandazzjoni li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2024 (2). Madankollu, kwalunkwe approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali ma jridx ikun għad-detriment tal-istabbiltà tas-suq finanzjarju. Il-KESE jfakkar fil-proposti li ressaq fl-Opinjoni tiegħu dwar “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji – pjan ta’ azzjoni ġdid” (3).

3.3.

Għalkemm sar progress lejn unjoni bankarja, din għadha mhix kompluta. In-nuqqas ta’ skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti implimentata bis-sħiħ u qafas robust għar-riżoluzzjoni bankarja jistgħu jwasslu għal instabbiltà finanzjarja. Id-differenzi regolatorji u ta’ prattika eżistenti bejn l-Istati Membri jikkawżaw frammentazzjoni finanzjarja u jipprevjenu li r-riżorsi finanzjarji jiġu mobilizzati b’mod effettiv, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali importanti fil-livell Ewropew. Eżempju wieħed huwa l-mod kif il-banek Ewropej ta’ importanza sistemika kollha qed jużaw is-servizz tal-cloud offrut minn kumpaniji Amerikani minħabba li m’hemmx ekwivalenti Ewropew. It-tlestija tal-unjoni bankarja trid tkun prijorità fil-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.

3.4.

Aktar minn għoxrin sena wara l-introduzzjoni tal-euro, iż-żona tal-euro għadha qed tiffaċċja disparitajiet serji fil-prestazzjoni ekonomika bejn il-qalba (eż. il-Ġermanja, in-Netherlands) u l-periferija (eż. il-Greċja, Spanja, l-Italja). Dawn id-disparitajiet jistgħu joħolqu piżijiet serji fuq in-nies, joħolqu tensjoni u jillimitaw l-effettività ta’ politika monetarja unitarja. Il-KESE jemmen li għandu jiġi żviluppat pjan ta’ miżuri biex titħaffef il-konverġenza reali. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tkun fil-qalba tal-QFP. Din tista’ tinkludi politika aktar flessibbli tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fużjonijiet jew l-akkwiżizzjonijiet li tista’ twassal biex jiġu stabbiliti korporazzjonijiet Ewropej aktar b’saħħithom b’kapaċità ta’ żvilupp, riċerka u innovazzjoni li tpoġġihom fuq l-istess livell ma’ korporazzjonijiet oħra li joperaw globalment.

3.5.

Ħafna pajjiżi taż-żona tal-euro jiffaċċjaw sfidi, bi ħtieġa għal riformi strutturali biex itejbu l-investiment, il-kompetittività u l-produttività b’mod soċjali u ambjentalment sostenibbli. Fil-kuntest globali diffiċli, l-UE jeħtiġilha tisfrutta l-vantaġġ kompetittiv offrut mis-suq uniku. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ rapportar b’25 %. It-tnaqqis tal-burokrazija u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi jistimulaw is-settur tan-negozju Ewropew u jagħmluh aktar effiċjenti u effettiv. Madankollu, dan m’għandux ikun għad-detriment tal-istandards soċjali u ambjentali, u d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi.

3.6.

Wieħed mill-akbar nuqqasijiet taż-żona tal-euro huwa n-nuqqas ta’ proċess kredibbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet. F’ħafna sitwazzjonijiet, dan il-proċess kien bil-mod u kkumplikat minħabba l-prinċipju ta’ kunsens. In-nuqqas ta’ qbil politiku u l-interessi nazzjonali li jvarjaw jipperikolaw il-koerenza u l-effettività tal-politiki taż-żona tal-euro. Il-KESE jqis li hemm bżonn urġenti ta’ approċċ ġdid fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-istituzzjonijiet demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod aktar effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom jingħataw prijorità.

3.7.

Bħala parti minn sforzi usa’ biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, il-politiki taż-żona tal-euro jistgħu jagħtu prijorità lill-investimenti fl-infrastruttura sostenibbli, l-appoġġ għall-industriji ekoloġiċi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għat-tranżizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, inklużi s-servizzi, il-finanzi u l-proprjetà immobbli u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju. Barra minn hekk, l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet klimatiċi fl-oqfsa tal-politika monetarja tgħin biex il-flussi finanzjarji jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi. Hekk kif ikompli l-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni, l-UE jeħtiġilha tlesti s-suq uniku tal-elettriku. Il-ħolqien ta’ network interkonness bis-sħiħ fil-livell Ewropew huwa prerekwiżit.

3.8.

F’kuntest ġeopolitiku kumpless u diffiċli, iż-żona tal-euro għandha tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-kooperazzjoni u d-diplomazija globali. Dan jinkludi l-promozzjoni tal-multilateraliżmu, il-promozzjoni ta’ kummerċ ħieles u ġust, u l-kontribut għall-isforzi globali biex jiġu indirizzati sfidi urġenti bħas-saħħa pubblika, it-tibdil fil-klima u t-theddid għas-sigurtà.

3.9.

Aġenda ta’ politika komprensiva għaż-żona tal-euro fl-2024 tkun teħtieġ li tibbilanċja l-imperattivi fuq terminu qasir bħall-irkupru ekonomiku ma’ prijoritajiet fit-tul bħas-sostenibbiltà, l-investiment, il-produttività, il-kompetittività, l-istabbiltà finanzjarja, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Il-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, flimkien ma’ mekkaniżmi effettivi ta’ governanza kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, se jkunu essenzjali biex dawn il-politiki jiġu implimentati b’suċċess.

Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   Spring 2024 Economic Forecast: A gradual expansion amid high geopolitical risks (Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020: Espansjoni gradwali qalb riskji ġeopolitiċi kbar [mhux disponibbli bil-Malti]), Kummissjoni Ewropea, 15 ta’ Mejju 2024.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro” (COM(2023) 903 final) (ĠU C, C/2024/2104, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2104/oj).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji — pjan ta' azzjoni ġdid” [COM(2020) 590 final] ( ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/103/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)