|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1574 |
5.3.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-battalja globali tal-offerti — mill-inizjattiva Ċiniża ‘Triq tal-Ħarir il-ġdida’ sal-istrateġija tal-UE ‘Global Gateway’: il-viżjoni tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/1574)
|
Relatur: |
Stefano PALMIERI |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
25.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
16.11.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
14.12.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
583 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
187/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ d-deċiżjoni tal-UE li tippromovi l-prinċipju ta’ awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni, li jfittex li jinvesti fit-tixrid tal-valuri demokratiċi, l-istandards għoljin, il-governanza tajba u t-trasparenza permezz ta’ proġetti infrastrutturali ta’ suċċess. Għal dan l-għan, il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-inizjattiva Global Gateway fi tmiem l-2021. |
|
1.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li xi atturi — primarjament iċ-Ċina u l-Istati Uniti — imxew ’il quddiem aktar malajr mill-Unjoni Ewropea (UE), li parzjalment qed tpatti għal koordinazzjoni dgħajfa fil-livell ċentrali u l-fatt li huwa diffiċli li tiġi promossa politika ta’ investiment unifikata u kompetittiva. |
|
1.3. |
Il-KESE jargumenta li l-Global Gateway se jsaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi u politiċi mal-pajjiżi msieħba tal-UE, u jiżgura r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u soċjali tagħha, u fl-istess ħin li jippermetti lill-UE tikkompeti b’mod effettiv globalment fil-forniment tal-infrastruttura. |
|
1.4. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-programmi ta’ investiment tal-Global Gateway ikunu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni mhux biss tqis l-aspetti ta’ rilevanza ġeopolitika strateġika, iżda tiżgura wkoll il-parteċipazzjoni demokratika fl-inizjattivi ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba u tiżgura s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-proġetti. |
|
1.5. |
Il-KESE jinnota li n-natura inklużiva tal-Global Gateway tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jippromovu inizjattivi ta’ infrastruttura u ta’ investiment f’pajjiżi barra mill-UE — inklużi fil-kuntest tal-Global Gateway — mingħajr ma jkunu soġġetti għal valutazzjoni minn qabel tal-impatt u għal sorveljanza diretta mill-istituzzjonijiet Ewropej jekk ma jkunu ntalbu l-ebda fondi tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE huwa mħasseb ħafna li proġetti li ma jissodisfawx l-istandards ta’ kwalità għolja, bħal dawk stabbiliti fid-dokumenti tal-UE li jirregolaw il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-impatti soċjali u ambjentali jistgħu jiġu inklużi fil-Global Gateway. |
|
1.6. |
Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li l-korpi Ewropej kompetenti jiżguraw informazzjoni dettaljata u aċċess sħiħ għall-proġetti tal-Global Gateway u l-atturi involuti. |
|
1.7. |
Il-KESE jissuġġerixxi li jinħoloq punt uniku ta’ servizz fir-rappreżentanzi tal-UE biex jiġi promoss l-investiment tas-settur privat u jiġu involuti l-atturi ekonomiċi u soċjali kollha fil-livell reġjonali u lokali. |
|
1.8. |
Il-KESE jenfasizza li għad hemm nuqqas sinifikanti ta’ ċarezza rigward in-natura tal-inizjattiva “Belt and Road” (BRI) u l-kriterji biex il-proġetti jiġu inklużi fil-lista uffiċjali tagħha. Konsegwentement, huwa essenzjali li r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) tipprovdi informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-programmi ta’ investiment relatati mal-BRI sabiex tiżgura trasparenza u ċarezza akbar dwar din l-inizjattiva. |
|
1.9. |
Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ involviment reali tal-atturi lokali Ewropej, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, fil-proċess kollu tal-iżvilupp, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti implimentati taħt il-BRI fl-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji kruċjali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-BRI u l-Global Gateway. |
|
1.10. |
Il-KESE jemmen li n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-programmi tal-infrastruttura tal-UE u tar-RPĊ wassal għal inkonsistenzi fl-infrastruttura tal-konnettività, u jenfasizza r-riskju li l-investimenti tal-BRI jistgħu jimminaw is-sjieda tal-infrastruttura strateġika nazzjonali tal-UE. |
|
1.11. |
Il-KESE jqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-adeżjoni tal-Istati Membri tal-UE mal-BRI, ir-riskji għall-kompetittività tal-UE, id-drittijiet tax-xogħol, il-ħasil tal-flus, id-dejn u kwistjonijiet ambjentali relatati mal-investimenti Ċiniżi fil-proġetti tal-BRI. |
|
1.12. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-BRI sabiex tiġi evitata frammentazzjoni tar-relazzjonijiet mar-RPĊ li tkun ta’ ħsara għall-UE kollha kemm hi. Huwa kruċjali li tiġi żgurata azzjoni konġunta mill-Istati Membri tal-UE lejn iċ-Ċina u li tiġi promossa komunikazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u r-RPĊ. |
|
1.13. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-proġetti tal-BRI u tal-Global Gateway jirrispettaw għadd ta’ prinċipji u objettivi, inklużi l-konformità mal-valuri tal-UE u l-preżentazzjoni ta’ valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati biex tiġi żgurata l-adegwatezza tagħhom. |
|
1.14. |
Għall-KESE: il-proġetti li jaqgħu taħt il-BRI u li jitwettqu fis-27 Stat Membru tal-UE jew barra minnhom, iżda li xorta jinvolvu atturi ekonomiċi mill-Istati Membri tal-UE (bħala benefiċjarji, fornituri jew donaturi) u l-proġetti tal-Global Gateway iridu jgħaddu minn valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, finanzjarju, soċjali, ambjentali u legali li turi l-adegwatezza u l-kompatibbiltà tagħhom mal-valuri tal-UE u l-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 5.1.1 hawn taħt. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
F’dawn l-aħħar snin, id-diskrepanza globali fl-investiment bejn il-pajjiżi b’introjtu għoli u l-pajjiżi b’introjtu medju-baxx kibret, prinċipalment minħabba l-effetti tal-polikriżi kkawżata mill-pandemija, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-kunflitt reċenti bejn l-Iżrael u l-Palestina. |
|
2.1.1. |
Dan in-nuqqas ta’ finanzjament, minbarra li għandu impatt negattiv fuq il-konnettività globali, huwa opportunità għall-atturi globali ewlenin fix-xena globali biex iwessgħu l-isfera ta’ influwenza ġeopolitika tagħhom, fejn il-politika tal-infrastruttura llum hija l-qalba ta’ din il-politika. |
|
2.2. |
Matul l-aħħar għaxar snin, xi pajjiżi implimentaw strateġija li permezz tagħha s-setgħa ta’ persważjoni u l-influwenza politika jistgħu jiġu bbilanċjati permezz ta’ programmi ta’ investiment kbar immirati lejn pajjiżi msieħba: l-inizjattiva “Belt and Road” (BRI) imnedija mir-RPĊ fl-2013, is-Sħubija tal-Istati Uniti għall-Infrastruttura u l-Investiment Globali (PGII), l-Inizjattiva Ekoloġika Nadifa tar-Renju Unit, is-Sħubija għal Infrastruttura ta’ Kwalità tal-Ġappun u l-Kuritur Ekonomiku bejn l-Indja, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa (IMEC). |
|
2.3. |
F’Diċembru 2021, l-Unjoni Ewropea (UE) nediet ukoll l-istrateġija Global Gateway tagħha stess, kemm biex tappoġġja l-konnettività globali kif ukoll biex twieġeb għall-BRI, li, matul l-aħħar għaxar snin f’diversi okkażjonijiet kellha impatt fuq l-unità tal-UE. |
|
2.3.1. |
Mill-inqas sal-2019, is-27 Stat Membru tal-UE ma adottawx politika unifikata dwar il-BRI, fir-rigward:
|
|
2.4. |
Fl-2019, l-istrateġija tal-UE lejn il-BRI inbidlet radikalment. Il-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar “L-UE u ċ-Ċina — prospettiva strateġika” (4) tistabbilixxi l-bidla finali minn viżjoni taċ-Ċina bħala “msieħeb strateġiku” għal qafas divrenzjat li fih iċ-Ċina titqies bħala “imsieħeb fil-kooperazzjoni, imsieħeb fin-negozjati, kompetitur ekonomiku u rivali sistemiku”. Dan il-mument jimmarka punt kruċjali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u din tal-aħħar qed tibda tiġi pperċepita f’kull aspett primarjament bħala rivali sistemiku li qed jitbiegħed bil-qawwa mir-rwol ta’ msieħeb. It-tliet għanijiet stabbiliti huma: i) li jiġi approfondit l-involviment maċ-Ċina biex jiġu promossi l-interessi komuni fil-livell globali; ii) li jiġu promossi relazzjonijiet ekonomiċi aktar ibbilanċjati u reċiproċi; iii) li jissaħħu l-politiki interni u l-bażi industrijali tagħha. Għaxar azzjonijiet huma stabbiliti wkoll permezz ta’ novità interessanti ta’ approċċ uniformi li għandu jittieħed mis-27 Stat Membru kollha tal-UE. B’dan id-dokument, l-UE tirrikjedi li l-“Politika ta’ Ċina Waħda” adottata mill-UE għandha tkun akkumpanjata minn “Politika ta’ Ewropa Waħda” min-naħa Ċiniża mingħajr ma jinħolqu diviżjonijiet fi ħdan l-UE. |
|
2.5. |
Din il-bidla fl-approċċ — min-naħa tal-UE — ġiet imsaħħa fl-2020-2022 bil-konsegwenzi tal-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 (tfixkil fil-ktajjen tal-provvista għal oġġetti u servizzi, dipendenza minn provvisti ta’ oġġetti strateġiċi, eċċ.), bl-effetti tal-aggressjoni vivaċi tar-Russja fuq l-Ukrajna (dipendenza enerġetika, inflazzjoni, staġnar, flussi ta’ refuġjati Ukreni) u għadd ta’ politiki implimentati mir-RPĊ (kontromiżuri għas-sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem u miżuri kummerċjali kontra s-suq uniku u l-pożizzjoni kontroversjali taċ-Ċina dwar il-gwerra fl-Ukrajna). |
|
2.6. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-UE — permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Marzu 2022 — ippromoviet il-prinċipju ta’ awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni Ewropea, bl-għan li tikseb prinċipju li permezz tiegħu tafferma mill-ġdid l-impenn li ħadet fis-Summit ta’ Versailles tal-10 u l-11 ta’ Marzu 2022 li tieħu aktar responsabbiltà għas-sigurtà tal-UE u li tieħu passi deċiżivi ulterjuri biex tibni s-sovranità Ewropea tagħha, tnaqqas id-dipendenzi tagħha u tfassal mudell ġdid ta’ tkabbir u investiment għall-2030 billi tikseb “l-awtonomija ekonomika u finanzjarja tagħha, filwaqt li żżomm il-ftuħ, il-kooperazzjoni globali ma’ sħab tal-istess fehma u l-kompetittività tagħha, u taħsad il-benefiċċji potenzjali tagħhom”. |
|
2.7. |
Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, anke l-Global Gateway għandu jikkontribwixxi biex tintlaħaq l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE billi jippromovi “valuri demokratiċi u standards għoljin, governanza tajba u trasparenza” kif ukoll “l-użu tal-euro fi flussi finanzjarji relatati mal-iżvilupp”. |
|
2.8. |
Abbażi tal-iżviluppi ġeopolitiċi reċenti, il-KESE — bħala d-“dar” tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej — jemmen li għandha titwettaq valutazzjoni bir-reqqa kemm tal-Global Gateway kif ukoll tal-BRI. |
3. L-istrateġija Global Gateway tal-Unjoni Ewropea
|
3.1. |
Permezz tal-istrateġija Global Gateway, l-UE twiegħed li timmobilizza sa EUR 300 biljun ta’ investimenti bejn l-2021 u l-2027 biex ittejjeb l-infrastruttura ta’ konnessjoni diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja. |
|
3.2. |
Għall-UE, in-nuqqas ta’ investiment fil-konnettività jista’ jfixkel l-irkupru mill-kriżi attwali u t-tħejjija għal emerġenzi futuri (polikriżi). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ infrastruttura jillimita l-potenzjal ekonomiku tal-konnettività bejn l-UE, l-Asja u reġjuni oħra. |
|
3.3. |
Il-Global Gateway jinħoloq bl-objettivi multipli ta’:
|
|
3.4. |
Fl-2022 il-Global Gateway ingħata spinta ġdida permezz ta’ sensiela ta’ pakketti reġjonali importanti ta’ investimentli magħhom għandha rabtiet: il-Global Gateway Afrika-Ewropa ta’ Frar 2022, li jwiegħed mobilizzazzjoni ta’ massimu ta’ EUR 150 biljun ta’ investiment (bi 11-il kuritur tat-trasport strateġiċi mmirata li jiffaċilitaw il-mobilità u l-kummerċ fi ħdan l-Afrika u bejn l-Afrika u l-Ewropa; l-azzjoni għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur reġjonali u kontinentali għall-ottimizzazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles tal-Afrika Kontinentali; u l-bini tal-pont fuq ix-xmara Cross, fil-punt tal-qsim tal-fruntiera ta’ Mfum-Ekok bejn il-Kamerun u n-Niġerja, li jiftaħ opportunitajiet ta’ konnettività bejn il-komunità ekonomika tal-istat tal-Punent tal-Afrika u l-komunità ekonomiku tal-istati tal-Afrika Ċentrali); il-pakkett ta’ investiment Global Gateway għar-reġjuni tal-ASEAN, b’valur ta’ EUR 10 biljun, u l-inizjattiva Team Europe dwar il-konnettività sostenibbli, li tgħaqqad lill-UE u l-ASEAN. |
|
3.4.1. |
Pakkett ieħor ta’ investiment reġjonali għaż-żona tal-Balkani tal-Punent tħabbar ukoll fi Frar 2022. Il-KE wiegħdet EUR 3,2 biljun f’investimenti biex tappoġġja 21 proġett fis-settur tat-trasport, dak diġitali, u s-settur tas-sostenibbiltà enerġetika u ambjentali. Il-pjan se jgħin biex jingħalaq id-distakk fl-iżvilupp bejn l-UE u r-reġjun u se jappoġġja l-irkupru ekonomiku ta’ wara l-pandemija (5). |
|
3.5. |
Fi tmiem l-2022, sena mit-tnedija tal-Global Gateway, l-UE impenjat aktar minn EUR 9 biljun f’għotjiet għal investimenti ewlenin fl-Afrika, fl-Amerika Latina, fil-Karibew u fil-Paċifiku. L-UE approvat ukoll garanziji finanzjarji ta’ EUR 6,05 biljun addizzjonali biex tappoġġja 40 programm ta’ investiment fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Amerika Latina u fir-reġjun Asja-Paċifiku, li huma mistennija jiġġeneraw aktar minn EUR 50 biljun f’investimenti f’setturi ewlenin. Barra minn hekk, il-ftehim iffirmat f’Mejju 2022 bejn l-EFSD+ u l-BEI ggarantixxa kopertura ta’ EUR 26,7 biljun għal self sovran f’setturi bħall-enerġija nadifa u l-infrastruttura ekoloġika. F’dan ir-rigward, diġà ġew approvati 34 proġett għal EUR 7,4 biljun ta’ investimenti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi ġirien tax-Xlokk, l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej s’issa mmobilizzaw EUR 14-il biljun mis-EUR 77 biljun ippjanati sal-2027 (6). |
|
3.6. |
Wieħed mill-proġetti ewlenin (7) taħt il-kappa tal-Global Gateway, li l-Istati Membri tal-UE tawh l-ogħla prijorità fl-2023 u fil-bidu tal-2024, huwa l-ħolqien ta’ sħubijiet bilaterali ma’ pajjiżi għonja fir-riżorsi, b’mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Amerika Latina u l-Karibew, bl-għan li dawn ir-realtajiet reġjonali jiġu megħjuna jippromovu l-investimenti tul il-ktajjen tal-valur tal-materja prima kritika. Il-pajjiżi msieħba mbagħad jiġu appoġġjati fl-iżvilupp ta’ ktajjen ta’ valur reġjonali, fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom u fil-ħolqien ta’ valur miżjud lokali. |
3.7. Valutazzjoni tal-Global Gateway
|
3.7.1. |
Il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-Global Gateway u jittama li din l-istrateġija tgħin biex jiġi żgurat l-istabbiliment ta’ awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. B’dan il-mod, il-KESE jemmen li ser ikun possibbli li jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi u politiċi mal-pajjiżi msieħba, u jiġi żgurat li l-prinċipji demokratiċi u soċjali tagħha jiġu rispettati u li l-UE tkun tista’ tikkompeti b’mod effettiv, primarjament maċ-Ċina u l-Istati Uniti, għall-provvista ta’ infrastruttura madwar id-dinja. |
|
3.7.2. |
Fil-kuntest attwali, il-KESE jemmen li l-Global Gateway jista’ jassumi r-rwol ta’ għodda ta’ stabbilizzazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà għall-pajjiżi li għandhom fruntiera immedjata mal-Unjoni, li ssaħħaħ il-pożizzjonijiet ġeopolitiċi Ewropej, kemm f’termini tal-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni lejn l-Ewropa kif ukoll fil-mitigazzjoni tar-riskji politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali. |
|
3.7.3. |
Filwaqt li jirrikonoxxi li l-inizjattiva hija opportunità biex jittejbu l-effiċjenza u l-koerenza tal-politiki tal-UE dwar l-investiment u l-konnettività, il-KESE għandu dubji dwar il-possibbiltà reali li jiġi mobilizzat il-finanzjament meħtieġ (8). Mhuwiex ċar kemm mill-investimenti mwiegħda fil-fatt se jimmaterjalizzaw. Kważi nofs it-EUR 300 biljun li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li timmobilizza għandhom jiġu katalizzati mis-settur privat. F’Diċembru 2022, sena wara t-tnedija uffiċjali tal-inizjattiva, jidher li l-involviment tas-settur privat għadu marġinali jew għall-inqas fil-proċess li jiġi definit (9). |
|
3.7.4. |
Il-KESE jemmen li l-inizjattiva Global Gateway, li tiffoka prinċipalment fuq il-limitazzjoni tar-riskji ta’ stress fuq id-dejn għall-pajjiżi msieħba, tidher li toffri opportunità aktar affidabbli għall-iżvilupp ta’ infrastruttura globali minn alternattivi oħra bħall-BRI. Il-mudell ta’ finanzjament tal-UE huwa taħlita ta’ sussidji, self preferenzjali u garanziji biex jiġi stimulat l-investiment tas-settur privat, u fl-istess ħin il-BRI tiffoka prinċipalment fuq is-self. Sabiex il-Global Gateway ikun jista’ jikkompeti ma’ inizjattivi ta’ investiment ta’ partijiet terzi, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-proċeduri amministrattivi għall-allokazzjoni tal-fondi jsiru aktar aċċessibbli u li jiġi żgurat li l-proċeduri assoċjati mal-valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali meħtieġa jitwettqu fil-ħin biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effettività tagħhom għall-atturi involuti. |
|
3.7.5. |
Il-KESE jemmen li l-Global Gateway għandu jiżgura koordinazzjoni strateġika akbar bejn il-fondi tal-UE u dawk implimentati mis-27 Stat Membru tal-UE. Koordinazzjoni strateġika li s’issa kienet assolutament nieqsa u li għandha tiġi organizzata u kkoordinata mill-Unjoni nnifisha dwar ċerti objettivi ta’ politika tal-UE (10). |
|
3.7.5.1. |
Il-KESE jiddispjaċih li ma ġietx ipprovduta biżżejjed informazzjoni għall-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Global Gateway fil-11 ta’ Diċembru 2022 (eż. dwar il-kompożizzjoni tal-Kunsill), kemm b’mod kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv. |
|
3.8. |
Il-KESE huwa lest li jorganizza laqgħat regolari bejn il-Kunsill tal-Global Gateway u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali biex jiġi żgurat fluss kostanti ta’ informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati lokali interessati fl-inizjattiva u biex tiġi vvalutata u enfasizzata n-natura strateġika tal-Global Gateway. |
|
3.8.1. |
Il-KESE jtenni li l-programmi ta’ investiment tal-Global Gateway iridu jkunu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt li tenfasizza mhux biss kunsiderazzjonijiet strateġiċi ġeopolitiċi, iżda wkoll l-iżgurar tas-sjieda demokratika tal-inizjattivi ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba u s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-proġetti. Il-KESE jirrimarka li, filwaqt li għall-proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill-BEI huwa żgurat li dawn ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali u għal monitoraġġ, jibqgħu riżervi fuq proġetti ta’ investiment iffinanzjati minn fondi oħra tal-UE, minħabba nuqqas ta’ ċarezza dwar kif jiġu vvalutati l-impatt, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kull proġett. |
|
3.8.1.1. |
Konfużjoni oħra hija relatata man-natura inklużiva ħafna tal-Global Gateway, li tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jippromovu proġetti ta’ infrastruttura u investiment iffinanzjati unilateralment jew bilateralment mingħajr superviżjoni diretta tal-istituzzjonijiet Ewropej, jekk ma jkunu ntalbu l-ebda fondi tal-UE. Għal din ir-raġuni, il-KESE huwa mħasseb li proġetti li mhumiex konformi mal-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-UE jistgħu jiġu inklużi wkoll fl-inizjattiva u li għalhekk jevitaw valutazzjoni adegwata tal-impatt ekonomika, soċjali u ambjentali xierqa. |
|
3.8.1.2. |
Għalhekk, fil-fehma tal-KESE, għandha tiġi żgurata valutazzjoni tal-impatt għal kull proġett li tirrispetta s-sjieda demokratika u s-sostenibbiltà finanzjarja tiegħu, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri kkonċernati, filwaqt li tiġi żgurata:
|
|
3.9. |
Il-KESE jemmen li, sabiex tiġi affermata t-trasparenza meħtieġa tal-inizjattiva Global Gateway, il-proġetti kollha tal-Global Gateway għandhom jiġu rreġistrati fil-portal tal-Global Gateway bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-proġetti ta’ investiment — inkluża l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali rilevanti — u dwar l-atturi statali u mhux statali involuti fil-proġetti. |
|
3.9.1. |
Filwaqt li l-KESE jilqa’ l-ħolqien tal-Portal Team Europe Partnership b’rabta mal-inizjattiva Global Gateway, il-KESE jemmen li hemm potenzjal biex jiġi implimentat aħjar. |
|
3.10. |
Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jridu jiżguraw informazzjoni u komunikazzjoni effettivi dwar l-opportunitajiet li l-inizjattiva Global Gateway tista’ tipprovdi lill-atturi reġjonali u lokali statali u mhux statali, biex b’hekk jiżguraw l-attivazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz fil-fora ta’ rappreżentanza tal-UE u b’hekk jiffaċilitaw l-investiment mis-settur privat tal-UE u l-involviment tal-atturi ekonomiċi u soċjali potenzjali kollha, pubbliċi u privati. |
4. L-istrateġija tal-inizjattiva “Belt and Road” (BRI)
|
4.1. |
Mill-2013, il-BRI għaddiet madwar USD 962 biljun lejn il-kostruzzjoni tal-infrastruttura (EUR 573 biljun) u investiment mhux finanzjarju (EUR 389 biljun) madwar id-dinja (11). |
|
4.2. |
L-għanijiet iddikjarati tal-BRI jinkludu l-koordinazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp u ż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-pajjiżi parteċipanti, permezz tal-kostruzzjoni ta’ infrastruttura, bħal ferroviji, awtostradi, portijiet u pipelines, u l-promozzjoni ta’ skambji kummerċjali, finanzjarji u bejn il-persuni. Il-BRI għandha aktar minn 200 dokument ta’ kooperazzjoni, iffirmati ma’ 151 pajjiż u 32 organizzazzjoni internazzjonali. |
|
4.3. |
Il-BRI, permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura barra mill-pajjiż, għandha għadd ta’ objettivi:
|
|
4.4. |
F’dawn l-aħħar snin, il-BRI naqqset ir-ritmu kemm fl-għadd ta’ proġetti ġodda kif ukoll fil-valur tal-kuntratti ffirmati. Fl-2022, iċ-Ċina kkonkludiet 5 514-il kuntratt ġdid (743 inqas mill-2021) b’valur ta’ USD 130 biljun (– 3,3 %) (12). Huwa plawżibbli li dan it-tnaqqis huwa relatat ma’ fatturi bħal kawtela akbar tal-iżviluppaturi u l-investituri Ċiniżi fir-rigward tal-fattibbiltà u r-redditu ekonomiku tal-investiment u rieda aktar baxxa tal-pajjiżi msieħba li jġarrbu djun ġodda biex jiffinanzjaw proġetti relatati mal-BRI. |
|
4.4.1. |
Diversi pajjiżi msieħba sabu difetti fil-kostruzzjoni fl-infrastruttura ffinanzjata taħt il-BRI, u qajmu dubji dwar il-kwalità tal-proġetti previsti mill-inizjattiva (13). Fl-istess ħin, xi proġetti ġew sospiżi jew ikkanċellati minħabba tħassib relatat ma’ dejn eċċessiv, prezzijiet eċċessivi u każijiet ta’ korruzzjoni (14). Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ xi proġetti kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-instabbiltà finanzjarja ta’ xi pajjiżi msieħba. Fil-każ tal-Montenegro, li 25 % tad-dejn pubbliku tiegħu huwa miżmum miċ-Ċina, id-djun imġarrba biex jiġu ffinanzjati proġetti infrastrutturali marbuta mal-BRI spiss jitqiesu bħala l-iskattatur għan-nuqqas ta’ sostenibbiltà tad-dejn tal-pajjiż (15). |
|
4.4.2. |
L-inizjattiva ġiet ikkritikata għan-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-istandards ambjentali tal-proġetti (16). Barra minn hekk, il-kumpaniji Ċiniżi involuti fl-implimentazzjoni tagħhom spiss ippreferew il-forza tax-xogħol Ċiniża (billi jevitaw ir-regolamenti nazzjonali dwar il-liġi tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali) minflok dik lokali, u b’hekk ma ħallewx lill-pajjiżi msieħba jieħdu vantaġġ minn proġetti biex jokkupaw parti mill-forza tax-xogħol tagħhom u jibbenefikaw mit-trasferiment tal-ħiliet. |
|
4.4.3. |
Fit-tielet Forum “Belt and Road” għall-Kooperazzjoni Internazzjonali li sar f’Ottubru 2023, ġie mtenni li l-BRI, għalkemm evolviet, tibqa’ essenzjali għall-istrateġija ġenerali tar-RPĊ. Fis-snin li ġejjin, il-BRI se tiffoka fuq tmien objettivi ewlenin biex jiġi promoss tkabbir ta’ kwalità għolja (17). Dawn jinkludu: i) l-espansjoni tal-Ferroviji Express bejn iċ-Ċina u l-Ewropa; ii) il-parteċipazzjoni fil-Kuritur Trans-Kaspju; iii) żoni kummerċjali ġodda tal-BRI; iv) aċċess akbar għall-investiment barrani; v) finanzjament għal proġetti innovattivi; vi) l-iżvilupp sostenibbli; vii) it-taħriġ, l-iskambji kulturali u xjentifiċi; viii) il-promozzjoni tal-integrità u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-BRI. |
|
4.4.3.1. |
L-impenn taċ-Ċina għal ftuħ akbar tas-suq għall-kumpaniji barranin ġie affermat mill-ġdid ukoll matul il-Forum, li jwiegħed aktar minn USD 100 biljun f’finanzjament ġdid għall-ekonomiji emerġenti, b’enfasi partikolari fuq il-banek tal-iżvilupp Ċiniżi u l-Fond tat-Triq tal-Ħarir, filwaqt li enfasizza l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar bħala mezz biex jissaħħu r-rabtiet mad-dinja li qed tiżviluppa u tiġi bbilanċjata l-influwenza tal-Punent (18). |
4.5. Valutazzjoni tal-inizjattiva “Belt and Road”
|
4.5.1. |
Għalkemm għaddew għaxar snin mit-tnedija tal-BRI, il-KESE jemmen li hemm nuqqas sostanzjali ta’ ċarezza dwar in-natura tal-inizjattiva u, konsegwentement, dwar il-kriterji biex proġett jiġi inkluż fil-lista uffiċjali tal-proġetti tal-BRI. Għalhekk, il-KESE jemmen li, għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċarezza, ir-RPĊ għandha tipprovdi informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-programmi ta’ investiment relatati ma’ din l-inizjattiva. |
|
4.5.2. |
Il-KESE jiddispjaċih li t-tnedija tal-BRI, kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE iżda ġirien, wasslet għal nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-programmi ta’ infrastruttura bejn l-UE u ċ-Ċina, u ħolqot inkonsistenzi fl-infrastruttura tal-konnettività. Il-KESE jirrimarka wkoll li l-investimenti tal-BRI jistgħu jdgħajfu s-sjieda tal-infrastruttura nazzjonali strateġika fl-Istati Membri tal-UE. |
|
4.5.3. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal nuqqas totali ta’ reċiproċità fir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-RPĊ, għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE. |
|
4.5.4. |
Il-KESE huwa mħasseb ħafna li l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil minn Stati Membri individwali tal-UE, mingħajr ebda tip ta’ koordinazzjoni mwettqa mill-istituzzjonijiet Ewropej, jista’ jdgħajjef l-unità tal-UE. Il-KESE jtenni wkoll li l-qafas ta’ kooperazzjoni “14 + 1”, li 9 Stati Membri tal-UE huma membri tiegħu, jista’ joħloq xi riskji għall-koeżjoni tal-UE. |
|
4.5.5. |
Fil-fehma tal-KESE, il-proġetti tal-BRI, jekk ma jiġux ivvalutati bir-reqqa, jistgħu jagħmlu ħsara lill-kompetittività fit-tul tal-UE, bħala riżultat tat-trasferiment furzat tat-teknoloġija lejn iċ-Ċina. |
|
4.5.6. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-kumpaniji Ċiniżi li jinvestu fi proġetti tal-BRI fit-territorji tal-UE ma jiggarantixxux ir-rispett għad-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema. |
|
4.5.7. |
Il-KESE jinnota li l-investimenti Ċiniżi fi proġetti tal-BRI, peress li ma jikkonformawx mar-regolamenti finanzjarji tal-UE, jirriskjaw li jipprovdu opportunitajiet għall-ħasil tal-flus mill-kriminalità organizzata. |
|
4.5.8. |
Il-KESE jenfasizza l-fenomenu inkwetanti ta’ dejn eċċessiv f’pajjiżi mhux tal-UE u t-telf ta’ garanziji strateġiċi li jirriżulta minnu. Dan ġara f’pajjiżi li mhumiex fl-UE bħall-Pakistan, it-Taġikistan, il-Kirgiżistan, is-Sri Lanka, il-Maldivi u pajjiż kandidat tal-UE: il-Montenegro. |
|
4.5.9. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-kumpaniji Ċiniżi involuti fil-programmi tal-BRI ma jikkonformawx mal-istandards ambjentali tal-UE billi jkomplu jiffinanzjaw u jimplimentaw proġetti li huma inkompatibbli mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. |
|
4.5.10. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-BRI kull m’għamlet huwa li mliet spazju li tħalla vojt bi żball fis-“sottovalutazzjonijiet” tal-UE u l-Istati Membri tagħha matul id-deċennju 2010-2019. Għalkemm mill-2007, bl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali, l-UE kienet identifikat il-prijoritajiet strateġiċi għall-konnessjonijiet bejn in-networks tat-trasport u tal-enerġija, bil-BRI waħedha fluss sinifikanti ta’ investiment huwa dirett lejn din iż-żona u żoni oħra (il-Balkani, il-portijiet tal-Mediterran u tal-Atlantiku, l-Afrika, ix-Xlokk tal-Asja, eċċ.). F’dan il-kuntest, l-investimenti li saru mill-kumpaniji Ċiniżi ċertament tejbu l-interkonnettività tal-infrastruttura ta’ dawn iż-żoni u n-nodi intermodali strateġikament importanti. |
|
4.5.11. |
Il-KESE jinnota li l-UE ffinanzjat proġetti taħt il-BRI jew direttament (eż. il-Pont Pelješac fil-Kroazja) jew indirettament (permezz tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment), mingħajr ma żgurat il-koordinazzjoni meħtieġa jew tal-anqas il-konformità mal-istandards ambjentali u soċjali, eċċ (19). |
|
4.5.12. |
Il-KESE jemmen li l-BRI teħtieġ qafas għal koordinazzjoni akbar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-27 Stat Membru. Mhuwiex mixtieq li r-relazzjonijiet maċ-Ċina jiġu fdati lil 27 relazzjoni bilaterali, jew jiġu ġestiti permezz ta’ Memoranda ta’ Qbil individwali jew oqfsa ta’ kooperazzjoni, bħall-14 + 1. F’kuntest bħal dan, ir-relazzjonijiet ta’ saħħa bejn is-27 Stat Membru tal-UE, għalkemm jistgħu jispiċċaw jagħtu preferenza lil ċerti Stati, ġeneralment għandhom it-tendenza li jiffavorixxu liċ-Ċina biss u joħolqu riskju sistemiku għall-UE kollha kemm hi. Għaldaqstant, huwa kruċjali li tiġi żgurata azzjoni konġunta mill-Istati Membri tal-UE lejn iċ-Ċina u li tiġi promossa komunikazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u r-RPĊ. |
|
4.5.13. |
Il-KESE għandu tħassib ambjentali u ta’ sigurtà dwar l-intenzjonijiet tar-RPĊ li tuża r-rotta tal-Artiku bħala t-Triq tal-Baħar tat-Tramuntana tal-BRI, li tiffaċilita l-flussi marittimi mill-Istrett ta’ Malacca. |
|
4.5.14. |
Il-KESE jiddispjaċih li l-BRI ma tipprevedix involviment reali tal-atturi lokali (l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali) fit-tfassil tal-proġetti kif ukoll il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, u b’hekk tintilef opportunità importanti għall-kondiviżjoni ta’ dawn il-proġetti mal-atturi lokali fil-mira ewlenin. |
5. Għal strateġija komuni tal-“Global Gateway tal-UE” u tal-inizjattiva “Belt and Road”
|
5.1. |
Il-KESE jittama li jinħolqu l-kundizzjonijiet malajr kemm jista’ jkun sabiex il-Global Gateway, il-BRI u l-PGII ikunu jistgħu jikkomplementaw lil xulxin, li huwa sinjal ta’ distensjoni fir-relazzjonijiet globali. |
|
5.1.1. |
Il-KESE jaħseb li l-proġetti li jaqgħu fi ħdan il-BRI u li jitwettqu fit-territorju tas-27 Stat Membru tal-UE jew barra minnu, iżda li jinvolvu atturi ekonomiċi mill-Istati Membri tal-UE (bħala benefiċjarji, fornituri jew donaturi) l-istess bħall-proġetti tal-Global Gateway, jeħtieġ li:
Abbażi ta’ dawn il-prinċipji u l-objettivi, il-proġetti tal-BRI, kif ukoll dawk tal-Global Gateway, għalhekk se jkollhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, finanzjarju, soċjali, ambjentali u legali biex juru l-adegwatezza u l-kompatibbiltà tagħhom mal-valuri tal-UE u mal-prinċipji u l-objettivi msemmija hawn fuq stabbiliti f’dan il-paragrafu. |
|
5.1.1.1. |
Il-valutazzjoni tal-impatt trid titwettaq fi żmien raġonevoli:
qabel ma jitħallew jitnedew proġetti bħal dawn fit-territorju tal-UE jew jiġu involuti atturi ekonomiċi tal-UE (fil-każ tal-BRI) jew fi stati mhux tal-UE fil-każ tal-Global Gateway. |
|
5.2. |
Il-KESE jitlob biex jorganizza u huwa lest li jorganizza laqgħat regolari fi ħdan ir-Round Table UE-Ċina biex il-BRI u l-Global Gateway jiġu diskussi mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, filwaqt li jfittex li jenfasizza l-opportunitajiet u l-isfidi taż-żewġ programmi u soluzzjonijiet possibbli f’dan ir-rigward. |
Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) L-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja.
(2) L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja, Ċipru.
(3) Il-Bulgarija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Greċja flimkien mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja.
(4) JOIN/2019/5 final.
(5) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_1362
(6) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_7656
(7) https://www.politico.eu/article/eu-sets-outs-projects-to-make-global-gateway-visible-on-the-ground/
(8) https://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document/EPRS_BRI(2023)739296
(9) https://foreignpolicy.com/2023/01/10/europe-china-eu-global-gateway-bri-economic-development/
(10) https://www.bruegel.org/blog-post/global-gateway-real-step-towards-stronger-europe-world
(11) https://www.aei.org/china-global-investment-tracker/
(12) http://fec.mofcom.gov.cn/article/fwydyl/tjsj/202302/20230203384457.shtml
(13) https://www.wsj.com/amp/articles/china-global-mega-projects-infrastructure-falling-apart-11674166180
(14) https://www.businessinsider.com/china-spends-twice-us-but-belt-road-initiative-losing-steam-2021-9?r=US&IR=T
(15) https://thediplomat.com/2020/09/will-montenegros-new-government-bring-a-new-china-strategy/
(16) https://www.iai.it/en/pubblicazioni/how-green-chinas-belt-and-road-initiative
(17) https://www.chinadaily.com.cn/a/202310/18/WS652f416ca31090682a5e92d2.html
(18) http://www.beltandroadforum.org/english/
(19) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 2020 “Ir-rispons tal-UE għall-istrateġija ta’ investiment immexxija mill-Istat taċ-Ċina”. Analiżi Nru 03.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1574/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)