KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )
Kawża C‑123/20
Ferrari SpA
vs
Mansory Design & Holding GmbH,
WH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinn Komunitarju mhux irreġistrat – Dehra ta’ parti ta’ prodott (partial design) – Artikolu 3(a) – Parti komposta minn elementi tal-karozzerija ta’ karozza sportiva – Kundizzjoni formali għall-kisba tal-protezzjoni – Żvelar lill‑pubbliku – Artikolu 11(2) – Pubblikazzjoni ta’ immaġni ġenerali tal-karozza”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji ( 2 ). |
|
2. |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Ferrari SpA u, min-naħa l-oħra, Mansory Design Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Mansory Design”) kif ukoll WH, amministratur ta’ din l-aħħar kumpannija. |
|
3. |
Mansory Design tipproduċi u tikkummerċjalizza settijiet ta’ aċċessorji għal personalizzazzjoni (imsejħa “kits ta’ tuning”) intiżi sabiex id-dehra tal-Ferrari 488 GTB tkun tixbah iktar dik tal‑(iktar prestiġjuża) Ferrari FXX K. |
|
4. |
Ferrari ressqet azzjoni għal kontrafazzjoni kontra Mansory Design u l-amministratur tagħha, fejn allegat l-ikkupjar ta’ diversi disinni Komunitarji mhux irreġistrati, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, li tallega li hija l-proprjetarja tagħhom. |
|
5. |
Minbarra l-attrazzjoni li hija mhux ser tonqos milli tqanqal mid-dilettanti tal-karozzi sportivi, l-interess ġuridiku ta’ din il-kawża huwa marbut mal-fatt li d-disinn Komunitarju invokat prinċipalment minn Ferrari ma għandux bħala suġġett id-dehra ġenerali tal-FXX K, iżda dik ta’ parti minn din il-karozza, komposta minn ċerti elementi ta’ karozzerija. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar il-kundizzjonijiet li fihom id-dehra ta’ parti minn prodott – jew partial design (disinn parzjali) – tista’ tiġi protetta bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat. |
|
6. |
F’dan il-kuntest, tqum, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk, konformement mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex tiġi protetta b’dan il-mod, id-dehra ta’ parti minn prodott għandhiex tkun is-suġġett ta’ żvelar speċifiku, jew jekk l-iżvelar tad-disinn ta’ dan il-prodott, fl-intier tiegħu, huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, Ferrari llimitat ruħha għall-pubblikazzjoni ta’ diversi impressjonijiet globali tad-disinn tagħha FXX K, pubblikazzjoni li, skont din il-kumpannija, kienet tinkludi wkoll l-iżvelar tad-disinn tal-elementi ta’ karozzerija invokata. |
|
7. |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi stabbilit jekk id-dehra ta’ parti ta’ prodott, sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala disinn Komunitarju apparti, distint minn dak li jipproteġi, skont il-każ, id-dehra ta’ dan il-prodott meqjus fl-intier tiegħu, għandux ikollha ċerta awtonomija fir-rigward tal-forma globali. Fil-fatt, matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, Ferrari ġiet ikkritikata li invokat dritt ta’ disinn fuq parti arbitrarjament delimitata tal-FXX K. |
|
8. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega, minn naħa, li l-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ġenerali ta’ prodott iwassal ukoll għall-iżvelar tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott, sakemm dan id-disinn tal-aħħar ikun identifikabbli b’mod ċar fl-att ta’ żvelar. Min-naħa l-oħra, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħi, id-dehra ta’ parti ta’ prodott tista’, fiha nnifisha, tkun is-suġġett ta’ disinn Komunitarju, distint minn dak li jipproteġi, skont il-każ, id-dehra tal-prodott fl-intier tiegħu, peress li, skont id-definizzjoni stess tad-“disinn” prevista fl-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, hija delimitata minn “linji, konfigurazzjoni [jew] kuluri” li jagħmluha identifikabbli bħala tali. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
9. |
Il-premessi 16, 17, 21 u 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdu dan li ġej:
[…]
[…]
|
|
10. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-disinn Komunitarju”, jipprovdi fil-paragrafu 2(a) tiegħu: “Disinn għandu jkun protett
|
|
11. |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolment:
|
|
12. |
L-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali. 2. Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:
|
|
13. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Karattru individwali”, jipprovdi: “1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:
[…]” |
|
14. |
L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Bidu u l-iskond tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat”, jipprevedi: “1. Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn [tal-Unjoni] mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba. 2. Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-[Unjoni] jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-[Unjoni]. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità”. |
|
15. |
Skont l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”: “1. Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet. 2. Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett. L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur. […]”. |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
16. |
Ferrari hija manifattur ta’ karozzi tat-tlielaq u tal-isport stabbilit fl-Italja. L-aqwa mudell tagħha “FXX K”, li ma ġiex approvat għas-sewqan fit-triq, huwa intiż esklużivament għal sewqan fuq ċirkwit. |
|
17. |
Ferrari ppreżentat l-FXX K għall-ewwel darba lill-pubbliku fi stqarrija għall-istampa tat‑2 ta’ Diċembru 2014. Din l-istqarrija kien fiha ż-żewġ ritratti segwenti, li kienu juru rispettivament il-vettura mill-ġenb u minn quddiem: |
|
18. |
Il-Ferrari FXX K, prodotta f’numru limitat, teżisti f’żewġ verżjonijiet li jiddistingwu ruħhom biss bil-kulur tal-“V” li jinsab fuq il-bonit. Fl-ewwel verżjoni, murija mir-ritratti riprodotti hawn fuq, dan il-“V” huwa ta’ kulur iswed bl-eċċezzjoni tal-ponta baxxa tiegħu, li hija tal-istess kulur bħall-kulur bażiku tal-vettura. Fit-tieni verżjoni, l-imsemmi “V” huwa kollu kemm hu ta’ kulur iswed. |
|
19. |
Mansory Design, li WH huwa l-amministratur tagħha, hija impriża ta’ personalizzazzjoni (imsejħa “tuning”) ta’ karozzi ta’ kwalità għolja. Mansory Design u WH huma t-tnejn stabbiliti fil-Ġermanja. Mill‑2016, din il-kumpannija tipproduċi u tikkummerċjalizza settijiet ta’ aċċessorji ta’ personalizzazzjoni (imsejħa “kits ta’ tuning”) intiżi sabiex id-dehra tal-Ferrari 488 GTB (mudell tat-triq, prodott f’serje u disponibbli sa mill‑2015) tinbidel b’tali mod li ssir tixbah id-dehra tal-Ferrari FXX K. |
|
20. |
Mansory Design tipproponi għalhekk diversi “kits ta’ tuning” li jippermettu t-trasformazzjoni tad-dehra tal-Ferrari 488 GTB: il-“kit ta’ quddiem”, il-“kit ta’ wara”, il-“kit laterali”, l-“għata tas-saqaf” u l-“ġenb ta’ wara”. Barra minn hekk, hija tipproponi żewġ verżjonijiet tal-“kit ta’ quddiem” li jirriflettu ż-żewġ verżjonijiet tal-Ferrari FXX K: fuq l-ewwel verżjoni, il-“V” fuq il-bonit huwa ta’ kulur iswed bl-eċċezzjoni tal-ponta baxxa tiegħu, filwaqt li huwa kollu kemm hu ta’ kulur iswed fuq it-tieni verżjoni. |
|
21. |
It-trasformazzjoni sħiħa tal-Ferrari 488 GTB timplika s-sostituzzjoni ta’ parti kbira tal-muntatura viżibbli tal-karozzerija. F’Marzu 2016, waqt il-Fiera Internazzjonali tal-Karozzi ta’ Genève (l-Isvizzera), Mansory Design ippreżentat vettura li għaddiet minn din it-trasformazzjoni taħt l-isem Mansory Siracusa 4XX. |
|
22. |
Ferrari tqis li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-“kits ta’ tuning” minn Mansory Design tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet mogħtija minn disinn wieħed jew iktar Komunitarji mhux irreġistrati li hija l-proprjetarja tagħhom. |
|
23. |
Prinċipalment, Ferrari ddikjarat li l-kummerċjalizzazzjoni tal-“kits ta’ quddiem” tikkostitwixxi ksur tal-ewwel disinn Komunitarju mhux irreġistrat, li jirrigwarda d-dehra tal-parti mill-mudell FXX K tagħha magħmula mill-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit, l-element fil-forma ta’ xewka ta’ kelb il-baħar ħiereġ miċ-ċentru ta’ dan l-ewwel element u mgħammar f’sens lonġitudinali (l-“iStrake”), l-ispoiler tax-xoffa ta’ quddiem integrat fil-bamper u l-pont vertikali ċentrali li jgħaqqad l-ispoiler ta’ quddiem u l-bonit. Din il-parti hija pperċepita bħala ħaġa sħiħa li tiddefinixxi l-“karatteristiċi ta’ wiċċ” speċifiċi ta’ din il-vettura, u tagħti wkoll lemħa ta’ ajruplan jew vettura ta’ Formula 1. Skont Ferrari, dan id-disinn Komunitarju mhux irreġistrat inħoloq fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-istqarrija għall-istampa tat‑2 ta’ Diċembru 2014. |
|
24. |
Sussidjarjament, Ferrari allegat li hija proprjetarja tat-tieni disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jirrigwarda d-dehra tal-ispoiler tax-xoffa ta’ quddiem, li nħoloq fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ din l-istqarrija għall-istampa, jew, l-iktar tard, fil-mument tal-ħruġ, fit‑3 ta’ April 2015, ta’ film intitolat Ferrari FXX K – The Making Of, u li wkoll ġie kontrafatt minn Mansory Design bil-kummerċjalizzazzjoni tal-“kits ta’ quddiem” tagħha. |
|
25. |
B’mod iktar sussidjarju, Ferrari bbażat l-azzjoni tagħha fuq it-tielet disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jirrigwarda l-muntatura tal-Ferrari FXX K fl-intier tiegħu, kif ġie żvelat f’ritratt ieħor tal-vettura, ippreżentat f’ħarsa oblikwa, li kien jinsab ukoll fl-istqarrija għall-istampa tat‑2 ta’ Diċembru 2014. |
|
26. |
Ferrari invokat ukoll, fir-rigward tal-“kits” offruti għall-bejgħ fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, drittijiet ibbażati fuq il-protezzjoni kontra l-imitazzjoni skont id-dritt dwar il-kompetizzjoni żleali. |
|
27. |
Fl-ewwel istanza, Ferrari talbet il-waqfien, fl-Unjoni Ewropea kollha, tal-manifattura, tal-offerta għall-bejgħ, tat-tqegħid fis-suq, tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni, tal-użu jew tal-pussess tal-aċċessorji kontenzjużi, u ressqet diversi talbiet annessi (provvista ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà, tfakkira u distruzzjoni tal-prodotti, għoti ta’ kumpens finanzjarju). Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) ċaħdet dawn it-talbiet kollha. |
|
28. |
Quddiem il-qorti tal-appell, Ferrari kkonstatat li t-talbiet tagħha għal waqfien kif ukoll it-talbiet tagħha dwar l-irtirar u d-distruzzjoni tal-prodotti, sa fejn dawn kienu bbażati fuq id-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarji invokati, ma għadx kellhom skop, minħabba l-iskadenza, li seħħet fit‑3 ta’ Diċembru 2017, tad-drittijiet inkwistjoni ( 3 ). Għall-kuntrarju, Ferrari żammet, b’mod partikolari, it-talbiet intiżi għall-kumpens tad-dannu tagħha. |
|
29. |
Il-qorti tal-appell ċaħdet l-appell ta’ Ferrari. B’mod partikolari, hija ddeċidiet li t-talbiet mressqa minn din il-kumpannija fir-rigward tal-allegati disinni Komunitarji mhux irreġistrati huma infondati. Skont dik il-qorti, l-ewwel disinn Komunitarju invokat, fir-rigward tal-parti tal-Ferrari FXX K deskritta fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa ineżistenti, peress li Ferrari ma wrietx li r-rekwiżit minimu ta’ “ċerta awtonomija” u ta’ “ċerta kompletezza fir-rigward tal-forma” kien issodisfatt. Din il-kumpannija kienet sempliċement irreferiet għal parti mill-vettura li hija ddelimitat b’mod arbitrarju. Anki t-tieni disinn Komunitarju invokat minn Ferrari, dwar id-dehra tal-ispoiler tax-xoffa ta’ quddiem, huwa ineżistenti minħabba li lanqas ma jissodisfa l-kundizzjoni tal-“kompletezza tal-forma”. Fir-rigward tat-tielet disinn, li jirrigwarda l-muntatura tal-Ferrari FXX K, dan jeżisti tabilħaqq, iżda ma ġiex kontrafatt minn Mansory Design. |
|
30. |
Għalhekk, Ferrari ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja). Din il-qorti tal-aħħar tqis li l-eżitu ta’ dan l-appell, fir-rigward tat-talbiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet allegatament mogħtija mid-disinni Komunitarji mhux irreġistrati invokati minn Ferrari, jiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
31. |
B’mod iktar preċiż, hemm lok li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li fihom id-dehra ta’ parti minn prodott tista’, skont dan ir-regolament, tibbenefika minn protezzjoni fil-kwalità ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat. |
|
32. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk l-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tal-immaġni ta’ prodott fl-intier tiegħu huwiex ekwivalenti għall-iżvelar tad-disinni tal-partijiet ta’ dan il-prodott. |
|
33. |
Jekk jitqies li dan huwa l-każ, hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk id-dehra ta’ parti ta’ prodott, sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi disinn apparti, distinta minn dik ta’ dan il-prodott fl-intier tiegħu, għandhiex tippreżenta, kif iddeċidiet il-qorti tal-appell, “ċerta awtonomija” u “ċerta kompletezza fir-rigward tal-forma tagħha”, li tippermetti li jiġi kkonstatat li d-dehra ta’ din il-parti ma hijiex kompletament ibbażata fuq dik tal-imsemmi prodott u tippreżenta, għall-kuntrarju, impressjoni globali awtonoma meta mqabbla mal-forma globali. |
|
34. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
35. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tat‑30 ta’ Jannar 2020 ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Marzu tal-istess sena. Ferrari, Mansory Design, il-Gvern Taljan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Taljan u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet u l-partijiet interessati wieġbu wkoll bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2021. |
IV. Analiżi
|
36. |
Kif stabbilit fl-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi żewġ kategoriji ta’ titoli unitarji: id-“disinn Komunitarju rreġistrat” u d-“disinn Komunitarju mhux irreġistrat”. Il-kundizzjonijiet materjali għall-kisba tal-protezzjoni huma l-istess għal dawn iż-żewġ titoli. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, id-disinn inkwistjoni għandu jkun “ġdid” u għandu jkollu “karattru individwali”. Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet formali applikabbli għal dawn iż-żewġ titoli huma differenti. Il-kisba ta’ “disinn Komunitarju rreġistrat” teħtieġ, mid-definizzjoni, il-preżentata ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għall-kuntrarju, disinn jista’ jiġi protett bħala “disinn Komunitarju mhux irreġistrat” meta jkun ġie żvelat lill-pubbliku, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament ( 4 ). |
|
37. |
F’dan il-każ, fil-kuntest tal-azzjoni għall-kontrafazzjoni mressqa kontra Mansory Design u WH, Ferrari tinvoka disinni Komunitarji differenti mhux irreġistrati. Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-partikolarità ta’ din il-kawża hija li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka, b’mod partikolari ( 5 ), tali disinn Komunitarju fuq id-dehra ta’ parti mill-Ferrari FXX K, komposta minn diversi elementi ta’ karozzerija – jiġifieri, infakkar, l-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit, l-element fil-forma ta’ xewka ta’ kelb il-baħar ħiereġ miċ-ċentru ta’ dan l-ewwel element u mgħammar f’sens “lonġitudinali” (l-“istrake”), l-ispoiler tax-xoffa ta’ quddiem integrat fil-bamper, u l-pont vertikali ċentrali li jgħaqqad l-ispoiler ta’ quddiem u l-bonit ( 6 ). Din il-kumpannija tal-aħħar tallega għalhekk li għandha drittijiet fuq dak li normalment jissejjaħ “partial design” (disinn parzjali). |
|
38. |
Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ma hemmx dubju li, fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, id-dehra ta’ parti biss minn prodott tista’, fiha nnifisha, tkun is-suġġett ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat. |
|
39. |
Fil-fatt, id-“disinni”, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali titolu, huma ddefiniti fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu” (enfasi miżjuda minni). |
|
40. |
Madankollu, minn naħa, kif indikajt fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex id-dehra ta’ parti ta’ prodott tkun tista’ tiġi protetta bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat, din għandha tkun ġiet żvelata lill-pubbliku, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
41. |
Issa, fil-kawża prinċipali, Ferrari llimitat ruħha li tippubblika l-immaġni ġenerali tal-Ferrari FXX K ( 7 ). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk, sabiex tissodisfa l-kundizzjoni ta’ żvelar prevista fl-imsemmi Artikolu 11, din il-kumpannija kellhiex tipproċedi għal żvelar distint tad-disinn tal-parti tal-karozzerija li hija titlob il-protezzjoni tagħha. Ser nispjega, fit-Taqsima A, għalfejn fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ. |
|
42. |
Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, dwar jekk, sabiex tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ disinn Komunitarju, id-dehra ta’ parti ta’ prodott għandhiex tippreżenta “ċerta awtonomija” u “ċerta kompletezza”, fir-rigward tad-dehra tal-prodott fl-intier tagħha. L-imsemmija qorti tistaqsi, fil-qosor, jekk ċerti limiti għandhomx jillimitaw il-possibbiltà għal disinjatur li jaqsam id-dehra tal-prodott tiegħu f’partijiet differenti fejn kull waħda minnhom tibbenefika minn protezzjoni awtonoma. Ser neżamina din il-problema delikata fit-Taqsima B. |
|
43. |
Qabel dan, għandi madankollu nikkjarifika l-aħħar punt. Għalkemm il-qorti tar-rinviju rreferiet, fl-ewwel domanda tagħha u fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, għall-kunċett ta’ “parti ta’ prodott”, kif previst fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, hija kkonstatat ukoll li l-elementi tal-karozzerija tal-Ferrari FXX K inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu “partijiet komponenti ta’ prodott kumpless” fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) u tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
44. |
Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fis-sentenza Acacia u D’Amato ( 8 ), li, fl-assenza ta’ definizzjoni fir-Regolament Nru 6/2002, il-kunċett ta’ “partijiet komponenti ta’ prodott kumpless” jirreferi għall-komponenti multipli, maħsuba sabiex jiġu mmuntati f’oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn kumpless, li jistgħu jiġu ssostitwiti b’mod li tali oġġett ikun jista’ jiġi żarmat jew armat mill-ġdid, fl-assenza ta’ liema l-prodott kumpless ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ użu normali. |
|
45. |
Hija ddeċidiet ukoll li rimm ta’ karozza għandu jiġi kklassifikat bħala “parti ta’ prodott kumpless”, bħala komponent tal-prodott kumpless li jikkostitwixxi karozza, fl-assenza ta’ liema dan il-prodott ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ użu normali ( 9 ). |
|
46. |
Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, elementi ta’ karozzerija għandhom jiġu kklassifikati bħala “partijiet komponenti ta’ prodott kumpless” jekk, minn naħa, dawn l-elementi jistgħu jiġu ssostitwiti u jekk, min-naħa l-oħra, il-preżenza tagħhom hija neċessarja għall-użu normali tal-karozza kkonċernata. |
|
47. |
Ferrari madankollu kkontestat din il-klassifikazzjoni bħala “partijiet komponenti”, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li l-elementi ta’ karozzerija koperti mid-disinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx dawn il-kriterji. |
|
48. |
Evidentement, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, li tagħmel parti mill-evalwazzjoni tal-fatti. Jekk ikun il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. |
|
49. |
Madankollu, meta mistoqsija dwar dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet u l-intervenjenti jaqblu dwar il-fatt li r-risposta għall-imsemmija kwistjoni ma għandhiex importanza determinanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
50. |
Fil-fatt, kif josservaw, essenzjalment, Ferrari u l-Gvern Pollakk, “disinn” fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, jista’ jikkonsisti fid-dehra kemm ta’ prodott kif ukoll ta’ parti ta’ prodott, inkluż parti komponenti ta’ prodott kumpless, jew anki ta’ parti minn tali komponent. |
|
51. |
Issa, dak kollu li huwa importanti għad-domandi magħmula f’din il-kawża, fil-fehma tiegħi, huwa l-fatt li Ferrari tipprevalixxi ruħha mid-dehra ta’ “parti ta’ prodott” bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Il-fatt li dan il-prodott huwa “kumpless” u li l-parti inkwistjoni hija komposta jew le minn elementi li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ “partijiet komponenti” ta’ tali prodott ma huwiex, għall-kuntrarju, deċiżiv sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi. Għalhekk ser nirreferi, fil-paragrafi li ġejjin, essenzjalment għall-kunċetti ta’ “prodott” u ta’ “parti ta’ prodott”. |
A. Fuq l-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinni tal-partijiet ta’ prodott (l-ewwel domanda)
|
52. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ġenerali ta’ prodott, bħad-dehra ta’ karozza, jista’ jwassal ukoll għall-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott, bħad-dehra ta’ ċerti elementi tal-karozzerija ta’ din il-karozza, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. |
|
53. |
Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, billi ppubblikat żewġ immaġni ġenerali tal-mudell FXX K tagħha, Ferrari pproċediet għall-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ta’ din il-karozza, fl-intier tagħha. Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma għalhekk issodisfatti fir-rigward ta’ dan id-disinn ( 10 ). |
|
54. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li dan l-iżvelar huwa ta’ natura li jagħti lok għal protezzjoni biss fir-rigward tad-disinn ġenerali tal-FXX K. Dan ma japplikax għall-iżvelar tad-disinni tal-partijiet li jikkomponu din il-karozza. Fl-opinjoni ta’ dik il-qorti, li magħha jingħaqdu Mansory Design, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, id-dehra ta’ tali parti ta’ prodott, sabiex tkun tista’ hija stess tiġi protetta bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat, għandha tkun is-suġġett ta’ żvelar distint. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 tiżgura ċ-ċertezza legali billi tippermetti lill-pubbliku, u b’mod partikolari lill-operaturi ekonomiċi, jiddetermina faċilment u mingħajr ambigwità, abbażi tal-immaġni żvelati mid-detentur tad-drittijiet, l-għan tal-protezzjoni mitluba minn dan tal-aħħar. |
|
55. |
Fil-prattika, Ferrari kellha għalhekk tippubblika, minbarra r-ritratti ġenerali tal-FXX K, immaġni waħda jew iktar iffokata speċifikament fuq il-parti ta’ din il-vettura li tagħha hija titlob il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat jew tuża, fuq dawn ir-ritratti ġenerali, twissija li tippermetti li jiġi identifikat faċilment id-disinn ikkonċernat, bħall-kuluri, kuntrasti, vleġeġ jew ukoll linji li jiddelimitaw l-elementi inkwistjoni. |
|
56. |
Jiena ma naqbilx. Bħal Ferrari, kif ukoll bħall-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan, inqis li l-iżvelar lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ġenerali ta’ prodott jista’ jwassal ukoll għall-iżvelar tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott. Fi kliem ieħor, żvelar separat ma huwiex, fi kwalunkwe każ, prerekwiżit sabiex id-disinn ta’ tali parti jkun jista’ jiġi protett bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat. |
|
57. |
F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, nosserva li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludi ebda regola speċifika f’dak li jirrigwarda l-iżvelar tad-disinn ta’ parti ta’ prodott. |
|
58. |
B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi kriterju uniku sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar lill-pubbliku seħħx, applikabbli għad-disinni kollha (irrispettivament minn jekk jiġux applikati jew inkorporati fi prodotti jew f’partijiet ta’ prodott), jiġifieri l-fatt li “ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat”. |
|
59. |
Kif ġustament irrilevaw Ferrari kif ukoll il-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirrikjedux għalhekk li d-disinni ta’ partijiet ta’ prodott ikunu s-suġġett ta’ żvelar speċifiku. Xejn, f’din il-formulazzjoni, ma jidher li jeskludi l-possibbiltà li l-pubblikazzjoni tal-istess immaġni twassal għall-iżvelar tad-disinn ta’ prodott fl-intier tiegħu u dak tad-disinn ta’ partijiet li jifformawh. Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ikollu l-fakultà, kieku din kienet l-intenzjoni tiegħu, li jifformula kundizzjoni għal dan il-għan. |
|
60. |
Fit-tieni lok, minn dan l-istess Artikolu 11(2) jirriżulta li disinn huwa “żvelat” meta jsir pubbliku permezz ta’ fatti li setgħu, fil-kors normali tal-kummerċ, “ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati” ( 11 ) tas-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni. Essenzjalment, il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk dawn iċ-ċirkoli speċjalizzati setgħux raġonevolment ikunu jafu bid-disinn inkwistjoni ( 12 ). |
|
61. |
Issa, jiena tal-opinjoni li, f’ċerti ċirkustanzi, iċ-ċirkoli speċjalizzati jistgħu raġonevolment jieħdu konjizzjoni tad-dehra ta’ parti ta’ prodott meta d-dehra ġenerali ta’ dan il-prodott issir pubblika, kif sostniet Ferrari. |
|
62. |
Iċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali jipprovdu eżempju tajjeb f’dan ir-rigward. Infakkar li l-att ta’ żvelar invokat minn Ferrari huwa l-pubblikazzjoni ta’ żewġ ritratti tal-FXX K, inkluża ħarsa minn quddiem ( 13 ). Dan l-aħħar ritratt jiżvela, b’mod partikolari, id-dehra tal-bonit kif ukoll tal-“ispoiler” ta’ din il-karozza. |
|
63. |
Għaldaqstant, u bla ħsara għall-evalwazzjoni fattwali li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, jidhirli li, permezz tal-pubblikazzjoni tar-ritratt inkwistjoni ( 14 ), iċ-ċirkoli speċjalizzati setgħu raġonevolment isiru jafu bid-disinn tal-parti invokata minn Ferrari – inkluż l-element fil-forma ta’ “V” preżenti fuq il-parti ċentrali tal-bonit tal-Ferrari FXX K. Bl-istess mod, il-pubblikazzjoni ta’ ħarsa mill-ġenb ta’ din il-karozza setgħet raġonevolment tippermettilhom jieħdu konjizzjoni, pereżempju, tad-disinn tar-rimmijiet tar-roti mqiegħda fuq l-imsemmija karozza. |
|
64. |
Naturalment, kif irrileva l-Gvern Ċek, sabiex l-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ta’ prodott meħud fl-intier tiegħu jwassal għall-iżvelar tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott, huwa imperattiv li d-dehra ta’ din il-parti tkun identifikabbli b’mod ċar waqt dan l-att ta’ żvelar ( 15 ). Fin-nuqqas ta’ dan, iċ-ċirkoli speċjalizzati ma jistgħux raġonevolment isiru jafu b’dan f’din l-okkażjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
65. |
Fi kliem ieħor, meta, bħal f’dan il-każ, l-att ta’ żvelar jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ ritratt ta’ prodott, il-karatteristiċi tad-disinn tal-parti invokata – bħalma huma l-linji tiegħu, l-għamla tiegħu, il-kuluri tiegħu, eċċ. ( 16 ) – għandhom ikunu viżibbli b’mod ċar fuq dan ir-ritratt. |
|
66. |
Għalhekk, huwa evidenti li, pereżempju, il-pubblikazzjoni ta’ immaġni tan-naħa ta’ wara tal-Ferrari FXX K ma kinitx tkun ta’ natura li twassal għall-iżvelar tad-disinn tal-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit ta’ din il-karozza. Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat li l-ebda żvelar ma jseħħ meta d-dehra tal-parti inkwistjoni ma tistax tiġi identifikata b’mod ċar miċ-ċirkoli speċjalizzati fuq l-immaġni ppubblikata, b’mod partikolari għaliex ir-riproduzzjoni hija żgħira wisq, ta’ kwalità ħażina jew parzjalment moħbija minn element ieħor. |
|
67. |
Fuq il-mertu, ma hemm xejn oriġinali, sa fejn dan ir-rekwiżit ta’ ċarezza japplika, fil-fehma tiegħi, għall-iżvelar ta’ kull disinn, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, irrispettivament minn jekk huwiex prodott mhux kumpless, prodott kumpless jew parti minnu. Fi kwalunkwe każ, fil-fatt, l-iżvelar lill-pubbliku jitqies li jseħħ biss jekk id-disinn inkwistjoni seta’, fil-kors normali tal-kummerċ, ikun raġonevolment magħruf miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ( 17 ). Din il-kundizzjoni timplika neċessarjament, fil-fehma tiegħi, li l-att ta’ żvelar jiżvela b’mod suffiċjentement ċar dan id-disinn. |
|
68. |
Fit-tielet lok, mill-premessi 16 u 25 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li, billi stabbilixxa t-titolu uniformi tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, sabiex jiffavorixxi l-innovazzjoni ( 18 ), jipproteġi d-disinni applikati jew inkorporati fi prodotti li għandhom ċiklu tal-ħajja ekonomika qasira ( 19 ) u li għalihom id-disinjaturi tagħhom jixtiequ jiksbu protezzjoni rapida u effettiva mingħajr ma jkollhom ibatu formalitajiet ta’ reġistrazzjoni. |
|
69. |
Għalhekk, skont l-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament, sakemm il-kundizzjonijiet materjali għall-kisba tal-protezzjoni jkunu ssodisfatti, id-disinni huma awtomatikament protetti bħala disinni Komunitarji mhux irreġistrati mill-mument meta jiġu żvelati lill-pubbliku, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmi Regolament, mingħajr formalitajiet oħra. |
|
70. |
Issa, kif isostnu ġustament Ferrari, kif ukoll il-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan, li jiġi meħtieġ mid-disinjaturi li jiżvelaw b’mod separat kull parti ta’ prodotti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni speċifika għad-disinni ta’ dawn il-partijiet, imur kontra l-għan ta’ sempliċità u ta’ ħeffa li, kif għadni kif fakkart, iġġustifika l-istabbiliment tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat ( 20 ). Dan iwassal li jintwera formaliżmu fil-kuntest ta’ sistema li għandha suppost tkun nieqsa minn dan. |
|
71. |
L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi hija, fir-raba’ lok, ikkorroborata minn argument ta’ natura sistematika. |
|
72. |
F’dan ir-rigward, l-iżvelar ta’ disinn għandu żewġ konsegwenzi legali fir-Regolament Nru 6/2002. Minn naħa, kif rajna, dan l-iżvelar jista’ jagħti lok għal protezzjoni bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet materjali għall-kisba tal-protezzjoni bħala disinn Komunitarju – irreġistrat jew mhux irreġistrat – l-iżvelar preċedenti ta’ disinn identiku jew li jipproduċi l-istess impressjoni globali bħal dik li għaliha tintalab din il-protezzjoni għandu l-konsegwenza li “jeqred” in-novità (Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament) u/jew il-karattru individwali (Artikolu 6 tal-imsemmi regolament) ta’ dan l-aħħar disinn – u, b’dan il-mod, li jeskludi l-benefiċċju tal-imsemmija protezzjoni. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, id-definizzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu l-iżvelar, stabbilita fl-Artikolu 7(1) ta’ dan l-istess regolament, hija simili għal dik li tinsab fl-Artikolu 11(2) tiegħu ( 21 ). Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fihom b’mod partikolari l-istess kriterju relatat mal-għarfien ta’ ċrieki speċjalizzati ( 22 ). Għalhekk, fl-assenza ta’ elementi li jindikaw rieda kuntrarja tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kundizzjoni ta’ żvelar għandha tiġi evalwata bl-istess mod fil-kuntest ta’ dispożizzjoni waħda jew oħra. |
|
73. |
Issa, kif issostni Ferrari, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, f’din il-kawża, li l-pubblikazzjoni, minn disinjatur, ta’ ritratt li jirrappreżenta prodott fl-intier tiegħu ma tammontax għal żvelar tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott, anki jekk iċ-ċirkoli speċjalizzati setgħu raġonevolment ikunu jafu b’dan ir-ritratt u li dan id-disinn huwa identifikabbli b’mod ċar fih, il-konsegwenza tkun li terz ikun jista’ sussegwentement jitlob huwa stess il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni inizjali ma hijiex, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, ikkunsidrata bħala żvelar preċedenti “qerrieda” ta’ novità, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jostakola tali applikazzjoni. Din l-interpretazzjoni tiffavorixxi mhux l-innovazzjoni fil-qasam tad-disinni, kif previst fil-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, iżda l-kopja ta’ disinni eżistenti ( 23 ). |
|
74. |
Għall-kuntrarju, u fil-ħames lok, ma ninsabx konvint mill-argument imressaq mill-qorti tar-rinviju, li miegħu ngħaqdu Mansory Design, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, li skonthom ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali jipprekludu l-interpretazzjoni proposta hawn fuq. Skont dan l-argument, diġà invokat fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk l-iżvelar tad-dehra ta’ karozza kollha fl-intier tagħha kellu l-konsegwenza li joħloq drittijiet ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat fuq il-partijiet jew partijiet komponenti tagħha, bħall-bamper, il-fanali, eċċ., l-operaturi ekonomiċi diffiċilment jistgħu jiddeterminaw is-suġġett tal-protezzjoni mitluba mid-disinjatur. Tali inċertezza għandha r-riskju li tiskoraġġixxi l-innovazzjoni. |
|
75. |
Sabiex inkun ċar, minn perspettiva fattwali, naqbel evidentement fuq il-fatt li l-iżvelar distint tad-disinn ta’ parti ta’ prodott jippermetti li tiżdied iċ-ċertezza legali, kemm għall-utenti kif ukoll għad-disinjatur tad-disinn ikkonċernat. Huwa għalhekk possibbli li d-disinjaturi jipproċedu b’tali żvelar distint. F’dan il-każ, Ferrari setgħet turi iktar faċilment li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, iċ-ċirkoli speċjalizzati setgħu raġonevolment ikunu jafu bid-disinn inkwistjoni ( 24 ). |
|
76. |
Madankollu, li jiġi impost fuq id-disinjaturi, fl-interess taċ-ċertezza legali ta’ terzi, tali żvelar distint iwassal, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi injorat il-bilanċ mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistema tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, li jimplika min-natura tnaqqis tal-livell ta’ din iċ-ċertezza meta mqabbel ma’ dik li tirriżulta mid-disinni rreġistrati. |
|
77. |
F’dan ir-rigward, il-fatt li, kif indikajt, id-disinni Komunitarji mhux irreġistrati ma humiex, skont id-definizzjoni, is-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni jwassal b’mod inevitabbli għal ċertu livell ta’ inċertezza legali għal terzi. L-operaturi ekonomiċi ma għandhomx, f’dan il-qasam, bħal għad-disinni rreġistrati, reġistru pubbliku li jippermettilhom jinformaw ruħhom b’mod ċar u preċiż dwar id-drittijiet eżistenti f’disinn partikolari ( 25 ). Għalhekk, l-assenza ta’ reġistrazzjoni jagħmel is-suġġett eżatt ta’ protezzjoni mitluba iktar diffiċli sabiex jiġi identifikat minn qabel ( 26 ). Ħafna drabi jkun biss fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kontrafazzjoni li d-disinjatur jispeċifika jekk huwiex qiegħed jinvoka d-dehra sħiħa tal-prodott inkwistjoni jew dik ta’ parti biss minn dak il-prodott ( 27 ). |
|
78. |
Inkambju, il-livell ta’ protezzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali li jibbenefika minnu d-disinjatur, huwa mnaqqas ukoll. Minn naħa, il-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju ta’ disinn mhux irreġistrat għandha portata limitata, kif ġustament irrilevat Ferrari. Mill-perspettiva materjali, konformement mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002, dan huwa protett biss kontra l-“ikkuppjar” tad-disinn tiegħu ( 28 ). |
|
79. |
Min-naħa l-oħra, it-tul tal-protezzjoni offruta lid-disinni Komunitarji mhux irreġistrati huwa relattivament qasir peress li huwa limitat għal tliet snin li jibdew jgħaddu mill-ewwel żvelar lill-pubbliku tad-disinn ikkonċernat, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 29 ). |
|
80. |
Barra minn hekk, ma naħsibx li għandhom jiġu eżaġerati r-riskji f’termini ta’ ċertezza legali u ta’ innovazzjoni li tinkludi l-interpretazzjoni proposta hawn fuq, li skontha l-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ġenerali ta’ prodott jista’, fih innifsu, iwassal għall-iżvelar tad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott. |
|
81. |
Fil-fatt, minn naħa, kif spjegajt fil-punti 64 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kriterju tal-għarfien miċ-ċirkoli speċjalizzati jippreżupponi li d-disinn tal-parti ta’ prodott ikun identifikabbli b’mod ċar waqt l-iżvelar tad-disinn tal-prodott fl-intier tiegħu, li jnaqqas ir-riskju ta’ inċertezza legali. |
|
82. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-innovazzjoni, minbarra dak li diġà spjegajt fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002, l-użu ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, imwettaq minn terz mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, ma huwiex ikkunsidrat li jirriżulta minn “kopja” tad-disinn inkwistjoni “jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari ma’ [dan] id-disinn”. |
|
83. |
Għalhekk, id-disinjaturi jistgħu jkomplu jinnovaw mingħajr biża’ li jwettqu kontrafazzjoni bi żball ta’ disinni Komunitarji mhux irreġistrati. Anki jekk jiġi preżunt li joħolqu disinni li jipproduċu impressjoni viżiva globali identika għal dik ta’ disinn żvelat preċedentement ( 30 ), huma jistgħu juru l-bona fide tagħhom ( 31 ) u b’hekk jevitaw kull responsabbiltà. |
|
84. |
Fl-aħħar lok, l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet lanqas ma hija kkontestata, fil-fehma tiegħi, mill-argument imressaq minn Mansory Design, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni, li abbażi tiegħu r-ritratt li jirriproduċi mhux biss id-disinn tal-parti ta’ prodott invokat, iżda d-dehra ġenerali ta’ dan il-prodott, ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk dan id-disinn jissodisfax il-kundizzjonijiet materjali għall-kisba tal-protezzjoni bħala disinn Komunitarju. |
|
85. |
Ċertament, kif iddeċidew il-qrati tal-Unjoni fil-kuntest ta’ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinni Komunitarji ( 32 ), sabiex tiġi evalwata n-novità u l-karattru individwali tad-disinn invokat, dan għandu jkun jista’ jitqabbel, b’mod affidabbli, mad-disinn preċedenti invokat mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li wieħed ikollu immaġni tad-disinn preċedenti li tippermetti li dan jiġi identifikat b’mod preċiż u ċert. L-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu għalhekk jipprovdi riproduzzjoni, waħda jew iktar, preċiża u kompluta tal-imsemmi disinn ( 33 ). Bl-istess mod, huwa neċessarju li jkun hemm riproduzzjoni tad-disinn invokat li jkun ta’ kwalità suffiċjenti sabiex jintgħarfu b’mod ċar id-dettalji tal-oġġett li għalih qiegħda tintalab il-protezzjoni ( 34 ). |
|
86. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, ritratt li jirriproduċi d-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jippermetti li jsir tali paragun, f’dak li jirrigwarda d-disinn ta’ parti minn dan il-prodott meta, kif indikajt fil-punti 64 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-karatteristiċi ta’ dan id-disinn ikunu viżibbli b’mod ċar fuq dan ir-ritratt. Tali riproduzzjoni tippermetti li l-imsemmi disinn jinftiehem u li jiġu identifikati d-differenzi estetiċi jew ornamentali eventwali tiegħu meta mqabbla ma’ disinn preċedenti u, b’dan il-mod, li tiġi evalwata n-novità u l-karattru individwali tiegħu. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ meta r-riproduzzjoni tkun żgħira wisq, ta’ kwalità ħażina jew meta d-disinn invokat ikun parzjalment moħbi minn element ieħor ( 35 ). |
|
87. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ġenerali ta’ prodott, bħad-dehra ta’ karozza, iwassal ukoll għall-iżvelar lill-pubbliku tad-disinn ta’ parti ta’ dan il-prodott, bħad-dehra ta’ ċerti elementi tal-karozzerija ta’ din il-karozza, sakemm dan id-disinn tal-aħħar ikun identifikabbli b’mod ċar waqt dan l-att ta’ żvelar. |
B. Fuq il-possibbiltà li tintalab protezzjoni għad-disinn ta’ “parti ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 (it-tieni domanda)
|
88. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, kif nissuġġerixxi jien, fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, dwar il-kriterju legali li għandu jiġi applikat, fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex tiġi ddeterminata l-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinn tal-komponenti inkorporati fi prodott kumpless, bħall-elementi tal-karozzerija ta’ karozza. |
|
89. |
Fil-punti 43 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, spjegajt ir-raġunijiet għaliex, fil-fehma tiegħi, ftit li xejn jimporta, f’din il-kawża, jekk il-parti tal-Ferrari FXX K li tagħha din il-kumpannija tinvoka d-dehra bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat hijiex ikkostitwita jew le minn “partijiet” inkorporati fi “prodott kumpless”. Għalhekk ser inkompli nirreferi, f’din it-taqsima, għall-kunċett ta’ “parti ta’ prodott”. |
|
90. |
Għandhom isiru xi spjegazzjonijiet ġenerali sabiex tinftiehem din it-tieni domanda. |
|
91. |
Kif indikajt fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fost il-kundizzjonijiet materjali li għandu jissodisfa disinn sabiex ikun protett bħala disinn Komunitarju (irreġistrat jew mhux irreġistrat) hemm il-“karattru individwali”. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, disinn jitqies li għandu “karattru individwali” jekk l-impressjoni ġenerali li jipproduċi fuq l-utent informat ( 36 ) tkun differenti minn dik prodotta fuq tali utent minn kull disinn li jkun ġie preċedentement żvelat lill-pubbliku. |
|
92. |
L-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ din il-kundizzjoni timplika għalhekk, kif diġà ġie spjegat fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jsir paragun bejn id-disinn invokat u disinn preċedenti. |
|
93. |
Kif jirriżulta mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 6, dan jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, paragun tal-“impressjoni ġenerali” prodotta minn kull wieħed minn dawn id-disinni kunfliġġenti. Fi kliem ieħor, għandu jiġi vverifikat jekk dawn humiex ġeneralment simili. Għalhekk, il-karatteristiċi kollha tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, mingħajr ma huwa possibbli li jitqabblu biss partijiet ta’ kull disinn. Konsegwentement, differenzi ta’ dettalji, jew differenzi sinjifikattivi, iżda kkonċentrati fuq parti biss tad-disinn invokat, jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex juru li jipproduċi “impressjoni ġenerali” differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti u, għaldaqstant, u sabiex jiġi stabbilit il-“karattru individwali” tiegħu ( 37 ). |
|
94. |
L-istess loġika tapplika, mutatis mutandis, fil-qasam ta’ kontrafazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li l-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju “għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informa” ( 38 ). |
|
95. |
Minn dan isegwi li, għal darba oħra, il-paragun tad-disinni kunfliġġenti għandu jsir fir-rigward tad-dehra kollha li tikkostitwixxi d-disinn protett, mingħajr ma jkun possibbli li jsir paragun biss ta’ parti minn dan id-disinn mad-disinn ikkontestat. F’dan il-każ ukoll, anki jekk dan tal-aħħar huwa identiku għal parti mid-disinn protett, huwa possibbli li l-“impressjonijiet viżivi globali” prodotti minn dawn iż-żewġ disinni jkunu differenti u li, għaldaqstant, ma jkunx hemm kontrafazzjoni ( 39 ). |
|
96. |
Dawn l-ipoteżijiet jistgħu jiġu vverifikati b’mod partikolari meta d-disinn Komunitarju invokat ikollu bħala suġġett id-dehra kollha ta’ prodott. Jekk, pereżempju, disinjatur ikun irreġistra d-disinn fl-intier tiegħu ta’ pupa ( 40 ) u terz jikkummerċjalizza, mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, disinn li għandu diversi differenzi iżda ras simili, il-kontrafazzjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta. Fil-fatt, dan ix-xebh parzjali mhux bilfors ikun suffiċjenti sabiex juri “impressjonijiet viżivi ġenerali” identiċi. |
|
97. |
F’dan il-kuntest, kif ġie diskuss tul dawn il-konklużjonijiet kollha, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta lid-disinjaturi jinvokaw il-protezzjoni, bħala disinn Komunitarju, ta’ suġġett iktar speċifiku, jiġifieri d-dehra ta’ “parti ta’ prodott”, konformement mal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 41 ). |
|
98. |
Għalhekk, sabiex nieħu l-eżempju mogħti fil-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet, disinjatur jista’ jagħżel li jinvoka l-protezzjoni tad-dehra ta’ ras il-pupa biss. B’dan il-mod, huwa jżid il-livell ta’ protezzjoni tad-dehra ta’ din il-“parti ta’ prodott” u, b’mod partikolari, ikabbar il-possibbiltajiet tiegħu li tiġi rrikonoxxuta l-kontrafazzjoni fir-rigward tiegħu. Fil-fatt, huwa jevita l-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni fl-intier tagħhom tal-pupi f’kompetizzjoni. Hija biss id-dehra tar-ras, li hija s-suġġett tad-disinn Komunitarju, li tittieħed inkunsiderazzjoni. Bil-paragun biss tad-dehra tal-irjus ta’ dawn il-pupi, il-kontrafazzjoni ssir flagranti ( 42 ). |
|
99. |
L-ispjegazzjonijiet preċedenti huma rilevanti, fil-fehma tiegħi, għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, infakkar li Ferrari invokat b’mod partikolari, insostenn tal-azzjoni għall-kontrafazzjoni tagħha, b’mod iktar sussidjarju, disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jikkonsisti fil-muntatura globali ta’ Ferrari FXX K ( 43 ). Issa, skont l-interpretazzjoni tiegħi tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tal-appell, billi għamlet paragun bejn dan id-disinn u d-dehra ġenerali tal-Mansory Siracusa 4XX ( 44 ), ikkunsidrat, essenzjalment, li dawn iż-żewġ disinni ma jipproduċux l-istess “impressjoni viżiva ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 ( 45 ) – u dan, minkejja xebh viżiv li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit u l-ispoiler tax-xoffa. Billi tibbaża ruħha fuq disinn Komunitarju mhux irreġistrat iffokat fuq id-dehra tal-parti tal-FXX K inkwistjoni, Ferrari tfittex għalhekk li timmassimizza l-possibbiltajiet tagħha li tiġi rrikonoxxuta, f’dan il-każ, il-kontrafazzjoni. |
|
100. |
Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, jidhirli li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ limiti għall-possibbiltà, għad-disinjaturi, li jaqsmu d-dehra ġenerali tal-prodotti tagħhom f’diversi disinni ta’ “partijiet ta’ prodott”, fejn kull wieħed minnhom huwa s-suġġett ta’ protezzjoni distinta bħala disinn Komunitarju, sabiex jiġi mmassimizzat il-livell ta’ protezzjoni li huma jibbenefikaw minnu. |
|
101. |
Din id-domanda hija iktar u iktar rilevanti peress li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat invokat, prinċipalment, minn Ferrari fuq il-parti tad-disinn tagħha FXX K, li jinkludi b’mod partikolari l-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit u l-ispoiler tax-xoffa, kien ineżistenti, minħabba li din il-parti ma kinitx tippreżenta “ċerta awtonomija” kif ukoll “ċerta kompletezza fir-rigward tal-forma” u kienet limitata b’mod arbitrarju mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
102. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tantx tinkludi spjegazzjonijiet dwar x’għandu jinftiehem bil-kliem “awtonomija” u “kompletezza fir-rigward tal-forma”. Fil-fehma tiegħi, fil-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi, dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi sabiex jintalab disinn Komunitarju relatat mad-dehra ta’ “parti ta’ prodott”. Jidhirli li l-kundizzjoni ta’ “awtonomija” hija marbuta mal-punt dwar jekk id-dehra tal-parti tispikka, jew għall-kuntrarju, jekk hijiex kompletament assorbita f’dik tal-prodott kollu. Il-kundizzjoni ta’ “kompletezza” tirrigwarda l-punt dwar jekk id-disinn parzjali invokat jikkostitwixxix assjem ikkompletat. Konkretament, f’dan il-każ, il-qorti tal-appell ikkunsidrat id-delimitazzjoni magħmula minn Ferrari bħala “arbitrarja” minħabba li din il-kumpannija ma inkludietx il-fanali u t-tarf laterali tal-ispoiler tal-FXX K – elementi li jikkostitwixxu rispettivament l-“għajnejn” u x-“xedaq” ta’ din il-karozza, biex nużaw il-metafora tal-“karatteristiċi tal-wiċċ” invokata minn Ferrari ( 46 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi, finalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dehra tal-parti ta’ prodott invokata tippreżentax “impressjoni ġenerali awtonoma meta mqabbla mal-forma ġenerali”. |
|
103. |
Għalhekk huwa neċessarju, f’din il-kawża, li jiġi ddeterminat jekk id-dehra ta’ parti ta’ prodott, sabiex tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ disinn Komunitarju apparti, distinta minn dak li jipproteġi, skont il-każ, id-dehra ġenerali ta’ dan il-prodott, għandhiex effettivament ikollha tali “awtonomija” u tali “kompletezza”. |
|
104. |
Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda ma tinsabx fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “karattru individwali”, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, dan il-kunċett ma jirregolax ir-relazzjoni bejn id-disinn ta’ prodott u d-disinni tal-partijiet li jifformawh, iżda, kif indikajt fil-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-relazzjoni bejn dawn id-disinni u disinni preċedenti oħra. Għaldaqstant, l-imsemmi kunċett ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fi ħdan Ferrari FXX K, id-dehra tal-parti mitluba, komposta b’mod partikolari mill-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit u mill-ispoiler tax-xoffa, tistax tikkostitwixxi disinn ta’ “parti ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, distinta mid-disinn fl-intier tiegħu ta’ din il-karozza. |
|
105. |
Għall-kuntrarju, din ir-risposta għandha tinstab, fil-fehma tiegħi, fid-definizzjoni nnifisha tal-kunċett ta’ “disinn”, kif previst fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
106. |
F’dan ir-rigward, infakkar li din id-definizzjoni tirreferi għad-“dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. |
|
107. |
Diversi kriterji jistgħu jiġu dedotti minn din id-definizzjoni. Peress li l-kunċett ta’ “parti ta’ prodott” ma huwiex ippreċiżat, dan għandu jinftiehem, skont is-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum ( 47 ), bħala parti mill-“intier” li jikkostitwixxi l-prodott. Barra minn hekk, din il-parti, sabiex tkun protetta bħala disinn, għandu jkollha dehra, jiġifieri, skont id-definizzjoni, tkun viżibbli ( 48 ). Għaldaqstant, kif issostni Ferrari, l-imsemmija parti għandha tkun delimitata minn linji, konfigurazzjoni, kuluri, għamla jew saħansitra nisġa partikolari. |
|
108. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżid, ma’ dawn il-kriterji, dawk li jirrigwardaw l-“awtonomija” u l-“kompletezza” ssuġġeriti mill-qorti tar-rinviju? |
|
109. |
Ċertament il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fis-sentenza tagħha Buck‑Chemie vs EUIPO – Henkel (Sistema ta’ tindif għat-tojlit) ( 49 ), kriterji qrib ħafna ta’ dawk issuġġeriti hawnhekk. |
|
110. |
F’din il-kawża, impriża kienet ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni għad-disinn ta’ parti ta’ sistema ta’ tindif għat-tojlit, li jikkorrispondi għall-erba’ blalen ta’ deterġent inklużi f’dan il-blokk. Kompetitur kien ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dan id-disinn, minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tiegħu. F’dan il-kuntest, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien ippreżenta bħala disinni preċedenti, b’mod partikolari, id-dehra ta’ erba’ blalen allinjati, magħżula arbitrarjament mir-ritratt tal-pixxina bil-blalen li kienu fiha fost għexieren ta’ oħrajn, u d-dehra ta’ sensiela ta’ blalen estratti mill-immaġni ta’ kaxxa taħbil il-moħħ. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, dawn id-disinni tal-aħħar bħala ineżistenti, billi ddeċidiet li l-“partijiet ta’ prodott” invokati ma kellhomx “karattru indipendenti” u ma setgħux “jiġu sseparati mill-impressjoni ġenerali prodotta mill-prodott ipperċepit fl-intier tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 50 ). |
|
111. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li, “sabiex jikkostitwixxi disinn apparti, separat minn dak tal-prodott prinċipali, l-elementi rilevanti għandhom jiġu enfasizzati b’mod partikolari u għalhekk jimpedixxu li l-prodott prinċipali jinftiehem fit-totalità tiegħu” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju, is-sensiela ta’ blalen meħuda mill-immaġni tat-taħbil il-moħħ ippreżentata mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet “parti integrali mil-logħba kollha ppreżentata u mill-immaġni tagħha” u ma kinitx “enfasizzata b’mod speċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 51 ). |
|
112. |
Madankollu, għandi ċerta eżitazzjoni għall-idea li jiġu introdotti, permezz ta’ interpretazzjoni u f’qasam daqshekk delikat bħal dak tad-disinn Komunitarju, kriterji mhux miktuba bħal dawk ta’ “awtonomija” jew ta’ “kompletezza”, sabiex niddelimita l-partijiet ta’ prodotti li d-dehra tagħhom tista’ tkun is-suġġett ta’ protezzjoni speċifika. |
|
113. |
Kif sostnew, essenzjalment, Ferrari kif ukoll il-Gvern Ċek u l-Gvern Taljan, minbarra l-fatt li dawn il-kriterji ma ġewx previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ma nistax nifhem il-mod kif jistgħu jżidu l-livell ta’ ċertezza legali. F’liema ċirkustanzi, fil-fatt, għandu jitqies li d-disinn ta’ parti ta’ prodott jissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ “awtonomija” u ta’ “kompletezza”? |
|
114. |
F’dan ir-rigward, nosserva b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, “parti ta’ prodott” tista’ tillimita ruħha għall-ornamenti ta’ prodott. Għalhekk, nistaqsi dwar il-mod kif l-imsemmija kriterji għandhom jiġu applikati f’tali ipoteżi. Bl-istess mod, fl-eżempju tal-pupa mogħti fil-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sa liema punt id-dehra ta’ ras din il-pupa għandha ċerta “kompletezza” u ċerta “awtonomija” meta mqabbla mal-bqija tal-ġisem? Għandu jvarja skont jekk hux mudell tat-tip “Barbie” jew mudell ta’ pupa Russa? U dwar il-partijiet tal-karozzerija tal-karozza? F’termini assoluti, tali element qatt ma huwa verament indipendenti mill-bqija tal-karozzerija, peress li jikkontribwixxi għall-estetika ta’ din. |
|
115. |
Dan premess, naturalment, kif il-kawża msejħa Sistema ta’ tindif għat-tojlit ( 52 ) turi, delimitazzjonijiet kompletament arbitrarji ta’ partijiet ta’ prodott jistgħu jiġu ppreżentati lill-eżaminatur jew lill-qorti. |
|
116. |
Madankollu, is-soluzzjoni sabiex jiġi rregolat dawn it-tipi ta’ tentattivi tinsab, fil-fehma tiegħi, mhux fl-adozzjoni ta’ kriterji addizzjonali, iżda, sempliċement fl-applikazzjoni stretta, mill-eżaminatur jew mill-qorti, tal-kriterji li jirriżultaw mid-definizzjoni ta’ “disinn”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. Kif indikajt fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-parti ta’ prodott għandha b’mod partikolari tiġi ddefinita mid-dehra partikolari tagħha – il-linji, il-konfigurazzjoni tagħha, il-kulur tagħha, eċċ. ( 53 ). Fil-qosor, għandu jkun hemm disinn identifikabbli bħala tali u li jista’ jwassal, fih innifsu, għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni. Għalhekk nista’ naqbel mal-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li d-dehra tal-parti għandha tkun kapaċi tipproduċi, fiha nnifisha, “impressjoni ġenerali”, u għalhekk ma tistax tkun ibbażata kompletament fuq dik tal-prodott fl-intier tiegħu. Disinn li ma jissodisfax din id-definizzjoni għandu jiġi ddikjarat null ( 54 ) – jew, b’mod iktar preċiż, ineżistenti. |
|
117. |
B’mod ġenerali, inqis li l-eżaminatur jew il-qorti għandhom jiżguraw li ma jkunx possibbli li jiġu invokati, bħala disinn Komunitarju awtonomu, partijiet ta’ prodott verament insinjifikattiv jew kompletament arbitrarji. Mill-bqija, fil-fehma tiegħi, meta disinjatur jaqsam b’mod artifiċjali d-dehra ta’ prodott, bl-uniku għan li jiġi evitat it-test tal-“impressjoni ġenerali” stabbilit fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, tali aġir għandu t-tendenza li jkun abbuż ta’ dritt ( 55 ). |
|
118. |
Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-disinni Komunitarji mhux irreġistrati invokati minn Ferrari jissodisfawx id-definizzjoni ta’ “disinn”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, kif spjegat fil-punti 107 u 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, inqis li huwa xieraq li nagħti xi indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward. |
|
119. |
Nosserva, għal dan il-għan, li l-parti tal-FXX K li Ferrari tinvoka d-dehra tagħha bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat, komposta mill-element fil-forma ta’ “V” fuq il-bonit tal-FXX K, l-element fil-forma ta’ xewka ta’ kelb il-baħar ħiereġ miċ-ċentru ta’ dan l-ewwel element u mgħammar fis-sens lonġitudinali (l-“iStrake”), l-ispoiler tax-xoffa ta’ quddiem integrat fil-bamper u l-pont vertikali ċentrali li jgħaqqad l-ispoiler ta’ quddiem u l-bonit, hija parti ta’ din il-karozza. Din il-parti hija viżibbli, kif diġà ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, jidhirli li l-imsemmija parti hija ddefinita minn linji, konfigurazzjoni, kuluri u għamla partikolari. Għandi tendenza, b’mod partikolari, nikkunsidra, bħal Ferrari, li dawn l-elementi differenti jistgħu jiġu pperċepiti bħala ħaġa waħda, li jevokaw b’mod karatteristiku l-parti ta’ quddiem ta’ karozza ta’ Formula 1 ( 56 ). |
|
120. |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tkun tal-istess fehma, hija jkollha, sussegwentement, tivverifika jekk id-dehra tal-parti ta’ prodott invokata tissodisfax, fiha nnifisha, il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni bħala disinn Komunitarju. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu l-istess bħal għal kull disinn. B’mod partikolari, hemm lok, sabiex tiġi ddeterminata l-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinn ta’ parti ta’ prodott – għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-“karattru individwali” jew il-kontrafazzjoni – li tittieħed inkunsiderazzjoni d-dehra ta’ din il-parti biss, indipendentement mill-impressjoni ġenerali prodotta mill-prodott ikkunsidrat fl-intier tiegħu. |
|
121. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda li l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “d-dehra ta’ prodott […] f’parti minnu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tista’ tkun is-suġġett ta’ protezzjoni bħala disinn Komunitarju, parti viżibbli ta’ prodott, delimitata minn linji, konfigurazzjoni, kuluri, għamla jew anki nisġa partikolari. Ma hemmx lok, matul l-eżami dwar jekk disinn partikolari jissodisfax din id-definizzjoni, li jiġu applikati kriterji addizzjonali bħall-“awtonomija” jew il-“kompletezza fir-rigward tal-forma”. |
V. Konklużjoni
|
122. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti risposti għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Diċembru 2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).
( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 6/2002, riprodott fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 4 ) Ara l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002.
( 5 ) F’dawn il-konklużjonijiet, ser nieħu bħala ipoteżi fattwali għall-analiżi tiegħi d-disinn invokat prinċipalment minn Ferrari insostenn tat-talbiet tagħha, filwaqt li mhux ser nikkunsidra, ħlief meta jkun hemm bżonn li jissemmew, id-disinni invokati sussidjarjament u dawk invokati b’mod saħansitra iktar sussidjarju.
( 6 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 7 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 65).
( 9 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 66).
( 10 ) B’mod partikolari, għandu jitqies li huwa stabbilit il-fatt li ċ-ċirkoli speċjalizzati setgħu raġonevolment ikunu jafu bil-pubblikazzjoni tar-ritratti inkwistjoni.
( 11 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ċirkoli speċjalizzati”, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel (C‑479/12, EU:C:2014:75, punti 27 sa 30).
( 12 ) Fil-fatt, għalkemm il-kliem tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi, għall-punt dwar jekk l-att ta’ żvelar (il-pubblikazzjoni, l-espożizzjoni, eċċ.) setax raġonevolment ikun magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati, jidhirli li dan il-kriterju huwa intiż, b’mod iktar wiesa’, sabiex jiddetermina jekk dawn iċ-ċirkoli setgħux raġonevolment ikunu jafu bid-disinn inkwistjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel (C‑479/12, EU:C:2014:75, punti 25 u 29).
( 13 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 14 ) Infakkar, f’dan ir-rigward, li huwa stabbilit li ċ-ċirkoli speċjalizzati setgħu raġonevolment ikunu jafu b’din il-pubblikazzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 15 ) Ara, għal interpretazzjoni simili, O. Ruhl, J. Tolkmitt, Gemeinschafts-geschmackmuster – Taschenkommentar – 3. Auflage, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2019, p. 423.
( 16 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn huwa “d-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.
( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) B’mod ġenerali, meta stabbilixxa sistema unifikata ta’ disinn Komunitarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq joffri protezzjoni effettiva u uniformi fit-territorju kollu tal-Istati Membri għall-estetika industrijali, sabiex jinkoraġġixxi lid-disinjaturi individwali jikkontribwixxu għall-istabbiliment tas-superjorità tal-Unjoni f’dan il-qasam u sabiex jiffavorixxi l-innovazzjoni kif ukoll l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom. Ara l-premessi 1, 5, 7 u 29 tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 73), u tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 28).
( 19 ) Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Pollakk, il-fatt li d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat ġie stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ prodotti li għandhom ċiklu tal-ħajja ekonomika qasira – tipikament dawk li d-dehra tagħhom tinbidel malajr skont il-moda, bħall-ħwejjeġ – ma jeskludix li d-dehra ta’ parti minn karozza bħall-Ferrari FXX K, li a priori ma taqax taħt din il-kategorija ta’ prodott, tista’ tkun is-suġġett ta’ protezzjoni fuq din il-bażi. Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ppreveda l-ebda restrizzjoni, fir-Regolament Nru 6/2002, fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti li d-dehra tagħhom tista’ tiġi protetta bħala disinn Komunitarju mhux irreġistrat.
( 20 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 42).
( 21 ) L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi: “Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat […], jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa. [l-Unjoni]”.
( 22 ) Bl-unika differenza li dan il-kriterju huwa fformulat b’mod negattiv fl-ewwel dispożizzjoni, filwaqt li dan huwa fformulat b’mod pożittiv fit-tieni waħda.
( 23 ) Fil-prattika, din l-interpretazzjoni tinkoraġġixxi lill-operaturi ekonomiċi janalizzaw bir-reqqa, pereżempju, l-immaġini ta’ prodotti ppubblikati fil-perjodiċi speċjalizzati sabiex iħarbxu fihom disinni ta’ partijiet ta’ prodotti u, jekk ikun il-każ, jitolbu huma stess ir-reġistrazzjoni ta’ dawn id-dehriet bħala disinn Komunitarju.
( 24 ) Fi kliem ieħor, l-iżvelar speċifiku tad-disinn ta’ parti ta’ prodott jista’ jikkostitwixxi mezz prattiku, għal disinjatur, li jiżgura ruħu mill-għarfien ta’ dan id-disinn miċ-ċirkoli speċjalizzati.
( 25 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Mast-Jägermeister vs EUIPO (C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punti 52 sa 54). Is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn disinn irreġistrat għandu jiġi stabbilit b’mod preċiż matul ir-reġistrazzjoni tiegħu. Għalhekk, anki jekk din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa eskluż, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament Nru 6/2002, li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni ta’ disinn, fis-singular, li applikazzjoni għal reġistrazzjoni għad-disinn kollu ta’ prodott tista’ tgħodd ukoll, b’mod inċidentali, għad-disinn ta’ parti minn dan il-prodott, kif enfasizzat ukoll il-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, l-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament jirregola espressament l-ipoteżi ta’ applikazzjoni multipla.
( 26 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 43).
( 27 ) Jekk ikun il-każ, ir-rikorrent f’azzjoni għall-kontrafazzjoni jista’, għal dan il-għan, jenfasizza, fuq l-immaġni li huwa jipprovdi insostenn tar-rikors tiegħu, id-disinn mitlub permezz ta’ kuluri, ta’ kuntrasti, ta’ vleġeġ jew inkella ta’ linji li jiddelimitaw id-disinn inkwistjoni. Dan jippermetti lill-qorti u lill-konvenut jifhmu faċilment is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mitluba. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 85(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kontrafazzjoni, sabiex jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ validità tad-disinn mhux irreġistrat allegat, ir-rikorrent għandu jindika kif dan id-disinn għandu karattru individwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, preċiżament, din il-kundizzjoni “toħroġ min-neċessità, fir-rigward ta’ din [il-] kategorija, li tiġi ddeterminata […]l-għan preċiż ta’ [l-protezzjoni mitluba]” (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 43)).
( 28 ) B’paragun ma’ dan, id-disinn Komunitarju rreġistrat joffri protezzjoni kontra kull “użu”, kunċett li huwa ddefinit fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jagħti ċertezza legali ikbar lil dan it-tip ta’ disinn meta mqabbel mad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat.
( 29 ) Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju rreġistrat tista’ testendi sa 25 sena mill-preżentata tal-applikazzjoni.
( 30 ) Ara l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, kif ukoll il-punti 94 u 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Nippreċiża li l-oneru li l-istabbiliment li l-użu kkontestat jirriżulta minn “kopja” ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat jaqa’ fuq id-detentur tiegħu, filwaqt li huwa l-konvenut li għandu jistabbilixxi li l-użu “jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni”. Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel (C‑479/12, EU:C:2014:75, punt 41).
( 32 ) Ara l-Artikoli 24 et seq. tar-Regolament Nru 6/2002. Mill-Artikolu 24(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fir-rigward ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, l-osservanza tal-kundizzjonijiet materjali għall-kisba tal-protezzjoni għandha tiġi eżaminata mill-qorti fil-każ ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, imressqa mill-konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kontrafazzjoni tad-disinn Komunitarju inkwistjoni.
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 64 u 65), u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Atos Medical vs EUIPO – Andreas Fahl Medizintechnik-Vertrieb (Garzi mediċi) (T‑559/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:758, punti 40 u 43).
( 34 ) Ara, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ disinn, l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14) u s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Mast-Jägermeister vs EUIPO (C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punti 47 sa 55).
( 35 ) Kuntrarjament għal dak li ssostni Mansory Design, l-ipoteżi inkwistjoni f’din il-kawża bl-ebda mod ma hija simili għal dik ittrattata fis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 68 u 69). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi rikjest mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li, fil-kuntest tal-paragun bejn disinni kunfliġġenti, jgħaqqad elementi differenti ta’ disinn jew ta’ diversi disinni preċedenti sabiex jikseb id-dehra sħiħa ta’ dan id-disinn, minħabba li huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandu jipproduċi rappreżentazzjoni sħiħa tal-imsemmi disinn preċedenti u li kull tgħaqqid eventwali neċessarjament timplika approssimazzjonijiet. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-interpretazzjoni li nissuġġerixxi, il-qorti ma għandhiex tadotta l-approċċ perikoluż u tgħaqqad elementi li huma rrappreżentati b’mod separat. Hija għandha sempliċement tevalwa disinn riprodott b’mod komplet, u viżibbli b’mod ċar, f’parti mir-ritratt li jiġi pprovdut lilha mill-applikant.
( 36 ) Ara, għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “utent avżat”, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59), kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 124 u 125).
( 37 ) Ara l-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll J. Passa, Droit de la propriété industrielle, Tome I, L.G.D.J, it-tieni edizzjoni, 2009, p. 934. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod konsistenti, li “il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ ‘déjà vu’, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedent fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jitqiesu differenzi li, minkejja li ma humiex sempliċement dettalji irrilevanti, ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, iżda jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement sinjifikattivi sabiex joħolqu impressjonijiet globali li ma jixxiebhux” (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Basil vs EUIPO – Artex (Qofof speċjali għar-roti) (T‑760/16, EU:T:2018:277, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni kunfliġġenti “għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għall-paragun analitiku ta’ elenkar ta’ xebh u ta’ differenzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Glimarpol vs EUIPO – Metar (Għodda pnewmatika) (T‑748/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:321, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).
( 38 ) Bla ħsara għall-fatt li, kif ġie indikat fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-qasam ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, id-detentur huwa protett biss kontra l-“kopja”, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002.
( 39 ) Ara J. Passa, op. cit., p. 1004.
( 40 ) Ara, għal dan l-eżempju, J. Passa, op. cit., p. 1004 u 1115.
( 41 ) Barra minn hekk, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet li dan huwa “aspett fundamentali” tas-sistema tad-disinni tal-Unjoni.
( 42 ) F’dan ir-rigward, id-disinn Komunitarju mhux irreġistrat joffri lid-disinjatur flessibbiltà li d-disinn Komunitarju rreġistrat ma joffrilux. Fil-qasam ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, is-suġġett tal-protezzjoni, jiġifieri d-disinn invokat, huwa ddefinit b’mod riġidu fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Sabiex jintuża dejjem l-istess eżempju, jekk id-disinjatur jagħżel li jirreġistra mhux id-disinn ta’ ras il-pupa, iżda dak tal-pupa fl-intier tiegħu, il-kontrafazzjoni tiġi evalwata fir-rigward ta’ dan l-aħħar suġġett. Għall-kuntrarju, f’tali ipoteżi, id-disinjatur ikun jista’ jinvoka disinn Komunitarju mhux irreġistrat li jikkonsisti fid-dehra tar-ras biss, sakemm din tkun ġiet żvelata inqas minn tliet snin qabel, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 6/2002, u tissodisfa, fiha nnifisha, il-kundizzjonijiet materjali previsti f’dan ir-regolament. Ara J. Passa, op. cit., p. 1004 u 1115.
( 43 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għall-kuntrarju, skont kif nifhem, pereżempju, il-grilja ta’ karozza, bħala assjem komplut, għandha tali “kompletezza”.
( 47 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) Jekk il-parti ta’ prodott tikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, id-dehra ta’ din il-parti komponenti għandha, barra minn hekk, tkun viżibbli “waqt l-użu normali tal-prodott”.
( 49 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018 (T‑296/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:823).
( 50 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sistema ta’ tindif għat-tojlit (T‑296/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:823, punti 51 u 52).
( 51 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sistema ta’ tindif għat-tojlit (T‑296/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:823, punt 52). Ara wkoll, għal raġunament analogu, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs OHMI – Dusyma (Jeux) (T‑231/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:560, punti 34 u 35).
( 52 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018 (T‑296/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:823).
( 53 ) Għall-kuntrarju, kif issostni Ferrari, il-parti ma għandhiex bżonn tkun “strutturalment indipendenti” mill-prodott.
( 54 ) Ara l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002.
( 55 ) Infakkar li l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ tali abbuż teħtieġ, minn naħa, kombinazzjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi li jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mir-regoli tal-Unjoni, l-għan ta’ dawn ir-regoli ma ntlaħaqx, u min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fl-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ mir-regoli tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Altun et (C‑359/16, EU:C:2017:850, nota ta’ qiegħ il-paġna 45).
( 56 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.