Brussell, 27.9.2021

COM(2021) 608 final

2021/0309(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija

{SWD(2021) 276 final}


2021/0309 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tar-Rumanija. Fl-2019, il-prodott domestiku gross (PDG per capita) tar-Rumanija kien 36,8 % tal-medja tal-Unjoni. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni tas-sajf tal-2021, fl-2020 il-PDG reali tar-Rumanija naqas biss bi 3,9 % u fl-2020 u fl-2021 mistenni li jiżdied bi 3,3 % b’mod kumulattiv. Fost il-kwistjonijiet dejjiema li jħallu impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fuq terminu medju hemm ir-riskji li jirriżultaw mid-deterjorament tal-kont kurrenti u t-tnaqqis tal-kompetittività, li minn naħa tagħhom jistgħu jwasslu għal aktar effetti negattivi fuq il-kont kurrenti u għall-aċċelerazzjoni tad-dejn tal-gvern. Il-burokrazija żejda u l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux jistgħu jipprovdu biżżejjed servizzi ta’ kwalità, inklużi servizzi diġitali, jaffettwaw liċ-ċittadini u lin-negozji b’mod negattiv, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), filwaqt li t-twettiq ta’ riformi kbar u investimenti pubbliċi huwa marbut b’mod qawwi mat-titjib tal-governanza. Fl-istess ħin, il-produzzjoni potenzjali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv huma affettwati b’mod negattiv minn rati għoljin ta’ riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, li huma fost l-ogħla fl-UE.

(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet lir-Rumanija fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza l-pandemija b’mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta u twettaq politiki fiskali biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. Anke fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-Kunsill irrakkomanda t-tisħiħ tal-konformità fiskali u l-ġbir tat-taxxa, l-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi u l-vijabbiltà fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru b’riformi strutturali komprensivi u biex tiġi evitata l-implimentazzjoni ta’ miżuri permanenti li jipperikolaw is-sostenibbiltà fiskali. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, inkluż fl-oqsma tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-prodotti mediċi, u li jittejbu l-aċċess u l-kosteffiċjenza tal-kura tas-saħħa, inkluż permezz tal-bidla lejn il-kura outpatient. Fost ir-rakkomandazzjonijiet li huma partikolarment rilevanti għall-isfidi soċjali hemm dawk rigward l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, b’mod partikolari għar-Rom u gruppi żvantaġġati oħra, it-titjib tal-ħiliet billi tiżdied ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja, l-estensjoni tal-kopertura u l-kwalità tas-servizzi soċjali u t-tlestija tar-riforma tal-introjtu minimu tal-inklużjoni, kif ukoll li jiġi żgurat iffissar oġġettiv tal-paga minima li jkun konsistenti mal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tipprovdi sostituzzjoni adegwata tal-introjtu u testendi l-miżuri ta’ protezzjoni soċjali u l-aċċess għal servizzi essenzjali għal kulħadd. Biex tindirizza l-kriżi tal-COVID-19, ir-Rumanija ġiet rakkomandata ttaffi l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi billi tiżviluppa arranġamenti tax-xogħol flessibbli u miżuri ta’ attivazzjoni u ssaħħaħ il-ħiliet u t-tagħlim diġitali u tiżgura aċċess ugwali għall-edukazzjoni. Barra minn hekk, ir-Rumanija ġiet irrakkomandata tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u r-robustezza tas-settur bankarju, biex jiġi żgurat appoġġ ta’ likwidità għall-ekonomija li minnha jibbenefikaw in-negozji u l-unitajiet domestiċi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk li jaħdmu għal rashom, u jiġi antiċipat il-ħlas għal proġetti maturi ta’ investiment pubbliku filwaqt li jiġi promoss l-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Ġie rrakkomandat li l-investimenti jiġu ffukati fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq it-trasport sostenibbli, l-infrastruttura tas-servizzi diġitali, il-produzzjoni u l-użu nodfa u effiċjenti tal-infrastruttura tal-enerġija u ambjentali, filwaqt li jitqiesu d-disparitajiet reġjonali, inkluż fir-reġjuni tal-faħam. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li jitjiebu l-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u l-prevedibbiltà tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż permezz ta’ involviment adegwat tas-sħab soċjali, kif ukoll li tissaħħaħ il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat. Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż meta ntbagħat il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP), il-Kummissjoni tikkonstata li sar progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u r-robustezza tas-settur bankarju u r-rakkomandazzjoni dwar rispons immedjat tal-politika fiskali biex il-pandemija tiġi indirizzata b’mod effettiv, tiġi sostnuta l-ekonomija u jiġi appoġġat l-irkupru li jirriżulta. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni biex tinżamm likwidità adegwata għall-SMEs u għal dawk li jaħdmu għal rashom ġiet implimentata bis-sħiħ.

(3)Fit-2 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni ppubblikat analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 għar-Rumanija. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li r-Rumanija kienet qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ telf fil-kompetittività tal-kostijiet, deterjorament tal-pożizzjoni esterna u defiċit fil-kont kurrenti li qed jiżdied, f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli.

(4)Fil-31 ta’ Mejju 2021 ir-Rumanija ippreżentat l-RRP nazzjonali tagħha lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-preżentazzjoni ġiet wara proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Is-sjieda nazzjonali tal-RRPs tirfed l-implimentazzjoni b’suċċess u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali u l-kredibbiltà fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

(5)Jenħtieġ li l-RRPs isegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbiliti bir-Regolament (UE) 2021/241 (il-“Faċilità”) u tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 3 sabiex jiġi appoġġat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Dawn għandhom jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)L-implimentazzjoni tal-RRPs tal-Istati Membri se tikkostitwixxi sforz ikkoordinat li jinvolvi riformi u investimenti madwar l-Unjoni. Permezz ta’ implimentazzjoni koordinata u simultanja u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera u multinazzjonali, riformi u investimenti bħal dawn se jsaħħu lil xulxin u jiġġeneraw effetti konsegwenzjali pożittivi madwar l-Unjoni. Għaldaqstant, madwar terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri se jiġi minn effetti konsegwenzjali minn Stati Membri oħra.

Rispons bilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri

(7)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(a) u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP jirrappreżenta fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha kemm huma msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi tar-Rumanija u b’kunsiderazzjoni tal-allokazzjoni finanzjarja u tal-appoġġ għas-self mitlub.

(8)Il-pjan jimxi fuq approċċ olistiku biex jikseb l-irkupru u jżid it-tkabbir potenzjali, filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza soċjoekonomika u istituzzjonali. Fih riformi u investimenti koerenti u li jsaħħu lil xulxin li jirreferu għal oqsma ta’ politika ta’ rilevanza Ewropea strutturati madwar is-sitt pilastri.

(9)Jiffoka b’mod qawwi fuq il-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika b’miżuri relatati mal-enerġija u l-klima, b’riformi ewlenin dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam u d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq. Ir-riformi u l-investimenti mistennija li jiddekarbonizzaw b’mod sinifikanti s-settur tal-enerġija u jisfruttaw il-potenzjal għall-użu ta’ sorsi rinnovabbli. L-enfasi qawwija fuq l-effiċjenza enerġetika tal-bini privat u pubbliku, id-diġitalizzazzjoni tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija u l-użu ta’ infrastrutturi tal-iċċarġjar elettriku, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ekonomija ċirkolari, se jiffaċilitaw ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika fis-setturi kollha tal-ekonomija. Il-pjan jikkontribwixxi wkoll għat-tranżizzjoni diġitali. Il-miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi diġitali huma preżenti fil-pjan kollu, fil-komponenti differenti kollha u jiffukaw fuq id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (inklużi s-saħħa, il-ġustizzja, l-ambjent, l-impjiegi u l-protezzjoni soċjali) u n-negozji, il-konnettività, iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali.

(10)Diversi komponenti fil-pjan għandhom il-potenzjal li jrawmu tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Il-pjan fih sensiela ta’ miżuri, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji ġodda u l-ħolqien ta’ Bank Nazzjonali għall-Iżvilupp li mistennija jappoġġaw direttament jew indirettament l-investimenti privati, inkluż għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), iżidu l-kapaċità tal-pajjiż biex jattira l-investiment u joħloq negozji u impjiegi ġodda. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jsaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali permezz ta’ riformi importanti tal-amministrazzjoni tat-taxxa, tal-qafas tat-taxxa, tal-ġestjoni fiskali u tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-pjan jipprevedi li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali permezz ta’ miżuri strutturali fis-suq tax-xogħol u riformi u investimenti importanti mmirati kemm għall-iżvilupp urban kif ukoll rurali, li huma mistennija li jnaqqsu d-disparitajiet territorjali fil-livell reġjonali, intrareġjonali u bejn il-kontej.

(11)Ir-riformi u l-investimenti proposti huma mistennija li jsaħħu r-reżiljenza ġenerali tas-sistema tas-saħħa, inkluża d-diġitalizzazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, il-miżuri fil-pjan għandhom l-għan li jgħinu lill-ġenerazzjonijiet li jmiss prinċipalment billi jindirizzaw l-isfidi f’termini ta’ kwalità, ekwità u infrastruttura fis-sistema edukattiva. It-titjib tal-infrastruttura tal-iskola u tal-università f’żoni urbani u rurali, id-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni u sistema ta’ għotjiet biex titnaqqas ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola huma l-miżuri ewlenin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

(12)Skont l-Artikoli 19(3)(b) u tal-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP mistenni jikkontribwixxi għall-indirizzar effettiv tal-isfidi kollha, jew subsett sinifikanti minnhom (Klassifikazzjoni A), identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lir-Rumanija, inklużi l-aspetti fiskali u r-rakkomandazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, jew tal-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-RRP tar-Rumanija, minkejja l-fatt li r-Rumanija ġeneralment wieġbet b’mod adegwat u suffiċjenti għall-ħtieġa immedjata li tappoġġa l-ekonomija permezz ta’ mezzi fiskali fl-2020 u l-2021, f’konformità mal-klawsola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Ir-rakkomandazzjonijiet irreferew ukoll għall-ħtieġa li r-Rumanija ssegwi politiki fiskali f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024, bi skadenza sal-15 ta’ Ottubru 2021 biex ir-Rumanija tieħu azzjoni effettiva u tirrapporta dwar l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni tagħha. 

(13)Il-pjan jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lir-Rumanija mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u fl-2020. B’mod partikolari, ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan mistennija jagħtu kontribut fl-oqsma tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u tas-sistema tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa, tal-amministrazzjoni pubblika, tal-ambjent tan-negozju, tal-edukazzjoni, u tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

(14)Id-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-amministrazzjoni tat-taxxa u t-tneħħija gradwali tal-inċentivi eċċessivi tat-taxxa, kif ukoll qafas fiskali mtejjeb, se jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà u l-ġustizzja tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi. Ir-riformi fil-kura tas-saħħa, akkumpanjati minn investimenti fid-diġitalizzazzjoni, mistennija jtejbu l-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-kosteffiċjenza u r-reżiljenza tagħha.

(15)It-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza, l-ippjanar fit-tul u l-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-proċess tal-akkwist pubbliku, it-tisħiħ tal-effettività u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni se jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika. Ir-riformi dwar l-iffissar tal-paga minima, it-tisħiħ tal-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat u d-djalogu soċjali jindirizzaw ukoll rakkomandazzjonijiet dejjiema speċifiċi għall-pajjiż. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jiżviluppa sistema unitarja, inklużiva u ta’ kwalità ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal akkumpanjata minn investimenti fl-indukrar tat-tfal.

(16)Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 6569 tat-13 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija biex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-punti referenzjarju fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni huma maħsuba biex jiżguraw li r-Rumanija tikkonforma mal-valur tal-istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, u huma marbuta li jagħmlu dan. Ir-Rumanija hija meħtieġa tieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet li tindirizza dawk il-parametri referenzjarji, filwaqt li tqis, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-rapporti mfassla mill-Kummissjoni abbażi ta’ dik id-Deċiżjoni, u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula f’dawk ir-rapporti.

(17)Il-pjan jippromwovi investimenti sostenibbli u diġitali u jappoġġa attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Ir-riformi dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, dwar il-ħolqien ta’ cloud tal-gvern u l-użu tal-karta tal-identità elettronika jikkontribwixxu għall-appoġġ tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.

(18)Billi jindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq, l-RRP mistenni jikkontribwixxi wkoll għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi, li ġew identifikati fir-rakkomandazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 fl-2020, li r-Rumanija qed tesperjenza, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tat-telf fil-kompetittività tal-kostijiet, pożizzjoni esterna li qed tiddeterjora u defiċit fil-kont kurrenti li qed jiżdied, f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli.

Kontribut għall-potenzjal tat-tkabbir, għall-ħolqien tal-impjiegi u għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali

(19)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(c) u l-kriterju 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan mistenni jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tar-Rumanija, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq il-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.

(20)Simulazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni juru li l-RRP, flimkien mal-bqija tal-miżuri tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru, għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tar-Rumanija b’bejn 1,8 % u 2,9 % sal-2026, u dan jeskludi l-impatt pożittiv possibbli tar-riformi strutturali, li jista’ jkun sostanzjali.

(21)L-implimentazzjoni tar-riformi soċjali u edukattivi u l-investimenti mistennija jindirizzaw uħud mill-vulnerabbiltajiet u n-nuqqasijiet strutturali li ilhom jeżistu, u jiġi stimulat it-tkabbir. Il-pjan jinkludi miżuri biex tissaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika, jiġu appoġġati l-investimenti privati, b’mod partikolari għall-SMEs, u biex jissaħħaħ l-ambjent tan-negozju, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji.

(22)Ir-riformi tal-pjan fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol mistennija jappoġġaw suq tax-xogħol aktar b’saħħtu, li jiffavorixxi t-tkabbir. Ir-riformi ewlenin dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam u d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, u l-investimenti li jippromwovu t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali mistennija jagħtu spinta lill-kompetittività u jagħmlu l-ekonomija b’mod ġenerali aktar sostenibbli.

(23)Hemm sensiela ta’ miżuri li mistennija jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dawn jinkludu l-espansjoni tad-disponibbiltà ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità, it-twettiq tar-riforma tal-introjtu minimu tal-inklużjoni, ir-riformi tas-saħħa u l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kupuni, li għandha l-potenzjal li żżid il-parteċipazzjoni tal-persuni inattivi fis-suq tax-xogħol u l-aċċess għas-servizzi soċjali għall-ħaddiema li jkunu għadhom kif ġew impjegati.

(24)Ir-reżiljenza soċjali mistennija titjieb b’riżultat tar-riformi edukattivi u l-investimenti inklużi fil-pjan. Forza tax-xogħol b’ħiliet tajbin u t-tnaqqis tar-rata tat-tluq bikri mill-iskola mistennija li jwasslu għal ekonomija li tkun tiflaħ għal xokkijiet futuri filwaqt li l-popolazzjoni tkun aktar adattabbli għal xejriet ekonomiċi li qed jinbidlu.

(25)Il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu żdiedu matul it-tifqigħa tal-pandemija, u għad hemm disparitajiet reġjonali li jfisser li l-gruppi vulnerabbli jiġu affettwati aktar. Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ. Ir-riformi u l-investimenti mistennija jirrispondu għal problemi strutturali f’oqsma fejn il-kriżi pandemika ħalliet l-effetti tagħha, b’enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, u l-ambjent tan-negozju. Barra minn hekk, l-investimenti fl-infrastruttura bażika tat-trasport f’reġjuni tal-pajjiż li bħalissa mhumiex konnessi tajjeb u l-konnettività diġitali fiż-żoni rurali se jkunu kruċjali biex il-pajjiż jingħaqad iżjed.

La tagħmilx ħsara sinifikanti

(26)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(d) u l-kriterju 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP huwa mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inkluża fl-RRP ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).

(27)F’konformità mal-gwida teknika li tinsab fl-Avviż tal-Kummissjoni bl-isem “Gwida teknika dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ‘la tagħmilx ħsara sinifikanti’ fl-ambitu tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza” 5 ir-Rumanija tat evidenza u offriet assigurazzjonijiet li l-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inklużi fil-pjan mhumiex mistennija jwasslu għal ħsara sinifikanti għall-ebda wieħed mis-sitt objettivi ambjentali, jiġifieri l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, l-ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-protezzjoni u t-treġġigħ lura tal-bijodiversità u l-ekosistemi. Fejn meħtieġ, ir-Rumanija pproponiet l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiġi evitata ħsara sinifikanti, li jenħtieġ li tiġi żgurata permezz ta’ stadji importanti rilevanti.

(28)Ingħatat attenzjoni partikolari lill-miżuri b’impatt fuq l-objettivi ambjentali jitlob għal skrutinju mill-qrib. B’mod partikolari, l-investimenti fit-toroq huma akkumpanjati minn riforma ewlenija dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, li tkopri miżuri ta’ tassazzjoni ekoloġika, inċentivi għal vetturi b’emissjonijiet żero, skrappjar ta’ vetturi li jniġġsu, miżuri ta’ sikurezza fit-toroq u żieda sinifikanti ħafna fl-istazzjonijiet tal-iċċarġjar elettriku. Il-pjan juri wkoll li l-bini tan-network ta’ distribuzzjoni li jippermetti t-trasport tal-idroġenu ekoloġiku fir-reġjun ta’ Oltenia huwa validu għall-futur, peress li fl-2030 se jġorr 100 % ta’ idroġenu rinnovabbli u/jew gassijiet rinnovabbli oħra, li jibda b’mill-inqas 20 % tal-idroġenu rinnovabbli meta jiġi kkummissjonat sat-30 ta’ Ġunju 2026. Dawn il-kundizzjonijiet jiġu vverifikati permezz ta’ stadji intermedji fiż-żmien tal-għoti tal-kuntratt. Il-konformità mal-prinċipju la tagħmilx ħsara sinifikanti (DNSH, do no significant harm) tal-investimenti fis-Sħana u l-Enerġija Kkombinati mħaddma bil-gass li jippermettu l-użu ta’ sorsi rinnovabbli u gassijiet b’livell baxx ta’ karbonju hija żgurata permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Idroġenu u l-installazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, l-għeluq ta’ faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam u l-linjite u tas-sħana, ammont sinifikanti ta’ kapaċità addizzjonali ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u riformi u investimenti konkreti biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli. L-iskart li jirriżulta mir-rinnovazzjoni mistenni jiġi ttrattat skont il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari. Jenħtieġ li l-miżuri fit-trattament tal-iskart/riċiklaġġ ma jkunux jinkludu investimenti fl-inċinerazzjoni jew fit-trattament mekkaniku bijoloġiku f’konformità mal-prinċipju li ma ssir l-ebda ħsara sinifikanti. Il-miżuri mmirati lejn is-sostituzzjoni tal-flotta tal-vetturi jiżguraw li l-vetturi nodfa biss ikunu eliġibbli għall-finanzjament. Fl-aħħar nett, l-investimenti fil-ġestjoni tal-ilma mhumiex mistennija jwasslu għad-deterjorament tal-istat ekoloġiku tal-korpi tal-ilma affettwati, billi jitqiesu l-konstatazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali komprensiva u kumulattiva li għandha titwettaq għall-fini ta’ dawn l-investimenti.

Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(e) u l-kriterju 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jwasslu għal ammont li jirrappreżenta 41 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza kkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021–2030.

(30)L-RRP jinkludi riformi u investimenti fit-tul li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-pjan jinkludi riforma dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-produzzjoni tal-enerġija mill-faħam u l-linjite sal-2032, li hija kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u biex jiġi sfruttat il-potenzjal għall-użu tal-enerġija rinnovabbli. Ir-riformi ewlenin li jippromwovu t-trasport sostenibbli jinkludu d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, it-tassazzjoni ekoloġika, l-inċentivi għall-vetturi b’emissjonijiet żero, il-bidla modali lejn il-ferroviji u t-trasport fuq l-ilma, u miżuri li jippromwovu s-sikurezza fit-toroq. Il-pjan għandha wkoll enfasi qawwija fuq l-effiċjenza enerġetika tal-bini privat u pubbliku. L-introduzzjoni tal-ippjanar baġitarju ekoloġiku, id-diġitalizzazzjoni tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija u l-użu ta’ infrastrutturi tal-iċċarġjar elettriku, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ekonomija ċirkolari, se jiffaċilitaw ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika fis-setturi kollha tal-ekonomija.

(31)B’diversi riformi u investimenti fis-settur tal-forestrija, bħall-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Foresti u r-rikostruzzjoni ekoloġika tal-ħabitats u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet, il-pjan mistenni wkoll li jikkontribwixxi għall-konservazzjoni u t-treġġigħ lura tal-bijodiversità. L-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fl-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid tal-materjali u t-tnaqqis tal-iskart għandhom l-għan li jiżguraw it-tranżizzjoni tar-Rumanija lejn ekonomija ċirkolari sal-2030.

Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(32)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(f) u l-kriterju 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jwasslu għal ammont li jirrappreżenta 20,5 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP kkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/241.

(33)Il-pjan mistenni li jindirizza l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni relatati mal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jipproponi pakkett komprensiv ta’ riformi u investimenti sabiex jiġu pprovduti servizzi siguri, interoperabbli, kosteffiċjenti u rapidi ffukati fuq l-utent għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-pjan jinkludi Liġi ġdida dwar l-Interoperabbiltà tas-Sistemi tal-Informazzjoni li mistennija tagħti dettalji dwar is-sett uniformi ta’ standards u regoli li l-entitajiet pubbliċi mistennija japplikaw għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet f’ambjent sigur u sostenibbli, Att dwar il-Cloud tal-Gvern li jistabbilixxi r-responsabbiltajiet u l-kompiti rigward id-disinn, l-implimentazzjoni, l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-infrastruttura, it-teknoloġiji u s-servizzi tal-cloud, l-istrateġija taċ-ċibersigurtà u riforma li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tas-Sett ta’ Għodod Komuni tal-Unjoni għall-Konnettività kif ukoll il-liġi tas-sigurtà tal-5G, li tistabbilixxi l-bażi għall-iskjerament tal-5G. Ir-riformi huma mirfuda minn firxa wiesgħa ta’ investimenti ewlenin, bħall-iżvilupp tal-cloud tal-gvern, id-diġitalizzazzjoni tas-saħħa, tal-ġudikatura, tal-ambjent, tal-impjiegi u tal-protezzjoni soċjali, l-akkwist pubbliku, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, il-konnettività għaż-żoni bojod, l-iżgurar taċ-ċibersigurtà għal strutturi differenti u ż-żieda tal-ħiliet diġitali kemm għall-impjegati taċ-ċivil kif ukoll għall-popolazzjoni inġenerali. It-tnedija tal-karta tal-identità elettronika hija mistennija li tiffaċilita l-interazzjoni diġitali bejn l-entitajiet pubbliċi/privati u ċ-ċittadini. Barra minn hekk, bl-inklużjoni tad-definizzjoni ta’ impjiegi diġitali ġodda fil-Kodiċi tal-Klassifikazzjonijiet tal-Impjiegi, is-suq tax-xogħol mistenni jallinja ruħu mal-aħħar żviluppi fis-settur diġitali.

(34)Il-pjan jappoġġa wkoll id-diġitalizzazzjoni tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija u jiffaċilita l-konformità min-naħa tal-kontribwenti permezz tal-iżvilupp ta’ servizzi diġitali, l-aġġornament tas-sistemi u l-applikazzjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana. Is-settur tan-negozju se jibbenefika minn investimenti sinifikanti bil-għan li jaċċelleraw id-diġitalizzazzjoni kemm tal-SMEs kif ukoll tal-kumpaniji l-kbar b’enfasi fuq l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati (bħall-blockchain, il-computing kwantistiku, il-cloud computing, l-intelliġenza artifiċjali). Riforma sottostanti hija mistennija li tirrazzjonalizza, tissimplifika u tiddiġitalizza kompletament ir-rekwiżiti regolatorji relatati man-negozju (bħat-twaqqif ta’ kumpanija, il-ħruġ mis-suq/l-għeluq ta’ negozju kif ukoll għar-rekwiżiti regolatorji għar-rapportar tal-obbligi tas-suq tax-xogħol għall-kumpaniji). Fir-rigward tal-edukazzjoni, ir-riformi jinkludu standards għall-iżgurar tal-kwalità tal-attivitajiet edukattivi online u l-allinjament tas-sistema edukattiva mal-qafas Ewropew għall-kompetenzi diġitali għall-istudenti, DigComp. L-investimenti korrispondenti jindirizzaw l-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ taħriġ tematiku, għall-kompetenzi tal-litteriżmu diġitali u l-pedagoġija diġitali b’mod partikolari għall-għalliema f’żoni rurali u ambjenti żvantaġġati oħrajn, għotjiet għal-laboratorji tal-informatika u ċentri intelliġenti, l-iżvilupp ta’ riżorsi edukattivi miftuħa u skemi għad-diġitalizzazzjoni tal-universitajiet.

(35)Il-komponenti kollha tal-Pjan jinkludu miżuri b’kontribuzzjoni diretta għat-trasformazzjoni diġitali jew li jindirizzaw l-isfidi relatati. Il-komponenti ewlenin huma t-trasformazzjoni diġitali, segwita mill-edukazzjoni, mit-trasport sostenibbli u mill-appoġġ għan-negozji u r-RŻI. Il-miżuri li jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali mistennija jtejbu l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, iżidu l-kompetittività tan-negozji u jarmaw lil partijiet mill-popolazzjoni (notevolment lill-istudenti, lill-għalliema u lill-ħaddiema taċ-ċivil) b’ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati, li jħalli effett ta’ sinerġija fuq l-ekonomija kollha kemm hi. Id-dimensjoni diġitali hija msaħħa b’dimensjoni transfruntiera, peress li r-Rumanija hija mistennija tipparteċipa fi proġett multinazzjonali dwar proċessuri b’konsum baxx tal-enerġija u ċipep semikondutturi ppjanati bħala Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni.

Impatt dejjiemi

(36)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(g) u l-kriterju 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP mistenni jkollu impatt fit-tul fuq ir-Rumanija (Klassifikazzjoni A).

(37)Ir-riformi proposti fil-pjan mistennija li jikkontribwixxu għall-kapaċità tar-Rumanija li tikseb riżultati fit-tul u bidla strutturali. Ir-riforma dwar ir-reklutaġġ, il-pagi u l-progress fil-karriera fis-settur pubbliku mistennija li tattira riżorsi umani tas-sengħa u professjonali. Ir-rieżami indipendenti u l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin mistennija li jittrasformaw is-sistema tat-taxxa f’waħda aktar ġusta u aktar effiċjenti. Ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet mistennija tagħmel is-sistema aktar ġusta u aktar sostenibbli. Ir-riforma tas-settur tal-enerġija mistennija tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija. L-użu aktar mifrux ta’ tassazzjoni ekoloġika mistenni li jinċentivizza liċ-ċittadini u lill-kumpaniji biex jadottaw imġiba aktar ambjentalment sostenibbli, filwaqt li jagħmel is-sistema tat-tassazzjoni aktar ġusta għal dawk li ma jniġġsux. L-istabbiliment ta’ żoni metropolitani u konsorzji rurali huwa mistenni li jwessa’ l-għodod ta’ politika disponibbli għall-muniċipalitajiet ġirien biex jiffaċċjaw kwistjonijiet transfruntiera — bħall-konġestjoni tat-traffiku, it-tniġġis tal-arja, il-ġestjoni tal-ilma u l-politika tad-djar. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet legali se jinkoraġġixxu l-amalgamazzjoni volontarja tal-istituzzjonijiet tar-riċerka, u b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni tal-pajjiż.

(38)Il-pjan fih investimenti li mistennija jkollhom impatt dejjiemi, li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija. Il-miżuri relatati mas-settur diġitali fil-pjan huma mfassla biex iżidu l-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet rilevanti, li mistenni jkollu impatt dejjiemi fuq il-kwalità tas-servizzi, l-ambjent tan-negozju u l-aħjar użu tad-data tal-gvern. Dan jikkonċerna oqsma essenzjali bħas-sistema ġudizzjarja, is-sigurtà soċjali, is-sistema tas-saħħa, il-qafas jew il-pjattaformi taċ-ċibersigurtà biex jittejbu l-interazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u ċ-ċittadini jew in-negozji. Il-pjan ikompli jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika fir-Rumanija. L-eżiti pożittivi tas-suq tax-xogħol huma mistennija jseħħu bħala riżultat tal-komplementarjetajiet bejn l-introduzzjoni tal-iskema ta’ kupuni għall-ħaddiema domestiċi, it-titjib tas-servizzi diġitali pprovduti mis-servizzi tal-impjiegi, u t-tnedija ta’ programmi għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. Il-kwalità tal-kura tas-saħħa pubblika u l-aċċess għall-kura tas-saħħa mistennija jiżdiedu bħala riżultat tal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ żborż ibbażata fuq il-prestazzjoni għall-fornituri tal-kura tas-saħħa, tal-ġestjoni mtejba tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u tal-investimenti fl-infrastruttura tal-kura tas-saħħa. Bl-istabbiliment tat-task force li timplimenta u timmonitorja r-riformi u l-investimenti tat-trasformazzjoni diġitali, l-impjegati taċ-ċivil mistennija jiżviluppaw ħiliet diġitali speċifiċi, u dan jippermetti titjib kontinwu fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità.

(39)L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn l-RRP u programmi oħra, inklużi dawk iffinanzjati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati b’mod sostantiv l-isfidi territorjali b’għeruq fondi u jiġi promoss żvilupp ibbilanċjat.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

(40)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(h) u l-kriterju 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fl-RRP huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-RRP, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, u l-indikaturi relatati.

(41)Huwa maħsub li l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-RRP se jkollhom governanza f’diversi livelli. Fil-livell ċentrali, il-koordinazzjoni hija żgurata mill-Kumitat Interministerjali għall-Koordinazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, responsabbli biex jeżamina l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Ministeru tal-Investiment u l-Proġetti Ewropej (MIPE). Il-MIPE jinħatar bħala l-koordinatur nazzjonali għat-tħejjija, in-negozjar u l-approvazzjoni tal-pjan, megħjun mill-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi (għal kompiti relatati mal-iffirmar tal-ftehim tas-self u l-ftehim ta’ finanzjament). Dan il-kompitu għandu jsir permezz ta’ struttura speċjalizzata fi ħdan l-MIPE. L-implimentazzjoni tal-RRP għandha tiġi żgurata mill-ministeri kompetenti u l-istrutturi subordinati tagħhom, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ finanzjament mal-MIPE. Il-kuntratti għandhom jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-monitoraġġ tal-investimenti u r-riformi, mal-eżekuzzjoni tal-ippjanar finanzjarju kif ukoll mal-obbligi ta’ rapportar. Il-pjan jipprevedi wkoll li korp indipendenti tal-awditjar se jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-awditjar u l-kontroll. Dan il-korp huwa l-istess awtorità tal-awditjar bħal dik użata għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u huwa indipendenti mill-korp ta’ koordinazzjoni u l-istituzzjonijiet responsabbli mill-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, inkluż permezz tar-reklutaġġ ta’ riżorsi umani addizzjonali għandu jkun minqux f’att legali, bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tal-miżuri tal-pjan. Il-mudell ta’ governanza jipprevedi l-għoti ta’ responsabbiltajiet ċari għall-implimentazzjoni tal-pjan, għall-monitoraġġ tal-progress u għar-rapportar. L-istadji importanti u l-miri tal-pjan Rumen huma ċari u realistiċi, u jirriflettu b’mod adegwat l-investimenti u r-riformi previsti fil-pjan. L-indikaturi huma rilevanti, aċċettabbli u robusti biżżejjed. L-istadji importanti u l-miri huma rilevanti wkoll għall-miżuri li diġà tlestew u li huma eliġibbli skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2021/241. It-twettiq sodisfaċenti ta’ dawn l-istadji importanti u l-miri maż-żmien huwa meħtieġ biex tiġi ġġustifikata talba ta’ żborż.

(42)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju taħt il-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-appoġġ tekniku jista’ jintalab fil-kuntest tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-RRPs tagħhom.

Ikkostjar

(43)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(i) u l-kriterju 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fl-RRP dwar l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP hija moderatament (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(44)L-informazzjoni u l-evidenza dwar il-kostijiet totali stmati ppreżentati huma, fil-biċċa l-kbira, dettaljati u ċari għall-maġġoranza tal-miżuri. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-Rumanija pprovdiet informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment attwali jew simili fil-passat, jew dwar data komparattiva tal-kostijiet tal-fatturi ewlenin tal-kostijiet li jippermettu li jiġu sostanzjati l-biċċa l-kbira tal-istimi tal-ispejjeż. Għall-biċċa l-kbira tal-miżuri, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż totali stmati tinkludi evidenza ta’ sostenn ċara jew referenzi rilevanti li jiġġustifikaw il-kostijiet unitarji ta’ referenza applikati. Fir-rigward ta’ ċerti miżuri, aktar informazzjoni li tippreżenta stimi u ġustifikazzjonijiet aktar dettaljati setgħet iżżid il-livell ta’ assigurazzjoni li l-kostijiet huma raġonevoli u plawżibbli. Peress li, għal dawk l-istimi tal-kostijiet, il-metodoloġija użata mhijiex spjegata tajjeb biżżejjed u r-rabta bejn il-ġustifikazzjoni u l-kost innifsu xi drabi mhijiex ċara għalkollox, il-klassifikazzjoni għall-kriterju tal-valutazzjoni tal-ikkostjar hija medja. Ir-Rumanija tat biżżejjed informazzjoni u evidenza li l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li għandu jiġi ffinanzjat skont il-Faċilità mhuwiex kopert minn finanzjament eżistenti jew ippjanat tal-Unjoni; Fl-aħħar nett, il-kostijiet totali stmati tal-RRPs huma konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u huma proporzjonati mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

(45)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (j), u l-kriterju 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fl-RRP huma adegwati (Klassifikazzjoni A) għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi previsti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u programmi oħra tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra li jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 .

(46)Is-sistema ta’ kontroll intern deskritta fl-RRP hija bbażata fuq proċessi u strutturi robusti, u tidentifika b’mod ċar l-atturi u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom għat-twettiq tal-kompiti ta’ kontroll intern. Is-sistema ta’ kontroll intern u arranġamenti rilevanti oħra, inkluż għall-ġbir u d-disponibbiltà ta’ data dwar ir-riċevituri finali huma mistennija li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi, il-kunflitti ta’ interess meta jintużaw il-fondi skont ir-Regolament (UE) 2021/241 u li jevitaw finanzjament doppju skont dak ir-Regolament u programmi oħra tal-Unjoni. Trid tinħoloq sistema repożitorja għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità li tkun bdiet taħdem sa meta ssir l-ewwel talba għall-ħlas. Objettiv intermedju mistenni jiżgura li s-sistema tinkludi, bħala minimu, il-funzjonalitajiet li ġejjin: (a) il-ġbir ta’ data u l-monitoraġġ tal-kisba tal-objettivi intermedji u l-miri; u (b) l-ġbir, il-ħażna u l-iżgurar tal-aċċess għad-data stipulati fl-Artikolu 22(2) punt (d) (i) sa (iii) tar-Regolament.

(47)Se jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli relatati mal-akkwist pubbliku, biex tiġi evitata l-korruzzjoni u biex jitħarsu l-interessi finanzjarji. L-Awtorità tal-Awditjar mill-Qorti tal-Awdituri bbażat l-approċċ tal-awditjar tagħha fuq strateġija tas-sistema li tkopri kemm is-sistema fis-seħħ għar-rapportar tal-objettivi intermedji u l-miri, kif ukoll is-sistema ta’ kontroll intern għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, il-kunflitt ta’ interess, il-korruzzjoni u l-finanzjament doppju. Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-kapaċità amministrattiva tal-korpi li se jimmonitorjaw, jikkontrollaw u jimplimentaw il-pjan fir-Rumanija, kif ukoll dawk il-korpi li għandhom jagħmlu attivitajiet ta’ awditjar. Jagħti wkoll informazzjoni dwar il-mandat legali tad-diversi korpi. L-approvazzjoni ta’ mandat legali sħiħ għall-korp ta’ koordinazzjoni u l-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi, inklużi l-attivitajiet eżatti li għandhom jitwettqu mill-korp tal-awditjar, hija mistennija li sseħħ biss wara l-approvazzjoni tal-pjan. Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tal-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern dwar il-mekkaniżmu finanzjarju, ta’ implimentazzjoni, ta’ kontroll u ta’ awditjar qed jiġi introdott bħala objettiv intermedju li għandu jiġi ssodisfat qabel is-sottomissjoni tal-ewwel talba għal pagament.

Koerenza tal-RRP

(48)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (k) u l-kriterju 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP jinkludi fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) miżurigħall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet konkreti.

(49)Il-pjan huwa strutturat madwar sitt pilastri koerenti li jappoġġaw l-istimolu tal-irkupru tal-ekonomija Rumena, il-kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħha u ż-żieda fir-reżiljenza tagħha fit-triq lejn tkabbir aktar sostenibbli u inklużiv. Kull pilastru huwa mibni madwar komponenti inklużi pakketti konsistenti ta’ riformi u investimenti li jsaħħu u jkunu komplementari għal xulxin. Il-pilastri kollha għandhom għanijiet komplementari u koerenti. Il-pjan ma jippreżentax inkonsistenzi jew kontradizzjonijiet bejn il-pilastri jew il-komponenti. L-investimenti kbar fl-infrastrutturi tat-toroq huma akkumpanjati minn miżuri ta’ sostenn għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq u għalhekk huma koerenti mal-objettivi tal-pilastru ta’ tranżizzjoni ekoloġika. Bl-istess mod, l-investimenti fl-infrastrutturi tal-gass u l-produzzjoni tal-enerġija jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn settur tal-enerġija dekarbonizzat, fil-kuntest tar-riforma dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam. Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti komplementarjetajiet sistematiċi mal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni hija evidenti u l-eżempji huma ppreżentati fil-komponenti. Il-linji ta’ demarkazzjoni huma żviluppati biżżejjed u għandhom jitqiesu wkoll għall-finalizzazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni.

Ugwaljanza

(50)L-RRP fih sensiela ta’ miżuri li mistennija jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-pajjiż fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Dawn jinkludu miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità, inkluż fir-rigward tal-aċċessibbiltà għat-trasport, il-bini u s-servizzi pubbliċi diġitali. Dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-pjan jinkludi miżuri mmirati lejn l-ugwaljanza tal-età tal-irtirar maż-żmien, kif ukoll limitu minimu għall-parteċipazzjoni tan-nisa fi programmi ta’ taħriġ ta’ 50 % għall-programmi ta’ żvilupp tal-ħiliet diġitali. Il-pjan fih ukoll miri li jistimulaw il-parteċipazzjoni ta’ persuni vulnerabbli (inklużi persuni b’diżabbiltà, persuni anzjani kif ukoll Rom jew minoranzi oħra) fis-suq tax-xogħol.

Awtovalutazzjoni tas-sigurtà

(51)F’konformità mal-Artikolu 18(4), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi awtovalutazzjoni tas-sigurtà għal investimenti relatati ma’ networks tal-cloud tal-gvern u tal-5G. Fir-rigward tal-cloud tal-gvern, ir-Rumanija telenka r-riskji relatati mal-governanza, l-istrateġija tat-twassil tas-servizzi, l-implimentazzjoni tal-arkitettura, is-sigurtà tal-infrastruttura, il-kontroll tal-aċċess u l-ġestjoni tal-identità, il-ġestjoni tal-informazzjoni u tad-data, l-operazzjonijiet tal-IT, il-ġestjoni tal-fornituri tat-teknoloġija, u s-sostenibbiltà, inklużi l-miżuri possibbli għall-mitigazzjoni tar-riskji. Fir-rigward tal-miżuri ta’ konnettività, b’mod partikolari għall-użu tan-netwerks tal-5G, ix-xenarji tar-riskju huma relatati ma’ miżuri ta’ sigurtà insuffiċjenti, il-katina tal-provvista tal-5G, ix-xenarji ta’ riskju relatati mal-modus operandi ta’ awturi ewlenin tat-theddid, ir-riskji b’rabta mal-interdipendenzi bejn in-networks tal-5G u sistemi kritiċi oħra, ix-xenarji tar-riskju tal-utent finali tal-apparat. Il-miżuri ta’ mitigazzjoni jinkludu l-iżvilupp ta’ qafas regolatorju nazzjonali taċ-ċibersigurtà u att dwar id-difiża u ċ-ċibersigurtà, fost l-oħrajn. Il-pjan jinkludi wkoll riformi li jimplimentaw l-Għodod Komuni tal-Unjoni għall-Konnettività u d-dħul fis-seħħ tal-liġi tas-sigurtà tal-5G.

Proġetti transfruntiera u li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed

(52)Il-pjan jinkludi investimenti tul il-kurituri tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T). Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ mill-anqas 315-il km mis-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku mistenni jippermetti l-interoperabbiltà mas-sistemi ferrovjarji ta’ Stati Membri oħra. Il-pjan jipprevedi wkoll li jappoġġa l-parteċipazzjoni ta’ impriżi Rumeni fil-proġett multinazzjonali dwar Proċessuri b’konsum baxx tal-enerġija u Ċipep Semikondutturi mistenni li jiġi implimentat l-aktar permezz tal-parteċipazzjoni jew l-assoċjazzjoni ma’ Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni.

Proċess ta’ Konsultazzjoni

(53)Il-pjan jgħid li r-Rumanija kkonsultat firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità tan-negozju u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Matul Frar 2021 il-Gvern Rumen organizza 12-il avveniment ta’ konsultazzjoni pubblika, kif ukoll 20 laqgħa interministerjali sabiex jipprijoritizza l-investimenti u r-riformi li għandhom jiġu inklużi fl-RRP. Wara l-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u interministerjali, l-abbozz tal-pjan ġie ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika u ġie ppreżentat fil-qosor lill-Parlament qabel ma ġie adottat mill-Gvern u sussegwentement ġie ppreżentat lill-Kummissjoni.

(54)Sabiex tiġi żgurata s-sjieda mill-atturi rilevanti, huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.

Valutazzjoni pożittiva

(55)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni dwar l-RRP Rumen bil-konstatazzjoni li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP, l-objettivi intermedji, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ self mhux ripagabbli.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(56)Il-kost totali stmat tal-RRP tar-Rumanija huwa ta’ EUR 29 181 842 750. Billi l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-pjan huwa anqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli tar-Rumanija, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija tkun ugwali għall-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-pjan tar-Rumanija.

(57)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tar-Rumanija irid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, skont l-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, issa jenħtieġ li ammont għar-Rumanija li ma jaqbiżx il-kontribuzzjoni finanzjarja massima msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jsir disponibbli għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, ikkalkolata skont l-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament, mingħajr dewmien żejjed.

(58)Barra minn hekk, sabiex jiġu appoġġati riformi u investimenti addizzjonali, ir-Rumanija talbet appoġġ fil-forma ta’ self. Il-volum massimu tas-self mitlub mir-Rumanija huwa inqas minn 6,8 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-2019 tagħha fi prezzijiet attwali. L-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-pjan huwa anqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għar-Rumanija u l-appoġġ mitlub fil-forma ta’ self.

(59)L-appoġġ li għandu jingħata għandu jiġi ffinanzjat mill-għoti b’self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni abbażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 8 . L-appoġġ jenħtieġ li titħallas f’pagamenti parzjali ladarba r-Rumanija tkun wettqet l-istadji importanti rilevanti b’mod sodisfaċenti u l-miri identifikati b’rabta mal-implimentazzjoni tal-pjan.

(60)Ir-Rumanija talbet prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja u ta’ 13 % tas-self. Jenħtieġ li dak l-ammont isir disponibbli għar-Rumanija soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-ftehim previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 (il-“ftehim ta’ finanzjament”) u l-ftehim ta’ self previst fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament (il-“ftehim ta’ self”).

(61)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor bl-esklużjoni tal-Faċilità jew ta’ proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP tar-Rumanija fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inkluż l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti u l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament tas-self, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Rumanija kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura li jammonta għal EUR 14 239 689 750. Ammont ta’ EUR 10 211 538 399 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022 9 . L-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 jirriżulta f’kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata għar-Rumanija li hija indaqs jew ogħla minn EUR 14 239 689 750, ammont ulterjuri ta’ EUR 4 028 151 351 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Jekk l-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2021/241 jirriżulta f’kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata għar-Rumanija li tkun inqas minn EUR 14 239 689 750, id-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata u l-ammont ta’ EUR 10 211 538 399 għandha tkun disponibbli biex tkun legalment impenjata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) 2021/241 mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għar-Rumanija fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. L-ammont ta’ EUR 1 851 159 668 għandu jsir disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u l-ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

3.Il-prefinanzjament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ finanzjament u f’konformità miegħu. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-ftehim ta’ finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li r-Rumanija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-RRP. Sabiex tkun eliġibbli għal pagament, ir-Rumanija għandha tilħaq l-objettivi intermedji u l-miri sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026, soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3
Appoġġ fil-forma ta’ self

1.L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lir-Rumanija li jammonta għal massimu ta’ EUR 14 942 153 000.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-appoġġ fil-forma ta’ self disponibbli għar-Rumanija fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Ammont ta’ EUR 1 942 479 890 għandu jsir disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 % tas-self. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u l-ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

3.Il-prefinanzjament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim għas-self u f’konformità miegħu. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Self għandu jkun kondizzjonali fuq il-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li r-Rumanija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri addizzjonali koperti bis-self u identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-RRP. Sabiex tkun eliġibbli għall-pagament, ir-Rumanija għandha tlesti l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.

Artikolu 4
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25)
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I , 22.12.2020, p. 23–27)
(4)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13)
(5)    ĠU C 58, 18.2.2021, p. 1.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).
(8)    ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(9)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjoni finanzjarja wara t-tnaqqis tas-sehem proporzjonali tar-Rumanija tal-kostijiet tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.