11.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 52/13


DEĊIŻJONI Nru H7

tal-25 ta’ Ġunju 2015

dwar ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Nru H3 li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim bejn il-KE u l-Iżvizzera)

(2016/C 52/08)

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha r-responsabbiltà li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi jew il-mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’sigurtà soċjali (2),

Billi:

(1)

Il-Paragrafu 8 tad-Deċiżjoni Nru H3 (3) jeħtieġ reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni sena wara li jkunu bdew japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009.

(2)

It-terminoloġija li tintuża fid-Deċiżjoni H3 għandha tkun konsistenti biex kollox ikun ċar. Għalhekk, kull fejn tintuża l-espressjoni “(i)ppubblikat(a) għal”, din għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni “(i)ppubblikat(a) nhar il-”. Meta tintuża l-espressjoni “konverżjoni applikabbli”, din għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni “konverżjoni ppubblikata”.

(3)

Il-kliem li ntuża fil-paragrafu 6 tad-Deċiżjoni Nru H3 kkawża d-diffikultajiet biex ġie interpretat u ġie applikat b’modi differenti minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk jeħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi emendata biex tkun ċara l-proċedura li għandha tiġi applikata,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

1.

Fil-paragrafu 3 a) u 3 b) tad-Deċiżjoni Nru H3 l-espressjoni “(i)ppubblikat(a) għal” tiġi sostitwita minn “(i)ppubblikat(a) nhar il-”.

2.

Fil-paragrafu 5 tad-Deċiżjoni Nru H3 l-espressjoni “konverżjoni applikabbli” tiġi ssostitwita minn “konverżjoni ppubblikata”.

3.

Il-Paragrafu 6 tad-Deċiżjoni Nru H3 hija ssostitwita minn:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, id-data li għandha titqies biex tiġi kkalkulata r-rata tal-kambju applikabbli bejn żewġ muniti, għandha tkun:

(a)

fil-każ li jkun hemm talba għal tpaċija mill-arretrati/pagamenti għaddejjin, il-jum tax-xogħol eżatt qabel il-jum li fih il-parti applikanti tkun bagħtet l-aħħar talba għat-tpaċija mill-arretrati/pagamenti għaddejjin; jew

(b)

fil-każ li jkun hemm talba għal irkupru, il-jum tax-xogħol eżatt qabel il-jum li fih il-parti applikanti tkun bagħtet l-ewwel talba għall-irkupru.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, jum tax-xogħol jirreferi għall-jum tax-xogħol meta l-Bank Ċentrali Ewropew jippubblika r-rati ta’ referenza għall-kambju għal kull jum.”

4.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha.

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Liene RAMANE


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(3)  Deċiżjoni Nru H3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 106, 24.4.2010, p. 56).