|
8.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
689 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-8 ta' Mejju 2006
li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tipprojbixxi fit-territorju tagħha l-użu ta' sittax-il varjetà ġenetikament modifikata tal-qamħirrum bil-modifika ġenetika MON 810 mniżżla fil-katalogu komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċijiet ta' pjanti agrikoli, skond id-Direttiva 2002/53/KE
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 1795)
(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)
(2006/335/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalogu komuni ta' varjetajiet ta' speċijiet ta' pjanti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(2)(b) tagħha,
Billi:
|
(1) |
F'konformità ma' l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/53/KE, fis-17 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni ppubblikat fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea elenku ta' sbatax-il varjetà ġenetikament modifikata tal-qamħirrum li huma dderivati mill-organiżmu ġenetikament modifikat MON 810, fit-13-il suppliment għat-22 edizzjoni sħiħa tal-katalogu komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċijiet ta' pjanti agrikoli (2). |
|
(2) |
Skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva msemmija, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li, b'effett mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17, iż-żrieragħ ta' varjetajiet aċċettati f'konformità ma' dik id-Direttiva jew skond il-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta' dik id-Direttiva, f'dak li jirrigwarda t-tqegħid fis-suq tagħhom, mhumiex suġġetti għal xi restrizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-varjetà. |
|
(3) |
Skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva msemmija, varjetajiet ġenetikament immodifikati jiġu aċċettati għall-inklużjoni f'katalogu nazzjonali biss wara li jkunu ġew aċċettati għat-tqegħid fis-suq skond id-Direttiva 90/220/KEE (3), li postha issa ttieħed mid-Direttiva 2001/18/KE (4), li tipprovdi għall-evalwazzjoni tar-riskji li organiżmi ġenetikament modifikati jqajmu għas-saħħa umana u għall-ambjent. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat-22 ta' April 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L. linja MON 810), skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (5), iddeċidiet li jingħata l-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta' dak il-prodott. Fil-3 ta' Awissu 1998, l-awtoritajiet Franċiżi effettivament ippermettew it-tqegħid fuq is-suq ta' dak il-prodott. |
|
(5) |
Fil-31 ta' Marzu 2005, il-Kummissjoni rċeviet mingħand ir-Repubblika tal-Polonja talba għall-projbizzjoni, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2002/53/KE dwar l-użu u t-tqegħid fis-suq ta' materjal seminali minn sbatax-il varjetà ġenetikament modifikata tal-qamħirrum tal-linja MON 810. Talba modifikata ntbagħtet fl-24 ta' Ġunju 2005, bl-ispeċifikazzjoni li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 16(2)(b). Fid-9 ta' Diċembru 2005, il-Polonja infurmat lill-Kummmissjoni li t-talba ma tapplikax għall-varjetà Novelis imsemmija fit-talba oriġinali. Il-Polonja speċifikat ukoll li t-talba għall-bqija tal-varjetajiet hija għall-perjodu ta' żmien bla limitu. |
|
(6) |
Mit-tagħrif disponibbli dwar is-sittax-il varjetà kkonċernati, huwa magħruf li mhumiex tajbin għall-kultivazzjoni fi kwalunkwe parti mill-Plonja, minħabba l-klassi għolja wisq tal-maturità tagħhom, li hija talanqas ta' 350 fl-indiċi ta' l-FAO jew ekwivalenti. Il-fatturi klimatiċi u agrikoli kkonċernati jipprovdu ostaklu permanenti għall-kultivazzjoni ta' dawn il-varjetajiet fil-Polonja. |
|
(7) |
F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-applikazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi milqugħa fuq il-bażi ta' l-Artikolu 16(2)(b) fir-rigward tas-sittax-il varjetà ġenetikament modifikata tal-qamħirrum ikkonċernati. |
|
(8) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tinforma lill-Istati Membri l-oħra u taġġorna l-katalogu komuni tal-varjetajiet ta' l-ispeċijiet tal-pjanti li dwaru tiddisponi d-Direttiva 2002/53/KE, il-Polonja għandha tiġi awtorizzata tinforma lill-Kummissjoni meta tutilizza l-awtorizzazzjoni mogħtija b'din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Ir-Repubblika tal-Polonja għamlet talba simili għal varjetajiet ta' qamħirrum li mhumiex ġenetikament modifikati. Minħabba li talbiet bħal dawn huma rregolati minn proċedura oħra, dan sejjer ikun is-suġġett ta' Deċiżjoni separata. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta' Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikultura u l-Foresterija. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Ir-Repubblika tal-Polonja hija awtorizzata tipprojbixxi fi kwalunkwe parti tat-territorju tagħha l-użu tal-varjetajiet ġenetikament modifikati tal-qamħirrum li jidhru fit-13-il suppliment għat-22 edizzjoni sħiħa tal-katalogu komuni ta' varjetajiet ta' l-ispeċijiet ta' pjanti agrikoli, u li huma elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tinforma lill-Istati Membri l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-data minn meta tibda tutilizza l-awtorizzazzjoni mogħtija skond l-Artikolu 1.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta' Mejju 2006.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1829/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).
(2) ĠU C 232 A, 17.9.2004, p. 1.
(3) ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15.
(4) ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (KE) Nru 1830/2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).
ANNESS
1.
Aliacan BT
2.
Aristis BT
3.
Bolsa
4.
Campero BT
5.
Cuartal BT
6.
DK 513
7.
DKC6550
8.
DKC6575
9.
Elgina
10.
Gambier BT
11.
Jaral BT
12.
Lévina
13.
Olimpica
14.
PR32P76
15.
PR33P67
16.
Protect