21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/230

tat-18 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Corylus avellana L. u Corylus colurna L., li joriġinaw mis-Serbja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), jistabbilixxi lista ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra b’riskju għoli.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita biex issir il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra ta’ riskju għoli.

(3)

Wara valutazzjoni preliminari tar-riskju, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 34 ġeneru u speċi waħda ta' pjanti għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti ta’ riskju għoli, li fosthom hemm il-ġeneru Corylus L.

(4)

Fid-29 ta’ Mejju 2020, is-Serbja ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin bl-għeruq mikxufa ta’ Corylus avellana L. u Corylus avellana L. imlaqqma fuq Corylus colurna L., u pjanti għat-tħawwil ta’ sentejn ta’ Corylus avellana L. b’materjal għat-tkabbir, li huma reqdin u ħielsa mill-weraq. Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossier tekniku rispettiv.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti għat-tħawwil Corylus avellana u Corylus colurna mis-Serbja (4). L-Awtorità identifikat il-fitoplażma Flavescence dorée tad-dwieli bħala pest rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil. Dan il-pest huwa elenkat fil-Parti B, it-Taqsima F, tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5), bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni magħruf li jseħħ fit-territorju tal-Unjoni.

(6)

Abbażi ta’ dik l-opinjoni, il-Kummissjoni tqis li r-riskju fitosanitarju tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Corylus avellana L. u Corylus colurna L. li joriġinaw mis-Serbja, huwa aċċettabbli, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċjali tal-importazzjoni rispettivi stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Din il-konsiderazzjoni tapplika għall-pjanti kollha għat-tħawwil ta’ dawk l-ispeċijiet, irrispettivament mill-età tagħhom jew jekk għandhomx għeruq mikxufa, humiex rieqda, jew humiex ħielsa mill-weraq.

(7)

B’hekk, jenħtieġ li dawk il-pjanti għat-tħawwil ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti b’riskju għoli. Jenħtieġ li għalhekk l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan.

(8)

Jenħtieġ li sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (6), l-importazzjoni ta’ dawk il-komoditajiet bażiċi tkompli fl-iqsar żmien possibbli. Jenħtieġ li għalhekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

(4)  EFSA PLH Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2021. Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-komoditajiet tal-pjanti Corylus avellana u Corylus colurna mis-Serbja. EFSA Journal 2021;19(5):6571, 55 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6571

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(6)  The World Trade Organization Agreement on the Application of Sanitary and Phytosanitary Measures (SPS Agreement), https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm


ANNESS

Fit-Tabella fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, it-tieni kolonna, “Deskrizzjoni”, l-entrata għal “ Corylus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Corylus L., minbarra pjanti għat-tħawwil ta’ Corylus avellana L. jew Corylus colurna L. li joriġinaw mis-Serbja”.