European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2059

18.9.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2059

tas-17 ta’ Settembru 2026

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talba mill-Polonja biex ma tapplikax ir-rekwiżit li tiġi installata l-ETCS abbord lokomottivi, stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695

(notifikata bid-dokument C(2026) 6338)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Mejju 2026, il-Polonja ssottomettiet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (2) għal 12-il lokomottiva diżil ġdida li jridu jintużaw fuq il-linja nru 65 (it-“talba”). It-talba ġiet sottomessa abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (d), tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(2)

Il-punt 7.4.2.1. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-vetturi mibnija ġodda jridu jkunu mgħammra u lesti biex jitħaddmu bis-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (“ETCS”).

(3)

Il-proġett imsemmi fit-talba jikkonsisti mix-xiri ta’ 12-il lokomottiva diżil minn PKP Linia Hutnicza Szerokotorowa Sp. z o.o. Dawk il-vetturi se jiċċirkolaw fl-Ukrajna u fil-Polonja fuq il-linja nru 65. Dik il-linja għandha wisa’ tal-binarji ta’ 1 520 mm li hija differenti minn dik tan-network ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni. Dik il-linja ma hijiex mgħammra b’ETCS fuq l-art.

(4)

Skont id-dokumenti sottomessi mill-Polonja, il-konformità mal-punt 7.4.2.1. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 tkun tinvolvi kost addizzjonali ta’ PLN 18 000 000, peress li l-ETCS ikollha tiġi installata flimkien maż-żewġ sistemi Pollakki ta’ protezzjoni tal-ferroviji tal-Klassi B, SHP u s-sistema tar-radju bil-funzjoni Radiostop, li huma installati fuq il-linja nru 65. L-installazzjoni tal-ETCS fuq l-art fuq il-linja nru 65 tinvolvi kost addizzjonali ta’ bejn PLN 1 500 000 u PLN 7 000 000 għal kull kilometru. Tali installazzjoni ma hijiex prevista fl-ispeċifikazzjoni teknika Pollakka tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni għall-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-interoperabbiltà.

(5)

Bħala dispożizzjoni alternattiva, il-Polonja tipproponi li tapplika l-punt 7.4.2.1.2(3)(a) tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (3), kif l-aħħar fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2023. F’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, ir-rekwiżit li wieħed ikun mgħammar bl-ETCS ma jridx japplika għal vetturi ġodda li ma jiċċirkolawx fuq tipi speċifikati ta’ linji. Il-vetturi li jiċċirkolaw biss fuq il-linja nru 65 ma jirrikjedux l-installazzjoni tal-ETCS, peress li l-linja nru 65 ma hijiex linja ta’ veloċità għolja, ma hijiex linja fuq il-kurituri definiti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 (4), jew linja li tiżgura l-konnessjonijiet mal-portijiet, mal-marshalling yards, mat-terminals tal-merkanzija u maż-żoni tat-trasport tal-merkanzija Ewropej ewlenin definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/6.

(6)

Abbażi tal-ġustifikazzjoni għat-talba pprovduta mill-Polonja u tad-dispożizzjoni alternattiva proposta, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(d) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jistgħu jitqiesu bħala ssodisfati għat-12-il lokomottiva diżil ġdida li jridu jintużaw fuq il-linja nru 65. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba tiġi aċċettata.

(7)

Il-lokomottivi kkonċernati huma ppjanati li jaslu sa mhux iktar tard mill-2032. Skont l-ippjanar tar-reviżjonijiet tekniċi ta’ dawk il-lokomottivi, ir-reviżjoni P5 li tirrikjedi s-sostituzzjoni tat-tagħmir tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni hija skedata 24 sena wara l-akkwiżizzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2056 jew sakemm l-ETCS tkun ġiet installata fuq l-art fuq il-linja nru 65, skont liema jseħħ l-ewwel.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tal-Polonja tas-26 ta’ Mejju 2026 għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.1. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għat-12-il lokomottiva diżil ġdida li jridu jintużaw fuq il-linja nru 65 hija aċċettata bil-kundizzjoni li tiġi applikata d-dispożizzjoni alternattiva proposta mill-Polonja.

Artikolu 2

Il-Polonja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed fil-każijiet li ġejjin:

(a)

ladarba l-ETCS tkun ġiet installata fuq l-art fuq il-linja nru 65; u

(b)

jkollha informazzjoni li n-nuqqas ta’ applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 jista’ jikkomprometti b’mod raġonevoli s-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2056 jew san-notifika msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (a).

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1695/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/919/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 tal-5 ta’ Jannar 2017 dwar il-pjan Ewropew ta’ mobilitazzjoni għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ĠU L 3, 6.1.2017, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/6/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2059/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)