SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizz universali u drittijiet tal-utenti – Direttiva 97/33/KE – Artikolu 5 – Direttiva 2002/22/KE – Artikolu 13 – Finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali – Kunċett ta’ piż ‘inġust’ jew ‘mhux iġġustifikat’ – Definizzjoni tal-entitajiet li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta ta’ dawn l-obbligi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-operaturi tat-telefonija mobbli f’dan il-mekkaniżmu – Kriterji – Grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli”
Fil-Kawża C‑273/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ April 2023, fil-proċeduri
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,
Ministero dello Sviluppo Economico
vs
Telecom Italia SpA,
Vodafone Italia SpA,
fil-preżenza ta’:
Fastweb SpA,
Wind Tre SpA,
u
Telecom Italia SpA
vs
Vodafone Italia SpA,
Fastweb SpA,
fil-preżenza ta’:
Ministero dello Sviluppo economico,
Tiscali Italia SpA,
BT Italia SpA,
Telecom Italia Sparkle SpA,
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,
Wind Tre SpA,
u
Telecom Italia SpA
vs
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,
fil-preżenza ta’:
Fastweb SpA,
Vodafone Italia SpA,
Tiscali Italia SpA,
BT Italia SpA,
Wind Tre SpA,
u
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,
vs
Telecom Italia SpA,
Tiscali Italia SpA,
BT Italia SpA,
Vodafone Italia SpA,
fil-preżenza ta’:
Wind Tre SpA,
Fastweb SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Telecom Italia SpA, minn F. S. Cantella, M. D’Ostuni, F. Lattanzi u M. Zotta, avvocati, |
|
– |
għal Vodafone Italia SpA, minn A. Boso Caretta, F. Cintioli u F. Merusi, avvocati, |
|
– |
għal Fastweb SpA, minn E. Pistis, avvocata, |
|
– |
għal Wind Tre SpA, minn S. Fiorucci u R. Santi, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn B. G. Fiduccia u E. De Bonis, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Garello, O. Gariazzo u L. Malferrari, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet bil-għan li jiġi żgurat servizz universali u li tiġi żgurata l-interoperabbiltà permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU 1997, L 199, p. 32), u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ erba’ tilwimiet, l-ewwel waħda bejn, minn naħa, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, Telecom Italia SpA u Vodafone Italia SpA, it-tieni waħda bejn, minn naħa, Telecom Italia u, min-naħa l-oħra, Vodafone Italia u Fastweb SpA, it-tielet waħda bejn, minn naħa, Telecom Italia u, min-naħa l-oħra, l-AGCOM u, ir-raba’ waħda bejn, minn naħa l-AGCOM u, min-naħa l-oħra, Telecom Italia, Tiscali Italia SpA, BT Italia SpA u Vodafone Italia, dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità eżaminat mill-ġdid il-kwistjoni tan-natura inġusta tal-ispiża netta tas-servizz universali li l-provvista tiegħu kienet imposta fuq Telecom Italia matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 1999 u s-sena 2009. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 97/33
|
3 |
Il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 97/33 kienu jipprevedu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi: “Din id-direttiva tistabbilixxi qafas regolamentari li jiżgura l-interkonnessjoni tan-networks ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Komunità u, b’mod partikolari, l-interoperabbiltà tas-servizzi, u l-provvista ta’ servizz universali, f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi. Din għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jiżguraw interkonnessjoni miftuħa u effikaċi tan-networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll l-aċċess miftuħ u effikaċi għal dawn in-networks u servizzi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-direttiva: […]
|
|
6 |
Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva: “1. Meta Stat Membru jistabbilixxi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, li l-obbligi ta’ servizz universali jirrappreżentaw piż inġust għal organu, huwa għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ tqassim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali ma’ organi oħra li joperaw networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ telefonija bil-leħen aċċessibbli għall-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità meta huma jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru. Biss in-networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku elenkati fl-ewwel parti tal-Anness I, jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod. 2. Il-kontribuzzjonijiet possibbli għall-ispiża tal-obbligi ta’ servizz universali jistgħu jkunu bbażati fuq mekkaniżmu stabbilit speċifikament għal dak l-għan u ġġestit minn organu indipendenti mill-benefiċjarji, u/jew jistgħu jieħdu l-forma ta’ tariffa addizzjonali miżjuda mat-tariffa ta’ interkonnessjoni. 3. Sabiex jiddeterminaw il-piż possibbli li l-provvista tas-servizz universali tirrappreżenta, l-organi li jkollhom obbligi ta’ servizz universali għandhom, fuq talba tal-awtorità regolatorja nazzjonali tagħhom, jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ dawn l-obbligi skont l-Anness III. Il-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali għandu jiġi vverifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti ieħor, li jkun indipendenti mill-organu ta’ telekomunikazzjonijiet, u li jkun approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Ir-riżultat tal-kalkolu tal-ispiża u l-konklużjonijiet tal-verifika għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 14(2). 4. Meta l-kalkolu tal-ispiża netta previst fil-paragrafu (3) ikun jiġġustifika dan u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċju possibbli fis-suq intern li organu li joffri servizz universali jikseb minn dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiddeterminaw jekk ikunx hemm lok li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ tqassim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7 |
L-Anness I tad-Direttiva 97/33, bit-titolu “Networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku speċifiċi”, kien isemmi, fl-ewwel parti tiegħu, biss in-networks telefoniċi pubbliċi fissi u s-servizzi telefoniċi pubbliċi fissi. |
|
8 |
L-Anness III ta’ din id-direttiva kien jinkludi regoli dwar il-kalkolu tal-ispiża tal-obbligi ta’ servizz universali għat-telefonija bil-leħen, imsemmi fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva. |
|
9 |
Id-Direttiva 97/13 tħassret permezz tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Maltik, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), b’effett mill‑25 ta’ Lulju 2003. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, id-Direttiva 97/33 hija applikabbli ratione temporis għal parti minnhom. |
Id‑Direttiva 2002/22
|
10 |
Il-premessi 4, 18, 21 u 23 tad-Direttiva 2002/22 kienu jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
|
11 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva: “[…] din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq.” |
|
12 |
L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ servizz universali, waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta’ l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.” |
|
13 |
L-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva kien jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l-forniment ta’ servizz universali […]” |
|
14 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22 kien ifformulat kif ġej: “1. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista’ jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu. […]” |
|
15 |
L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi: “1. Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:
2. Fejn l-ispiża netta tinqasam taħt il-paragrafu 1 (b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ qsim amministrat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-benefiċjarji taħt is-sorveljanza ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ispiża netta biss, kif stabbilita taħt l-Artikolu 12, ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tista’ tiġi ffinanzjata. 3. Il-mekkaniżmu tal-qsim għandu jirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità skond il-prinċipji ta’ l-Anness IV, Taqsima B. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtieġux kontribuzzjonijiet minn impriżi li l-valur tal-bejgħ nazzjonali tagħhom ikun anqas minn limitu ffissat. […]” |
|
16 |
L-Anness IV ta’l-imsemmija direttiva kien jinkludi regoli dwar il-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kopertura jew ta’ qsim tal-ispejjeż, skont l-Artikoli 12 u 13 tal-istess direttiva. |
|
17 |
Id-Direttiva 2002/22 tħassret permezz tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36), b’effett mill‑21 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2002/22 hija applikabbli ratione temporis għal parti minnhom. |
Id‑dritt Taljan
|
18 |
L-Artikolu 3 tad-decreto del presidente della Repubblica n. 318 – Regolamento per l’attuazione di direttive comunitarie nel settore delle telecomunicazioni (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 318 li Jistabbilixxi Regolament għall-Implimentazzjoni ta’ Direttivi Komunitarji fis-Settur tat-Telekomunikazzjonijiet) tad‑19 ta’ Settembru 1997 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 221, tat‑22 ta’ Settembru 1997), kien jipprevedi: “[…] 6. Meta, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, l-obbligi ta’ provvista tas-servizz universali jkunu jirrappreżentaw piż inġust għall-entità jew għall-entitajiet inkarigati b’dan is-servizz, għandu jiġi previst mekkaniżmu għall-qsim tal-ispiża netta ta’ dawn l-obbligi bejn dawn l-entitajiet u entitajiet oħra li jiġġestixxu networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet, fornituri ta’ servizzi ta’ telefonija bil-leħen aċċessibbli għall-pubbliku u entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u personali. Dan il-mekkaniżmu ma għandux japplika meta:
[…] 11. Fuq il-bażi tal-kalkolu tal-ispiża netta previst fil-paragrafu 7 u tar-rapport previst fil-paragrafu 10, l-[AGCOM], filwaqt li tqis ukoll il-benefiċċji possibbli li l-entità inkarigata mis-servizz universali tgawdi minnhom fis-suq, għandha tiddetermina jekk il-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali huwiex iġġustifikat. F’dan il-każ, il-piż għandu jinqasam fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità […]” |
|
19 |
L-Artikolu 62(1) tad-decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259 li Jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) tal‑1 ta’ Awwissu 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 214 tal‑15 ta’ Settembru 2003), jipprovdi: “Jekk l-[AGCOM] tkun tqis li l-provvista tas-servizz universali previst fl-Artikoli 53 sa 60 ta’ dan il-kodiċi tista’ twassal għal piż mhux iġġustifikat għall-impriżi nnominati sabiex jipprovdu dan is-servizz, hija għandha tipprevedi l-kalkolu tal-ispiża netta ta’ dan is-servizz. Għal dan l-għan, l-[AGCOM] tista’:
[…]” |
|
20 |
L-Artikolu 63 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej: “1. Jekk, abbażi tal-kalkolu tal-ispiża netta previst fl-Artikolu 62, l-[AGCOM] tikkonstata li impriża nnominata hija suġġetta għal piż mhux iġġustifikat, hija għandha taqsam, fuq talba ta’ din l-impriża, l-ispiża netta […] bejn il-fornituri ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi billi tuża l-fond ta’ finanzjament tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali maħluq fi ħdan il-Ministeru […]. […] 3. Is-sistema ta’ qsim tal-ispejjeż għandha tosserva l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ distorsjoni minima tas-suq, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, skont l-Artikolu 2(5), (6) u (7) tal-Anness Nru 11. […] […]” |
|
21 |
L-Artikolu 3 tal-Anness 11 tal-imsemmi digriet leġiżattiv jipprevedi: “[…] 2. Mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispejjeż, ibbażat fuq il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, għandu jiġi impost fuq l-impriżi li jiġġestixxu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, li jipprovdu servizzi ta’ telefonija aċċessibbli għall-pubbliku, skont l-użu tan-networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni minn dawn l-entitajiet, jew li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u personali fil-livell nazzjonali. […] 6. Il-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 2 ma għandux japplika meta:
|
Il‑kawżi prinċipali u d‑domanda preliminari
|
22 |
Fix-xahar ta’ Lulju 2020, l-AGCOM, li hija l-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) fl-Italja, permezz tad-Deċiżjoni 263/20/CIR, fetħet proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex teżamina mill-ġdid il-kwistjoni tan-natura inġusta tal-ispiża netta tas-servizz universali li l-provvista tiegħu ġiet imposta fuq Telecom Italia matul il-perijodu bejn is-sena 1999 u s-sena 2009. |
|
23 |
Permezz tad-Deċiżjoni 18/21/CIR, l-AGCOM ikkonkludiet din il-proċedura, billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li, matul il-perijodu bejn is-sena 2002 u s-sena 2009, il-provvista tas-servizz universali kienet irrappreżentat spiża netta inġusta għal Telecom Italia, b’mod li l-mekkaniżmu ta’ qsim, previst mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kien applikabbli, u b’mod li, għaldaqstant, l-operaturi msemmija f’din il-leġiżlazzjoni, inklużi l-operaturi tat-telefonija mobbli, kellhom obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ din l-ispiża. |
|
24 |
F’dik id-deċiżjoni, l-AGCOM ippreċiżat, essenzjalment, li hija kienet wettqet eżami mill-ġdid tan-natura inġusta tal-ispiża netta tas-servizz universali pprovdut minn Telecom Italia matul il-perijodu msemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, bl-eċċezzjoni tas-sena 2001, u li, b’differenza mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha dwar din il-kwistjoni, hija ma kinitx qiegħda tirreferi, fir-rigward tal-punt dwar jekk kienx hemm lok li l-operaturi tat-telefonija mobbli jiġu obbligati jikkontribwixxu għal dan il-finanzjament, għall-kriterju tal-grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli. |
|
25 |
L-AGCOM enfasizzat li, għalkemm l-analiżijiet tas-suq imwettqa kienu stabbilixxew li dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi ma kinux perfettament sostitwibbli u li, għaldaqstant, dan ma kienx suq uniku, xorta kien jibqa’ l-fatt li s-servizzi ta’ telefonija mobbli kienu jeżerċitaw “pressjoni kompetittiva dejjem tikber” fuq is-servizzi ta’ telefonija fissa. L-AGCOM ikkonstatat li din il-pressjoni kompetittiva kienet tieħu l-forma ta’ telf ta’ volumi u ta’ dħul mill-operaturi tat-telefonija fissa, b’mod partikolari meta l-klijenti jiddeċiedu li jużaw biss it-telefon mobbli tagħhom jew li jużaw it-telefon mobbli tagħhom u li jżommu s-servizz ta’ network fiss, iżda li jużaw is-servizz ta’ telefonija mobbli mid-dar tagħhom ukoll. Skont l-AGCOM, l-imsemmija pressjoni kompetittiva tikkostitwixxi evalwazzjoni tas-suq li tippermetti li jiġi ddeterminat sa fejn il-piż sostnut minn Telecom Italia kien ta’ natura inġusta. |
|
26 |
L-AGCOM sussegwentement ivverifikat in-natura inġusta tal-ispiża netta tas-servizz universali li l-provvista tiegħu kienet ġiet imposta fuq Telecom Italia permezz ta’ eżami tal-kuntest kompetittiv, ta’ verifika ta’ din l-ispiża u ta’ studju tal-effett ekonomiku u finanzjarju tal-imsemmija spiża. |
|
27 |
Fir-rigward tal-eżami tal-kuntest kompetittiv, l-AGCOM qieset, billi bbażat ruħha fuq dokument imħejji fl‑24 ta’ Frar 2017 mill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fit-Telekomunikazzjoni (BEREC), bit-titolu “BEREC update survey on the implementation and application of the universal service provisions — a synthesis of the results”, li kien hemm lok li jiġi evalwat il-livell tal-kompetizzjoni fis-suq abbażi ta’ indikaturi bħall-partijiet mis-suq tal-aċċess f’termini ta’ volum u ta’ dħul, il-volum u l-partijiet mis-suq tat-traffiku telefoniku, il-grad ta’ interkonnessjoni tas-servizzi ta’ bidu u ta’ tmiem ta’ sejħa fuq in-networks fissi u mobbli tat-telefonija, id-diffużjoni tas-servizzi fuq in-network ta’ telefonija mobbli, il-benefiċċji li l-operaturi jiksbu mill-obbligi ta’ servizz universali u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-operaturi. |
|
28 |
Vodafone Italia, operatur tat-telefonija mobbli, li kienet diġà kkontestat quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja) id-Deċiżjoni 263/20/CIR, li permezz tagħha l-AGCOM fetħet konsultazzjoni pubblika, adixxiet lil din il-qorti b’rikors kontra d-Deċiżjoni 18/21/CIR, permezz ta’ rikors ta’ amplifikazzjoni. L-AGCOM, Telecom Italia, Fastweb u Wind Tre SpA dehru wkoll quddiem l-imsemmija qorti fil-kuntest tal-proċedura mressqa minn Vodafone Italia. |
|
29 |
Telecom Italia ppreżentat ukoll rikors kontra d-Deċiżjoni 18/21/CIR quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio), fejn sostniet, essenzjalment, li l-AGCOM kienet qieset b’mod żbaljat li, għas-snin 1999 u 2000, l-ispiża netta tas-servizz universali kellha tibqa’ kompletament dovuta minn Telecom Italia. Vodafone Italia dehret quddiem dik il-qorti fil-kuntest tal-proċedura mressqa minn Telecom Italia u ppreżentat rikors inċidentali. L-AGCOM, Telecom Italia, Fastweb u Wind Tre dehru quddiem l-imsemmija qorti f’din l-aħħar proċedura. |
|
30 |
Min-naħa tagħha, Fastweb ukoll ikkontestat dik id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja). |
|
31 |
Permezz tas-sentenza Nru 1963/2022, dik il-qorti laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Vodafone Italia kontra l-imsemmija deċiżjoni u annullatha, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-eżami mill-ġdid tan-natura inġusta tal-ispiża netta tas-servizz universali kien ivvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ investigazzjoni. |
|
32 |
Permezz tas-sentenza Nru 2047/2022, l-imsemmija qorti laqgħet ir-rikors ta’ Fastweb kontra l-istess deċiżjoni għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fis-sentenza Nru 1963/2022. |
|
33 |
Permezz tas-sentenza Nru 2218/2022, l-istess qorti ddikjarat inammissibbli r-rikors ippreżentat minn Telecom Italia kontra d-Deċiżjoni 18/21/CIR u laqgħet ir-rikors inċidentali ta’ Vodafone Italia għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fis-sentenza Nru 1963/2022. |
|
34 |
Telecom Italia u l-AGCOM it-tnejn appellaw mis-sentenza Nru 1963/2022 quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju. Vodafone Italia, Wind Tre u Fastweb dehru quddiem dik il-qorti fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn l-appelli. Barra minn hekk, Vodafone Italia ppreżentat appell inċidentali mill-partijiet ta’ dik is-sentenza li permezz tagħhom it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) ċaħdet parti mill-motivi tagħha. Fastweb ukoll ippreżentat appell inċidentali mill-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
35 |
Barra minn hekk, Telecom Italia u l-AGCOM it-tnejn appellaw mis-sentenza Nru 2218/2022. Wind Tre, Fastweb u Vodafone Italia dehru wkoll quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn l-appelli. Barra minn hekk, din l-aħħar kumpannija ppreżentat appell inċidentali minn dik is-sentenza. |
|
36 |
Il-qorti tar-rinviju, li għaqdet dawn l-erba’ appelli, tqis li hija għandha teżamina bi prijorità l-appelli inċidentali ppreżentati minn Vodafone Italia, li permezz tagħhom din, essenzjalment, tikkontesta s-setgħa tal-AGCOM li timponi fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali pprovdut minn Telecom Italia. |
|
37 |
Insostenn tal-appelli inċidentali tagħha, Vodafone Italia ssostni, b’mod partikolari, essenzjalment, li mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996 dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-iskemi nazzjonali ta’ kalkolu tal-ispiża u tal-finanzjament tas-servizz universali fit-telekomunikazzjonijiet, u l-Linji Gwida għall-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-funzjonament ta’ tali sistemi (COM (96)608 final] (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996”), jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-operaturi tat-telefonija mobbli fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, jiġifieri ta’ relazzjoni ta’ sostitwibbiltà, bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli. Issa, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio), il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) u l-Corte di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja) qiesu, f’diversi deċiżjonijiet dwar rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet preċedenti tal-AGCOM relatati mal-qsim tal-piż ta’ din l-ispiża, li tali rapport ma kienx jeżisti matul is-snin 1999, 2000, 2002 u 2003. Fid-Deċiżjoni 18/21/CIR, l-AGCOM kienet applikat din il-kundizzjoni sabiex tiddetermina n-natura inġusta tal-piż tal-imsemmija spiża. Barra minn hekk, f’dawn id-deċiżjonijiet preċedenti, l-AGCOM kienet eskludiet l-eżistenza ta’ tali rapport matul is-snin 2004 sa 2007 u 2009. |
|
38 |
L-AGCOM u Telecom Italia jsostnu li la d-dritt tal-Unjoni u lanqas id-dritt Taljan ma jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-operaturi tat-telefonija mobbli fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali għall-imsemmija kundizzjoni. Dawn l-operaturi huma, bħall-operaturi tat-telefonija fissa, awtorizzati jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, għaldaqstant, obbligati jipparteċipaw f’dan il-mekkaniżmu. Il-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996 sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu jekk jinkludux jew le lill-operaturi tat-telefonija mobbli fost dawk inkarigati bil-finanzjament ta’ din l-ispiża. Ir-Repubblika Taljana, bħal diversi Stati Membri oħra, għażlet li tinkludihom. Barra minn hekk, il-kumpanniji l-oħra tal-grupp li tagħmel parti minnu Vodafone jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-imsemmija spiża fl-Istati Membri li fihom huma stabbiliti. |
|
39 |
Barra minn hekk, l-AGCOM u Telecom Italia jsostnu li l-eżami tad-diffużjoni tas-servizz ta’ telefonija mobbli u tal-interdipendenza korrelattiva huwa biss wieħed mis-sitt kriterji applikati mill-AGCOM sabiex turi n-natura inġusta tal-piż li jirriżulta mill-provvista tas-servizz universali u li, konsegwentement, anki jekk jiġi deċiż li din l-interdipendenza ma ġietx debitament ipprovata, il-fondatezza tal-eżami ta’ din in-natura inġusta, imwettaq mill-AGCOM, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ħames kriterji l-oħra applikati minnha. L-AGCOM u Telecom Italia talbu lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, fil-każ li huwa jkollu l-intenzjoni jitbiegħed mit-teżi sostnuta minnhom. |
|
40 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fl-Italja, il-provvista tas-servizz universali fis-settur tat-telefonija hija żgurata minn Telecom Italia, l-ex detentriċi tal-monopolju tan-networks. Fil-każ fejn il-provvista ta’ dan is-servizz tkun tagħti lok għal spiża netta, jiġifieri meta l-ispejjeż sostnuti mill-fornitur tal-imsemmi servizz ikunu ogħla mill-benefiċċji li din il-provvista tkun tipprovdilu, l-AGCOM għandha tiddetermina jekk din l-ispiża tikkostitwixxix piż inġust għal dan il-fornitur u, jekk ikun il-każ, li taqsam l-imsemmija spiża bejn l-operaturi tas-settur inkwistjoni. |
|
41 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2015, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) laqa’ r-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-AGCOM li jikkonfermaw il-proċeduri relatati mal-applikabbiltà tal-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tas-servizz universali għas-snin 1999, 2000, 2002 u 2003, jiġifieri d-Deċiżjonijiet 106/11/CIR, 107/11/CIR, 108/11/CIR u 109/11/CIR, billi ddeċieda li l-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli, li għaliha hija suġġetta l-parteċipazzjoni tal-operaturi tat-telefonija mobbli, bħal Vodafone Italia, fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali, ma kinitx stabbilita. |
|
42 |
F’sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2019, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, fir-rigward tal-istess snin, li din il-kundizzjoni kienet, fit-totalità tagħha, “qarrieqa”. |
|
43 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tissuġġettax espressament il-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ telefonija mobbli fil-finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali għall-imsemmija kundizzjoni. |
|
44 |
Madankollu, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li l-kwistjoni dwar jekk teżistix relazzjoni ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli tikkostitwixxi kriterju neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk il-piż li jirriżulta mill-provvista tas-servizz universali, sostnut mill-fornitur innominat, huwiex inġust. |
|
45 |
Fid-Deċiżjoni 18/21/CIR tagħha, l-AGCOM irreferiet espressament għal din il-ġurisprudenza, filwaqt li ppreċiżat, madankollu, li hija ma għadhiex tirrikorri għal dan il-kriterju ta’ sostitwibbiltà sabiex timponi fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali. Madankollu, l-analiżi tal-pressjoni kompetittiva tas-servizzi ta’ telefonija mobbli fuq is-servizzi ta’ telefonija fissa, imwettqa mill-AGCOM f’dik id-deċiżjoni, tikkoinċidi fil-parti l-kbira mal-analiżi tas-sostitwibbiltà bejn dawn is-servizzi. |
|
46 |
Id-dritt tal-Unjoni, traspost mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma jippermettix li tingħata risposta għad-domanda magħmula fil-kuntest tat-tilwim fil-kawżi prinċipali. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-Direttiva [97/33], u b’mod partikolari l-Artikolu tagħha, u d-Direttiva [2002/22], b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, li huma d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis, kif ukoll il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ distorsjoni minima tas-suq, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
48 |
Vodafone Italia, Wind Tre u Fastweb isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. |
|
49 |
Skont Vodafone Italia, qorti nazzjonali tista’ tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari biss meta dan ikun indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha hija tkun adita. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwim fil-kawżi prinċipali jista’ jiġi riżolt mingħajr rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li mill-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996 jirriżulta li ma huwiex neċessarju li l-operaturi tat-telefonija mobbli jiġu obbligati jipparteċipaw fil-finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali, peress li jeżistu diversi deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi Taljani li jirrigwardaw id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, u b’hekk jipprekludu li din il-qorti tal-aħħar tadotta deċiżjoni differenti, peress li d-Deċiżjoni 18/21/CIR tikkontradixxi d-deċiżjonijiet preċedenti tal-AGCOM, li minnhom jirriżulta li fl-Italja ma kienx hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli matul il-perijodi koperti minn din l-ewwel deċiżjoni, u peress li l-AGCOM kienet ġiet imċaħħda mis-setgħa tagħha li timponi fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli jipparteċipaw f’dan il-finanzjament minħabba l-fatt li ż-żmien li għadda mill-mument li fih din is-setgħa setgħet tiġi eżerċitata ta lok għal aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li dan ma kienx ser jiġi eżerċitat iktar. |
|
50 |
Barra minn hekk, Vodafone Italia ssostni li l-punt (b) tad-domanda preliminari huwa inammissibbli wkoll minħabba li dan ma għandu ebda rabta mat-tilwim fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw biss il-legalità tal-obbligu impost fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali u minħabba li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal din id-domanda fis-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583), u tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom (C‑494/21, EU:C:2022:867). |
|
51 |
Wind Tre issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li din ma tinkludix deskrizzjoni tal-elementi fattwali kollha tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, b’mod partikolari tat-tilwim relatat ma’ dan l-obbligu li seħħ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 18/21/CIR, u li din ma tinkludix espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tagħmel l-imsemmija domanda, peress li din il-qorti llimitat ruħha tirreferi għall-argumenti ta’ ċerti partijiet fil-proċedura pendenti quddiemha. |
|
52 |
Skont Fastweb, id-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li r-risposta għaliha tirriżulta mis-sentenza Nru 3388/2015 tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra deċiżjonijiet tal-AGCOM preċedenti għad-Deċiżjoni 18/21/CIR, li kisbet is-saħħa ta’ res judicata. Permezz ta’ din is-sentenza, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tal-qsim tal-piż li jirriżulta mis-servizz universali, li s-servizzi ta’ telefonija mobbli u s-servizzi ta’ telefonija fissa jkunu sostitwibbli u żamm il-possibbiltà għall-AGCOM li tiddefinixxi kriterju ieħor għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Issa, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li qorti nazzjonali tmur lura minn deċiżjoni bħall-imsemmija sentenza sabiex tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja adottata wara din l-ewwel deċiżjoni. |
|
53 |
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Sparkasse Südpfalz, C‑206/22, EU:C:2023:984, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
F’dan ir-rigward, mill-argumenti ta’ inammissibbiltà mressqa minn Vodafone Italia, ibbażati fuq allegata kontradizzjoni bejn id-Deċiżjoni 18/21/CIR u deċiżjonijiet preċedenti tal-AGCOM, fuq l-allegat telf minn tal-aħħar tas-setgħa tagħha li timponi fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli jipparteċipaw fil-finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali kif ukoll fuq l-assenza ta’ rabta bejn il-punt (b) tad-domanda preliminari u t-tilwim fil-kawżi prinċipali, ma jirriżultax b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ dan it-tilwim jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika. |
|
55 |
F’dak li jirrigwarda s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583), u tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom (C‑494/21, EU:C:2022:867), invokati minn Vodafone Italia, għandu jitfakkar li, anki jekk jiġi preżunt li s-soluzzjoni tat-tilwim fil-kawżi prinċipali tista’ tiġi dedotta minn dawn is-sentenzi, tali fatt ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda, l-iktar l-iktar, jista’ jeżenta lill-qorti tar-rinviju mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija għandha skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punt 35). |
|
56 |
Fir-rigward tal-argument ta’ inammissibbiltà mressaq minn Vodafone Italia bbażat fuq il-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996, għandu jiġi rrilevat li dan jaqa’ taħt il-mertu tad-domanda preliminari magħmula u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħha, b’mod li hemm lok li dan jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami fil-mertu ta’ din id-domanda (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Fir-rigward tal-argumenti ta’ inammissibbiltà mressqa minn Wind Tre, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju, għalkemm fil-qosor, esponiet ir-raġunijiet li wassluha tagħmel id-domanda preliminari tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi espożizzjoni tal-elementi fattwali tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, inklużi elementi prinċipali tal-kontenzjuż dwar id-deċiżjonijiet tal-AGCOM li ppreċedew l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 18/21/CIR. Espożizzjoni iktar iddettaljata ta’ dan il-kontenzjuż ma hijiex indispensabbli sabiex jinftiehem is-suġġett ta’ dan it-tilwim. |
|
58 |
Fir-rigward tal-argumenti ta’ inammissibbiltà mressqa minn Vodafone Italia u minn Fastweb ibbażati fuq l-awtorità ta’ res judicata li d-deċiżjonijiet tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jew ta’ qrati Taljani oħra għandhom, mogħtija fil-kuntest tal-imsemmi kontenzjuż, għandu jiġi osservat li t-tilwim fil-kawżi prinċipali jirrigwarda il-legalità tad-Deċiżjoni 18/21/CIR u mhux dik tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-AGCOM li kienu s-suġġett tal-istess kontenzjuż. Issa, Vodafone Italia u Fastweb ma spjegawx kif dawn il-qrati ser ikollhom, fil-kuntest ta’ dan it-tilwim, imorru lura minn dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għaldaqstant jidher li l-istess qrati jistgħu, l-iktar l-iktar, ikollhom jirrevedu l-ġurisprudenza tagħhom wara s-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti f’din il-kawża, mingħajr ma jikkontestaw l-awtorità ta’ res judicata li għandhom id-deċiżjonijiet preċedenti tagħhom. Fi kwalunkwe każ, peress li l-azzjoni li l-qorti tar-rinviju jkollha tieħu wara din is-sentenza tkun tiddependi mill-kontenut tar-risposta li tkun inkluża fiha, dawn l-argumenti ta’ Vodafone Italia u ta’ Fastweb ma jistgħux, mingħajr ma tiġi deċiża minn qabel din ir-risposta, ikollhom effett fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
Fuq il‑punt (b) tad‑domanda
|
60 |
Permezz tal-punt (b) tad-domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ARN tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta jew mhux iġġustifikata tal-piż li jirriżulta mill-provvista tas-servizz universali, il-grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli. Dik il-qorti tistaqsi wkoll liema huma l-kriterji l-oħra li ARN tista’, jekk ikun il-każ, tapplika b’mod kumulattivi jew alternattiv għal dawn il-finijiet. |
|
61 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 97/33, meta Stat Membru jistabbilixxi, abbażi tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali, li dawn jirrappreżentaw piż inġust għal organu, huwa għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ qsim ta’ din l-ispiża ma’ organi oħra li jkunu joperaw networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ telefonija bil-leħen aċċessibbli għall-pubbliku. Skont dan l-Artikolu 5(4), meta dan il-kalkolu ikun jiġġustifika dan u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-vantaġġ possibbli fis-suq li jibbenefika minnu organu li joffri servizz universali, l-ARN għandhom jiddeterminaw jekk hemmx lok li jiġi stabbilit tali mekkaniżmu. |
|
62 |
Bl-istess mod, id-Direttiva 2002/22 tipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tagħha, li, meta l-ARN ikunu jqisu li l-provvista tas-servizz universali tista’ tirrappreżenta piż mhux iġġustifikat għall-impriżi nnominati bħala fornituri ta’ servizz universali, huma għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ din il-provvista. Jekk l-ARN jikkonstataw, abbażi tal-kalkolu ta’ din l-ispiża, li impriża waħda jew iktar nnominati bħala fornituri ta’ servizz universali huma suġġetti għal piż mhux iġġustifikat u jekk din jew dawn l-impriżi jitolbu dan, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/22 jobbliga lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji għal dan l-għan, jiġifieri jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens minn fondi pubbliċi u/jew mekkaniżmu ta’ qsim tal-imsemmija spiża bejn il-fornituri ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tal-perijodu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/22, ir-Repubblika Taljana għażlet li tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ qsim previst fl-Artikolu 13(1)(b) ta’ din id-direttiva. |
|
63 |
Minn dan isegwi li, kemm fil-kuntest tad-Direttiva 97/33 kif ukoll f’dak tad-Direttiva 2002/22, l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali hija suġġetta għall-kundizzjoni doppja li din l-ispiża tiġi kkalkolata u li n-natura inġusta jew mhux iġġustifikata tal-piż li l-provvista ta’ dan is-servizz tirrappreżenta għall-impriża nnominata tiġi kkonstatata abbażi ta’ dan il-kalkolu. |
|
64 |
Barra minn hekk, mill-premessa 8, mill-Artikolu 5 u mill-ewwel parti tal-Anness I tad-Direttiva 97/33 jirriżulta li hija biss l-ispiża netta tal-provvista universali ta’ network telefoniku pubbliku fiss jew ta’ servizz telefoniku pubbliku fiss li tista’ tkun is-suġġett tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament previst minn din id-direttiva. |
|
65 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li biss is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet li jkunu jeħtieġu aċċess u konnessjoni f’post fiss ma’ network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi, jiġifieri bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli, jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2002/22. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Base Company u Mobistar, C‑1/14, EU:C:2015:378, punti 37 u 43). |
|
66 |
Peress li s-sistema ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali prevista mid-Direttiva 97/33 ma nbidlitx b’mod notevoli wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/22, id-dispożizzjonijiet rilevanti analogi ta’ dawn id-direttivi għandhom jiġu interpretati bl-istess mod. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, minn ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/33 u tad-Direttiva 2002/22 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jistabbilixxi huwa stess il-kundizzjonijiet li taħthom l-ANR għandhom jqisu li l-provvista tas-servizz universali tista’ tirrappreżenta piż inġust jew mhux iġġustifikat. Għall-kuntrarju, kemm mill-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva 97/33 kif ukoll mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li huwa biss abbażi tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-provvista tas-servizz universali li l-ARN jistgħu jikkonstataw li impriża nnominata bħala fornitriċi ta’ servizz universali hija effettivament suġġetta għal piż inġust jew mhux iġġustifikat u li l-Istati Membri għandhom għalhekk jiddeċiedu li jadottaw modalitajiet ta’ kumpens minħabba din l-ispiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 38). |
|
68 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispiża netta tas-servizz universali hija limitata mid-dmir li jiġu osservati l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, kif ukoll li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-distorsjonijiet fis-suq, filwaqt li jiġi ssalvagwardat l-interess pubbliku, hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 2 u mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/33 kif ukoll mill-Artikolu 3(2) u mill-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/22. |
|
69 |
Għalkemm il-kunċetti ta’ “piż inġust” u ta’ “piż mhux iġġustifikat” ma humiex iddefiniti minn dawn id-direttivi, kemm mill-premessa 8 tad-Direttiva 97/33 kif ukoll mill-premessa 21 tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jorbot il-mekkaniżmi ta’ kopertura tal-ispejjeż netti, li l-provvista tas-servizz universali tista’ toħloq għal impriża, mal-eżistenza ta’ piż eċċessiv fir-rigward ta’ din l-impriża. F’dan il-kuntest, peress li kien iqis li l-ispiża netta tas-servizz universali mhux neċessarjament tirrapreżenta piż eċċessiv għall-impriżi kollha kkonċernati, huwa ried jeskludi li kull spiża netta ta’ provvista tas-servizz universali awtomatikament tirriżulta fi dritt għal kumpens. Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li l-piż inġust jew mhux iġġustifikat li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi kkonstatata mill-ARN qabel ma jingħata xi kumpens huwa l-piż li, għal kull impriża kkonċernata, huwa ta’ natura eċċessiva fir-rigward tal-kapaċità tagħha li ssostnih b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi rispettivi kollha tagħha, b’mod partikolari fil-livell tat-tagħmir tagħha, tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha kif ukoll tal-parti mis-suq tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 39). |
|
70 |
Għalkemm, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni f’dan ir-rigward fid‑Direttivi 97/22 u 2002/22, hija l‑ARN li għandha tistabbilixxi, b’mod ġenerali u impersonali, il-kriterji li jippermettu li jiġu stabbiliti l-livelli li lil hinn minnhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti, piż jista’ jitqies bħala eċċessiv, l-ARN tista’, madankollu, tikkonstata li l-piż tal-provvista tas‑servizz universali huwa inġust jew mhux iġġustifikat, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 97/33 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22, biss bil-kundizzjoni li hija twettaq eżami partikolari tas-sitwazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata fid-dawl ta’ dawn il-kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 40). |
|
71 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fi-rigward tad-Direttiva 2002/22, li kull teħid inkunsiderazzjoni tal-parti mis-suq tal-fornitur ta’ servizz universali jimplika li l-proċess ta’ determinazzjoni tan-natura eventwalment mhux iġġustifikata tal-piż mgħobbi fuq dan il-fornitur minħabba l-obbligi tiegħu ta’ servizz universali jinvolvi komponent komparattiv inerenti li ma jistax jiġi injorat mill-ARN. Fil-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ elementi relatati mal-parti mis-suq tal-imsemmi fornitur meqjusa b’mod iżolat ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet utli fl-assenza ta’ paragun mal-partijiet mis-suq miżmuma mill-kompetituri tiegħu. Dawn il-konklużjoni jistgħu jvarjaw skont in-numru ta’ kompetituri preżenti fis-suq, skont r-rabtiet li jkunu jeżistu, jekk ikun il-każ, bejn dawn tal-aħħar jew, saħansitra, skont id-diversi setturi tas-suq ikkonċernat li fihom dawn il-kompetituri jkunu preżenti (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 43). |
|
72 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-ARN kompetenti għandha, fil-kuntest ta’ dan il-proċess, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-fornitur ta’ servizz universali meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tiegħu fis-suq ikkonċernat u li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva f’dan is-suq tagħmel parti integrali mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/22 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punti 44 u 47). |
|
73 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi għal fornitur ta’ servizz universali fid-dawl tal-ambjent kompetittiv li fih huwa jevolvi hija konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 48). |
|
74 |
Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda elementi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ fornitur ta’ servizz universali. Fil-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni li tali fornitur jibqa’ jagħmel profitt minkejja l-piż li huwa għandu jġorr minħabba l-ispiża netta tal-obbligi tiegħu ta’ servizz universali ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet dwar ir-riperkussjonijiet ta’ din l-ispiża netta fuq il-kapaċità ta’ dan il-fornitur li jikkompeti mal-operaturi l-oħra preżenti f’suq li jkun qiegħed jevolvi. Ma jistax jiġi eskluż li dan l-piż jipprekludi jew jirrendi iktar diffiċli jew iktar kumpless il-finanzjament ta’ investimenti f’teknoloġiji ġodda jew fi swieq konnessi, investimenti li l-kompetituri tiegħu jistgħu jkunu eventwalment f’pożizzjoni li jwettqu u li jistgħu, minħabba f’hekk, jagħtu lil dawn tal-aħħar vantaġġi kompetittivi kunsiderevoli (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 49). |
|
75 |
Għalhekk, huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ fornitur ta’ servizz universali meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tiegħu li l-ARN tkun tista’ tevalwa jekk l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali li huwa għandu tikkostitwixxix, minħabba distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha f’dan is-suq ikkonċernat b’detriment għal dan il-fornitur, piż mhux iġġustifikat għal dan tal-aħħar, fis-sens tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/22 (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 50). |
|
76 |
Sa fejn id-deterjorament tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ fornitur ta’ servizz universali minħabba n-natura mhux iġġustifikata tal-piż impost fuqu minħabba l-obbligi tiegħu ta’ servizz universali jkun jippreġudika kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat, tali ċirkustanza tkun tista’ tikkomprometti l-kundizzjonijiet ta’ provvista tas-servizz universali u, fl-aħħar mill-aħħar, it-twettiq tal-għan li tiġi żgurata d-disponibbiltà, fl-Unjoni Ewropea kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi, stabbilit fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Eircom, C‑494/21, EU:C:2022:867, punt 51). |
|
77 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà bejn id-diversi servizzi ta’ telekomunikazzjoni, b’mod partikolari, bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli, tista’ tikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-eżami tal-ambjent kompetittiv li fih jevolvi fornitur ta’ servizz universali, sa fejn din tinvolvi l-identifikazzjoni tal-kompetituri ta’ dan il-fornitur, id-determinazzjoni tal-partijiet mis-suq tad-diversi atturi u l-evalwazzjoni tal-pressjoni kompetittiva li operaturi oħra jeżerċitaw fuq l-imsemmi fornitur. |
|
78 |
Madankollu, l-eżami tal-ambjent kompetittiv li fih jevolvi fornitur ta’ servizz universali ma jistax ikun suġġett għall-evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli, iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet kompetittivi kollha li għalihom huwa suġġett dan il-fornitur, inklużi dawk li huma inqas effettivi u immedjati mis-sostituzzjoni tat-talba. |
|
79 |
Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 71 sa 78 tagħha huma applikabbli mutatis mutandis għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33. |
|
80 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-Deċiżjoni 18/21/CIR, l-AGCOM, minn naħa, ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 74 sa 78 ta’ din is-sentenza, peress li hija qieset li, għalkemm is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli ma kinux perfettament sostitwibbli u peress li, għaldaqstant, dan ma kienx suq uniku, is-servizzi ta’ telefonija mobbli kienu madankollu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva dejjem tikber fuq is-servizzi ta’ telefonija fissa, fil-forma ta’ telf ta’ volumi u ta’ dħul mill-operaturi tat-telefonija fissa, b’mod partikolari meta l-klijenti jiddeċiedu li jużaw biss it-telefon mobbli tagħhom jew li jużaw it-telefon mobbli tagħhom u li jżommu s-servizz ta’ network fiss, iżda li jużaw is-servizz tat-telefonija mobbli wkoll mid-dar tagħhom, u, min-naħa l-oħra, eżaminat elementi oħra tal-kuntest kompetittiv. |
|
81 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-punt (b) tad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq il‑punt (a) tad‑domanda
|
82 |
Permezz tal-punt (a) tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissuġġettax il-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fil-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli. |
|
83 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/33 jirriżulta li, meta l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali ma’ “organi oħra li joperaw networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u/jew servizzi ta’ telefonija bil-leħen aċċessibbli għall-pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huma għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. |
|
84 |
Bl-istess mod, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/22 jipprevedi li, meta, abbażi tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali, l-ARN jikkonstataw li impriża hija suġġetta għal piż mhux iġġustifikat, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, fuq talba ta’ impriża nnominata, li jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex jikkumpensaw lil din l-impriża għall-ispejjeż netti hekk kif ġew ikkalkolati, taħt kundizzjonijiet ta’ trasparenza u minn fondi pubbliċi, u/jew li jqassmu din l-ispiża netta bejn “il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”. |
|
85 |
Issa, mill-espressjonijiet “organi oħra li joperaw networks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u/jew servizzi ta’ telefonija bil-leħen aċċessibbli għall-pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u “fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, użati f’dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jeskludi immedjatament lil ċerti fornituri ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari lill-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli, mill-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali. |
|
86 |
Barra minn hekk, b’differenza mill-esklużjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli mill-kunċett ta’ “servizz universali”, stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/22, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Base Company u Mobistar, C‑1/14, EU:C:2015:378, punti 32 sa 37), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma eskludiex lill-fornituri ta’ dawn is-servizzi mill-parteċipazzjoni f’dan il-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali. |
|
87 |
F’dak li jirrigwarda l-kuntest li taħtu jaqgħu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-premessa 23 tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta, essenzjalment, li l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali tista’ tinqasam, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ distorsjoni minima tas-suq, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, bejn l-impriżi kollha jew ċerti gruppi speċifikati ta’ impriżi u li l-kunċett ta’ “distorsjoni minima tas-suq” jimplika l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta’ din l-ispiża b’mod li, sa fejn ikun possibbli, inaqqas għall-minimu l-effett tal-piż finanzjarju sostnut mill-utenti finali, pereżempju permezz ta’ qsim tal-kontribuzzjonijiet l-iktar wiesa’ possibbli. |
|
88 |
Min-naħa l-oħra, il-premessa 21 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji u jkun josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma dan il-prinċipju ma jipprekludihom milli jeżentaw mill-kontribuzzjoni lill-parteċipanti l-ġodda li l-parti mis-suq tagħhom tkun għadha ma tkunx sinjifikattiva. |
|
89 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni u mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddefinixxu ċ-ċirku ta’ parteċipanti fil-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ rekwiżiti, espressament imfakkra f’dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
90 |
F’dan ir-rigward, għalkemm ma huwiex eskluż li kriterji ta’ qsim li jieħdu inkunsiderazzjoni l-intensità tal-pressjoni kompetittiva li jeżerċitaw is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fuq is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fissa minħabba l-grad ta’ sostitwibbiltà ftit jew wisq sinjifikattiv bejn dawn is-servizzi, il-proporzjon tal-użu li l-fornituri tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli jagħmlu min-networks ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi jew il-vantaġġi li dawn tal-aħħar jiksbu mill-provvista tas-servizz universali jistgħu jitqiesu li huma konformi mal-prinċipji msemmija fil-punti 83, 84, 87 u 88 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 97/33 u 2002/22 ma jistax jiġi dedott li dawn tal-aħħar jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli fil-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tas-servizz universali għall-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ sostitwibbiltà bejn dawn is-servizzi tal-aħħar u s-servizzi ta’ telefonija fissa. |
|
91 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument ta’ Vodafone Italia bbażat fuq il-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996 u lanqas mill-argument tagħha li jeżisti xebh bejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u dik fil-qasam tas-servizzi postali, b’mod li għandhom jiġi applikati għat-tilwim fil-kawżi prinċipali, b’analoġija, il-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49), li minnha jirriżulta li d-determinazzjoni tal-impriżi msejħa jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens intiż għall-finanzjament tas-servizz universali timplika li jiġi eżaminat jekk is-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi jistgħux, mill-perspettiva tal-utent, jitqiesu li jaqgħu taħt is-servizz universali peress li għandhom grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà miegħu, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħha. |
|
92 |
Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-komunikazzjoni tas‑27 ta’ Novembru 1996, għandu jiġi rrilevat li din ma tistabbilixxix obbligu ġenerali, għall-Istati Membri, li jissuġġettaw il-parteċipazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli fil-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tas-servizz universali għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija mobbli u s-servizzi ta’ telefonija fissa. |
|
93 |
Hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 8 tal-Parti 3 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea kienet indikat biss li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-proċeduri ta’ liċenzji jew ta’ komunikazzjonijiet relatati mat-telefonija bil-vuċi u mal-provvista ta’ networks pubbliċi li l-Istati Membri kellhom jinnotifikaw qabel l‑1 ta’ Jannar 1997, skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE tat‑13 ta’ Marzu 1996 li temenda d-Direttiva 90/388/KEE f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1996, L 74, p. 13), hija teżamina jekk, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni tal-operaturi l-ġodda u/jew tal-operaturi tat-telefonija mobbli għall-ispiża netta tas-servizz universali, il-piż li dawn l-atturi jkollhom kienx maqsum skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji kif ukoll b’osservanza għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ sostitwibbiltà bejn it-telefonija mobbli u s-servizz ta’ telefonija bil-vuċi fissa |
|
94 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet ipprevediet it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-grad ta’ sostitwibbiltà, l-iktar l-iktar, bħala li jikkostitwixxi element, fost oħrajn, tal-evalwazzjoni tagħha tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
95 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-premessa 27 tad-Direttiva 2008/6, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Direttivi 97/33 u 2002/22 ma jinkludux premessa jew dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha hija analoga għal dik tal-premessa 27. |
|
96 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissuġġettax il-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fil-mekkaniżmu ta’ qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ telefonija fissa u s-servizzi ta’ telefonija mobbli, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun tosserva, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ oġġettività u ta’ tnaqqis tal-effett tal-piż finanzjarju sostnut mill-utenti finali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
97 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet bil-għan li jiġi żgurat servizz universali u li tiġi żgurata l-interoperabbiltà permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP), u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.