|
13.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 266/4 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1195
tat-12 ta’ Awwissu 2020
li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK. |
|
(2) |
Fil-5 ta’ Awwissu 2020, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-KSNU, żied persuna waħda mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK huwa b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
ANNESS
Fil-lista li tinsab fil-Parti A (Persuni) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK, il-persuna li ġejja tiżdied ma':
A. Persuni
“ 14. Bi Sidi SOULEMAN (magħruf ukoll bħala: a) Sidiki b) 'General' Sidiki c) Sidiki Abbas d) Souleymane Bi Sidi e) Bi Sidi Soulemane)
Deżinjazzjoni: Il-President u l-'ġeneral' awtoproklamat ta' Retour, Réclamation et Réhabilitation (3R)
Data tat-twelid: 20 ta' Lulju 1962
Post tat-twelid: Bocaranga, Repubblika Ċentru-Afrikana
Nazzjonalità: Repubblika Ċentru-Afrikana
Nru tal-passaport: Laissez-passer Nru N°235/MISPAT/DIRCAB/DGPC/DGAEI/SI/SP, maħruġ fil-15 ta' Marzu 2019 (maħruġ mill-Ministru għall-Intern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana)
Indirizz: Koui, Ouham-Pendé prefecture, Repubblika Ċentru-Afrikana
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 5 ta' Awwissu 2020
Informazzjoni oħra: Bi Sidi Souleman imexxi l-grupp ta' milizzja Retour, Réclamation et Réhabilitation (3R) ibbażat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) li qatel, ittortura, u sposta lil persuni ċivili u li kien involut fit-traffikar tal-armi, attivitajiet ta' tassazzjoni illegali, u gwerra ma' milizzji oħrajn minn mindu nħoloq fl-2015. Bi Sidi Souleman innifsu pparteċipa wkoll fit-tortura. Fis-6 ta' Frar 2019, 3R iffirma l-Ftehim Politiku għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fir-RĊA iżda involva ruħu f'atti li jiksru l-Ftehim u jibqa' ta' theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RĊA. Pereżempju, fil-21 ta' Mejju 2019, 3R qatel 34 persuna ċivili mhux armati fi tliet villaġġi, qatel b'mod sommarju irġiel adulti. Bi Sidi Souleman kkonferma b'mod miftuħ lil Entità tan-NU li huwa kien ordna elementi li jagħmlu parti minn 3R biex jidħlu fil-villaġġi fid-data tal-attakki, iżda ma ammettiex li ta l-ordnijiet lil 3R biex joqtlu.
Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:
Bi Sidi Souleman ġie elenkat fil-5 ta' Awwissu 2020 skont il-paragrafu 20 u l-paragrafu 21(b) tar-Riżoluzzjoni 2399 (2018), estiża mill-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 2507 (2020), billi kien involut jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż atti li jheddu jew ifixklu l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni jew li jinstigaw il-vjolenza; u billi kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana li jiksru d-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk li jinvolvu attakki fuq il-persuni ċivili, attakki fuq bażi etnika jew reliġjuża, attakki fuq objettivi ċivili, inkluż ċentri amministrattivi, qrati, skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat.
Informazzjoni addizzjonali:
President u 'ġeneral' awtoproklamat tal-grupp armat Retour, Réclamation et Réhabilitation (3R), Bi Sidi Souleman kien involut f'atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tar-RĊA u, b'mod partikolari, li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fir-RĊA ffirmat fis-6 ta' Frar 2019 f'Bangui.
Hu u ġellieda taħt il-kmand tiegħu wettqu atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew tad-dritt umanitarju internazzjonali. Fil-21 ta' Mejju 2019, 3R qatel 34 persuna ċivili mhux armati fi tliet villaġġi (Koundjili, Lemouna u Bohong), qatel b'mod sommarju irġiel adulti.
Taħt it-tmexxija tiegħu, elementi li jagħmlu parti minn 3R wettqu atti li jinvolvu vjolenza sesswali u sessista. F'Settembru 2017, matul attakk kontra Bocaranga, elementi li jagħmlu parti minn 3R stupraw bosta nisa u bniet. Bejn Marzu u April 2020, elementi li jagħmlu parti minn 3R kienu involuti f'seba' każijiet ta' vjolenza sesswali fi tliet villaġġi fil-prefettura ta' Ouham-Pendé.
Taħt it-tmexxija tiegħu, 3R kompla jimpedixxi r-restawr tal-awtorità tal-istat fiż-żoni ta' operazzjoni tagħha billi żamm sistemi ta' tassazzjoni illegali, speċjalment fuq l-attivitajiet ta' transumanza u fuq il-vjaġġaturi, u kien involut fl-isfruttament illegali tad-deheb fil-prefetturi ta' Mambéré-Kadéï u Nana-Mambéré.
Fl-2019, taħt it-tmexxija tiegħu, 3R wettaq l-ewwel ksur tiegħu tal-Ftehim ta' Paċi. Bi Sidi Souleman għall-bidu rrifjuta li jibda d-diżarm u d-demobilizzazzjoni tal-ġellieda ta' 3R li suppost jipparteċipaw fl-ewwel unità speċjali ta' sigurtà mħallta fil-punent tar-RĊA u 3R kompla wkoll jespandi l-kontroll tiegħu fuq territorji li ġiegħlu lill-MINUSCA tniedi operazzjoni fil-prefetturi ta' Ouham-Pendé, Nana-Mambéré, u Mambéré-Kadéï f'Settembru 2019, kif ukoll fit-traffikar tal-armi sabiex jibnu l-kapaċitajiet militari u fir-reklutaġġ ta' ġellieda minn barra l-pajjiż.
Fl-2020, taħt it-tmexxija tiegħu, 3R kompla jwettaq ksur tal-ftehim ta' Paċi u jespandi l-kontroll tiegħu fuq it-territorji tal-Punent. F'Mejju 2020, elementi li jagħmlu parti minn 3R okkupaw il-gendarmerie ta' Besson fil-prefettura ta' Nana-Mambéré u elementi li qabel kienu jagħmlu parti minn 3R telqu mill-Bouar USMS. Fil-5 ta' Ġunju 2020, Bi Sidi Souleman ħabbar is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' 3R fil-mekkaniżmi ta' segwitu tal-Ftehim sa ma jingħata avviż ieħor. Fid-9 ta' Ġunju 2020, elementi preżunti jagħmlu parti minn 3R attakkaw il-kamp ta' taħriġ tal-USMS ta' Bouar kif ukoll il-punt ta' kontroll konġunt ta' MINUSCA u tal-forzi nazzjonali f'Pougol. Fil-21 ta' Ġunju 2020, elementi li jagħmlu parti minn 3R attakkaw pattulja konġunta ta' MINUSCA u l-forzi nazzjonali qrib Besson li wassal għall-mewt ta' tliet suldati Ċentru-Afrikani.”