21.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/238

tal-21 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/243 tal-21 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar il-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 (2) iġib fis-seħħ diversi miżuri previsti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK (3), inkluż l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi.

(2)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fil-Myanmar/Burma, fil-21 ta’ Frar 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/243, li żiedet 22 persuna u erba’ entitajiet mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi stipulata fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK.

(3)

Biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati tan-nomina ta’ waħda minn dawk l-entitajiet, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/243, li tintroduċi fid-Deċiżjoni 2013/184/PESK deroga ġdida fir-rigward tal-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal dik l-entità. Dik id-deroga tippermetti lill-operaturi tal-Unjoni jwettqu d-dekummissjonar tal-bjar taż-żejt u tal-gass f’konformità mal-istandards internazzjonali u jtemmu l-kuntratti ma’ dik l-entità.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 401/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Biex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) Nru 401/2013, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 4db

B’deroga mill-Artikolu 4a, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu għall-entità elenkata fl-entrata 10 fl-Anness IV, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità, taħt dawk il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għal:

(a)

il-kompiti relatati mad-dekummissjonar tal-bjar taż-żejt u tal-gass f’konformità mal-istandards internazzjonali, bħar-rimi tal-iskart, l-attivitajiet ta’ rimedju tas-sit meħtieġa għas-sikurezza u r-restawr ambjentali, l-għoti ta’ assistenza teknika relatata, u l-ħlas ta’ taxxi u dazji relatati, kif ukoll is-salarji u l-benefiċċji soċjali lill-impjegati; jew

(b)

it-trasferiment qabel il-31 ta’ Lulju 2022 ta’ ishma jew interessi neċessarju għat-terminazzjoni ta’ kuntratti konklużi mal-entità elenkata fl-entrata 10 fl-Anness IV qabel il-21 ta’ Frar 2022.’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta’ April 2013 dwar il-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).