European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6866

28.11.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-tisħiħ tas-segwitu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ permezz ta’ linji gwida dwar il-monitoraġġ u t-trasparenza

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/6866)

Relatur:

Katrīna LEITĀNE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

4.9.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

18.9.2024

Sessjoni plenarja Nru

590

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika, l-iżvilupp tal-politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet hija rikonoxxuta bħala komponent vitali ta’ demokrazija b’saħħitha u adatta għall-ġenerazzjonijiet kollha (1). Sabiex ikunu sinifikanti, il-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu trasparenti għal kull parti kkonċernata (2), u jibnu l-fiduċja fost l-atturi u l-ġenerazzjonijiet kollha (3). L-interessi u t-tħassib taż-żgħażagħ jeħtieġ li jiġu kkunsidrati f’kull stadju taċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika, waqt li jitqies li l-politiki dwar iż-żgħażagħ huma fil-biċċa l-kbira kwistjoni fil-kompetenza tal-Istati Membri.

1.2.

Waqt li huwa rikonoxxut li ż-żgħażagħ li għandhom id-dritt tal-vot u joħorġu bħala kandidati għall-elezzjoni jistgħu jkunu rappreżentati f’sistemi demokratiċi, u li huma rappreżentati minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u djalogu ċivili, qed issir ħidma mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex isaħħu dejjem aktar l-aspetti li jikkonċernaw liż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE, pereżempju, it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE (4). Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (minn issa ’l quddiem “id-Djalogu”) huwa mekkaniżmu ieħor li jippermetti liż-żgħażagħ isiru parti mill-proċessi demokratiċi fil-livell tal-UE.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ involviment u parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għandu jitfassal b’tali mod li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-multiplikazzjoni tal-kompiti u r-rwoli. F’dan il-qafas, kull mekkaniżmu ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, bħad-Djalogu, għandu jinvolvi liż-żgħażagħ fl-għażla tas-suġġetti u fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u d-disseminazzjoni. Iż-żgħażagħ għandhom ukoll, meta applikabbli, ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’attivitajiet u deliberazzjonijiet ta’ segwitu. Għalhekk, għandu jkun hemm fis-seħħ strateġiji ta’ monitoraġġ u disseminazzjoni (5) f’kull mekkaniżmu ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ biex iż-żgħażagħ ikunu infurmati dwar l-impatt li kellha l-parteċipazzjoni tagħhom (6), inkluż fil-proċessi tad-Djalogu.

1.4.

Il-KESE qed jipproponi li jitfasslu linji gwida biex jappoġġjaw il-monitoraġġ u t-tixrid tal-eżiti u l-impatt tad-Djalogu, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ġestjoni fit-tul, sostenibbli u li tiffunzjona tajjeb tad-Djalogu, inkluż l-istabbiliment ta’ proċessi ta’ memorja istituzzjonali biex jiżdiedu l-ftuħ, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċess tad-Djalogu.

1.5.

Ir-rwol potenzjali tal-KESE fid-Djalogu se jkompli jiġi esplorat, pereżempju, billi jkun sieħeb tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ tal-UE jew billi jikkoopera mal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill tal-UE fil-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew sabiex tissaħħaħ ir-rabta mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-involviment tagħhom fil-proċess tad-Djalogu.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Id-Djalogu huwa mekkaniżmu konsultattiv ikkoordinat mit-Triju ta’ Presidenzi tal-Kunsill tal-UE. Kull Stat Membru tal-Presidenza tal-UE jressaq il-prijoritajiet u jmexxi l-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Djalogu matul il-mandat tiegħu ta’ sitt xhur. Il-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew huwa pjattaforma għat-Triju ta’ Presidenzi biex jiltaqgħu regolarment u jikkoordinaw il-proċessi tad-Djalogu. Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa membru permanenti tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew u jipprovdi appoġġ amministrattiv. Il-gruppi ta’ ħidma nazzjonali qed iwettqu konsultazzjonijiet u attivitajiet oħra tad-Djalogu fil-livell nazzjonali. Ir-riċerkaturi li jintgħażlu permezz ta’ sejħiet miftuħa ilhom jappoġġjaw il-metodoloġija u l-analiżijiet fil-proċessi tad-Djalogu mill-2017 ’l hawn.

2.2.

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (7) hija d-dokument ta’ politika ġenerali ewlieni li jistabbilixxi u jiddefinixxi d-Djalogu, il-proċessi u l-objettivi tiegħu; tagħmilha ċara wkoll li l-Erasmus+ Żgħażagħ huwa wieħed mill-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni ewlenin tad-Djalogu (8). Dan l-aħħar twettqet evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (9) u għaddej eżerċizzju simili fil-każ ta’ Erasmus+ Żgħażagħ (10), li t-tnejn għandhom l-għan li jistabbilixxu liema mekkaniżmi ġew implimentati bl-aħjar mod possibbli u liema aġġustamenti jistgħu jkunu meħtieġa biex jintlaħqu aħjar l-għanijiet ta’ dawn l-inizjattivi. Ir-riżoluzzjoni li tistabbilixxi proċessi ta’ governanza li japplikaw għad-Djalogu tiddeskrivi b’mod espliċitu (fil-para. 15) proċess ta’ rieżami għal aġġustamenti adegwati wara l-2024 (11). Dan jippreżenta opportunità biex jiġi żviluppat aktar id-Djalogu, jiġifieri t-trasparenza u l-akkontabbiltà tiegħu fir-rigward taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati oħra. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet espliċiti taċ-ċiklu attwali tad-Djalogu (l-għaxar ċiklu) huwa li jissaħħu u jiġu żviluppati aktar il-proċessi tad-Djalogu (12), u rapport ta’ evalwazzjoni diġà disponibbli jsemmi b’mod ċar il-monitoraġġ u l-ġbir tad-data fost ir-rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp ulterjuri tad-Djalogu (13).

2.3.

Ir-riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-qafas operazzjonali tad-Djalogu tiddikjara b’mod ċar li huwa neċessarju li jiġu żgurati “evalwazzjoni parteċipattiva taċ-ċiklu, kif ukoll il-monitoraġġ, is-segwitu, l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati tad-djalogu tal-UE maż-żgħażagħ” (14). Madankollu, għandu jiġi nnutat li d-Djalogu huwa implimentat minn diversi Stati Membri tal-UE u, għalhekk, l-awtorità ta’ koordinazzjoni fil-prattika tinbidel kull sitt xhur minħabba l-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Il-possibbiltà li jiġu stabbiliti linji gwida biex jappoġġjaw lill-pajjiżi tal-presidenza biex jiġi żgurat li l-monitoraġġ u d-disseminazzjoni jitwettqu b’mod konsistenti fiċ-ċikli kollha tad-Djalogu hija deskritta fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (15).

2.4.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tad-disa' ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ tindika wkoll il-ħtieġa għal approċċ unifikat u sistematiku għall-monitoraġġ u d-disseminazzjoni (16).

2.5.

Deliberazzjonijiet importanti dwar il-monitoraġġ u d-disseminazzjoni tal-eżiti tad-Djalogu reċentement ġew appoġġjati mill-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE. Bħala wieħed mir-riżultati tal-10 ċiklu tad-Djalogu, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Soċjetajiet Inklużivi għaż-Żgħażagħ ġew adottati f’Mejju 2024, f’liema ssir enfasi fuq l-importanza tal-monitoraġġ, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-eżiti tad-Djalogu (punt 47). Barra minn hekk, il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE organizzat laqgħa tal-Kunsill taż-Żgħażagħ tal-UE li laqqgħet flimkien il-Ministri taż-Żgħażagħ mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll rappreżentanti tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. L-appoġġ għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u feedback li permezz tagħhom l-eżiti tad-Djalogu jinġabru u jitqassmu liż-żgħażagħ ġie diskuss u ntlaqa’ b’mod mifrux mill-partijiet preżenti.

2.6.

Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex jikkunsidraw approċċ unifikat u sistematiku għall-monitoraġġ u d-disseminazzjoni tal-eżiti tad-Djalogu fil-forma ta’ linji gwida. Il-KESE jirrikonoxxi li tali linji gwida għandhom il-potenzjal li jappoġġjaw l-ilħuq tal-objettivi tad-Djalogu u jżidu l-aċċess miftuħ, it-trasparenza u l-akkontabilità lejn għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ li jipparteċipaw fil-proċessi tad-Djalogu, kif ukoll lejn miljuni oħrajn li għalihom l-eżiti u l-impatt huma rilevanti. Huma għandhom ukoll il-potenzjal li joħolqu bażi għal monitoraġġ kontinwu fit-tul tad-Djalogu u għal evalwazzjonijiet ta’ kwalità, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza u l-iżvilupp ibbażat fuq l-evidenza tad-Djalogu nnifisu fil-futur.

2.7.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmijin hawn fuq ta’ trasparenza u parteċipazzjoni sinifikanti fid-Djalogu, il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-monitoraġġ tal-politika u eżiti u impatti oħra, u biex ixerrdu kwalunkwe informazzjoni miġbura. L-għanijiet ta’ monitoraġġ u disseminazzjoni jinkludu l-appoġġ għas-sensibilizzazzjoni dwar l-eżiti u l-impatt tad-Djalogu, it-twessigħ u l-approfondiment tal-għarfien espert taż-żgħażagħ f’suġġetti ttrattati fid-Djalogu, l-għoti ta’ bażi għal diversi sforzi ta’ evalwazzjoni marbuta mad-Djalogu, il-kontribut għat-trasparenza tal-proċessi demokratiċi fl-Unjoni Ewropea u l-bini tal-fiduċja bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet demokratiċi. Dawn l-għanijiet kollha huma konformi mad-deliberazzjonijiet kurrenti (17).

2.8.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja kienet appoġġjata permezz ta’ stħarriġ li tfassal mill-konsulent u r-relatur tal-Opinjoni, kif ukoll deliberazzjonijiet madwar mejda, konsultazzjonijiet individwali jew fi gruppi u deliberazzjonijiet ripetuti tal-grupp ta’ studju tal-KESE. Dawn l-attivitajiet kollha laqqgħu flimkien atturi rilevanti tad-Djalogu bħall-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE involuti fil-presidenzi tal-Kunsill tal-UE, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE (eż. il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ), esperti fil-komunikazzjoni u l-analiżi (eż. Eurodesk, riċerkaturi taż-żgħażagħ involuti fid-Djalogu), jew organizzazzjonijiet internazzjonali taż-żgħażagħ (eż. il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw il-ġestjoni fit-tul, sostenibbli u li tiffunzjona tajjeb tad-Djalogu, inkluż l-istabbiliment ta’ proċessi ta’ memorja istituzzjonali u ta’ bini tal-kapaċità. Dan jista’ jinkiseb billi jiġi stabbilit segretarjat fit-tul tad-Djalogu li jappoġġja l-proċessi tad-Djalogu tul diversi presidenzi u jipprovdi kontinwament għarfien espert, amministrazzjoni u ġestjoni tad-data, u saħansitra servizzi ta’ bini tal-kapaċità rigward id-Djalogu għall-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew. Segretarjat tad-Djalogu bħal dan jista’ jibni fuq l-għarfien espert tal-atturi rilevanti li diġà huma attivi fil-proċessi tad-Djalogu, pereżempju billi jlaqqa’ flimkien korp internazzjonali mmexxi miż-żgħażagħ b’għarfien espert rilevanti tad-Djalogu (eż. atturi b’esperjenza, bħall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ), korp espert ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ (eż. organizzazzjonijiet b’rekord eċċellenti fl-għoti ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, bħall-Eurodesk) u rappreżentant tal-Kummissjoni (eż. attur b’esperjenza bħall-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ).

3.2.

Il-KESE jemmen li l-monitoraġġ tal-eżiti tal-politika tad-Djalogu għandu jitwettaq fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Fil-livell tal-UE, ġbir aħjar ta’ informazzjoni jista’ jtejjeb is-segwitu ta’ attivitajiet differenti relatati mad-Djalogu. Għal dan l-għan tista’ tinġabar l-informazzjoni li ġejja: id-dokumenti ta’ politika maħluqa bħala riżultat tad-Djalogu (eż. il-konklużjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill); id-dokumenti ta’ politika li jibnu fuq l-eżiti tad-Djalogu (eż. pjani ta’ azzjoni, strateġiji, inizjattivi ta’ politika u miżuri); u dibattiti ta’ politika li jibnu fuq id-Djalogu jew jinbdew bħala riżultat tiegħu (eż. deliberazzjonijiet f’laqgħat tad-diretturi ġenerali għaż-żgħażagħ, deliberazzjonijiet fil-Kunsill tal-UE, eċċ.). Il-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ, li jaħdem fi ħdan il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-presidenzi tal-Kunsill, jinsab f’pożizzjoni tajba biex jimmonitorja l-eżiti msemmija hawn fuq fil-livell tal-UE, u għandu jkun hemm disponibbli biżżejjed riżorsi biex jappoġġjaw lill-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ f’dan il-kompitu. Fil-livell tal-Istati Membri, tista’ tiġi kkumpilata l-informazzjoni li ġejja: id-dokumenti ta’ politika relatati mal-eżiti tad-Djalogu jew li jibnu fuqhom (eż. politiki nazzjonali, strateġiji, pjani ta’ azzjoni, eċċ.). Il-monitoraġġ jista’ jinkludi wkoll livelli reġjonali, meta rilevanti, speċjalment meta r-reġjuni jkollhom responsabbiltà għal ċerti oqsma ta’ politika. Il-monitoraġġ jista’ jinkludi kemm miżuri vinkolanti kif ukoll miżuri mhux vinkolanti. Barra minn hekk, iċ-ċarezza tar-rwoli u r-responsabbiltajiet hija kruċjali fid-dawl tal-kumplessità tad-Djalogu. Il-gruppi ta’ ħidma nazzjonali tad-Djalogu jinsabu f’pożizzjoni tajba biex iwettqu monitoraġġ tal-eżiti tad-Djalogu fil-livelli nazzjonali, u għandu jkun hemm disponibbli biżżejjed riżorsi u gwida biex jappoġġjaw lill-gruppi ta’ ħidma nazzjonali f’dan il-kompitu (18). Bl-istess mod, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ jinsab f’pożizzjoni tajba biex jappoġġja lill-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew fil-koordinazzjoni tal-monitoraġġ tad-Djalogu.

3.3.

Kull dokument miġbur jista’ jiġi deskritt fil-qosor f’nota ta’ akkumpanjament li tispjega dan li ġej: l-isem tad-dokument, l-awtur/l-oriġini (eż. korp speċifiku f’ministeru jew f’dipartiment tal-istituzzjonijiet tal-UE) u r-rilevanza. Spjegazzjonijiet dwar ir-“rilevanza” jistgħu jinvolvu deskrizzjoni qasira ta’ kif dokument partikolari huwa relatat mal-proċessi jew l-eżiti tad-Djalogu, kif jibni jew jirrelata ma’ eżiti oħra tad-Djalogu, u jekk huwiex vinkolanti jew le.

3.4.

Informazzjoni dwar riżultati ulterjuri tista’ tinġabar ukoll fil-qasam tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ innifisha. Tali eżiti jistgħu jinkludu attivitajiet organizzati għaż-żgħażagħ u minnhom b’rabta mal-eżiti jew il-proċessi tal-politika tad-Djalogu (eż. vidjows edukattivi), bidliet strutturali fil-proċessi ta’ parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ marbuta mad-Djalogu (eż. kooperazzjoni aktar strutturata u frekwenti bejn il-korpi taż-żgħażagħ u l-ministeri) u attivitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ segwitu (eż. proġetti tal-Azzjoni Ewlenija 3 tal-Erasmus+ relatati mal-eżiti tad-Djalogu). Dawn għandhom jissejħu eżiti parteċipattivi tad-Djalogu sabiex issir distinzjoni mill-eżiti tal-politika deskritti fil-punti preċedenti.

3.5.

Il-kompilazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-eżiti tad-Djalogu tista’ titwettaq f’intervalli miftiehma minn qabel (eż. darba matul kull presidenza tal-Kunsill tal-UE, jew darba fis-sena) u tista’ tiffoka fuq iċ-ċikli kollha tad-Djalogu – dak preċedenti kif ukoll dak kurrenti. Dan joħloq opportunità biex jiġu segwiti politiki u eżiti oħra li huma marbuta ma’ ċertu ċiklu tad-Djalogu, iżda li nħolqu wara li jkun tlesta ċ-ċiklu partikolari.

3.6.

Għandu jiġi stabbilit repożitorju online fejn ikunu disponibbli d-dokumenti miġbura f’konformità mal-pjattaformi eżistenti (19) u f’konformità mal-prattika tajba kurrenti fil-qasam tal-preżentazzjoni ta’ data miftuħa. Korp espert fil-qasam tal-informazzjoni għaż-żgħażagħ (eż. organizzazzjonijiet b’rekord eċċellenti fl-għoti ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, bħall-Eurodesk) jista’ jingħata r-responsabbiltà għall-istabbiliment u l-manutenzjoni tar-repożitorju, b’appoġġ minn riżorsi suffiċjenti. Ir-repożitorju għandu jkun faċli għall-utenti, miftuħ, bla ħlas, jista’ jitfittex u ijġi aġġornat b’mod regolari; għandu jkun fih noti ta’ akkumpanjament kif ukoll id-dokumenti miġbura disponibbli għat-tniżżil. Jista’ jkun possibbli li r-repożitorju jintuża għall-eżiti ta’ proċessi oħra ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE, fost l-oħrajn panels taċ-ċittadini u attivitajiet tal-KESE għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, bir-repożitorju li jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni u l-bini tal-għarfien f’diversi mekkaniżmi tal-UE għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Ir-repożitorju joħloq bażi ta’ evidenza u data għad-disseminazzjoni u l-komunikazzjoni tal-attivitajiet deskritti hawn taħt, inklużi – iżda mhux biss – diversi evalwazzjonijiet, tħejjijiet għal ċikli futuri tad-Djalogu, rapporti sommarji bħar-rapport triannwali tal-UE dwar iż-żgħażagħ, u l-ħidma ta’ korpi ddedikati għaż-żgħażagħ, bħall-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ tal-UE (20). Tista’ tiġi żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni biex titqajjem kuxjenza dwar ir-repożitorju online fost il-partijiet ikkonċernati tad-Djaloguu fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ b’mod ġenerali sabiex tiġi massimizzata l-utilità tar-repożitorju nnifsu, u b’hekk tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet miċ-ċikli preċedenti tad-Djalogu (21).

3.7.

Il-monitoraġġ tal-eżiti tad-Djalogu għandu jiġi kkoordinat mill-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew. F’konformità mar-rwol tiegħu kif definit fir-riżoluzzjoni tal-2019, il-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew jista’ jkun responsabbli għall-ġbir tad-data mil-livelli nazzjonali u tal-UE, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati elenkati hawn taħt. Il-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew jista’ jkun responsabbli wkoll għall-ipproċessar u l-pubblikazzjoni tad-data, potenzjalment appoġġjat mis-segretarjat fit-tul tad-Djalogu li għadu kif ġie stabbilit (ara l-punt 3.2). Għandhom ikunu disponibbli riżorsi adegwati biex is-segretarjat fit-tul tad-Djalogu li għadu kif ġie stabbilit ikun jista’ jwettaq dawn il-kompiti.

3.8.

Il-monitoraġġ tal-impatt tad-Djalogu jista’ jitwettaq f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati eżistenti bħall-Eurostat u korpi rilevanti oħra. L-istatistika tal-Eurostat relatata mal-eżiti tad-Djalogu, bħal pjani ta’ azzjoni konkreti, u politiki u inizjattivi li diġà ġew implimentati, tista’ tiġi rrapportata regolarment mill-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew u aġġornata fit-taqsima rilevanti tar-repożitorju online. Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u pubblikazzjonijiet oħra li jkejlu l-impatt ta’ diversi politiki relatati mad-Djalogu jistgħu jiġu kkompilati mill-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew permezz tal-mezzi msemmija hawn fuq u ppubblikati fit-taqsima rilevanti tar-repożitorju online.

3.9.

Id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-eżiti u l-impatt tad-Djalogu għandha tinvolvi organizzazzjonijiet b’rekord eċċellenti fl-għoti ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew, bħall-Eurodesk, u tibni fuq il-kapaċitajiet tagħhom kif ukoll tappoġġjahom fiż-żamma tal-għarfien espert u l-bini tal-kapaċitajiet. Tista’ tiġi stabbilita strateġija dedikata ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni tad-Djalogu, akkumpanjata minn riżorsi adegwati. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni tad-Djalogu tista’ tiżgura komunikazzjonijiet koerenti u konsistenti fit-tul tad-Djalogu, b’appoġġ għad-Djalogu taħt presidenzi differenti tal-Kunsill tal-UE. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni tad-Djalogu jista’ jkollha bħala għan id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-eżiti u l-impatt tad-Djalogu, is-sensibilizzazzjoni dwar il-proċessi tad-Djalogu fost iż-żgħażagħ b’mod ġenerali (eż. f’kooperazzjoni ma’ setturi rilevanti oħra, bħall-edukazzjoni formali), it-tħeġġiġ tal-parteċipanti ġodda biex jieħdu sehem b’mod attiv fil-proċessi tad-Djalogu fil-pajjiż kollu (eż. bħala parti minn konsultazzjonijiet nazzjonali) u fil-livell tal-UE (eż. matul il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u billi jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ disseminazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE), u l-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet tal-gruppi ta’ ħidma nazzjonali tad-Djalogu. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni tad-Djalogu għandha tuża diversi metodi, formati u pjattaformi ta’ komunikazzjoni, u għandha tappoġġja wkoll atturi fil-livell nazzjonali bħala multiplikaturi u tuża formati, lingwi u approċċi inklużivi.

3.10.

L-analiżijiet u s-sommarji tal-iżviluppi fi ħdan id-Djalogu, kemm matul ċiklu partikolari (jiġifieri taħt Triju ta’ Presidenzi tal-Kunsill tal-UE speċifiku), kif ukoll fit-tul (eż. meta ssir enfasi fuq suġġett jew qasam ta’ politika partikolari li ttul diversi ċikli), jistgħu jiġu prodotti fuq bażi regolari. Dan jista’ jiġi kkoordinat mill-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew u l-korp espert li jimplimenta l-istrateġija ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni tad-Djalogu u jista’ potenzjalment jinvolvi diversi atturi, bħal riċerkaturi mill-Grupp ta’ Riċerkaturi Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, ikkoordinat mis-Sħubija taż-Żgħażagħ bejn l-UE u l-KtE, u riċerkaturi u esperti identifikati permezz ta’ sejħiet miftuħa għall-offerti, f’kooperazzjoni mal-Eurostat u korpi esperti oħra fil-livell tal-UE (eż.parteċipazzjoni u informazzjoni dwar SALTO) u b’modi oħra.

Brussell, it-18 ta’ Settembru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   567528-fit-for-generations-global-youth-report-highlights.pdf (oecd.org).

https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261953/PREMS+149821+GBR+2600+Study+on+Youth+political+participation+WEB+16x24+%281%29.pdf/d2ecb223-edda-a9d2-30f7-c77692a086bd.

https://app.box.com/s/e2stctnkiv14amhdugn12814cp1jx2ta.

(2)   https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261953/PREMS+149821+GBR+2600+Study+on+Youth+political+participation+WEB+16x24+%281%29.pdf/d2ecb223-edda-a9d2-30f7-c77692a086bd.

https://www.oecd.org/mena/governance/seven-key-findings-from-the-youth-governance-survey.pdf.

(3)   https://www.oecd.org/mena/governance/Young-people-in-OG.pdf.

(4)   https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_86.

(5)   Youth Participation Strategy (salto-youth.net) (Strateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ).

(6)   0017-20_FINAL_Policy20Paper20on20Quality20Youth20Participation.pdf (youthforum.org).

(7)   ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1

(8)  Ara pereżempju: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/programme-guide/part-b/key-action-3/youth-together.

(9)  Rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 COM/2024/162 final.

(10)   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13454-Erasmus%2B-2021-27-interim-evaluation-Erasmus%2B-2014-20-final-evaluation_mt.

(11)   ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1,

(12)  Il-para. 42: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9134-2023-INIT/mt/pdf.

(13)   https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47261884/Review+of+the+9+cycles+of+the+EU+Youth+Dialogue+%282010-2022%29+executive+summary.pdf/b95d939d-ffd2-382c-68f7-5597557d4e20?t=1708012066530.

(14)  Il-para. 9d: ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1.

(15)   Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, punt 9.

(16)   Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tad-disa’ ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, punti 12 u 19: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9134-2023-INIT/mt/pdf.

(17)  Rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (COM/2024/162 final).

(18)  F’konformità mad-dibattiti kurrenti, ara l-pożizzjoni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ: https://www.youthforum.org/policy-library/eu-youth-dialog-grants.

(19)  KtE https://www.coe.int/en/web/youth/official-documents.

Portal Ewropew taż-Żgħażagħ https://youth.europa.eu/strategy/library_mt.

Portal Ewropew taż-Żgħażagħ dwar id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ https://youth.europa.eu/get-involved/eu-youth-dialogue/previous-eu-youth-dialogue-consultations_mt.

Reġistru tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UEhttps://www.consilium.europa.eu/mt/documents-publications/public-register/council-concl/.

Youth Wiki platform https://national-policies.eacea.ec.europa.eu/youthwiki.

(20)  Il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ tal-UE għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea: https://youth.europa.eu/strategy/euyouthstrategygroup_mt.

(21)  Commission Staff Working Document on the Interim Evaluation of the EU Youth Strategy 2019-2027 (SWD/2024/90 final) [mhux disponibbli bil-Malti].


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6866/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)