SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
13 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 27 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika – Aġir li jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà – Rifjut ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza temporanja ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni minħabba rekords tal-pulizija – Rapport tal-pulizija mhux favorevoli minħabba arrest”
Fil-Kawża C‑62/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il‑Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
Pedro Francisco
vs
Sudelegación del Gobierno en Barcelona,
IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),
komposta minn Z. Csehi, President tal‑Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u D. Gratsias, Imħallef,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u E. Montaguti, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) u (2) tad‑Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pedro Francisco u s-Subdelegación del Gobierno en Barcelona (is-Subdelegazzjoni tal-Gvern f’Barcelona, Spanja, iktar ’il quddiem l-“awtorità kompetenti”) dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza temporanja bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […] 2) ‘membru tal-familja’ tfisser: […]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 27(1) u (2) tal-imsemmija direttiva: “1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi. 2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.” |
|
6 |
L-Artikolu 30 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom. 2. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.” |
Id‑dritt Spanjol
|
7 |
L‑Artikolu 2 tar-Real Decreto 240/2007, sobre entrada, libre circulación y residencia en España de ciudadanos de los Estados miembros de la Unión europea y de otros Estados parte en el Acuerdo sobre el Espacio Económico Europeo (id-Digriet Irjali 240/2007 dwar id-Dħul, il-Libertà ta’ Moviment u r-Residenza fi Spanja taċ-Ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-Oħra li Huma Partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), tas‑16 ta’ Frar 2007 (BOE Nru 51, tat‑28 ta’ Frar 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id‑“Digriet Irjali 240/2007”), jipprevedi: “Dan id-digriet irjali japplika wkoll, fit-termini previsti fih, għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (JO 1994, L 1, p. 3)], tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta dawn jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu, u li huma elenkati iktar ’il quddiem: […]
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 2bis ta’ dan id-Digriet Irjali 240/2007 jipprovdi: “[…] 3. L-applikazzjoni għal permess ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandha tkun akkumpanjata bid-dokumenti li ġejjin: […]
4. L-awtoritajiet għandhom jevalwaw każ b’każ is-sitwazzjoni personali tal-applikant u jieħdu deċiżjoni motivata, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:
5. Kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet għandha tkun motivata.” |
|
9 |
L-Artikolu 8(1) ta’ dan id-digriet irjali jipprovdi: “Il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-[Unjoni] jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet irjali, li ma humiex ċittadini ta’ wieħed minn dawn l-Istati, jistgħu, meta jakkumpanjaw lil dan tal-aħħar jew jingħaqdu miegħu, jirrisjedu fi Spanja għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, u huma suġġetti għall-obbligu li japplikaw għal u li jiksbu “permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.” |
|
10 |
L-Artikolu 15(1) u (5) tal-imsemmi digriet irjali huwa fformulat kif ġej: “1. Meta raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika hekk jimponu, waħda mill-miżuri li ġejjin tista’ tiġi adottata fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-[Unjoni] jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-membri tal-familji tagħhom:
Deċiżjoni ta’ tneħħija ma tistax tittieħed fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stat Membru tal-[Unjoni] jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew fir-rigward ta’ membri tal-familji tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jkunu kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti fi Spanja ħlief minħabba raġunijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. Bl-istess mod, qabel ma tittieħed tali deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza u tal-integrazzjoni soċjali u kulturali tal-persuna kkonċernata fi Spanja, tal-età tagħha, tal-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha, tas-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha kif ukoll tal-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha. […] 5. L-adozzjoni ta’ waħda mill-miżuri previsti fil-paragrafi 1 sa 4 ssir skont il-kriterji li ġejjin:
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11 |
Pedro Francisco, ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa s-sieħeb ta’ ċittadina Spanjola. L-unjoni tagħhom hija rreġistrata fir-reġistru tal-unjonijiet stabbli ta’ Cataluña (Spanja). Fil‑21 ta’ Diċembru 2021, huwa ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni quddiem l-awtorità kompetenti. |
|
12 |
Matul l-eżami ta’ din l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għamlet kuntatt mad-Dirección General de Policía (id-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija, Spanja), li ħareġ rapport mhux favorevoli minħabba arrest li Pedro Fancisco kien is-suġġett tiegħu, fit‑3 ta’ Lulju 2020, bħala awtur preżunt ta’ ksur għas-saħħa pubblika kif ukoll minħabba appartenenza għal organizzazzjonijiet u gruppi kriminali, mingħajr ma l-pulizija kienet wettqet riċerki sabiex tiddetermina jekk dan l-arrest kienx ta lok għal proċeduri kriminali. Dan ir-rapport jindika li r-rekords kriminali ta’ ta’ Pedro Francisco huma nodfa. |
|
13 |
Wara li l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza temporanja bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ġiet miċħuda, fl‑14 ta’ Ġunju 2022, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, Pedro Francisco ppreżenta rikors kontenzjuż amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
14 |
Din tesprimi dubji rigward ir-rilevanza tar-rekords tal-pulizija ta’ Pedro Francisco, jiġifieri l-arrest imsemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami ta’ din l-applikazzjoni. Fil-fatt, il-limitazzjonijiet għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, konformement mal‑Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, għandhom ikunu proporzjonati u bbażati esklużivament fuq l-aġir tal-persuna kkonċernata, li għandu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà. |
|
15 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li rekords tal-pulizija huma relatati biss ma’ fatti preżunti li jiġu imputati lill-persuna kkonċernata, li r-realtà tagħhom għandha tiġi stabbilita permezz ta’ provi li jiġu prodotti matul proċess u evalwati f’sentenza. Minn dan jirriżulta li ma jkunx possibbli li ssir evalwazzjoni negattiva dwar il-fatti li l-veraċità tagħhom ma ġietx stabbilita u, konsegwentement, li jiġi konkluż li dawn il-fatti jikkostitwixxu theddida reali. |
|
16 |
Barra minn hekk, din il-qorti tqis li, kieku kellu jitqies li rekords tal-pulizija jistgħu jservu bħala bażi sabiex titwettaq tali evalwazzjoni, ikun neċessarju, fid-dawl tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, li l-awtorità kompetenti ssemmi espressament u b’mod iddettaljat il-fatti li fuqhom ir-rekords tal-pulizija huma bbażati u l-proċeduri ġudizzjarji li għalihom huma eventwalment taw lok, sabiex jiġi kkonfermat li dawn ma humiex sempliċi preżunzjonijiet. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
|
18 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità nazzjonali kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni arrest li għalih kienet suġġetta l-persuna kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk l-aġir ta’ din il-persuna jikkostitwixxix theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, jekk ikun il-każ, bil-kundizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni, espressament u b’mod iddettaljat, il-fatti li fuqhom dan l-arrest huwa bbażat kif ukoll l-eventwali konsegwenzi ġudizzjarji tiegħu. |
|
19 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali tirriżulta mir-rifjut tal-awtorità kompetenti li tagħti lir-rikorrent fil-kawża prinċipali permess ta’ residenza temporanja bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, filwaqt li l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi, b’mod partikolari, li d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru huwa kkonstatat bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”. |
|
20 |
Dan ir-rikorrent huwa s-sieħeb ta’ ċittadina Spanjola, fejn l-unjoni tagħhom hija rreġistrata fir-reġistru ta’ unjonijiet stabbli ta’ Cataluña, b’mod li l-imsemmi rikorrent għandu jitqies bħala li huwa “membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-punt 2(b) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. |
|
21 |
Barra minn hekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li ċ-ċittadina Spanjola li tagħha huwa s-sieħeb eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha fi ħdan l-Unjoni, b’tali mod li r-rikorrent fil-kawża prinċipali la jista’, bħala prinċipju, jislet dritt ta’ residenza dderivat mid-Direttiva 2004/38 u lanqas mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea), (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 29). |
|
22 |
Madankollu, konformement mal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, preliminarjament, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita f’dan l-artikolu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, Lineas – Concessões de Transportes et, C‑207/22, C‑267/22 u C‑290/22, EU:C:2023:810, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda li fihom id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru applikabbli permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet ikkonformat ruħha, għas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan tal-aħħar (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, Lineas– Concessões de Transportes et, C‑207/22, C‑267/22 u C‑290/22, EU:C:2023:810, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni sabiex, biex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet adottati tad-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G. S. u V G. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-Artikolu 15(5)(d) tad-Digriet Irjali 240/2007, li jillimita l-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, kunċett diġà stabbilit fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, huwa interpretat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tosserva, dan id-digriet irjali, li huwa intiż sabiex jittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku Spanjol, japplika mhux biss għall-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll, skont ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), għall-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Spanjol li qatt ma kien eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea), (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 30). |
|
26 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, kemm l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni kif ukoll ir-rifjut tal-awtorità kompetenti kienu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 240/2007. |
|
27 |
Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ residenza fl-Unjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom ma huwiex inkundizzjonat, iżda jista’ jiġi suġġett għal limitazzjonijiet u għal kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, E, C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dan ir-rigward, il-limitazzjonijiet għal dan id-dritt jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, dispożizzjoni li tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, madankollu dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jiġu invokati għal għanijiet purament ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, E, C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, b’mod partikolari bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, dawn ir-rekwiżiti għandhom, madankollu, jinftiehmu strettament, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi stabbilita unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H.F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, il-miżuri ta’ ordni pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat. |
|
31 |
Minbarra dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali miżuri għall-kundizzjoni li l-aġir tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjenetment gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà. |
|
32 |
Minn dan isegwi li l-miżuri ġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jistgħu jittieħdu biss, skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, jekk, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, wara evalwazzjoni każ b’każ min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jirriżulta li l-aġir individwali ta’ din il-persuna attwalment jirrappreżenta perikolu reali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, reati jew aġir li bihom huwa akkużat l-individwu kkonċernat u li ma tawx lok għal kundanna kriminali, bħall-arrest li għalih kien suġġett ir-rikorrent fil-kawża prinċipali inkwantu awtur preżunt ta’ reati, jistgħu jikkostitwixxu elementi rilevanti, sa fejn dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni għal evalwazzjoni każ b’każ li tissodisfa r-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H.F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 53). |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva, l-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma tistax waħedha timmotiva tali miżuri. L-istess japplika a fortiori għal elementi bħall-arrest inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk arrest jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti, l-eżistenza biss ta’ dan l-arrest ma tistax, għalhekk, awtomatikament tiġġustifika l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. |
|
35 |
Fil-fatt, fl-assenza ta’ kundanna definittiva, jew anki ta’ proċeduri kriminali, l-imsemmi arrest jirrifletti biss l-eżistenza ta’ suspetti fil-konfront tal-persuna kkonċernata, b’tali mod li eżami li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tiegħu huwa iktar u iktar neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punti 54 u 55). |
|
36 |
Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkonstatat li l-aġir ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ arrest jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà ħlief fil-preżenza ta’ elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi li jippermettu li tiġi ssostanzjata l-affidabbiltà tas-suspetti fil-konfront ta’ din il-persuna minħabba dan l-arrest. |
|
37 |
Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-aġir personali tal-individwu kkonċernat sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-aġir jikkostitwixxix tali theddida, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li fuqhom l-imsemmi arrest huwa bbażat u, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar-reati jew tal-aġir li huwa akkużat bihom dan l-individwu, il-livell tal-involviment individwali tiegħu fihom kif ukoll l-eżistenza eventwali ta’ raġunijiet ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali tiegħu. Din l-evalwazzjoni globali għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll iż-żmien li jkun għadda mit-twettiq preżunt ta’ dawn ir-reati jew ta’ dan l-aġir u tal-aġir sussegwenti tal-imsemmi individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H.F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 66). |
|
38 |
Isegwi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni arrest li l-individwu kkonċernat minnu kien is-suġġett, bil-kundizzjoni li hija twettaq l-evalwazzjoni globali tagħha stess tal-aġir personali tiegħu, konformement mal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Din l-awtorità għandha, f’dan ir-rigward, minn naħa u tal-inqas, tieħu inkunsiderazzjoni, espressament u b’mod iddettaljat, il-fatti li fuqhom dan l-arrest huwa bbażat u, min-naħa l-oħra, tiegħu inkunsiderazzjoni eventwali proċeduri ġudizzjarji li kienu twettqu jew l-assenza ta’ tali proċeduri, kif ukoll, jekk ikun il-każ, is-segwitu tagħhom. |
|
39 |
Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27(1) tagħha għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-persuna kkonċernata f’kundizzjonijiet li jippermettulha tifhem il-kontenut u l-effetti tagħha, filwaqt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 30 jippreċiża li r-raġunijiet preċiżi u kompleti ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni li tikkonċerna lill-persuna kkonċernata għandhom jinġiebu għall-għarfien tagħha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ sigurtà tal-Istat li jipprekludu dan, fatt li, fid-dawl tal-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, ma jidhirx li huwa rilevanti fil-kawża prinċipali. |
|
40 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 27(2) tal-imsemmija direttiva u mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura restrittiva tad-dritt għall-moviment liberu u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din il-miżura tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jippreżupponi li jiġi ddeterminat jekk din il-miżura hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq. Tali evalwazzjoni timplika li jiġu bbilanċjati, minn naħa, it-theddida li l-aġir personali tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta għall-interessi fundamentali tas-soċjetà ospitanti flimkien, min-naħa l-oħra, mal-protezzjoni tad-drittijiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jisiltu mill-istess direttiva. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura r-rispett tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punti 61 sa 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi għandha tkun li l-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li awtorità nazzjonali kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni arrest li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett tiegħu sabiex jiġi evalwat jekk l-aġir ta’ din il-persuna jikkostitwixxix theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, bil-kundizzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali ta’ dan l-aġir, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, espressament u b’mod iddettaljat, il-fatti li fuqhom dan l-arrest jibbaża kif ukoll l-eventwali konsegwenzi ġudizzjarji tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix li awtorità nazzjonali kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni arrest li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett tiegħu sabiex jiġi evalwat jekk l-aġir ta’ din il-persuna jikkostitwixxix theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà, bil-kundizzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali ta’ dan l-aġir, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, espressament u b’mod iddettaljat, il-fatti li fuqhom dan l-arrest jibbaża kif ukoll l-eventwali konsegwenzi ġudizzjarji tiegħu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.